52006DC0249


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd - Il-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni fl-implimentazzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd {SEG(2006) 643}

/* KUMM/2006/0249 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.5.2006

KUMM(2006) 249 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd Il-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni fl-implimentazzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd

{SEG(2006) 643}

1. Introduzzjoni

F’Settembru 2005, is-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju afferma l-ħtieġa ta’ globalizzazzjoni ġusta. Hu inkluda l-promozzjoni ta’ impjieg produttiv u ta’ xogħol deċenti għal kulħadd fost l-għanijiet tal-politiki nazzjonali u internazzjonali. B’hekk hu enfasizza r-rwol essenzjali ta’ l-impjieg u tal-kwalità ta’ l-impjieg fl-azzjoni kontra l-faqar u favur l-iżvilupp: minkejja ċerti progressi, nofs il-ħaddiema fid-dinja għad għandhom dħul ta’ flus li jammonta għall-anqas minn 2 dollari kuljum, u nofs il-popolazzjoni dinjija għad ma għandha ebda protezzjoni soċjali[1].

Qabel is-Samit, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kienu appellaw biex tiġi rinforzata d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u biex jiġi promoss xogħol deċenti għal kulħadd, b’konformità ma’ l-istrateġija ta’ l-ILO f’dan il-qasam[2].

Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti ilha fil-qalba ta’ l-aġenda politika ta’ l-ILO mill-2000: permezz ta’ l-aġenda tagħha tax-xogħol deċenti, l-ILO qed tipproponi li “tagħti lill-irġiel u n-nisa kollha possibbiltajiet konkreti ta’ aċċess għal xogħol deċenti u produttiv f’kondizzjonijiet ta’ libertà, ekwità, sigurtà u dinjità umana”. Din l-aġenda tax-xogħol deċenti kienet approvata mill-gvernijiet u mill-imsieħba soċjali fi ħdan l-ILO, u hi tirrappreżenta ġabra ta’ linji gwida b’għan universali, u li mhumiex marbuta ma’ mudell ta’ żvilupp partikulari. Hi kienet inkluża fl-2004 fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni (CMDSM).

L-aġenda ta’ xogħol deċenti hi bbażata fuq avviċinament integrat, li jinkludi l-impjieg produttiv u magħżul b’mod ħieles, id-dritt għax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, id-djalogu soċjali, u l-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi[3]. Din tinkludi għalhekk id-“drittijiet soċjali fondamentali” li huma l-pedestall minimu tad-drittijiet soċjali li l-komunità internazzjonali stabbilixxiet u li l-Unjoni diġà tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom. Iżda din hi aktar ambizzjuża: hi qed tipprova mhux biss li tiggarantixxi pedestall minimu ta’ drittijiet, iżda wkoll li tiggwida l-iżvilupp madwar il-valuri u l-prinċipji ta’ azzjoni u ta’ governanza li jassoċjaw il-kompetittività ekonomika u l-ġustizzja soċjali.

L-għaqda b’dan il-mod tal-kompetittività ekonomika u l-ġustizzja soċjali hi fiċ-ċentru tal-mudell ta’ żvilupp Ewropew. Il-kontribuzzjoni attiva għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti hi parti integrali ta’ l-Aġenda Ewropea u ta’ l-isforzi ta’ l-UE biex jiġu pproġettati l-valuri, l-iskambju ta’ l-esperjenza u l-mudell tagħha ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali integrat[4].

Bl-impenn tagħha fil-promozzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd, il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod sħiħ l-ispeċifiċitajiet u d-diversità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali fid-dinja. Hi tirrikonoxxi l-importanza ta’ avviċinament strateġiku li jsir fażi wara l-oħra li jiffavorixxi l-approprjazzjoni mill-imsieħba u li jirrifletti l-kuntest u l-prijoritajiet fil-livell nazzjonali u reġjonali.

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi linji gwida sabiex il-politiki u l-azzjonijiet ta’ l-UE jikkontribwixxu aktar għal promozzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti. Dawn il-linji gwida jeħtieġu t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-atturi kollha kkonċernati.

L-implimentazzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti se tkun it-tema ċentrali tas-Segment ta’ livell għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU li se jsir f’Lulju 2006. B’hekk il-ħidmiet fl-aġenda tax-xogħol deċenti għandhom jitkomplew fil-livell internazzjonali u l-Kummissjoni biħsiebha tipparteċipa fihom bi sħiħ.

2. FATTUR TA’ żVILUPP, TA’ GOVERNANZA U TA’ PRESTAZZJONI

Il-globalizzazzjoni u l-kambjamenti teknoloġiċi u demografiċi jwasslu modifika konsiderabbli fl-organizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-prestazzjoni ta’ servizzi fil-livell dinji kif ukoll fl-istruttura u t-tqassim ta’ l-impjiegi. Dawn l-iżviluppi ppermettew biex jinfirxu l-vantaġġi ta’ kummerċ internazzjonali fost numru akbar ta’ pajjiżi u ta’ gruppi soċjali, u huma jistgħu joffru lil kulħadd opportunitajiet u perspettivi ta’ aċċess għal xogħol deċenti.

Madankollu, l-iżvilupp ekonomiku ma jirriżultax neċessarjament mill-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-miljorament ta’ impjiegi eżistenti li għandhom inaqqsu l-faqar. Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ekonomija fejn jiddomina s-settur informali u l-impjiegi b’kwalità medjokri u fejn tippersisti d-duwalità fis-suq tax-xogħol b’mod partikulari fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni tiddependi mill-agrikultura ta’ sussistenza. In-nisa, u ż-żgħażagħ, notevolment, qed jikkonċentraw fl-ekonomija informali u għandhom ftit perspettivi fil-qasam ta’ dħul ta’ flus, tat-taħriġ u tal-protezzjoni soċjali.

Anki fis-settur formali d-dgħjufija tas-servizzi ta’ l-impjiegi, tal-governanza tas-suq tax-xogħol u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tnaqqas il-kapaċità biex ikunu mmaniġġjati l-kambjamenti.

Fil-pajjiżi li qed jiżiluppaw, it-tkabbir mhux biżżejjed biex inaqqas il-faqar ta’ partijiet importanti tal-popolazzjoni. It-tkabbir tal-produttività mhux dejjem iwassal għal żieda fis-salarji. In-numru ta’ impjiegi ta’ kwalità baxxa u l-parti ta’ l-ekonomija informali għadhom konsiderevoli. F’dawn il-pajjiżi kollha, iżda wkoll, sa ċertu punt għalkemm b’mod anqas, fil-pajjiżi industrijalizzati, il-ħaddiema ta’ l-ekonomija informali jinstabu fil-fatt esklużi mid-dritt tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali.

Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti teħtieġ avviċinament koerenti u globali. Jeħtieġu ċertament ikunu kkumbattuti n-nuqqasijiet l-aktar urġenti fir-rigward tad-drittijiet soċjali fondamentali, bħalma hu t-tħaddim ta’ tfal. Iżda jeħtieġ ukoll u fuq kollox li jiġu mmodifikati l-konfigurazzjonijiet ta’ l-iżvilupp. L-esperjenza turi li l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal tista’ titwettaq ukoll permezz ta’ l-azzjoni fis-suq tax-xogħol, id-djalogu soċjali u l-protezzjoni soċjali (pereżempju ta’ benefiċċji għat-tfal li ma jinkoraġġixxux jew jirriduċu futili t-tħaddim tat-tfal u li jiffavorixxu l-edukazzjoni).

Biex jonqos il-faqar, mhux biżżejjed li jingħataw għajnuniet ta’ sussistenza, jew l-istennija ta’ riżultati ta’ tkabbir u tal-ftuħ ta’ intrapriżi internazzjonali. Jeħtieġ jinħoloq ambjent adatt għall-investimenti nazzjonali u barranin li joħolqu impjiegi lokali; il-miljorament tal-governanza, inkluż id-djalogu soċjali; l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fil-qasam tax-xogħol deċenti; il-ħolqien ta’ qafas legali u regolamentari li jipproteġi lill-ħaddiema u li jiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; it-twaqqif ta’ sistemi vijabbli ta’ protezzjoni soċjali, ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ matul il-ħajja; l-assigurazzjoni tas-sigurtà legali għall-intrapriżi; it-tnaqqis tal-korruzzjoni u t-twaqqif ta’ reġoli ġusti favur il-kompetizzjoni. B’hekk il-promozzjoni tax-xogħol deċenti hi inċidentalment ukoll rikjesta mill-intrapriżi peress li dawn jikkunsidraw li r-responsabbiltajiet ma jaqawx biss fuq min iħaddem, u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ukoll jassumi r-responsabbiltajiet tagħhom[5].

Minħabba li tenfasissa l-impjieg, il-kwalità ta’ l-impjieg u l-politiki soċjali adatti, il-promozzjoni tax-xogħol deċenti hi fattur ta’ ġustizzja u ta’ koeżjoni soċjali iżda wkoll ta’ prestazzjoni ekonomika.

L-affermazzjoni ta’ obbjettivi ta’ natura soċjali ma tista’ bl-ebda mod tkun użata għal finijiet protezzjonisti. L-obbjettiv hu l-progress soċjali ġenerali u t-tqassim ġust tiegħu għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

3. Impenji u linji gwida għall-politiki ta ’ L-UE

L-UE hi impenjata b’mod attiv fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju. Hi tikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell dinji, notevolment permezz tal-politika kummerċjali u ta’ l-azzjonijiet tagħha ta’ żvilupp u ta’ assistenza esterna. Hi tappoġġa r-ratifika u l-applikazzjoni effettiva mill-pajjiżi kollha tad-dinja dwar il-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet soċjali fondamentali[6].

Hi tista’ tikkontribwixxi b’mod speċifiku għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti billi tpoġġi l-esperjenza tagħha u l-kompetenza tagħha għad-dispożizzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u billi jkun żviluppat djalogu politiku mar-reġjuni u mal-pajjiżi terżi. Il-Kummissjoni diġà żviluppat inizjattivi konkreti f’dan ir-rigward, pereżempju l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha ma’ l-ILO, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati fil-qasam kummerċjali (SPG), l-elaborazzjoni tal-kunsens Ewropew għall-iżvilupp u l-bidu ta’ djalogi dwar l-impjieg mal-pajjiżi Asjatiċi u Latino-Amerikani.

3.1. Ix-xogħol deċenti: impenn għall-Unjoni

L-UE elaborat, matul l-istorja tagħha, mudell ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li jmur lilhinn mid-diversità tas-sitwazzjonijiet nazzjonali, u li hu bbażat fuq valuri u prinċipji komuni, b’mod partikulari l-obbjettiv, rikonoxxut fit-Trattat, li jiġu promossi flimkien il-progress ekonomiku u l-progress soċjali.

L- acquis communautaire fil-qasam ta’ l-impjiegi, tal-politika soċjali u ta’ l-opportunitajiet indaqs imur lilhinn, f’ħafna aspetti, min-normi u l-azzjonijiet internazzjonali li jsostnu n-nozzjoni ta’ xogħol deċenti, u hu jintegra l-prinċipji prinċipali tagħhom. In-normi ta’ l-ILO jidhru fl-isfond ta’ numru ta’ politiki, leġiżlazzjonijiet u ftehimiet kollettivi fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, in-normi u l-azzjonijiet ta’ l-ILO jikkomplementaw l- acquis fl-oqsma li mhumiex - jew mhumiex ħlief parzjalment - koperti mil-leġiżlazzjoni u l-politiki Komunitarji bħalma huma l-amministrazzjoni u l-ispezzjoni tax-xogħol, il-libertà trejdjunjonista, in-negozjar kollettiv u n-normi minimi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

L-Istati Membri diġà rratifikaw numru kbir ta’ konvenzjonijiet ta’ l-ILO li jikkonċernaw notevolment id-drittijiet soċjali fondamentali, l-ispezzjoni tax-xogħol, l-ammininistrazzjoni tax-xogħol, l-impjiegi, is-sigurtà soċjali u s-salarji[7]. Ħafna bdew ir-ratifika tal-ftehimiet l-aktar reċenti (saħħa u sigurtà tax-xogħol, kondizzjonijiet ta’ xogħol). Il-konvenzjoni kkonsolidata l-aktar reċenti ta’ l-ILO dwar ix-xogħol marittmu (2006) hi rilevanti ħafna għad-djalogu soċjali Ewropew u l-attività normattiva ġejjiena tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

Hu importanti li l-Istati Membri jkomplu l-proċess ta’ ratifika u ta’ applikazzjoni, notevolment tal-konvenzjonijiet aġġornati. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tiffaċilita, sakemm hu meħtieġ, dan il-proċess billi tikkunsidra l-kompetenzi u l-politiki Komunitarji kkonċernati.

Lilhinn mill-obbjettivi ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti, l-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Aġenda Soċjali Ewropea joffru kwadru politiku ferm aktar wiesa’ għal azzjoni b’riżoluzzjoni favur l-impjiegi, l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali.

3.2. Għarfien aħjar għal konvinzjoni u mobilizzazzjoni aħjar

Il-Kummissjoni se tikkoopera ma’ l-ILO, in-NU u l-organizzazzjonijiet l-oħra biex tanalizza b’mod aktar profond il-problema tax-xogħol deċenti, it-titjib tal-kapaċità tal-pajjiżi msieħba f’partenarjat u l-iżvilupp ta’ l-indikaturi adatti, pereżempju:

- l-identifikazzjoni tal-prattiki tajba u s-suċċessi fil-qasam;

- l-analiżijiet b’mod aktar profond tax-xogħol deċenti u ta’ l-interazzjonijiet tagħhom ma’ politiki oħra;

- l-iżvilupp tal-metodoloġiji biex jitkejlu l-effetti tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-effetti tas-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni fil-livell dinji, inkluż fiż-żoni ħielsa ta’ produzzjoni, dwar ix-xogħol deċenti; it-twessigħ tal-proġett pilota li hu għaddej bħalissa ma’ ILO biex jitkejjel l-impatt tal-kummerċ dwar ix-xogħol deċenti;

- l-analiżijiet b’mod l-aktar profond dwar l-impatt tal-kummerċ fuq l-iżvilupp sostenibbli (SIA);

- it-titjib tal-konnessjoni bejn l-analiżijiet, l-azzjonijiet operattivi u l-programmazzjoni ta’ l-assistenza esterna; il-promozzjoni tad-djanjosijiet konġunti ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba f’partenarjat biex tkun megħjuna aħjar l-għażla tal-prijoritajiet u l-mobilizzazzjoni ta’ l-assistenza esterna.

F’dan il-kuntest, il-mobilizzazzjoni tal-politika ta’ riċerka ta’ l-UE hi importanti, kemm biex jiġi promoss l-għarfien kif ukoll biex ikunu sostnu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

Il-Kummissjoni tappoġġa r-ratifika u l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet soċjali fondamentali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali għax-xogħol deċenti, kif miftiehem fi ħdan l-ILO, jew f’dokument ta’ proċedura ekwivalenti notevolment fil-kuntest ta’ l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni se tikkoopera ma’ l-ILO, in-NU u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra biex jittejbu l-analiżijiet u l-iżvilupp ta’ l-indikaturi relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-formazzjoni u l-informazzjoni dwar ix-xogħol deċenti fi ħdan id-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi terzi u se torganizza wkoll seminars reġjonali biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ l-atturi.

3.3. Mobilizzazzjoni aħjar tal-politiki esterni ta ’ l-UE

Tkabbir

Fil-perspettiva ta’ l-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati għandhom jintegraw it-totalità ta’ l- acquis communautaire . Filwaqt li takkompanja din l-integrazzjoni ta’ l- acquis communautaire , l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni għandha tikkontribwixxi direttament għall-promozzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti fil-pajjiżi kandidati. Hu importanti li tkun enfasizzata r-rilevanza ta’ din l-aġenda għall-pajjiżi kandidati billi jkun ikkunsidrat l-impenn ta’ l-UE għax-xogħol deċenti u l-komplementarjetà ta’ ċerti konvenzjonijiet u strateġiji ta’ l-ILO fir-rigward ta’ l- acquis communautaire . F’dan il-kuntest il-Kummissjoni ser issostni notevolment l-inizjattivi li jikkonċernaw:

- il-promozzjoni tal-libertà trejdjunjonistika u tan-negozjar kollettiv bl-iskop li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ l-atturi fil-qasam tad-djalogu soċjali awtonomu;

- it-tisħiħ ta’ l-amministrazzjonijiet tax-xogħol, ta’ l-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-istrutturi ta’ mmaniġġjar tal-protezzjoni soċjali;

- l-iżvilupp ta’ l-istrateġiji ta’ prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tax-xogħol.

Politika ta’ viċinat, relazzjonijiet reġjonali u bilaterali

Viċinat

L-aġenda tax-xogħol deċenti hi wkoll rilevanti għall-pajjiżi koperti mill-politika Ewropea tal-viċinat, li huma impenjati fil-proċess ta’ avviċinament progressiv ma’ l-Unjoni, anki jekk ma għandhomx l-istess obbligi li jadottaw l- acquis communautaire . Il-politika ta’ viċinat se tikkontribwixxi għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti permezz ta’:

- l-implimentazzjoni ta’ impenji preċiżi ta’ riforma fil-qasam tad-DSF, impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs li jinstabu fil-pjanijiet ta’ azzjoni miftiehma bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati;

- id-djalogu politiku regolari li jikkonċerna dawn il-kwestjonijiet fil-qafas ta’ l-istrutturi istituzzjonali maħluqa mill-ftehimiet ta’ partenarjati u ta’ kooperazzjoni u l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni;

- l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ xogħol mifrux fuq ħames snin li dwaru kien hemm qbil fil-qafas tal-proċess ta’ Barċellona, f’Novembru 2005, li l-mira tiegħu hi notevolment li jissaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-pajjiżi tax-xtut tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

- il-kunsiderazzjoni tagħha tad-dokumenti ta’ strateġija skond il-pajjiż u r-reġjun, il-programmazzjoni tematika u strumenti oħra ta’ kooperazzjoni; il-parteċipazzjoni eventwali tal-pajjiżi kkonċernati f’ċerti programmi u fil-kooperazzjoni ma’ l-aġenziji Komunitarji, skond modalitajiet li għad iridu jkunu ddeterminati.

Relazzjonijiet reġjonali u bilaterali

Il-Kummissjoni reċentement iddefinixxiet mill-ġdid ir-relazzjonijiet strateġiċi tagħha ma’ l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Afrika. Hi inkludiet elementi marbuta max-xogħol deċenti fil-proposti tagħha u se timplimentahom b’mod attiv.

Il-Kummissjoni se tapprofondixxi l-kooperazzjoni ma’ l-Amerika Latina u l-Karibew fil-qasam tal-koeżjoni soċjali. Hi stabbilixxiet programmi ta’ ħidma maċ-Ċili u l-Komunità Andina u qed tipprepara kooperazzjonijiet bilaterali oħra, notevolment mal-Brażil u l-Messiku. Hi se tinkoraġġixxi u ser issostni l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Latino-Amerikani kollha dwar dawn il-kwestjonijiet.

Il-Kummissjoni se timplimenta l-kooperazzjoni ma’ l-Unjoni Afrikana dwar id-dimensjoni soċjali ta’ l-integrazzjoni reġjonali u x-xogħol deċenti, u l-kooperazzjoni bilaterali ma’ l-Afrika ta’ Isfel. Hi se tikkunsidra x-xogħol deċenti fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou u fl-istrateġiji reġjonali (l-Afrika, il-Karibew, il-Paċifiku).

Il-Kummissjoni se tintegra wkoll dawn il-kwestjonijiet fid-djalogi politiċi mal-pajjiżi Asjatiċi. Hi stabbilixxiet fl-2005 djalogu maċ-Ċina fl-oqsma bħalma huma l-impjiegi, il-leġiżlazzjoni tax-xogħol, id-djalogu soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali. Hi bdiet ukoll kooperazzjonijiet fil-qasam ta’ l-impjiegi ma’ l-Indja u ma’ l-ASEM biex jiġi implimentat ix-xogħol deċenti fid-dinja kollha.

Il-Kummissjoni ser issostni d-djalogu soċjali fil-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali non-Ewropew li għalih l-UE qed toffri l-appoġġ tagħha.

Kooperazzjoni fl-iżvilupp

Il-kunsens Ewropew dwar il-politika ta’ l-iżvilupp ta’ l-UE ta’ l-20.12.2005 hu d-dokument bażiku, li jimmobilizza għall-ewwel darba l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri sabiex dawn itejbu l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-komplementarjetà ta’ l-azzjonijiet tagħhom. Fih il-koeżjoni soċjali u l-impjieg jitqiesu bħala qasam ta’ azzjoni Komunitarja u l-kunsens jistipula li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jiffavorixxu x-xogħol deċenti għal kulħadd.

Il-Kummissjoni ser issostni, fl-ambitu tal-programmazzjoni tematika u tal-programmazzjoni skond il-pajjiżi u r-reġjuni, l-azzjonijiet segwenti:

- l-integrazzjoni tax-xogħol deċenti fl-istrateġiji nazzjonali u r-reġjonali għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar;

- il-kunsiderazzjoni tagħha b’mod progressiv fil-miżuri ta’ sostenn baġitarju;

- il-miljorament tal-kapaċità ta’ l-amministrazzjonijiet kompetenti u ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

- l-iżvilupp ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

- l-implikazzjoni ta’ l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fl-istrateġiji għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar;

- it-tisħiħ ta’ l-assistenza esterna għall-aġġustamenti soċjali fil-pajjiżi u r-reġjuni terzi involuti fil-liberizzazzjoni tal-kummerċ;

- il-promozzjoni tal-koerenza politika u tal-kooperazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti.

Ir-Regolament (KE) Nru 2110/2005 jimponi r-rispett tad-drittijiet soċjali fondamentali minn dawk li jissottomettu tenders għall-kuntratti ffinanzjati mill-għajnuna Komunitarja. Il-Kummissjoni qed tippjana li twessa’ din id-dispożizzjoni għall-kuntratti ffinanzjati mill-Fond Ewropew ta’ Żvilupp. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri u lid-donaturi l-oħra biex jadottaw l-istess avviċinament.

L-Anness II jippreżenta eżempji ta’ azzjonijiet ta’ promozzjoni ta’ xogħol deċenti li jistgħu jkunu żviluppati fil-qasam tal-programmazzjoni ta’ l-assistenza esterna billi jikkunsidraw il-kuntest u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi kkonċernati.

Il-kummerċ, fattur ta’ żvilupp sostenibbli

Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tikkontribwixxi għal obbjettivi bħalma huma l-iżvilupp għoli, l-impjieg sħiħ, it-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni tax-xogħol deċenti.

Fil-politika kummerċjali Komunitarja, l-instrument pprivileġġjat biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali fondamentali hu l-GSP l-ġdid u l-inċentiv speċjali tiegħu favur l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, il-GSP + (2006-2008).

Il-GSP il-ġdid diġà ħalla effetti importanti bħall-aċċellerazzjoni tar-ratifika tal-konvenzjonijiet ta’ l-ILO dwar id-drittijiet soċjali fondamentali.

Il-Kummissjoni se tpoġġi aktar il-piż kummerċjali tagħha għas-servizz tal-promozzjoni tan-normi soċjali u tax-xogħol deċenti fl-inizjattivi fil-qasam tan-negozjati kommerċjali kemm bilaterali kif ukoll multilaterali. Notevolment, hi qed tippjana biex:

- tistabbilixxi artikulazzjoni aħjar bejn l-GSP, l-GSP+ u l-assistenza esterna Komunitarja;

- tikkunsidra d-dimensjoni soċjali u tax-xogħol deċenti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-istudji ta’ l-SIA fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali (inklużi l-APE/EPA mal-pajjiżi ta’ l-AKP, il-Mercosur, il-Kunsill għal Kooperazzjoni fil-Golf, il-MED, l-Amerika Ċentrali);

- timmobilizza l-politiki u l-istrumenti ta’ l-UE bħalma hi l-assistenza esterna biex jiġi promoss ix-xogħol deċenti fil-kuntest ta’ sistema ta’ kummerċ miftuħ;

- issegwi l-avviċinament relatat ma’ l-interazzjoni bejn il-kummerċ, id-drittijiet soċjali u l-impjiegi ppreżentat fl-2004 fis-sottomissjonijiet favur il-mekkanizmu ta’ reviżjoni tal-politika kummerċjali; u tinkoraġġixxih fi ħdan il-pajjiżi membri l-oħra tad-WTO;

- tippromwovi l-kooperazzjoni bejn id-WTO, il-UNCTAD, l-ILO u organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

3.4. Promozzjoni tal-governanza internazzjonali u multilaterali

It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali u multilaterali hu indispensabbli għal promozzjoni tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u ta’ l-approprjazzjoni ta’ l-aġenda tax-xogħol deċenti mill-imsieħba fil-partenarjati.

Fil-kooperazzjoni ekonomika u soċjali

Il-Kummissjoni qed issostni djalogi mibdija reċentement bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI), l-ILO, in-NU u d-WTO, relatati mal-komplementarjetà u l-koerenza tal-politiki tagħhom u ma’ l-interdipendenzi bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-investimenti, il-kummerċ u x-xogħol deċenti. Hi qed tappella lil dawn l-organizzazzjonijiet u lill-G8 biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti fil-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-politiki, strateġiji u strumenti tagħhom.

Hi se tintensifika l-kooperazzjoni tagħha ma’ l-ILO.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi fil-ħidmiet tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tas-Samit ta’ l-2005 relatati ma’ l-impjieg produttivi u max-xogħol deċenti, u b’mod partikulari mal-ħidmiet tas-Segment ta’ livell għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC) fl-Lulju 2006.

Immaniġġjar aħjar tal-migrazzjonijiet ekonomiċi

L-immaniġġjar tal-migrazzjonijiet ekonomiċi jeħtieġu kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u bejn ir-reġjuni ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali (ILO, IOM, NU).

Il-Kummissjoni adottat fl-2005 pjan ta’ azzjoni fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni ekonomika legali. Hi ssostni l-isforzi li qed isiru bl-iskop ta’ avviċinament koerenti għall-migrazzjonijiet internazzjonali, bħalma hu r-rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar il-migrazzjonijiet internazzjonali (2005) u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ħaddiema migranti ta’ l-ILO (2004). Hi se tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tad-Djalogu f’livell għoli tan-NU dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp (2006).

Sabiex il-politika ta’ migrazzjoni ta’ l-UE tikkontribwixxi għall-iżvilupp jeħtieġ li jiġi ffaċilitat l-ibgħit tal-fondi lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp ta’ dawn il-pajjiżi, il-mobilizzazzjoni tad-dijaspori, l-inkoraġġiment tal-migrazzjoni ċirkulari, it-tnaqqis ta’ inċidenzi negattivi u tat-“telf ta’ l-aħjar imħuħ” u l-limitazzjoni b’mod responsabbli tar-reklutaġġi li jsiru għad-detriment ta’ l-iżvilupp fis-setturi ffaċċjati minn nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati, notevolment dak tas-saħħa[8].

Jeħtieġ barra minn hekk li jkunu megħjuna l-pajjiżi kkonċernati biex jimmaniġġjaw aħjar l-influssi migratorji, biex jipproteġu lill-migranti mill-esplojtazzjoni u biex jittrattaw aħjar il-migranti li jabitaw fit-territorju tagħhom. Il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni umani hi parti minn dawn l-isforzi.

Il-Kummissjoni qed tpoġġi wkoll għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali l-esperjenza twila tagħha fil-qasam tal-moviment ħieles tal-ħaddiema u tal-promozzjoni tad-drittijiet, tal-politika ta’ l-immigrazzjoni u ta’ l-integrazzjoni tal-migranti.

3.5. Ħidma flimkien mas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi

Imsieħba soċjali, djalogu soċjali u partenarjati

Il-Kummissjoni se tappoġġa:

- it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tekniċi ta’ l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili;

- l-iżvilupp ta’ l-istituzzjonijiet, il-mekkaniżmi u l-prattiki li l-mira tagħhom hi li jiffaċilitaw u li jsaħħu l-proċess ta’ djalogu soċjali kemm bipartit u tripartit;

- involviment aħjar ta’ l-imsieħba soċjali u ta’ l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili fil-governanza dinjija (WTO, IFI) fuq il-mudell konsultattiv ta’ l-OECD;

- il-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi transnazzjonali u ta’ oqsfa ta’ ftehimiet dinjija.

Responsabbiltà soċjali ta’ l-intrapriżi (CSR):

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tas-CSR, li hu komplementari għal-leġiżlazzjoni, in-negozjar kollettiv u l-kontroll tal-kondizzjonijiet ta’ xogħol. Hi tikkunsidra li l-kodiċijiet ta’ mġiba u strument oħra tas-CSR għandhom jistrieħu fuq strumenti li hemm qbil dwarhom fil-livell internazzjonali (OECD, ILT).

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi s-CSR. Hi qed tistieden l-intrapriżi, l-Alleanza Ewropea għas-CSR[9] u l-partijiet l-oħra interessati li jiżviluppaw inizjattivi bl-iskop li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd.

4. Konklużjonijiet

Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti jagħmel parti mill-isforzi ta’ l-UE favur il-promozzjoni u qsim tal-valuri u l-esperjenzi tagħha.

L-UE u l-Istati Membri kkontribwixxew għall-affirmazzjoni ta’ dan l-obbjettiv fil-konklużjonijiet tas-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-2005.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tikkontribwixxi b’mod determinat għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbjettiv, b’kollaborazzjoni mill-viċin ma’ l-atturi kkonċernati, pajjiżi u reġjuni imsieħba f’partenarjati u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali. Hi qed tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra ta’ l-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-atturi kollha biex jikkooperaw favur il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd fid-dinja kollha.

Hi se timmobilizza għal dan l-effett il-politiki esterni, l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp u l-politiki kummerċjali. Hi tappella mhux biss għar-rispett tad-drittijiet soċjali fondamentali iżda wkoll għall-implimentazzjoni f’kull pajjiż ta’ programmi ambizzjużi għal promozzjoni tax-xogħol deċenti. Hi se taħdem ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex telabora indikaturi ta’ segwitu għall-isforzi ppjanati.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi bilanċ tas-segwitu ta’ din il-Komunikazzjoni qabel is-Sajf 2008.

[1] It-tendenzi dinjija ta’ l-impjiegi, 2006, ILO; Ir-rapport tas-CMDSM, 2004, ILO.

[2] KUMM(2004) 383; konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, 3.3.2005, dok 6286/05; ir-rapport tal-PE, A 6-0308/2005 tal-15.11.2005; l-opinjoni ta’ l-EESC tad-9.03.2005 u tas-CoR tat-23.2.2005; il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2004 u ta’ Ġunju 2005.

[3] Għad-dokumenti prinċipali ta’ referenza relatati ma’ xogħol deċenti, ara l-Annessi I u III.

[4] Il-valuri Ewropej fl-era tal-globalizzazzjoni, KUMM(2005) 525.

[5] Ix-xogħol deċenti: kif jista’ jsir operattiv; l-opinjoni ta’ min iħaddem, 2002, - OIE (Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Min Iħaddem).

[6] KUMM(2001) 416; konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21.7.2003 u tat-3.3.2005; ir-rapporti tal-PE, Lulju 2003 u Novembru 2005.

[7] http://www.ilo.org/ilolex/french/newratframeF.htm

[8] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Migrazzjoni u Żvilupp: linji gwida konkreti’ (KUMM(2005) 390, 1.9.2005).

[9] KUMM(2006) 136.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet