52006DC0502


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew u l-Kumitat għar-Reġjuni - Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE

/* KUMM/2006/0502 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.9.2006

KUMM(2006) 502 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT GĦAR-REĠJUNI

Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT GĦAR-REĠJUNI

Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa g ħall-UE

1. IL-ġEJJIENI TAGħNA JIDDEPENDI MILL-INNOVAZZJONI

F’perjodu ta’ żmien notevolment qasir, il-globalizzazzjoni ekonomika biddlet l-ordni ekonomiku dinji, u ġabet magħha opportunitajiet u sfidi ġodda. F’dan l-ordni ekonomiku ġdid, l-Ewropa ma tistax tikkompeti sakemm ma ssirx aktar inventiva, ma tissodisfax aħjar il-ħtiġiet u l-preferenzi tal-konsumatur u ma tintroduċix aktar tiġdid.

Iċ-ċittadini Ewropej jinsabu mħassba dwar kwistjonijiet importanti li l-firxa tagħhom twassal mit-tibdil fil-klima u t-tnaqqis fir-riżorsi li ma jiġġeddux, sal-bidla demografika u l-ħtiġiet ta’ sigurtà ġodda li qed jitfaċċaw, li jirrikjedu azzjoni kollettiva għall-ħarsien ta’ l-istil ta’ ħajja fl-Ewropa li jgħaqqad flimkien il-prosperità ekonomika u s-solidarjetà. Dan it-tħassib leġittimu jrid jiddawwar f’opportunità biex tiżdied il- kompetittività ekonomika globali ta' l-Ewropa. Aktar ma jkun hemm reazzjoni immedjata, akbar huwa ċ-ċans ta’ suċċess u akbar il-prospett li l-metodu Ewropew iservi bħala mudell globali. Ibda mill-ħarsien ta’ l-ambjent permezz ta’ eko-innovazzjoni u spiċċa bit-titjib tal-benesseri tal-persuna permezz ta’ provvediment infrastrutturali aktar intelliġenti, il-Kummissjoni hija konvinta li t-tiġdid f’sens wiesa’ huwa wieħed mit-tweġibiet prinċipali għat-tħassib materjali taċ-ċittadini dwar il-ġejjieni tagħhom.

L-Unjoni Ewropea għandha potenzjal straordinarju għall-innovazzjoni. L-Ewropa għandha tradizzjoni twila ta’ avvanzi deċiżivi permezz ta' l-iskoperti. Għandha minjiera ta' nies kreattivi u tista' tibni fuq id-diversità kulturali tagħha. Bniet il-bażi għal wieħed mill-akbar swieq uniċi fid-dinja, li fih prodotti u servizzi innovattivi jistgħu jkunu kummerċjalizzati fuq skala kbira. Għandha wkoll tradizzjoni ta’ settur pubbliku qawwi u responsabbli, li għandu jiġi kapitalizzat.

Diġà ttieħdu ħafna miżuri b’saħħithom biex l-ekonomija ta’ l-UE tiġi modernizzata. L- Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi [1] mnedija fl-2005 tiffissa firxa komprensiva ta’ elementi politiċi u riformi mfassla biex il-qafas regolatorju u ekonomiku ta’ l-Ewropa jagħmluh aktar miftuħ għall-innovazzjoni. Dan jinkludi l-għan kruċjali li titkabbar l-ispiża fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sa 3% tal-PGD. Il-ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju l-ġdid, inkluża l-politika ta’ koeżjoni, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, jipprovdu pakketti finanzjarji sinifikanti mmirati lejn it-tiġdid. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aktar Riċerka u Tiġdid”[2] ta’ Ottubru 2005 stipulat programm ta’ 19-il qasam ta’ azzjoni kemm għall-Komunità kif ukoll għall-Istati Membri, li qed jiġu eżegwiti skond kif ġie ppjanat.

L-Istati Membri qed iwettqu azzjoni ta’ innovazzjoni fil-qafas tal- Programmi Nazzjonali ta’ Riforma , ibbażati fuq il-Linji ta’ Gwida Integrati ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. It-Tabella Ewropea tax-Xejriet dwar l-Innovazzjoni[3] pprovdiet stampa ċara tal-prestazzjoni tagħna fir-rigward ta’ l-innovazzjoni u tas-sistemi nazzjonali għat-tiġdid ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u ta’ fejn hu b'saħħtu u fejn hu dgħajjef f'dawn is-sistemi. It-Tabella tippermetti sorveljanza mill-qrib tal-progress miksub.

Minkejja l-politika ffukata fuq l-innovazzjoni li diġà hija b’saħħitha, id-defiċjenzi ta’ l-UE għadhom ma ġewx affrontati b’biżżejjed saħħa, u l-ekonomija tagħha għadha ma nbidlitx f’ekonomija innovattiva f’sens komprensiv kif tinħtieġ li ssir. Ir-rapport “Noħolqu Ewropa Innovattiva[4]” (ir-Rapport Aho) jidentifika r-raġunijiet ewlenin li jfissru għaliex sa issa dan il-potenzjal għadu ma ġiex sfruttat kompletament u jitlob li tittieħed azzjoni urġenti “qabel ma jkun tard wisq”. Ir-rapport jidentifika bħala interess prinċipali l- ħtieġa tal-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali aktar miftuħ għall-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni hija konvinta li hemm bżonn aktar minn hekk – l-Ewropa għandha ssir soċjetà verament ibbażata fuq l-għarfien u miftuħa għall-innovazzjoni fejn l-innovazzjoni ma tbeżżax lill-pubbliku imma tintlaqa’ b’dirgħajn miftuħin, ma tiġix imfixkla imma mħeġġa, u fejn l-innovazzjoni tkun parti mill-valuri tal-qalba li jappartjenu lis-soċjetà u tinftiehem bħala forza li taħdem għall-ġid taċ-ċittadini kollha. Huwa għalhekk li Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta “ strateġija ta’ innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Ewropa li l-investimenti fl-għarfien tittraduċihom fi prodotti u servizzi”.

Din il-komunikazzjoni ta’ qafas tippreżenta din l-istrateġija, b’mod partikolari billi tirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet li jagħmel ir-rapport Aho. Tippreżenta qafas biex timbotta l-innovazzjoni ’l quddiem billi ġġib flimkien oqsma politiċi differenti li huma relatati ma’ l-innovazzjoni. Hija maħsuba biex tinkwadra diskussjonijiet politiċi dwar l-innovazzjoni fuq il-livelli nazzjonali u Ewropew. Hija tiddeskrivi l-inizjattivi l-aktar importanti - dawk ippjanati u dawk għaddejja, tidentifika oqsma ġodda għall-azzjoni u b’mod partikolari tintroduċi strateġija aktar iffukata biex jiġu ffaċilitati l-ħolqien u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi innovattivi ġodda f’oqsma promettenti – is-“swieq ewlenin”. Għall-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda wiesgħa, il-komunikazzjoni mhux qed tipproponi l-ħolqien ta’ strutturi ġodda, imma minflok hija tibni fuq il-qafas legali u istituzzjonali eżistenti tas-Sħubija imġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi, li diġà stabbilixxa pjattaforma politika għal sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Illum l-Ewropa m’għandhiex bżonn impenji ġodda; tinħtieġ tmexxija politika u azzjoni deċiżiva. Minflok jippreservaw l-istrutturi stabbiliti, li nkixfu li mhumiex fi grad li jlaħħqu ma’ l-isfidi tas-seklu 21, l-Istati Membri jridu jkunu mħejjija li jinvestu fl-antiċipazzjoni u l-assoċjazzjoni ta’ bidla strutturali. Dan jitlob partikolarment li r-riżorsi jiġu riallokati għall-edukazzjoni, l-ICT, ir-riċerka u l-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir ekonomiku ta’ valuri għolja. Il-Qafas Finanzjarju ta’ l-UE għall-perjodu 2007-2013 huwa l-ewwel pass f’din id-direzzjoni. L-istess bidla fil-prijoritajiet teħtieġ li sseħħ fuq livelli nazzjonali.

L-UE tista’ ssir innovattiva b’mod komprensiv biss jekk l-atturi kollha jkunu involuti u b’mod partikolari jekk fis-suq ikun hemm domanda għal prodotti innovattivi. Jeħtieġ li din l-istrateġija wiesgħa tinvolvi l-partijiet kollha – is-settur kummerċjali, is-settur pubbliku u l-konsumaturi. Dan għaliex il-proċess ta’ l-innovazzjoni ma jinvolvix biss lis-settur kummerċjali, imma wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trejdjunjins u l-konsumaturi. Sħubija wiesgħa bħal din għall-innovazzjoni toħloq ċirku virtuż li fih il-forniment ta’ ideat ġodda u d-domanda għal soluzzjonijet ġodda kemm jimbuttaw kif ukoll jiġbdu l-innovazzjoni. L-innovazzjoni tiddependi fuq domanda qawwija mill-konsumaturi u ċ-ċittadini għal prodotti u servizzi ġodda u innovattivi. Għalhekk, minbarra l-ħolqien ta’ l-aħjar qafas u possibbiltajiet għall-innovazzjoni, irid ikun hemm suq miftuħ għall-innovazzjoni u domanda għall-produzzjoni. Dan, b’mod speċjali, jitlob il-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumaturi f’dawn il-prodotti u servizzi mhux l-anqas fis-sikurezza (dimostrabbli) tagħhom. Il-kunfidenza tal-konsumaturi fi prodotti u servizzi mhux magħrufa tiddependi parzjalment mill-għarfien dwar l-eżistenza ta’ sistemi b’saħħithom ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Is-swieq fejn il-kunfidenza tal-konsumatur tkun għolja huma wkoll aktar faċli għal konkorrenti ġodda biex jidħlu fihom bi prodotti innovattivi.

Il-forom kollha ta’ innovazzjoni jeħtieġ li jkunu promossi , għaliex l-innovazzjoni tiġi f’ħafna suriet differenti u mhux biss bħala tiġdid teknoloġiku. Dawn is-suriet jinkludu tiġdid organizzattiv u tiġdid fis-servizzi. F’dan il-kuntest, filwaqt li ż-żieda fil-kompetizzjoni tikkostitwixxi l-istrument l-aktar effiċjenti biex tkun stimulata l-innovazzjoni, il-miżuri politiċi u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti xi jwettqu.

Mill-isfida ta’ l-għan ta’ l-UE tat-3% għar-Riċerka u l-Iżvilupp wieħed jista’ jifhem l-importanza ta’ strateġija aktar komprensiva minn qabel . Diġà ttieħdu passi sinifikanti mill-Istati Membri u l-Komunità lejn il-mira għal finanzjament pubbliku ta’ 1% tal-PGD sa l-2010. Il-kontribuzzjoni tas-settur privat ma tiddependix biss minn dan, imma wkoll minn garanzija ta’ prospetti favorevoli ta’ qligħ mill-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Ewropa. Dan, imbagħad, jiddependi fuq id-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi, id-disponibilità ta’ persuni bil-kapaċitajiet u l-ambizzjoni meħtieġa biex ifornu lis-suq b’dawn il-prodotti u servizzi, u qafas regolatorju li bis-saħħa tiegħu dawn jistgħu jsibu posthom malajr fis-suq intern.

2. NAGħMLU LILL-UE AKTAR MIFTUħA GħALL-INNOVAZZJONI

Waħda mir-raġunijiet għaliex il-potenzjal għall-innovazzjoni fl-UE sa issa għadu ma ġiex sfruttat kompletament tinsab fid-dgħufijiet persistenti tal-kondizzjonijiet ta’ qafas u s-sottovalutar persistenti ta’ l-innovazzjoni bħala valur li mhux importanti fis-soċjetà. Dan huwa qasam li fih l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha jistgħu u għandhom jieħdu azzjoni malajr kemm jista’ jkun. Jekk negħlbu dawn l-ostakli nkunu nistgħu nieħdu pass deċiżiv lejn il-ħolqien ta’ spazju Ewropew reali għall-innovazzjoni.

2.1. Pre-kondizzjoni hija l-edukazzjoni

L-ewwel u qabel kollox, mingħajr edukazzjoni bħala politika ewlenija, l-innovazzjoni tibqa’ mingħajr irfid. It-talent u l-kreattività jridu jiġu promossi minn stadju bikri. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Novembru 2005[5], il-Kummissjoni diġà kienet identifikat il-kompetenzi ewlenin meħtieġa għall-għejxien u x-xogħol f’soċjetà moderna orjentata lejn l-innovazzjoni. Dawn jinkludu kapaċitajiet intraprendenti f’sens usa’, kif ukoll kompetenzi fil-qari u l-kitba, fix-xjenza u l-matematika u kompetenzi fil-lingwi, fil-kapaċitajiet tat-tagħlim dwar kif titgħallem, kif ukoll kompetenzi soċjali u kulturali. Dawn il-kompetenzi jinkludu wkoll kompetenzi fil-qari u l-kitba diġitali, li huma sine qua non għal adozzjoni f’sens wiesa’ ta’ l-ICT u l-potenzjal ta’ l-innovazzjoni tiegħu. Permezz tal-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tgħin biex jiġu faċilitati l-modernizzazzjoni u r-ristrutturar tas-sistemi edukattivi sabiex ikunu jistgħu jipprovdu dawn il-kompetenzi prinċipali.

In-nuqqas ta’ kapaċitajiet xierqa, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza, l-inġinerija u l-ICT, ġie identifikat bħala wieħed mill-ikbar sfidi. Skond data ta’ l-Eurostat dwar ir-Riżorsi Umani fis-Setturi tax-Xjenza u l-Inġinerija, riċentement l-UE kisbet żieda fl-għadd assolut ta’ gradwati fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija[6], imma l-kwota globali tal-gradwati fix-xjenza u l-inġinerija qed tkompli tonqos u dan qed jiggrava r-riskju ta’ tqassim ta’ l-etajiet sfavorevoli f’dawn id-dixxiplini f’xi pajjizi u qed joħloq riskju ta’ mminar tal-kapaċità ġejjiena ta’ l-Ewropa biex tiġġedded. Din mhix biss il-problema tal-maġġoranza ta’ l-Istati Membri l-ġodda, imma wkoll ta’ Stati Membri qodma bħalma huma l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Portugall (għalkemm kien hemm xi titjib fl-għadd assolut ta' gradwati fix-xjenza u l-inġinerija matul dawn l-aħħar snin).

Is-sistemi edukattivi ta’ l-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibilità suffiċjenti għall-kapaċitajiet ewlenin li jappoġġjaw l-innovazzjoni. L-edukazzjoni għandha timxi maż-żminijiet. Skond qbil li diġà ntlaħaq fil-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi, l-Istati Membri huma mistiedna jagħtu prijorità lill-istipular ta’ miri ambizzjużi fil-Programmi Nazzjonali għar-Riforma tagħhom li jkunu jindirizzaw id-dgħufijiet li jeżistu f’dawn l-oqsma.

Trid tikber il-mobilità tar-riċerkaturi, kemm f’sens ġeografiku kif ukoll bejn is-setturi. Mill-perspettiva tal-ksib ta’ għarfien u kapaċitajiet ġodda u tas-sejbien ta’ applikazzjonijiet ġodda, kemm il-mobilità trans-nazzjonali kif ukoll il-mobilità strutturali bejn is-settur akkademiku u dak industrijali huma essenzjali. F’dan il-kuntest, l-eżekuzzjoni ta’ strateġija Ewropea żviluppata kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Istati Membri biex jinħoloq suq tax-xogħol miftuħ, uniku u kompetittiv għar-riċerkaturi, bi prospetti attraenti għall-karriera, hija għalhekk ta’ l-akbar importanza. Iż-żewġ partijiet iridu jagħmlu l-parti tagħhom f’din l-eżekuzzjoni, mhux l-anqas biex ikun żgurat li r-riċerkaturi li jitilqu minn settur jew pajjiż biex għal karrierali temporanjament hija aktar attraenti ma jintilfux għal dejjem.

2.2. L-użu tal-potenzjal tas-Suq Intern

Tippersisti l-preżenza tal-barrieri fis-Suq Intern. Dawn ikomplu jxekklu l-mobilità billi jċaħħdu lill-impriżi mill-iskala meħtieġa għall–kapitalizzazzjoni fuq l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni u b’hekk ixekklu l-potenzjal ta’ l-innovazzjoni ta’ l-UE. Dawn il-barrieri jeffettwaw mhux biss lill-oġġetti u s-servizzi, u l-konsumaturi li jfittxu aċċess għalihom, imma wkoll lill-mobilità tal-ħaddiema u d-disponibilità ta’ kapital tar-riskju. Biex jinħoloq spazju Ewropew għall-innovazzjoni jeħtieġ li dawn il-barrieri jitkissru. Dan jgħolli wkoll il-livell ta’ kompetizzjoni – l-istimulu ewlieni għall-innovazzjoni.

Preżentement il-Kummissjoni qed twettaq reviżjoni tas-Suq Intern bil-ħsieb li tiffissa prijoritajiet konkreti għall-politika ġejjiena. Din ir-reviżjoni se tikkontribwixxi biex is-Suq Intern isir aktar miftuħ għall-innovazzjoni.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis- settur tas-servizzi . Dan is-settur joffri opportunità importanti għall-innovazzjoni imma mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed[7]. Is-settur privat ma jservix biss ta' qafas għal żewġ terzi tal-PGD u l-impjiegi, imma jeżistu wkoll ħafna possibbiltajiet ta’ sinerġiji ma’ l-innovazzjoni industrijali. Billi ħafna mill-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi hija marbuta primarjament mal-mudell kummerċjali aktar milli ma’ teknoloġiji ġodda li qed jiżviluppaw, kultant hija relattivament aċċessibbli għal reġjuni li teknoloġikament huma anqas żviluppati. Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi se jkun pass importanti lejn il-ħolqien ta' Suq Intern reali għas-servizzi li se jżid stimulu qawwi għat-tiġdid. Sabiex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal għall-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi, trid tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċess għall-finanzjament u lill-ġestjoni ta’ l-innovazzjoni mill-Impriżi żgħar u ta' daqs medju. Fl-ambitu ta’ l-inizjattiva Europe INNOVA , il-Kummissjoni se tiżviluppa metodu aktar proattiv għall-ħolqien u l-appoġġ ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jkunu innovattivi u għadhom ġodda fis-settur tas-servizzi. B’mod partikolari, se tkun qed tagħti appoġġ lil rabtiet aktar effiċjenti bejn l-universitajiet, l-intraprenditorija u l-qasam finanzjarju, bir-riżultat li tinħoloq pjattaforma għal inkubazzjoni pan-Ewropea f’dan is-settur.

Huwa wkoll kruċjali l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw il-profitti għall-kummerċ ta’ l-UE madwar id-dinja fis-swieq kollha fejn l-esportazzjoni u l-investimenti Ewropej bħalissa jinsabu għaddejjin minn prestazzjoni dgħajfa, bħal ma qed jiġri fl-Ażja. Is-swieq miftuħa madwar id-dinja huma għalhekk importanti għat-tħeġġiġ ta’ l-innovazzjoni fl-UE. Barra minn hekk, il-promozzjoni madwar id-dinja tan-normi u l-istandards u l-inizjattivi innovattivi Ewropej jistgħu jkunu ta’ vantaġġ deċiżiv għall-kumpaniji Ewropej fir-rwol tagħhom ta’ pijunieri fl-ispirtu ta’ l-inizjattiva tas-suq ewlieni ippreżentata hawn taħt.

2.3. It-tisħiħ ta’ l-ambjent regolatorju u l-iżgurar ta’ qafas effettiv ta’ l-IPR

L-innovazzjoni titlob ambjent regolatorju li huwa prevedibbli, li jakkomoda u anke jinkoraġġixxi żviluppi ġodda fl-oġġetti u s-servizzi, li jħares il-proprjetà intellettwali u li jipprovdi standards miftuħa u interoperabbli. Diġà sar progress fil-qasam ta’ Regolamentazzjoni Aħjar[8] kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali. It-tnaqqis fl-ispiża amministrattiva tar-regolamentazzjoni ta’ l-impriżi jkun kontribuzzjoni sinifikanti għal attivitajiet innovattivi. Fl-istess ħin, l-ambjent regolatorju għandu wkoll jirrinforza l-kunfidenza tal-konsumatur billi jiżgura li l-miżuri protettivi li jeżistu jiġu applikati b’mod effettiv għall-prodotti innovattivi bl-istess mod kif jiġu applikati għall-prodotti eżistenti.

Jinħtieġ li l-istima ta’ l-impatt tar-regolamentazzjoni fuq l-innovazzjoni tiżdied. Ir-regolamentazzjoni għandha tkun prevedibbli, flessibbli, sempliċi, u effettiva. Regolamenti li jiffukaw fuq l-għan politiku, aktar milli fuq is-soluzzjoni teknika li permezz tagħha jinkiseb dan il-għan, iħallu spazju għal soluzzjonijiet innovattivi. Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi din ix-xorta ta’ leġiżlazzjoni, kif għamlet permezz tal-“Metodu Ġdid” tagħha għar-regolamentazzjoni tal-prodotti. Barra minn hekk, se tkun qed tinkoraġġixxi l-adozzjoni f’waqtha ta’ standards ambizzjużi li jiffukaw fuq il-prestazzjoni aktar milli fuq it-teknoloġija..

Il-Kummissjoni twettaq titjib tal-qafas istituzzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni Ewropea . B’mod partikolari, hija tfittex li tħaffef l-adozzjoni ta’ standards miftuħa u interoperabbli u li tintegra aħjar lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju flimkien mal-konsumaturi fil-proċess ta' l-iffissar ta' l-istandards. Fl-oqsma fejn it-teknoloġija timxi 'l quddiem b’pass mgħaġġel, bħal fil-qasam ta’ l-ICT, l-ispeċifikazzjonijiet għall-kumpaniji privati jistgħu faċilment isiru l-istandards għall-industrija b’mod de-facto . Jekk jiġri dan, huwa importanti li dawn l-istandards are jsirux barriera għall-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, kif intwera fil-qasam tal-komunikazzjoni ċellulari, l-iffissar rapidu ta’ standards miftuħa u interoperabbli huwa l-muftieħ għas-suċċess globali tal-kumpaniji Ewropej. Il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem ma’ l-Organizzazzjonijiet Ewropej ta’ l-Istandards u ma’ l-atturi tas-soċjetà b’mod ġenerali biex jinkiseb dan ir-riżultat. Hija tiżgura li l-leġiżlazzjoni Ewropea tiffaċilita l-użu ta’ dawn l-istandards.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija sine qua non oħra għall-innovazzjoni. Mingħajr protezzjoni xierqa ta’ l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet, ma jkunx hemm motivazzjoni għall-investiment fihom. Barra minn hekk, l-użu tagħhom mill-awturi bħala assi jista’ jkun imxekkel. Il-formulazzjoni ta’ proċeduri għall-privattivi finanzjarjament aċċessibbli li jibbilanċjaw l-ispejjeż mal-kwalità u ċ-ċertezza legali, flimkien ma’ soluzzjoni tat-tilwim f’waqtha, effikaċi fejn jidħlu spejjeż u prevedibbli jridu jkunu prijoritajiet u huma partikolarment meħtieġa fil-każ ta’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-konvinzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ soda dwar il-fatt li l-adozzjoni ta’ privattiva Komunitarja “effettiva fl-ispiża” hija l-pass l-aktar importanti. Sadattant, sabiex titneħħa barriera sinifikanti għall-innovazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni flimkien għandhom jaraw li s-sistema eżistenti tal-privattivi ssir aktar effiċjenti bir-ratifika tal-Protokoll ta’ Londra u permezz tal-progress fil-Ftehim Ewropew dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim fir-rigward tal-Privattivi filwaqt li jiżguraw il-konformità tagħhom mal-liġi Komunitarja.

Wara li l-Kunsill jasal għall-konklużjonijiet tiegħu[9], u wara li ssir il-konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni dwar l-istrateġija futura tal-privattivi, il-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida tal-privattivi qabel tmiem is-sena 2006. Barra dan, hija taħdem fuq strateġija ta’ l-IPR aktar komprensiva biex trawwem iċ-ċirkolazzjoni ta’ ideat innovattivi. Din l-istrateġija trid tkun integrata u n-nefqa għall-eżekuzzjoni tagħha tkun raġonevoli. Hemm bżonn sforzi akbar biex tinħoloq kuxjenza dwar l-aspetti prattiċi tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali qalb il-komunità innovattiva. L-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka għandhom ikunu l-mira ta’ dawn l-isforzi b’mod partikolari.

Huwa meħtieġ li tiġi indirizzata b’mod speċifiku l-adegwatezza tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ l-IPR għas-settur tas-servizzi. Sfida speċifika hija biex tingħata garanzija dwar l-adegwatezza tal-mekkaniżmi eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur għal serizzi diġitali ġodda. Il-Kummissjoni għaddejja b'eżami ġenerali ta’ l- acquis dwar id-drittijiet ta’ l-awtur bil-ħsieb li jkun żgurat li kemm il-qafas legali u l-applikazzjoni tiegħu jkunu jwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda u l-irfinar ta’ l-użu tagħhom li jkun orjentat lejn l-utenti, li jistgħu jiġu offruti bejn il-fruntieri. B'mod partikolari, il-Kummissjoni bi ħsiebha tressaq 'il quddiem inizjattiva dwar “ġbir ta' taxxi fuq id-drittijiet ta’ l-awtur” qabel l-aħħar tas-sena.

Fl-aħħarnett, l-infurzar aħjar ta’ l-IPR fis-swieq barranin huwa kruċjali biex jitħarsu l-kumpaniji Ewropej u l-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha fuq għadd ta’ pajjiżi ta’ prijorità. Se jiġu allokati aktar riżorsi għall-appoġġ tad-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u għall-għoti ta’ l-għajnuna lil pajjiżi terzi għal problemi speċifiċi ta’ l-IPR.

2.4. Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati

Li impriża tkun parti minn grupp ta’ impriżi huwa ta’ saħħa kompetittiva importanti għan-negozju. Il-Gruppi ta’ Impriżi jgħinu biex jingħalaq id-distakk bejn in-negozju, ir-riċerka u r-riżorsi, u b’hekk iwasslu l-għarfien lejn is-suq b’mod aktar mgħaġġel. Il-gruppi ta’ impriżi li jagħmlu suċċess jippromwovu kompetizzjoni intensa filwaqt li jħeġġu l-kooperazzjoni. Huma jżidu l-produttività, jattiraw l-investiment, jippromwovu r-riċerka, isaħħu l-bażi industrijali, u jiżviluppaw prodotti u servizzi speċifiċi u jsiru l-punt fokali għall-kapaċitajiet li jkunu qed jiżviluppaw. Gruppi ta’ impriżi ta’ klassi dinjija jiġbdu lejhom imħuħ brillanti li jsostnu l-innovazzjoni – l-iżjed eżempju magħruf huwa Silicon Valley.

Huwa għalhekk li “l-politika tal-gruppi ta’ impriżi” saret element importanti fil-politika ta’ innovazzjoni ta’ l-Istati Membri kif joħroġ mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, u huwa għalhekk ukoll li l-politika tal-gruppi ta’ impriżi hija appoġġjata mill-istrumenti Komunitarji. Il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-programmi Ewropej għall-politika reġjonali għall-perjodu 2007- 2013 tippromwovi metodu bbażat fuq gruppi ta’ impriżi innovattivi reġjonali, mhux biss f’ċentri urbani żviluppati imma wkoll f’reġjuni ifqar jew rurali. Huwa fuq il-livell tar-reġjun li ħafna impriżi, speċjalment l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, jibda jkollhom interazzjoni bejniethom u ma’ ċentri tat-tagħlim u tat-teknoloġija. Dan jagħmel il-prossimità fattur ewlieni fil-proċess ta’ innovazzjoni u jżid l-effikaċja tal-politika ta’ innovazzjoni jekk din tkun imfassla skond il-ħtiġiet reġjonali u lokali. Il-qafas il-ġdid għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni għall-għajnuna mill-Istat li se jiġi adottat mill-Kummissjoni qabel tmiem din is-sena għandu jgħin lill-Istati Membri jimmiraw aħjar il-baġits ta’ appoġġ eżistenti tagħhom biex jippromwovu, inter alia , il-gruppi ta' impriżi innovattivi.

Fl-istess ħin, biex l-Ewropa tkun tista’ tisfrutta b’mod sħiħ il-potenzjal tal-gruppi ta’ impriża tagħha, dawn iridu jiksbu wkoll massa kritika u orjentazzjoni strateġika permezz ta’ kooperazzjoni Ewropea tranżnazzjonali akbar u aħjar , bejn il-fruntieri nazzjonali. Dan iqajjem l-aspettattiva ta’ ħolqien ta’ gruppi ta’ impriżi Ewropej ta’ klassi dinjija. Bħala appoġġ għal dan il-proċess, il-Kummissjoni tippreċiża b’mod partikolari liema huma l-punti ta’ saħħa tal-gruppi ta’ impriżi nazzjonali u dawk in-naħa l-oħra tal-fruntiera u tistimula kooperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet reġjonali u l-atturi jew l-assoċjazzjonijiet ekonomiċi rilevanti, filwaqt li tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-inizjattivi tal-gruppi. L-ewwel riżultati ta’ din l-inizjattiva jkunu ppreżentati fil-Ħarifa ta’ l-2007 waqt Konferenza Ministerjali, bil-ħsieb li tinkiseb aġenda komuni għall-Ewropa dwar il-gruppi ta’ impriżi.

L-ekonomija bbażata fuq l-għarfien tistrieħ fuq it-trasferiment ta' l-għarfien mingħand min jiġġenerah għal għand dawk li jużawh u jistgħu jibnu fuqu. It-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka u terzi (inklużi organizzazzjonijiet industrijali u tas-soċjetà ċivili) jeħtieġ li jitjieb u l-Istati Membri huma mistiedna li jqisu dan fil-politika tagħhom għall-innovazzjoni. B’hekk tkun ingħatat għajnuna biex jinstabu opportunitajiet ġodda kummerċjali għar-riċerka. L-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, li huma responsabbli għal madwar terz ta’ l-attività relatata mar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Ewropa, għandhom rwol partikolarment importanti f’dan. Kull waħda mill-ħafna forom ta’ trasferiment ta’ l-għarfien – ir-riċerka kuntrattwali, ir-riċerka kollaborattiva u kooperattiva, il-liċenzjar, il-pubblikazzjonijiet, u l-iskambju ta’ riċerkaturi professjonali bejn is-setturi pubbliċi u dawk privati – għandha bżonn tiġi żviluppata aktar u mmaniġġjata aħjar.

Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-titjib tat- trasferiment ta’ l-għarfien bejn il-bażi pubblika għar-riċerka u l-industrija ma’ l-Ewropa kollha. Dan se jipprovdi gwida dwar kif l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindirizzaw il-barrieri ewlenin li jeżistu bħalissa u x’inhu l-aħjar mod kif il-pussess u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-Riċerka u l-Iżvilupp u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali assoċjati magħhom jistgħu jiġu kkombinati mal-missjonijiet fundamentali ta’ l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrazzjonalizza n- netwerks ta’ l-appoġġ kummerċjali u l-informazzjoni tagħha . Dan jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-adozzjoni ta’ ideat ġodda u t-trasformazzjoni tagħhom fi prodotti u servizzi kummerċjabbli, speċjalment mill-impriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju. B’mod speċjali, dan jgħin biex ikun żgurat li ċ-Ċentri għall-Kollegamenti ta’ l-Innovazzjoni u ċ-Ċentri ta’ l-Informazzjoni dwar l-Euro jipprovdu servizzi kummerċjali ta’ l-aqwa kwalità lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

Il- Komunikazzjoni “Inwettqu r-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tas-settur ta’ l-universitajiet ” [10] diġà indikat għadd ta’ passi importanti li jistgħu jagħmluha possibbli għall-Universitajiet Ewropej li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, ukoll billi jikkontribwixxu b’mod aktar u aktar effiċjenti għall-proċess ta’ innovazzjoni. Il-muftieħ għal dan huwa l-għoti ta’ awtonomija suffiċjenti lill-universitajiet biex jiżviluppaw l-istrateġiji proprji tagħhom. Is-sħubijiet strutturati u strateġiċi bejn is-settur kummerċjali u l-universitajiet jeħtieġ li jissaħħu. Dan jirrikjedi ftuħ akbar għal possibbiltajiet ta’ bdil ta’ staff, tagħlim u inkuraġġiment ta’ imprenditorija fl-universitajiet u t-twaqqif ta’ ċentri tax-xjenza madwar l-universitajiet, b’fondi xierqa disponibbli biex isostnu proġetti ta’ riċerka li jinħolqu bħala effett kollaterali. Dan ikun ta’ għajnuna biex jimtela l-vojt kulturali li ħafna drabi jifred ir-riċerka universitarja mill-ħtiġiet tas-settur kummerċjali. L-iżvilupp ta’ rabtiet bejn l-universitajiet u s-soċjetà ċivili lokali jista’ wkoll iwassal għal adozzjoni aħjar ta’ l-innovazzjoni fuq il-livelli lokali u reġjonali.

F’Ottubru ta’ din is-sena, il-Kummissjoni bi ħsiebha tressaq proposta biex twaqqaf Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (l-EIT)[11]. Dan ikun sħubija integrata bejn ix-xjenza, il-kummerċ u l-edukazzjoni, li tinkorpora l-eċċellenza fl-inizjattivi kollha tiegħu. Se jinħoloq biex ikun il-mutur ewlieni u l-mudell ġdid għall-innovazzjoni fl-oqsma interdixxiplinari strateġiċi, fejn hemm il-potenzjal biex jiġu ġġenerati soluzzjonijiet innovattivi u vantaġġi kummerċjali b’impatt kbir fuq il-kompetittività ta’ l-Ewropa. Se jgħaqqad flimkien l-aħjar studenti u riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw ma’ l-aqwa elementi kummerċjali ta’ quddiemnett għall-iżvilupp u l-isfruttar ta’ l-għarfien u r-riċerka, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-intraprendituri jkunu integrati b’mod sħiħ fl-EIT, minn sħubija fuq il-Bord ta' Tmexxija tiegħu sa involvement fl-aspetti kollha tar-riċerka u l-edukazzjoni, mid-definizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ taħriġ, sa parteċipazzjoni attiva fir-riċerka.

2.5. Imbottatura finanzjarja għar-riċerka u l-innovazzjoni

L-innovazzjoni titlob riċerka eċċellenti, ippjanata u eżegwita b’komunikazzjoni reċiproka bejn ir-riċerkaturi u s-settur kummerċjali. L-attivitajiet Ewropej tar-riċerka diġà saru aktar iffukati bis-saħħa tal- Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej li, immexxija mill-industrija, jġibu flimkien lill-partijiet interessati inkluża l-komunità tar-riċerka u d-dinja finanzjarja. Għalkemm mhumiex strument tal-Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija, il-maġġoranza l-kbira ta’ l-aġendi tar-riċerka definita mill-pjattaformi ġiet ikkunsidrata fil-formulazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni għas-Seba’ Programm ta’ Qafas. Hekk ukoll, fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2006, l-Istati Membri kollha ffissaw miri nazzjonali għar-riċerka li, jekk jintlaħqu, il-livell ta’ investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Unjoni Ewropea minn 1.9% tal-PGD jitla’ għal 2.6% sa l-2010. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, imma l-isfida ewlenija issa tinsab fil-ħolqien ta’ ambjent li jwassal għal investiment privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

Is-Seba’ Programm ta’ Qafas se jagħti mbottatura lill-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva fl-Ewropa matul il-perjodu 2007-2013, li se jiġi minn taħlita ta’ skemi eżistenti u oħrajn ġodda. It-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka se jgħolli l-valur tal-kompetizzjoni għall-eċċellenza bil-kanalizzar tal-fondi fuq il-livell ta’ l-UE għall-aqwa riċerka b’mod assolut.

Inizjattivi teknoloġiċi konġunti, skema ġdida ta’ fondi taħt is-Seba’ Programm ta’ Qafas. Din l-iskema toffri qafas ġdid għas-seħħ ta’ aġendi ta’ riċerka u teknoloġija li jkunu partikolarment ambizzjużi u li jitolbu investiment pubbliku u privat qawwi fuq livell Ewropew. Dawn se jkunu inizjattivi li l-iskop u l-iskala tagħhom huma ta’ tip li l-iskemi ta’ fondi eżistenti mhumiex xierqa għall-ksib ta’ l-għanijiet mixtieqa. Bil-ġbir flimkien tal-partijiet interessati biex jaħdmu fuq aġendi li dwarhom ikun hemm qbil komuni u li jkunu misjuqa mis-settur industrijali, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti jħaffu l-pass tal-ħolqien ta’ għarfien ġdid, jintensifikaw l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka u jitraduċuhom f’teknoloġiji strateġiċi u jrawmu l-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa fis-setturi ta’ teknoloġija għolja li jiddeterminaw il-kompetittività industrijali ġejjiena ta’ l-UE. Fil-bidu ġie identifikat il-potenzjal ta’ inizjattivi teknoloġiċi konġunti f’sitt oqsma li joffru potenzjal sinifikanti għall-imbuttar tal-kapaċità innovattiva ta’ l-Ewropa. Oqsma oħra jistgħu jiġu proposti fil-ġejjieni fid-dawl ta’ l-esperjenza.

L-Istati Membri ddeċidew li l-programmi l-ġodda għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 għandhom ifittxu li “jwarrbu” parti kbira mill-pakkett totali ta’ 308 biljun € għall-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni. L-Istati Membri u r-reġjuni kollha ġew mistiedna biex jiffissaw miri ambizzjużi f’dan il-qasam. Dan huwa wkoll konformi mal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi Komunitarji għal Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013, li jistiednu lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jagħmlu dispożizzjonijiet espliċiti għall-isperimentazzjoni u l-investiment fl-innovazzjoni, ibbażati fuq strateġiji ta’ innovazzjoni nazzjonali u reġjonali. Dan jippermetti lill-Istati Membri jsawru sistemi b’saħħithom ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa kollha, inklużi sistemi li jsostnu l-innovazzjoni fuq livell reġjonali. L-azzjonijiet innovattivi jkunu wkoll ko-finanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu żviluppati prodotti ġodda ta’ kwalità għolja u ta’ valur miżjud u biex jiġi promoss l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Jeħtieġ li jseħħu sinerġiji aħjar bejn l-isforzi nazzjonali u dawk Komunitarji għall-appoġġ ta’ l-innovazzjoni, u l-istrumenti Komunitarji disponibbli kollha għandhom jiġu sfruttati biex jitmexxew ’il quddiem l-aġendi nazzjonali tal-politika ta’ innovazzjoni.

Sabiex isostni l-innovazzjoni, il- Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (is-CIP) ilaqqa' fimkien azzjonijiet b’appoġġ għall-innovazzjoni inklużi azzjonijiet fl-oqsma ta’ l-enerġija, l-eko-innovazzjoni u l-ICT f’koordinazzjoni mill-qrib mas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Is-CIP b’mod partikolari jipprevedi żieda ta’ 60% fl-istrumenti finanzjarji b’appoġġ għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni riċenti dwar “L-Iffinanzjar tat-Tkabbir ta’ l-Impriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju” irreferiet għal azzjonijiet ulterjuri biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament, li jista’ jwassal biex sa l-2013 jittripplika l-investiment kapitali ta’ riskju fil-fażijiet bikrija fl-UE.

F’kooperazzjoni mal-BEI, il-Kummissjoni se tniedi Faċilità għall-Finanzjament bil-Qsim tal-Riskju (l-RSFF), li, permezz ta’ self u garanziji, se jappoġġja l-investiment fi proġetti ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, li huma ta’ riskju kbir. Il-Komunità se tikkontribwixxi sa biljun € minn għażla ta’ temi u attivitajiet tas-7 Pragramm ta’ Qafas għall-RSFF b’allokazzjoni pariġġ ta' mhux aktar minn biljun € mill-BEI. Permezz ta’ rinfurzar tal-kapaċità finanzjarja tal-BEI fil-qasam tar-riċerka, il-Komunità se timmobilizza l-isforzi ta’ għadd kbir ta’ banek Ewropej u istituzzjonijiet finanzjarji favur ir-riċerka u l-innovazzjoni biex b’hekk jiżdiedu l-investiment u l-iffinanzjar mis-settur privat f’dan il-qasam.

Bħala pass ieħor biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament biex jiġu żviluppati l-impriżi, inklużi dawk tas-servizzi, il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew għall-Investimenti nedew inizjattiva innovattiva għall-użu tal-fondi strutturali biex ikun ipprovdut aċċess għall-finanzjament minn negozji żgħar. Din l-inizjattiva, hekk imsejħa JEREMIE (ir-“Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro-Sa-Daqs-Medju”- "Joint European Resources for Micro-to-Medium Enterprises" ), tiffunzjona fi ħdan il-qafas tal-programmi għall-politika ta’ koeżjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji mfassla tajjeb favur l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, fejn l-FEI lest li jgħin lill-amministraturi tal-programm fil-ħidma kumplessa ta’ l-iżviluppar tal-forniment ta’ forom differenti ta’ kapital tar-riskju skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet reġjonali. Bħala sors ulterjuri ta’ kapital u kompetenza, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu sħiħ minn din l-inizjattiva.

Riċentement, il-Kummissjoni adottat Linji ta’ Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kapital tar-riskju[12]. Sa qabel l-aħħar tas-sena l-Kummissjoni se tadotta Qafas ġdid għall-Għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Bis-saħħa ta’ dawn it-tnejn flimkien l-Istati Membri se jkunu jistgħu jimmiraw aħjar l-għajnuna mill-Istat lejn id-defiċjenzi fis-suq li jimpedixxu l-forniment tal-kapital tar-riskju u ta’ fondi suffiċjenti għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Fil-qafas għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipprovdi għal kategoriji mwessgħa tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni u qed tikkunsidra l-inklużjoni ta’ għadd ta’ miżuri mmirati bħala appoġġ għall-innovazzjoni, bħalma huma għajnuna għal impriżi ġodda innovattivi ‘żgħażagħ’, servizzi konsultattivi u ta’ sostenn, self ta’ persunal kwalifikat, innovazzjoni tal-proċessi u l-organizzazzjoni, u gruppi ta’ impriżi innovattivi. L-Istati Membri għandhom iwettqu riorjentazzjoni tal-baġits tagħhom ta’ għajnuna mill-Istat lejn dawn il-miżuri b’rispett sħiħ għall-impenn tagħhom għal “anqas għajnuna u għajnuna mmirata aħjar”.

L-inċentivi fiskali wkoll huma strument politiku potenzjalment importanti li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jistimulaw aktar riċerka kummerċjali, innovazzjoni u investiment privat b’rispett sħiħ għal-liġi Komunitarja. Riċentement, ħafna Stati Membri introduċew inċentivi ġodda, jew saħħew dawk eżistenti. L-Istati Membri għandhom jikkonsidraw ukoll il-prattika t-tajba għal titjib fl-effikaċja ta' l-inċentivi fiskali applikabbli b’mod ġenerali favur ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-isfruttar ta' l-użu tagħhom. Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni aktar tard fl-2006 bi gwida dettaljata dwar dawn il-kwistjonijiet li huma rilevanti għat-tfassil u l-valutazzjoni ta’ l-inċentivi fiskali applikabbli b’mod ġenerali għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

2.6. Għoti ta’ eżempju: ir-rwol tal-gvernijiet

Is-settur pubbliku nnifsu jrid juri t-triq billi jadotta metodi innovattivi u jisfrutta teknoloġiji u proċeduri ġodda fl-amministrazzjoni pubblika. B’hekk ikun jista’ jindirizza aħjar il-ħtiġiet taċ-ċittadini u jtejjeb il-kwalità tas-servizz pubbliku u wkoll ikabbar il-produttività.

It-teknoloġiji ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni (l-ICT) fil-parti l-kbira tagħhom mhumiex sfruttati biżżejjed fl-UE b’mod ġenerali, imma b’mod partikolari fis-settur pubbliku. Dan huwa kruċjali għall-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi: adozzjoni u sfruttar aħjar ta’ l-ICT fis-servizzi pubbliċi (pereżempju fis-settur tas-saħħa) mhux biss itejbu l-produttività tas-settur pubbliku imma wkoll jistgħu jiftħu swieq kbar għal prodotti u servizzi innovattivi ta’ l-ICT.

Prattika mtejba ta’ l- appalti pubbliċi tista’ tgħin fit-trawwim ta’ adozzjoni mis-suq ta’ prodotti u servizzi innovattivi, filwaqt li jtejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi fis-swieq fejn is-settur pubbliku huwa xerrej importanti. L-Awtorità Kontraenti tista’ tagħmel dan billi tiżgura li l-ħtiġiet tagħhom jitfissru b’mod wiesa’ u li dawn ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni; dan jagħmilha possibbli għall-appaltaturi li jipproponu soluzzjonijiet aħjar u aktar varjati għall-problemi li jkunu jridu jissolvew. Ix-xerrejja pubbliċi jeħtieġ li jsiru "xerrejja intelliġenti", li jippjanaw x'għandhom jixtru, kif jixtruh u min se jixtrih. Kif suġġerit mir-rapport Aho, għandhom ukoll iqisu l-ispejjeż minfuqa matul il-ħajja sħiħa ta’ prodott jew servizz u mhux sempliċement jiffukaw fuq l-ispejjeż fil-mument tax-xiri. Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu wkoll jingħaqdu flimkien għal skambju ta’ kompetenzi u ideat u biex jilħqu massa kritika ta’ l-ordni. Dan jistimula d-domanda għall-innovazzjoni filwaqt li jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet pubbliċi li jiksbu prodotti u servizzi ta’ kwalità ogħla.

L-hekk imsejħa akkwisti pubbliċi pre-kummerċjali sa issa huma opportunità li għadha ma ġietx sfruttata mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa. Fl-Istati Uniti, pereżempju, dawn għandhom rwol importanti fl-ekonomija mhux biss għall-innovazzjoni relatata mad-difiża, l-ispazju u s-sigurtà imma wkoll f’setturi pubbliċi oħra bħalma huma t-trasport, is-saħħa, l-enerġija u l-ICT. Meta fis-suq ma jkunux jeżistu soluzzjonijiet kummerċjali, l-akkwisti pre-kummerċjali jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jiksbu soluzzjonijiet teknoloġikament innovattivi żviluppati skond il-ħtiġiet tagħhom. Fl-akkwisti pubbliċi pre-kummerċjali x-xerrejja pubbliċi ma jippreskrivux soluzzjoni speċifika għar-Riċerka u l-Iżvilupp biex tiġi adottata, imma jitolbu soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jindirizzaw problema ta’ interess pubbliku.

Pjani għat-tul li huma kkomunikati lis-suq u djalogu tekniku bejn ix-xerrejja u s-suq jistgħu jgħinu fil-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Id-Direttivi dwar l-appalti pubbliċi[13] adottati fl-2004 joffru skop għal offerti orjentati favur l-innovazzjoni. Barra dan, dawn id-Direttivi jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq l-iffaċilitar ta’ l-aċċess u l-parteċipazzjoni ta’ l-impriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju fis-swieq ta’ l-appalti pubbliċi. L-entitajiet pubbliċi m’għandhomx jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll biex jieħdu miżuri konkreti biex jiġu stimulati l-innovazzjoni u r-riċerka permezz ta’ prattiċi mtejba għall-appalti pubbliċi fil-Programmi Nazzjonali għar-Riforma tagħhom skond l-istrateġiji ta’ Liżbona, kif proposti fil-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi.

Manwal dwar il-possibbiltajiet li joffru d-direttivi dwar l-appalti pubbliċi għal offerti orjentati favur l-innovazzjoni qed jitħejja mis-servizzi tal-Kummissjoni u għandu jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena. Dan huwa pass importanti fil-proċess tat-tqajjim tal-kuxjenza dwar il-possibbiltajiet għall-Awtoritajiet Kontraenti biex titrawwem l-innovazzjoni.

3. IFFAċILITAR TAT-TWELID TAS-SWIEQ EWLENIN

Kondizzjonijiet ta’ qafas aktar effiċjenti u kompetittivi huma prerekwiżit għal suċċess fl-adozzjoni ta’ l-innovazzjoni fl-UE imma dawn waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex ipattu għad-defiċit persistenti ta’ innovazzjoni li għandha l-UE mqabbla wiċċ imb’wiċċ ma’ l-akbar kompetituri tagħha. Kif irrimarka tajjeb ir-rapport Aho, l-Ewropa trid tfittex li tiżviluppa swieq miftuħa għall-innovazzjoni b’mod aktar immirat biex toħloq kondizzjonijiet għal faċilitazzjoni tat-traduzzjoni ta’ innovazzjoni teknoloġika u innovazzjoni non-teknoloġika fi prodotti kummerċjali.

Għalhekk qiegħed jiġi propost il-varar ta’ inizjattiva ġdida ta' suq ewlieni bil-għan li jkunu faċilitati l-ħolqien u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u servizzi innovattivi ġodda f'oqsma promettenti. L-idea hi li jiġu identifikati oqsma fejn it-tneħħija tal-barrieri essenzjalment tkun kontribuzzjoni għall-proċess kompetittiv u twassal għat-twelid ta’ swieq ġodda. Dan jinkludi l-aktar azzjoni koordinata li tikkombina miżuri ta’ provvista, bħalma hu l-appoġġ għar-riċerka, li se jiġi pprovdut taħt is-7 Programm ta’ Qafas b’azzjonijiet immirati lejn l-għarfien u l-istimulu ta’ domanda kummerċjali kompetittiva għal prodotti u servizzi innovattivi. Dawk li jfasslu l-politika jistgħu pereżempju jeżaminaw l-ambjent regolatorju, l-iffissar ta’ l-istandards, jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet ipprovduti minn regoli ta’ l-appalti u jtejbu l-ambjent ġenerali fis-suq biex jippromwovu kultura aktar miftuħa għall-innovazzjoni. Inizjattiva bħal din tgħin biex jinħolqu ċrieki virtużi dinamiċi ta’ domanda u innovazzjoni li jiffaċilitaw il-prekursuri mingħajr ma “jintgħażlu rebbieħa” jew jiġu mbuttati teknoloġiji speċifiċi.

F’termini konkreti, għandu jintuża trattament sistematiku u prospettiv li jħares lejn l-istrumenti politiċi kollha disponibbli u l-użu tagħhom b’mod kombinat, sfruttati għal kull wieħed mill-oqsma ta' interessi strateġiċi, sabiex ikun żgurat il-feġġ f'waqtu ta' kondizzjonijiet kummerċjali favorevoli u kompetittivi għall-aħjar użu ta' teknoloġiji ġodda. Dan jitlob approċċ miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Komunità filwaqt li jitqiesu wkoll inizjattivi simili li jkunu ttieħdu fl-Istati Membri.

L-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għandha tkun misjuqa mis-suq, b’rispett sħiħ lejn il-ħtieġa tal-preservazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa u ġusta. Mingħajr ma jkun eskluż ebda qasam minn din l-inizjattiva, jeżisti b’mod ċar interess pubbliku fl-għoti ta’ għajnuna biex jinbtu soluzzjonijiet li jipprovdu tweġibiet għat-tħassib taċ-ċittadini. Dawn ikunu, partikolarment, oqsma li fihom l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom rwol kritiku xi jwettqu biex jiġu eliminati l-barrieri eżistenti għall-adozzjoni mis-suq ta’ prodotti ġodda. Madankollu, dan m’għandux isir bi ħsara għas-sostenn ta' l-innovazzjoni fis-setturi aktar tradizzjonali.

Il-Kummissjoni tinsab konvinta li jekk turi li l-innovazzjoni tista’ tgħin biex jiġi indirizzat dan it-tħassib, approċċ bħal dan jista’ jkun kontribuzzjoni essenzjali għall-ħolqien ta’ soċjetà miftuħa għall-innovazzjoni billi tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-merti tagħha.

F’termini prattiċi, il-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq il-Pjattaformi Teknoloġiċi u l-INNOVA, il-Panils ta’ l-Innovazzjoni ta’ l-Ewropa ( Europe INNOVA innovation panels )[14], li jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jidentifikaw l-ostakli u l-opportunitajiet fejn jidħlu oqsma u setturi teknoloġiċi speċifiċi. B’mod parikolari, l-aġendi strateġiċi ta’ riċerka fit-tul tal-Pjattaformi Teknoloġiċi jikkostitwixxu bażi soda li fuqha tista’ tiġi valutata l-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri.

L- eko-innovazzjoni hija qasam li joffri prospetti promettenti għat-twelid ta' suq ewlieni miftuħ għall-innovazzjoni. Il-ġibda ta' l-eko-innovazzjoni tista' tissaħħaħ permezz tal-politika ambjentali, b'mod speċjali permezz ta’ regolamentazzjoni mfassla tajjeb u l-iżvilupp ta’ strumenti orjentati lejn is-suq. Pereżempju, jista’ jiġi adottat mekkaniżmu li permezz tiegħu "l-aħjar prestazzjoni" kurrenti fis-suq fost għadd stipulat ta' prodotti tista' tistabbilixxi l-istandards ta' referenza għal certu perjodu ta’ żmien biex impriżi oħra jitħeġġu biex jadattaw ruħhom skond dawn l-istandards. L-eko-innovazzjoni tista’ wkoll tkun promossa permezz ta’ trawwim ta’ kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-kooperazzjoni f’oqsma promettenti, bħall-kostruzzjoni, il-ġestjoni ta’ l-ilma, il-bijo-industriji, l-iżolament u l-ħażna jew ir-riċiklaġġ tal-karbonju.

Bħala parti mill-eko-innovazzjoni, l-iffissar ta’ miri biex tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-enerġija jista’ jservina ta’ mudell għal aspetti oħra fil-qasam ta’ l-enerġija: il-pjan ta’ azzjoni għall-ġejjieni qrib dwar dan is-suġġett se jikkontribwixxi b’mod konkret għal dan il-għan. Dan għandu jitqies fil-kuntest wiesa’ tal-Green Paper[15] riċenti fuq l-istrateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura u r-reviżjoni ta’ l-Enerġija Strateġika Ewropea li se ssir fil-ġejjieni qrib.

Eżempju ta’ suq ewlieni potenzjali miftuħ għall-innovazzjoni: bini intelliġenti mtella’ b’ammont ta’ enerġija kważi żero

It-twelid ta’ suq ewlieni għal “bini intelliġenti mtella’ b’ammont ta’ enerġija kważi żero” jista’ jiżgura opportunitajiet kummerċjali ġodda (pereżempju servizzi intelliġenti, unitajiet, komponenti u materjali tal-bini, u riżorsi ġodda għall-forniment ta’ l-enerġija) li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex tittaffa d-dipendenza ta’ l-Ewropa fuq l-enerġiji mis-sorsi fossili u biex titnaqqas l-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra u elementi oħra li jniġġsu.

Il-kunċett ta’ “bini intelliġenti mtella’ b’ammont ta’ enerġija kważi żero” joffri l-prospettiva ta’ suq Ewropew kompletament ġdid li għandu intensità teknoloġika għolja ħafna b'potenzjal ovvju għal esportazzjoni mad-dinja kollha. Il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea tal-Kostruzzjoni diġà ġabret flimkien, b'azzjoni mmexxija mill-industrija, firxa wiesgħa ta' partijiet interessati (pereżempju klijenti/utenti, organizzazzjonijiet, kumpaniji li jfornu l-enerġija, awtoritajiet lokali/reġjonali, produtturi tal-materjali, manifatturi tat-tagħmir, arkitetti, inġiniera, u teknoloġisti ewlenin) biex tiġi żviluppata Aġenda Strateġika għar-Riċerka. Qiegħda wkoll tħares lejn miżuri marbuta mad-domanda li jistgħu jistimulaw domanda għal teknoloġiji u servizzi innovattivi, bħalma huma inizjattivi biex tiġi promossa l-effiċjenza ta’ l-enerġija fis-settur pubbliku, strutturi mtejba għall-appalti pubbliċi u bidliet fit-trattament tad-Drittijiet għall-Proprjetà Intelletwali[16].

Hija meħtieġa aġenda politika Ewropea biex jitneħħew l-ostakli li fadal u jiġu żgurati t-tixrid u l-użu ta’ metodi u kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni, u biex ikunu integrati b’mod konsistenti r-regolamentazzjoni u l-inizjattivi kurrenti, pereżempju, id-direttivi ta' l-UE dwar il-prestazzjoni fl-oqsma tal-kostruzzjoni u l-enerġija, il-pjani ta’ azzjoni ta’ l-UE, ir-regolamentazzjonijiet nazzjonali, il-ktieb l-aħdar dwar l-enerġija u l-impenji ta’ Kyoto dwar l-emissjonijiet.

Eżempji oħra ta’ oqsma bħal dawn jinkludu s-sigurtà u d-difiża interna , qasam li sar kwistjoni ta’ tħassib globali. Jista’ jkun previst approċċ innovattiv f’setturi bħat-trasport pubbliku, l-organizzazzjoni ta’ l-ispazju pubbliku u l-protezzjoni tal-fruntieri. L-ispazju joffri skop kbir għal innovazzjoni ta’ teknoloġija għolja fuq medda ta’ żmien (b’mod partikolari, l-investituri pubbliċi fl-applikazzjoni tagħhom ta’ Galileo[17] u l-GMES - is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà ( Global Monitoring for Environment and Security ), il-programmi spazjali tal-Kummissjoni ta’ quddiemnett. Dawn jeħtieġ li jaqsmu l-għarfien tagħhom tas-sistema u l-iskop tagħha għall-kummerċ ma’ utenti potenzjali li jużaw il-prodott liċenzjat wara ħaddieħor ( downstream users ) fis-setturi spazjali u dawk li mhumiex, biex jagħmluhom aktar konxji ta’ soluzzjonijiet potenzjali b’bażi spazjali). It-trasport , fejn id-domanda għall-effiċjenza ta’ l-enerġija tipprovdi opportunitajiet kbar. It-teknoloġiji marittimi u prodotti li jippermettu użu aħjar tal-baħar bħalma huma t-tħaffir fl-ibħra fondi, l-isfruttar bijoteknoloġiku ta’ l-oċeani, marikultura f’baħar miftuħ u enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji tal-monitoraġġ u s-sorveljanza ta’ l-ispazji oċeaniċi joffru ambitu promettenti. Is-saħħa li għandha potenzjal enormi għat-tkabbir bi prodotti u servizzi innovattivi (inklużi, b’mod partikolari, l- e-Health , u l-provvediment ta’ soluzzjonijiet personalizzati biex l-anzjani jitħallew ikomplu jgħixu ħajja indipendenti, il-farmaċewtiċi u l-istrumenti mediċi fejn l-innovazzjoni tista’ twassal għal benefiċċji diretti lill-pazjenti u ttejjeb il-kompetittività), jew il-benessri u l-kultura (pereżempju servizzi ta’ kontenut kreattivi li jieħdu dimenzjoni ġdida bl-iżvilupp ta’ netwerks broadband li jħallu liċ-ċittadini jkollhom aċċess għal kull xorta ta’ kontenut kreattiv bħalma huwa t-tagħrif awdjoviżiv, kulturali u logħob fid-dar u barra waqt li jkunu mobbli minn post għall-ieħor) huma eżempji ta’ swieq fejn is-settur pubbliku għandu rwol x’jaqdi.

Il-Kummissjoni se tmexxi analiżi dettaljata bbażata fuq tagħrif minn diversi sorsi, inkluża konsultazzjoni pubblika, biex jiġu identifikati oqsma fejn possibbilment il-kombinazzjoni ta’ miżuri ta’ domanda u provvista jistgħu jgħinu biex jitfaċċaw swieq miftuħa għall-innovazzjoni. Konsultazzjoni informali tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej u l- Europe INNOVA Innovation Panels diġà tnediet b’dan bħala suġġett ta’ interess. Fuq il-bażi ta’ x’joħroġ minn dawn iż-żewġ konsultazzjonijiet u possibbilment minn input utli ieħor (bħal dak min-netwerks reġjonali ta’ l-innovazzjoni taħt ir-Reġjuni għal Bidla Ekonomika li se tidħol fis-seħħ fil-ġejjieni qrib) u minn analiżi tal-miżuri meħtieġa għal għajnuna biex jitfaċċaw swieq ewlenin bħal dawn u ta’ l-impatt tagħhom, il-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva . Filwaqt li tagħmel dan, tidentifika wkoll l-impatt pożittiv mistenni fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Bħala l-ewwel pass, dan il-kunċett jiġi ttestjat fl-2007 billi jiġi applikat f’fażi sperimentali f’għadd limitat ta’ oqsma.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha timplimenta din l-inizjattiva ta’ suq ewlieni miftuħ għall-innovazzjoni fi ħdan il-qafas legali u istituzzjonali eżistenti. Il-pass deċiżiv li se jagħmel id-differenza kollha huwa l-impenn politiku sħiħ ta’ l-atturi rilevanti kollha biex jgħinu fl-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-barrieri potenzjali għall-feġġ ta’ swieq miftuħa għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tkun qed tidderieġi dan il-proċess u trawwem kooperazzjoni mmirata lejn aġenda komuni.

4. TMEXXIJA EWROPEA AħJAR GħALL-INNOVAZZJONI

Għal titjib fil-prestazzjoni innovattiva ta’ l-UE hemm bżonn ta’ impenn fit-tul għal qafas politiku wiesa’. L-ebda azzjoni waħedha jew attur waħdu ma jistgħu jiksbu dan ir-riżultat jew ir-rata ogħla ta’ tkabbir li dan it-titjib jagħmel possibbli. L-isforzi għalenija biss tal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, jikkooperaw fejn meħtieġ, jikkompetu meta jkun xieraq, iwasslu għall-adozzjoni ta’ l-innovazzjoni mis-soċjetà bil-mod li hu meħtieġ.

It-tmexxija politika hija partikolarment meħtieġa għall-ġestjoni tal- bidla strutturali li hija marbuta b’mod inevitabbli ma’ soċjetà msejsa fuq l-għarfien u miftuħa għall-innovazzjoni li din il-komunikazzjoni qed tfittex li tippromwovi. L-impriżi wkoll iridu jagħmlu l-parti tagħhom u juru sens ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva għall-faċilitazzjoni ta’ l-adozzjoni ta’ l-innovazzjoni. Żieda fl-investiment għar-riċerka u l-innovazzjoni hija l-aħjar mezz għat-tkabbir tal-kompetittività tagħhom. Fl-istess ħin, bħala parti minn imġiba responsabbli soċjali, għandhom ikunu konxji tal-fatt li bidla teknoloġika rapida tista’ żżid it-tħassib taċ-ċittadini. Meta ċ-ċittadini jiġu megħjuna jindirizzaw dan it-tħassib tkun qed issir promozzjoni tal-kunfidenza tagħhom fl-innovazzjoni. L-innovazzjoni hemm bżonn li mhux biss tiġi organizzata b’mod li tkun tappoġġja l-aċċettazzjoni tal-bidla imma wkoll li tipprovdi l-opportunitajiet fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, li flimkien iwasslu għal produttività akbar.

Fuq livell politiku, l-innovazzjoni trid tkompli tkun rikonoxxuta u konsistentement appoġġjata mill-Istati Membri bħala prijorità ewlenija fi ħdan is-Sħubija eżistenti għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi . Il-Kunsill Ewropew ta’ l-2005 u l-2006 approva dan l-approċċ uffiċjalment imma hemm bżonn li jsir aktar minn hekk biex l-innovazzjoni tinżamm viżibbli u għolja fuq l-aġenda Ewropea. Il-Kummissjoni tilqa’ bil-ferħ l-intenzjoni tal-Presidenza biex tiddiskuti l-innovazzjoni f’laqgħa informali bejn il-Kapijiet ta’ l-Istat u l-Gvern f’Lahti fl-20 ta’ Ottubru 2006. Bħala riżultat tas-Samit ta’ Lahti, il-Kummissjoni tittama li tara d-dikjarazzjonjijiet li jappoġġjaw l-innovazzjoni tradotti f’azzjoni konkreta mill-Istati Membri.

Biex jiġu eżegwiti l-orjentazzjonijiet politiċi mressqa f’din il-Komunikazzjoni, hija meħtieġa struttura ta’ tmexxija mtejba għall-innovazzjoni . Din għandha tindirizza l-innovazzjoni fuq il-livelli kollha. Il-prijorità trid tkun li jiġu stabbiliti sistemi ta’ innovazzjoni b’saħħithom fl-Istati Membri kollha li jibnu fuq il-muturi kollha ta’ l-innovazzjoni deskritti f’din il-komunikazzjoni, inklużi l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-trasferiment ta’ l-għarfien, l-intraprenditorija u l-finanzjament. Għal dan il-għan, qed jiġi ssuġġerit li l-Istati Membri jużaw il-mekkaniżmi ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali stabbiliti taħt il-proċess ta’ Liżbona biex jissorveljaw l-eżekuzzjoni effettiva ta’ l-istrateġiji innovattivi tagħhom.

L-istruttura tat-tmexxija ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona tipprovdi forum għal diskussjonijiet politiċi u l-iskambju ta’ l-aħjar prattika dwar l-innovazzjoni fuq il- livell ta’ l-UE fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali bbażata fuq it-Trattat. Id-diskussjonijiet tematiċi dwar l-innovazzjoni f’diversi formazzjonijiet tal-Kunsill matul ir-Rebbiegħa ta’ l-2006 jipprovdu opportunità biex ir-Rapport Annwali fuq l-istat tal-Progress tal-Kummissjoni għall-2007 u diskussjonijiet ulterjuri tal-Kunsill li se jsiru fir-Rebbiegħa ta’ l-2007 jkunu infurmati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni, meta tagħmel valutazzjoni tar-rapporti fuq l-istat tal-progress dwar l-eżekuzzjoni tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma – mistennija sal-15 ta’ Ottubru – tivvaluta bir-reqqa r-riformi u l-politika ta’ l-Istati Membri li jindirizzaw is-sistema ta’ l-innovazzjoni u tirraporta dwar dan fir-Rapport Annwali fuq il-Progress. F’dan il-kuntest, il-Kunsill għall-Kompetittività huwa mistieden biex fuq bażi regolari jistima l-impatt tal-politika ta’ innovazzjoni nazzjonali fuq il-kompetittività.

Iċ-ċiklu ta’ tmexxija ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona jipprevedi l-adozzjoni ta’ Linji ta’ Gwida Integrati biex jiggwidaw il-proċess matul perjodu ta’ tliet snin. Ir-reviżjoni li jmiss tal-Linji ta’ Gwida Integrati fl-2008 għal ċiklu ġdid ta’ tliet snin tkun opportunità biex issir riflessjoni fuq l-esperjenzi miksuba bis-saħħa tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma fiċ-ċiklu ta’ tmexxija 2005-2008 kif ukoll l-orjentazzjonijiet politiċi l-ġodda mressqa f’din il-komunikazzjoni. L-istimi ta’ l-impatt tal-leġiżlazzjoni Komunitarja diġà jitolbu b’mod espliċitu l-konsiderazzjoni ta’ l-effett tar-regolamentazzjoni fuq l-innovazzjoni: dawn id-dispożizzjonijiet ikunu valutati bil-ħsieb li jissaħħu fil-kuntest tar-reviżjoni ġenerali tal-Linji ta’ Gwida għall-Istima ta’ l-Impatt tal-Kummissjoni.

Il-kompetenza ewlenija biex titrawwem l-innovazzjoni ġeneralment tinstab fuq livell reġjonali. Għalhekk ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fit-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma, ukoll billi jiżviluppaw l-istrateġiji reġjonali tagħhom għall-innovazzjoni. Għandhom isiru sforzi ulterjuri biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim politiku u t-tixrid tal-prattika t-tajba bejn il-fruntieri. F’dan ir-rigward, il- Pro INNO Europe joffri pjattaforma li ġġib flimkien lil dawk li jfasslu l-politika fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni trans-nazzjonali fl-oqsma ta’ interess komuni. Il-gruppi ta’ impriżi industrijali huma eżempju mill-aqwa ta’ dan. Bħala inizjattiva kumplimentari, il-Kummissjoni se tressaq proposti lill-Istati Membri għall-inizjattiva Reġjuni għal Bidla Ekonomika taħt il-programmi l-ġodda ta’ politika ta’ koeżjoni. Din l-inizjattiva ġġib lir-reġjuni flimkien f’netwerks biex tiġi żviluppata l-aħjar prattika f’oqsma ewlenin bħalma huma r-riċerka u l-innovazzjoni u biex jitħeġġeġ it-trasferiment ta’ ideat ġodda għal proġetti li għandhom ikunu appoġġjati taħt il-programmi.

Fl-aħħarnett, il-partijiet interessati privati huma element vitali f’sistema effiċjenti ta’ innovazzjoni u għalhekk iridu jkunu involuti bis-sħiħ fl-iffissar tal-prijoritajiet politiċi. L-Istati Membri huma mistiedna jrawmu, fejn huwa xieraq, sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat biex jinvolvu aktar lis-settur privat fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-finanzjament.

5. KALENDARJU TAR-ROTTA GħAL EWROPA AKTAR INNOVATTIVA

In-nuqqasijiet fis-sistema ta’ l-innovazzjoni fl-UE fil-qosor jistgħu jitqiesu bħala defiċjenzi fir-riżorsi u l-kapaċitajiet innovattivi, fl-inċentivi għall-innovazzjoni u fl-interazzjoni bejn l-atturi ta’ l-innovazzjoni.

Fis-snin riċenti, saru sforzi fuq livelli nazzjonali u Komunitarji biex dawn in-nuqqasijiet jissewwew. Il-Pjan ta’ Azzjoni tat-3%[18] u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aktar Riċerka u Innovazzjoni" ta' Ottubru 2005 kienu stadji ewlenin importanti f'dan ir-rigward.

Din il-Komunikazzjoni tqiegħed dawn l-isforzi f'kuntest usa’ . L-għan tagħha hu li tistimula kemm il-kunsinna kif ukoll id-domanda ta’ l-innovazzjoni. B’dan hija tkun qed tirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Aho u tistabbilixxi s-sisien għall-istrateġija ta' innovazzjoni mfassla fuq bażi wiesgħa mitluba mill-Kunsill tar-Rebbiegħa. Għalhekk l-għanijiet tagħha jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ eżekuzzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa fuq il-livell Komunitarju, ta’ l-Istati Membri u tar-reġjuni tagħhom. Fl-istess ħin, mhux biss l-awtoritajiet pubbliċi huma mitluba jieħdu azzjoni imma wkoll is-settur kummerċjali u s-soċjetà ċivili.

L- 10 azzjonijiet li ġejjin huma ta’ prijorità politika partikolarment għolja bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi:

Azzjoni 1 : L-Istati Membri huma mistiedna jkabbru b’mod sinifikanti s-sehem ta’ l-ispiża pubblika ddedikat għall-edukazzjoni u l-identifikazzjoni u l-affrontazzjoni ta’ l-ostakli fis- sistemi edukattivi tagħhom li jxekklu l-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa għall-innovazzjoni. B'mod partikolari, għandhom jeżegwixxu r-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-Komunikazzjoni “Inwettqu r-Riformi Meħtieġa għall-Modernizzazzjoni tas-Settur ta’ l-Universitajiet”[19] għal kapaċitajiet akbar fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

Azzjoni 2 : Għandu jitwaqqaf Istitut Ewropew tat-Teknoloġija biex jgħin fit-titjib tal-kapaċità u l-prestazzjoni ta’ l-innovazzjoni ta’ l-Ewropa. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tressaq proposta dwar dan f’Ottubru 2006 u l-Istitut għandu jkun operabbli sa l-2009.

Azzjoni 3 : Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw u jeżegwixxu strateġija għall-ħolqien ta’ suq tax-xogħol Ewropew miftuħ, uniku u kompetittiv għar-riċerkaturi , bi prospetti attraenti għall-karriera inklużi inċentivi possibbli għall-mobilità.

Azzjoni 4 : Sabiex tindirizza l-adozzjoni fqira tar-riżultati ta’ riċerka fl-Ewropa, il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni fl-2006 – inklużi linji ta’ gwida u azzjonijiet volontarji ta’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati konċernati – biex tippromwovi trasferiment ta’ għarfien bejn l-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka oħra u s-settur industrijali.

Azzjoni 5 : Il -politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE għall-perjodu 2007-2013 għandha tiġi mmobilizzata biex tappoġġja l-innovazzjoni reġjonali. L-Istati Membri kollha għandhom ifittxu li jwarrbu parti ambizzjuża mit-308 biljun € disponibbli għal investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni.

Azzjoni 6 : Qabel tmiem l-2006 l-Kummissjoni għandha tadotta qafas ġdid għal għajnuna mill-Istat għar-riċerka biex tgħin lill-Istati Membri jimmiraw l-għajnuna mill-Istat aħjar lejn il-fallimenti kummerċjali li jxekklu r-riċerka u l-innovazzjoni. L-Istati Membri għandhom jirriorjentaw il-baġits tagħhom ta’ l-għajnuna mill-Istat biex jimmiraw lejn dawn l-għanijiet, b’rispett sħiħ għall-impenn ġenerali tagħhom għall-prinċipju ta’ “anqas għajnuna u għajnuna mmirata aħjar”. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll komunikazzjoni aktar tard matul l-2006 bi gwida dettaljata għat-tfassil u l-valutazzjoni ta’ inċentivi fiskali għar-Riċerka u l-Iżvilupp li jkunu ġeneralment applikabbli.

Azzjoni 7 : B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika riċenti, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija ġdida għall-privattivi qabel l-aħħar tas-sena 2006 u tħejji strateġija ta’ l-IPR aktar komprensiva fl-2007, biex, inter alia , tiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ta’ ideat innovattivi.

Azzjoni 8 : Fuq il-bażi tar-reviżjoni tagħha ta’ l- acquis dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, il-Kummissjoni se tissokta bil-ħidma biex tiżgura li l-qafas legali u l-applikazzjoni tiegħu iwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi u mudelli kummerċjali diġitali ġodda. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tressaq ’il quddiem inizjattiva għal “taxxi fuq id-drittijiet ta’ l-awtur” qabel tmiem is-sena 2006.

Azzjoni 9 : Fl-2007 l-Kummissjoni se tittestja strateġija mmirata biex tiffaċilita l-feġġ ta’ “swieq ewlenin” miftuħa għall-innovazzjoni. F’dan il-kuntest, wara konsultazzjoni pubblika inklużi b’mod speċjali konsultazzjonijiet mal-panils ta’ l-innovazzjoni tal-Pjattaformi Teknoloġiċi u l- Europe INNOVA , il-Kummissjoni se twettaq analiżi dettaljata tal-barrieri potenzjali li jxekklu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda f’għadd limitat ta’ oqsma. B’mod Parallel għal dan, bl-użu ta’ din l-esperjenza, il-Kummissjoni se tħejji strateġija komprensiva għas-“swieq ewlenin”.

Azzjoni 10 : Sa tmiem l-2006, il-Kummissjoni se tippubblika u tqassam Manwal dwar kif appalti pubbliċi pre-kummerċjali u kummerċjali jistgħu jistimulaw l- innovazzjoni biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mid-Direttivi l-ġodda dwar l-appalti pubbliċi.

Il-qafas għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet huwa l-istrateġija riveduta ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Dan jitlob impenn min-naħat kollha u b’mod speċjali mill-Istati Membri biex jaslu għal riformi strutturali biex irawmu l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kalendarju tar-rotta bħala parti mill- proċess ta’ Liżbona . Se tingħata attenzjoni partikolari lil dawn l-oqsma fir-Rapport Annwali fuq il-Progress li jmiss li mistenni joħroġ f’Diċembru ta’ l-2006 u fil-valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma.

[1] “Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjieg: Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona” - COM (2005) 330, 20.7.2005

[2] “Aktar Riċerka u Tiġdid – L-investiment fit-tkabbir ekonomiku u l-impjieg: Strateġija Komuni” - COM (2005) 488, 12.10.2005

[3] Tabella tax-Xejriet – Il-Politika ta’ Innovazzjoni fl-UE – ara http://trendchart.cordis.lu/

[4] “Noħolqu Ewropa Innovattiva”: rapport tal-grupp espert indipendenti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni maħtur wara s-Samit ta’ Hampton Court u mmexxi mis-Sur Esko Aho

[5] Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja, il-Kummissjoni Ewropea COM(2005) 548

[6] Id-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni SEC (2006) 639, p. 19, http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/progressreport06.pdf

[7] Karta ta’ Ħidma dwar “Tiġdid fis-settur tas-servizzi” se tiġi ppreżentata f’Novembru 2006

[8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni “L-Eżekuzzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: strateġija biex jiġi simplifikat l-ambjent regolatorju” - COM(2005) 535, 19.10.2005.

[9] Il-laqgħa tal-Kunsill dwar il-Kompetittività (is-Suq Intern, l-Industrija u r-Riċerka), 29-30 ta’ Mejju 2006, Konklużjonijiet 9334/06 (verżjoni proviżorja)

[10] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Inwettqu r-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tas-settur ta’ l-universitajiet: Edukazzjoni, Riċerka u Innovazzjoni - COM(2006) 208, 10.5.2006.

[11] L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija: passi ulterjuri lejn il-ħolqien tiegħu; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - COM(2006) 276, 8.6.2006.

[12] Linji ta’ Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għas-sostenn ta’ l-investimenti ta’ kapital tar-riskju fl-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju tad-19.7.2006, http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/others/risk_capital_guidelines_en.pdf

[13] Id-Direttivi numri 2004/18/KE u 2004/17/KE

[14] Ara panils innovattivi tal- Europe INNOVA fuq http://www.europe-innova.org/index.jsp

[15] Il-Green Paper dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija - COM(205) 265, 22.06.2005.

[16] Preżentement, is-settur tal-kostruzzjoni ma jserraħx b’mod qawwi fuq mezzi formali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-ħruġ tal-privattivi

[17] Bil-għan li jkunu ssodisfati l-ħtiġiet ta’ l-usa’ firxa ta’ utenti, għandha tiġi investigata l-idea ta’ kompetizzjoni għall-inventuri żgħażagħ fil-qasam ta’ l-applikazzjonijiet ġejjiena tas-sinjal Galileo fuq il-livell ta’ l-UE u dan isir f’koordinazzjoni ma’ kompetizzjonijiet li diġà jeżistu.

[18] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ninvestu fir-riċerka: pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa”, COM(2003) 226 finali/2, 4.6.2003.

[19] Inwettqu l-Aġenda għall-Modernizzazzjoni tas-Settur ta’ l-Universitajiet: Edukazzjoni, Riċerka u Innovazzjoni - COM(2006) 208, 10.5.2006..

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet