Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar il-koeżistenza ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament b’metodu ta’ biedja konvenzjonali u organiku {SEK(2006)313}
/* KUMM/2006/0104 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |||||
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: DA DE EL EN ES ET FI FR IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV |
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |
Brussel 13.3.2006
KUMM(2006) 104 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar il-koeżistenzata’ għelejjel immodifikati ġenetikament b’metodu ta’ biedja konvenzjonali u organiku
{SEK(2006)313}
1. INTRODUZZJONI
Koeżistenza tirreferi għall-abbiltà tal-bdiewa li jagħmlu għażla prattika bejn il-produzzjoni ta’ l-għelejjel b’metodu ta’ biedja konvenzjonali, organiku u ta' modifika ġenetika. Din tikkundizzjona minn qabel l-għażla tal-konsumatur ukoll. Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li l-konsumaturi u l-produtturi għandhom ikollhom għażla reali fir-rigward tat-tip ta’ prodotti agrikoli u t-tip ta’ produzzjoni li jippreferu. Leġiżlazzjoni ta' koeżistenza nazzjonali għandha tippermetti l-qawwiet fis-suq joperaw b’mod liberu f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Peress li l-biedja tinħadem f’ambjent miftuħ, il-possibbiltà ta’ preżenza aċċidentali ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament f’għelejjel mhux immodifikati ġenetikament ma tistax tiġi mċaħħda u jista’ jkollha implikazzjonijiet ekonomiċi meta ż-żewġ tipi ta’ għelejjel ikollhom valuri differenti fis-suq. Dan ifisser li hemm il-ħtieġa ta' miżuri ta’ koeżistenza vijabbli u b’infiq effettiv, li għandhom jiggarantixxu li l-produzzjoni ta' għelejjel immodifikati ġenetikament u dawk mhux immodifikati ġenetikament tista' ssir f'konfomità ma' l-istandards legali applikabbli fil-livell Komunitarju.
Peress li l-organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) biss jistgħu jiġu kkultivati fl-UE, u l-aspetti ambjentali u tas-saħħa huma diġà koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, partikolarment id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament[1] u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf immodifikat ġenetikament[2], il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ koeżistenza jikkonċernaw biss l-aspetti ekonomiċi tat-taħlita ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament u dawk mhux immodifikati ġenetikament, u l-miżuri adattati biex tiġi evitata t-taħlita.
L-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali adattati sabiex tiġi evitata l-preżenza mhux maħsuba ta’ OMĠ fi prodotti oħra, madankollu, mingħajr ma jistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni. Dan l-Artikolu għandu jitqies flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u fit-Trattat. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Istati Membri ma jistgħux, b’mod ġenerali, jipprojbixxu, jirrestrinġu u jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ awtorizzati.
Fit-23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni 2003/556/KE dwar linji gwida għall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u l-aħjar prattiċi biex tiġi żgurata l-koeżistenza ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament b’metodu ta’ biedja konvenzjonali u organiku[3], li hija maħsuba biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji leġiżlattivi nazzjonali jew strateġiji oħrajn għall-koeżistenza. Fiha hemm lista ta’ prinċipji ġenerali li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu żviluppati l-approċċi nazzjonali, u lista ta’ miżuri tekniċi.
Il-miżuri adattati għall-koeżistenza huma kkundizzjonati minn diversi fatturi li jvarjaw minn reġjun għall-ieħor, inklużi l-kundizzjonijiet klimatiċi u dawk tal-ħamrija, id-daqs u t-tixrid ta' l-għelieqi, il-mod ta' produzzjoni ta' l-għelejjel u r-rotazzjonijiet ta’ l-għelejjel (is-sistema tan-newba), eċċ. L-approċċ ta' koeżistenza bbażat fuq is-sussidjarjetà jippermetti lill-Istati Membri jfasslu miżuri għall-koeżistenza skond il-ħtiġijiet tal-kundizzjonijiet lokali tagħhom.
2. ESPERJENZA FIL-KOLTIVAZZJONI TA’ L-GħELEJJEL IMMODIFIKATI ġENETIKAMENT
S’issa l-koltivazzjoni kummerċjali ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament fl-UE kienet limitata għal żewġ każijiet ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament (Bt176 u MON810).
Fi Spanja, il-koltivazzjoni tal-qamħirrum Bt fl-2004 kienet ta' 58 000 ettaru, li kienet ekwivalenti għal madwar 12% taż-żona Spanjola ddedikata għall-koltivazzjoni tal-qamħirrum. Fi Stati Membri oħra, il-koltivazzjoni tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament hija limitata għal xi ftit mijiet ta’ ettari. Għalhekk, l-esperjenza fil-koltivazzjoni ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament fl-UE tibqa’ limitata ħafna.
3. APPROċċI LEġIżLATTIVI FL-ISTATI MEMBRI
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq tliet sorsi prinċipali ta’ informazzjoni: leġiżlazzjoni nazzjonali adottata u abbozzi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħhom saret notifika lill-Kummissjoni; informazzjoni pprovduta bħala risposta għall-kwestjonarju mqassam lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; u informazzjoni pprovduta mill-esperti nazzjonali permezz ta’ netwerk ta’ koordinazzjoni dwar il-koeżistenza (COEX-NET).
Sa l-aħħar ta’ l-2005, leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika dwar il-koeżistenza ġiet adottata f’erba’ Stati Membri (DE, DK, PT, u sitt Länder (reġjuni) Awstrijaċi; ara l-Anness). Fil-maġġoranza l-kbira ta' l-Istati Membri l-oħra, ġie żviluppat biss abbozz ta’ miżuri ta’ koeżistenza. F’xi wħud mill-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar il-koeżistenza ġiet żviluppata jew qed tiġi żviluppata fil-livell reġjonali.
Sa l-aħħar ta’ l-2005, 20 abbozz ta’ leġiżlazzjoni minn seba’ Stati Membri ġew innotifikati skond id-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi. F’għaxra minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri nnotifikati setgħu joħolqu ostakli għall-moviment ħieles tal-prodotti; f’erba’ każijiet ma qajmet l-ebda oġġezzjonijiet bħal din. Żewġ notifiki ġew irtirati u erba’ oħra kienu għadhom pendenti sa l-aħħar ta’ l-2005.
Id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet li għamlu n-notifiki, skond il-proċedura ta’ notifika, ikkontribwixxa għal titjib sostanzjali fil-miżuri ta’ koeżistenza proposti anki jekk il-kummenti tal-Kummissjoni mhux dejjem kienu implimentati kompletament fil-leġiżlazzjoni adottata.
CZ innotifikat miżuri ta’ koeżistenza provviżorji għall-koltivazzjoni ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament għas-sena 2005 fil-kuntest tal-programm għall-iżvilupp rurali tagħha.
Flimkien mal-miżuri ta’ koeżistenza msemmija hawn fuq, l-Istati Membri u l-gvernijiet reġjonali ħadu iktar azzjonijiet li jħallu impatt fuq il-koltivazzjoni ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament. L-Awstrija ta’ Fuq u Salzburg irrikorrew għall-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE u nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozz tal-leġiżlazzjoni li kien jimponi projbizzjoni totali ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament f’dawk ir-reġjuni, biex b’hekk jidderogaw mir-regoli armonizzati stabbiliti fid-Direttiva 2001/18/KE. Iktar tard, Salzburg irtira n-notifika tiegħu. Il-Kummissjoni rrifjutat in-notifika ta’ l-Awstrija ta’ Fuq bl-argument li l-kundizzjonijiet stipolati fl-Artikolu 95(5) ma ġewx sodisfatti. Id-Deċiżjoni ġiet appoġġjata f’Ottubru 2005 minn deċiżjoni tat-Tribunal tal-Prim'Istanza[4]. F’Diċembru ta’ l-2005, l-Awstrija ta’ Fuq u r-Repubblika ta’ l-Awstrija appellaw fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra din id-deċiżjoni.
SI daħħlet il-parteċipazzjoni tal-bdiewa fil-miżuri agro-ambjentali fil-programm għall-iżvilupp rurali tagħha għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ 2004-2006 bil-kundizzjoni li huma joqogħdu lura milli jużaw OMĠ. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Sloveni li tali restrizzjoni mhix konformi mar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti[5], peress li l-użu ta' OMĠ, jekk jiġu applikati fi ħdan il-kundizzjonijiet tal-permess tagħhom, m'għandu l-ebda żvantaġġi għall-ambjent li jistgħu jiġu ppruvati . L-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw li l-fatt li ma jintużawx OMĠ mhux se jibqa’ kundizzjoni għal appoġġ taħt l-iskema agro-ambjentali fil-produzzjoni konvenzjonali ta’ l-għelejjel.
Xi miżuri adottati mill-Istati Membri u li jikkonċernaw l-OMĠ ma ġewx innotifikati. Ġeneralment, il-miżuri nazzjonali ma jistgħux jiġu infurzati kontra individwi jekk ġew adottati mingħajr il-proċeduri ta’ notifika adattati skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn tali miżuri jipprevedu projbizzjoni totali ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament, huma jidħlu f’kunflitt mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u ma jistgħux jiġu kkunsidrati miżuri ta' koeżistenza leġittimi skond l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE.
Digriet-liġi Taljan adottat f’Novembru 2004 u emendat f'Jannar 2005, jimponi projbizzjoni totali ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament fl-Italja sakemm il-miżuri ta’ koeżistenza ma jiġux adottati mir-reġjuni Taljani. Qabel l-adozzjoni tal-liġi nazzjonali, bosta reġjuni Taljani kienu stabbilixxew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ l-OMĠ fit-territorju tagħhom. Sabiex teżamina l-liġi Taljana fir-rigward tal-konformità tagħha mad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand l-Italja. Bħala konsegwenza għan-nuqqas ta’ tweġiba mill-Italja, f’Ottubru 2005 l-Kummissjoni bagħtet twissija bil-miktub lill-Italja għall-ksur ta' l-Artikolu 10 tat-Trattat.
Fi Frar ta’ l-2005, 20 reġjun minn Stati Membri differenti, li f’ħafna każijiet m’għandhomx il-kompetenza biex jilleġiżlaw dwar il-koeżistenza, iffirmaw karta f’Firenze fejn esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament fit-territorji tagħhom. Minn dakinhar, iktar reġjuni ngħaqdu man-netwerk.
Sinteżi tal-miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali
Is-sinteżi tal-miżuri implimentati jew proposti mill-Istati Membri jew reġjuni hija strutturata skond il-prinċipji ġenerali li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 2003/556/KE.
L-aspetti ekonomiċi ta’ koeżistenza kontra l-aspetti ambjentali u ta’ saħħa
Filwaqt li bosta Stati Membri jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-aspetti ekonomiċi ta' koeżistenza u l-aspetti ambjentali u ta' saħħa ttrattati fil-kuntest tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta’ l-OMĠ, oħrajn proponew li jinkludu d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-koeżistenza dwar il-ħarsien ambjentali. B’mod partikolari, xi wħud mill-Istati Membri proponew li l-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament tiġi pprojbita jew ristretta f’reġjuni protetti jew ekoloġikament sensittivi. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali ma jistgħux jintroduċu rekwiżiti biex jipproteġu l-ambjent li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.
It-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati
Bosta Stati Membri kkonsultaw b'mod estensiv ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, li jindika proċedura trasparenti fl-iżvilupp ta' miżuri ta' koeżistenza.
Deċiżjonijiet fuq bażi xjentifika
Bosta Stati Membri rrapurtaw l-attivitajiet ta’ riċerka, kemm dawk imwettqa kif ukoll dawk ippjanati, li huma qegħdin jużaw fl-iżvilupp tal-miżuri ta’ koeżistenza.
Iż-żjieda fuq il-metodi/il-prattiċi ta' segregazzjoni eżistenti
Minħabba li l-esperjenza prattika bl-għelejjel immodifikati ġenetikament hija limitata, jidher li xi ftit Stati Membri bnew fuq il-metodi jew il-prattiċi eżistenti għall-produzzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament. Fejn ġie rrapurtat, il-loġika għal miżuri ta' koeżistenza speċifiċi kienet ibbażata prinċipalment fuq tekniki għall-produzzjoni ta’ żrieragħ iċċertifikata, li ġew immodifikati parzjalment biex iqisu d-differenzi bejn il-produzzjoni taż-żrieragħ u l-produzzjoni ta’ l-għelejjel jew, f’każijiet oħra, ittieħdu bħala miżuri ta’ koeżistenza.
Ċerti miżuri jmorru lil hinn minn dawk li normalment jintużaw fil-prattiċi ta’ segregazzjoni agrikola eżistenti. Tali miżuri jinkludu approvazzjoni fil-livell tar-razzett jew azjenda agrikola każ b’każ jew proċeduri ta’ notifika għall-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament, li jistgħu jwasslu għal awtorizzazzjoni dduplikata għall-użu ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament li ġew awtorizzati għall-koltivazzjoni skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Proporzjonalità
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/556/KE tiddikjara li miżuri ta’ koeżistenza m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżguraw li traċċi aċċidentali ta’ OMĠ jibqgħu taħt limitu għall-ittikkettjar stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u d-Direttiva 2001/18/KE sabiex jiġi evitat piż żejjed fuq l-operaturi kkonċernati.
Filwaqt li xi wħud mill-Istati Membri qiesu dan il-parir, oħrajn iddeċidew li jipproponu u jadottaw miżuri li l-għan tagħhom hu li jnaqqsu l-preżenza aċċidentali ta’ OMĠ taħt dan il-livell. F’xi każijiet, il-miżuri proposti, bħal distanzi ta' iżolament bejn l-uċuħ tar-raba' mmodifikati ġenetikament u dawk mhux immodifikati ġenetikament, jidher li jinvolvu sforzi ikbar mill-produtturi ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament milli huwa meħtieġ, li jqajmu dubji dwar il-proporzjonalità ta’ ċerti miżuri.
Xi Stati Membri pproponew rekwiżiti ta’ iżolament differenti bejn għelieqi b’għelejjel immodifikati ġenetikament u dawk mhux immodifikati ġenetikament, li jiddependu fuq jekk l-għelejjel mhux immodifikati ġenetikament humiex prodotti b’mod konvenzjonali jew b’mod organiku jew jekk humiex prodotti fuq standards li mhumiex ta’ modifika ġenetika, anki jekk l-istess limiti għall-ittikkettjar għall-preżenza aċċidentali ta’ OMĠ japplikaw għall-metodu ta’ biedja konvenzjonali u dak organiku. Oħrajn ipproponew jew adottaw miżuri ta’ segregazzjoni identiċi.
Peress li l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri għadhom ma pproponewx miżuri tekniċi ta’ koeżistenza fuq il-post , u li ftit esperjenza prattika hija disponibbli, valutazzjoni sħiħa ta’ tali miżuri għadha ma kinitx possibbli.
Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi d-dritt leġittimu biex tiġi rregolata l-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament sabiex tinkiseb koeżistenza, tenfasizza li kull approċċ jeħtieġ ikun proporzjonali ma' l-għan li tinkiseb koeżistenza. Il-miżuri ta’ koeżistenza adottati jew proposti mill-Istati Membri jeħtieġ ikunu mmonitorjati fir-rigward tal-vijabbiltà u l-effiċjenza tagħhom, u adattati fuq il-bażi tar-riżultati futuri tal-programmi ta' monitoraġġ.
Skala addattata
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bosta Stati Membri bbażaw l-approċċi ta’ koeżistenza tagħhom fuq miżuri ta’ ġestjoni li huma applikabbli fuq il-livell ta' l-irziezet/azjendi agrikoli individwali jew f'koordinazzjoni bejn irziezet/azjendi agrikoli qrib xulxin. L-Istati Membri m'għamlu l-ebda proposti speċifiċi għal miżuri reġjonali.
PT u LU għamluha possibbli li jiġu ddefiniti reġjuni fejn il-koltivazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ OMĠ ikunu pprojbiti, jekk dan hu l-uniku mod kif tista' tinkiseb il-koeżistenza.
Speċifiċità tal-miżuri
Fil-ftit każijiet fejn l-Istati Membri żviluppaw miżuri tekniċi ta’ segregazzjoni, dawn il-miżuri huma skond l-għalla kkoltivata. L-għelejjel koperti jinkludu l-qamħirrum, iż-żrieragħ tal-lift, il-pitravi u l-patata.
F’xi każijiet, miżuri ta’ koeżistenza separati ġew żviluppati fir-rigward tal-produzzjoni taż-żrieragħ.
Implimentazzjoni tal-miżuri
Ġeneralment, l-Istati Membri taw ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ koeżistenza lill-bdiewa li jipproduċu għelejjel immodifikati ġenetikament. Dan ifisser li, meta jiġu introdotti l-għelejjel immodifikati ġenetikament, il-bdiewa li huma involuti fil-produzzjoni ta' l-għelejjel mhux immodifikati ġenetikament m'għandhomx għalfejn jibdlu t-tekniki tal-biedja stabbiliti.
F'bosta każijiet, l-abbozz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jippermetti lill-bdiewa ġirien, fuq bażi volontarja, jiddeċiedu bejniethom li ma jissegregawx il-produzzjoni mmodifikata ġenetikament minn dik mhux immodifikata ġenetikament, li jfisser li l-produzzjoni mhux immodifikata ġenetikament tkun trid tiġi ttikkettjata bħala mmodifikata ġenetikament. Dan hu f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri ta’ segregazzjoni m’għandhomx ikunu obbligatorji jekk il-ġirien jaqblu li s-segregazzjoni mhix meħtieġa.
L-Istati Membri kollha ħejjew reġistru nazzjonali tal-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament li hu aċċessibbli mill-pubbliku, għalkemm hemm differenzi fil-livell tad-dettall ta’ l-informazzjoni dwar il-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament li hi disponibbli għall-pubbliku. Bosta Stati Membri jirrikjedu wkoll li l-produtturi ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament jinfurmaw lill-bdiewa ġirien bl-intenzjoni tagħhom li jkabbru għelejjel immodifikati ġenetikament.
L-edba Stat Membru m’għadu ppropona kooperazzjoni transkonfinali ma’ pajjiżi ġirien biex jindirizzaw il-koeżistenza f’żoni ta’ konfini.
Strumenti tal-politika
Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri għażlu approċċ leġiżlattiv għall-koeżistenza. Fi Spanja, il-qamħirrum immodifikat ġenetikament ilu jiġi kkultivat sa mill-1998 taħt kodiċi ta' prattika tajba li ma torbotx.
Ir-regoli ta' responsabbiltà
Ħsara ekonomika li tista’ tirriżulta mit-taħlita ta' l-OMĠ fi prodotti li mhumiex immodifikati ġenetikament normalment taqa’ fl-ambitu tal-liġijiet nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili. Minħabba n-natura speċifika ta’ tali ħsara, uħud mill-Istati Membri ddeċidew li jiżviluppaw leġiżlazzjoni speċifika.
Xi Stati Membri qed jikkunsidraw li jimplimentaw skema kompensatorja. F’Novembru ta’ l-2005, il-Kummissjoni approvat, skond ir-regoli ta’ L-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat, in-notifika ta' DK dwar skema kompensatorja għal ħsara ekonomika li tirriżulta mit-taħlita ta' l-OMĠ, li hi ffinanzjata permezz ta’ levy fuq il-koltivazzjoni ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament[6].
Oħrajn jinkuraġġixxu jew jeħtieġu li l-produtturi ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament jiksbu assigurazzjoni li tkopri terzi persuni. Bħalissa, m’hemmx assigurazzjoni li tkopri ħsara ekonomika li tirriżulta minn preżenza aċċidentali disponibbli fl-UE. Għalhekk, m’għandhiex issir obbligatorja peress li n-nuqqas ta' suq ta' l-assigurazzjoni korrispondenti jwassal biex il-koltivazzjoni ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament issir impossibbli.
Fi Spanja, il-koltivazzjoni kummerċjali tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament saret skond il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar ir-responsabbiltà ċivili, fl-essenza ta’ regoli speċifiċi ta' responsabbiltà relatati mal-koeżistenza.
Monitoraġġ u evalwazzjoni
Minħabba l-koltivazzjoni limitata ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament fl-UE, għadhom ma bdewx jitħaddmu fil-prattika programmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni f’bosta Stati Membri.
Fi Spanja, ħafna drabi l-bdiewa jipprovdu produzzjoni ta’ l-għalf immodifikat ġenetikament u mhux immodifikat ġenetikament fl-istess suq. Dan wassal għal inċentivi limitati għall-bdiewa biex jissegregaw il-produzzjoni tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament u dak mhux immodifikat ġenetikament biex jintuża bħala għalf fil-livell ta’ l-irziezet. Fejn ġew implimentati l-miżuri ta' koeżistenza, ġew irrapurtati biss ftit ilmenti li jikkonċernaw implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi li rriżultaw mill-preżenza aċċidentali tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament f'dak mhux immodifikat ġenetikament.
Komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fuq livell Ewropew
Bid-Deċiżjoni 2005/463/KE[7] l-Kummissjoni stabbiliet grupp fin-netwerk għall-iskambju u l-koordinazzjoni ta' informazzjoni li tikkonċerna l-koeżistenza ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament, dawk konvenzjonali u dawk organiċi (COEX-NET). Fl-ewwel laqgħa tiegħu f’Settembru 2005, l-Istati Membri laqgħu b'mod pożittiv l-attività ta' koordinazzjoni tiegħu li tippermettilhom jiksbu stampa ġenerali ta' l-aħjar prattiċi żviluppati fi Stati Membri oħra, u saħqu fuq il-bżonn ta’ kooperazzjoni aħjar fl-iżvilupp ta’ miżuri tekniċi ta’ koeżistenza.
Ir-riċerka u l-iskambju tar-riżultati tar-riċerka
Numru kbir ta’ proġetti ta’ riċerka twettqu u għadhom qed jitwettqu fuq livell nazzjonali. Dawn l-isforzi għar-riċerka huma kkumplimentati minn azzjonijiet taħt is-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka Komunitarja (FP6), kif ukoll bl-attivitajiet ta’ riċerka diretta mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni. L-attivitajiet ta’ riċerka l-iktar riċenti komplew jiffukaw iktar fuq l-aspetti ekonomiċi tal-koeżistenza.
Osservazzjonijiet ta’ l-aħħar
L-esperjenza fil-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament fl-Istati Membri għadha limitata ħafna u ristretta għal ċerti reġjuni tal-Komunità, bl-eċċezzjoni partikolari ta’ Spanja. F’bosta Stati Membri, il-qafas regolatorju għall-koeżistenza għadu qed jiġi żviluppat, għalkemm f’ħafna każijiet l-abbozz tal-leġiżlazzjoni diġà ġie ppreparat. S’issa, il-koltivazzjoni reali ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament skond il-leġiżlazzjoni l-ġdida ta’ koeżistenza adottata mill-ewwel Stati Membri pijunieri (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka u l-Portugall) kienet insinifikanti. Il-programmi ta’ monitoraġġ għadhom iridu jiġu ppreparati u implementati sabiex l-effikaċja u l-vijabbiltà ekonomika tal-miżuri meħuda jiġu vverifikati.
Il-miżuri kollha ta’ koeżistenza adottati jew proposti mill-Istati Membri għandhom ċerti elementi ċentrali komuni: Huma mfassla biex jipproteġu lill-bdiewa li jipproduċu għelejjel mhux immodifikati ġenetikament minn konsegwenzi ekonomiċi possibbli tat-taħlit aċċidentali ma' OMĠ. Fl-istess ħin, il-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament mhix ipprojbita. Filwaqt li d-differenzi fl-istrettezza ta' l-approċċi ma jistgħux jiġu mċaħħda, l-Istati Membri in ġenerali għamlu sforz biex jippermettu t-tipi differenti ta' produzzjoni - koltivazzjoni ta' l-għelejjel konvenzjonali, organiċi u mmodifikati ġenetikament - biex jikkoeżistu fi ħdan reġjun. Ir-responsabbiltà ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ segregazzjoni bejn il-produzzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament u dik ta’ l-għelejjel mhux immodifikati ġenetikament normalment ġiet mitfugħa fuq il-produtturi ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament.
Hemm differenzi importanti bejn l-approċċi nazzjonali varji. L-ewwel qabel kollox, dawn jikkonċernaw il-kwistjoni tar-responsabbiltà f’każ ta’ ħsara ekonomika minn preżenza aċċidentali ta’ OMĠ f’għelejjel oħra. Xi Stati Membri għadhom ma pproponewx leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, li jfisser li tapplika l-kodiċi ġenerali dwar ir-responsabbiltà ċivili. Peress li r-responsabbiltà ċivili taqa’ fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri, wieħed għandu jistenna li se jkun hemm ċerti differenzi fir-regoli li japplikaw għall-koeżistenza, bl-istess mod kif hemm differenzi fir-rigward ta’ attivitajiet oħra. Stati Membri oħra qed jipproponu li jistabbilixxu dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà speċifiċi u/jew skemi kompensatorji.
Hemm ukoll differenzi rigward il-livell ta’ segregazzjoni li għandu jinkiseb. F'xi Stati Membri l-miżuri ta' koeżistenza għandhom l-għan li jiżguraw li l-limiti għall-ittikkettjar tal-Komunità ma jinqabżux u dan skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Oħrajn jew ma jagħmlu l-ebda referenza ċara fir-rigward ta' liema livelli ta’ taħlit ta’ OMĠ huma ttollerati, jew jiffissaw livelli li jridu jintlaħqu li huma taħt il-limiti għall-ittikkettjar tal-Komunità.
L-introduzzjoni tal-produzzjoni ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament mhux dejjem ġiet segwita minn regoli obbligatorji jew miżuri ta’ koeżistenza. Fil-każ ta’ Spanja dan ma deherx li kien meħtieġ peress li, fil-każ tal-qamħirrum għall-użu bħala għalf, is-suq m’għandux bżonn is-segregazzjoni tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament minn dak mhux immodifikat ġenetikament
Filwaqt li, komparattivament, il-proċess biex jiġu stabbiliti oqfsa ġenerali leġiżlattivi għall-koeżistenza huwa iktar avvanzat, il-miżuri skond l-għalla kkoltivata huma ħafna inqas żviluppati u, f’bosta każijiet, huma limitati għal xi ftit għelejjel.
Dan minħabba l-fatt li l-bażi ta’ għarfien xjentifiku għall-miżuri ta’ koeżistenza mhux żviluppat bl-istess mod għall-għelejjel differenti. Għall-qamħirrum, li attwalment hija l-unika għalla mmodifikata ġenetikament li hija awtorizzata għall-koltivazzjoni, hemm disponibbli ammont sostanzjali ta' għarfien xjentifiku u esperjenza prattika. Dawn jindikaw li s-segregazzjoni tal-produzzjoni tal-qamħirrum immodifikat ġenetikament minn dik tal-qamħirrum mhux immodifikat ġenetikament tista’ tinkiseb permezz ta’ miżuri tekniċi li huma applikabbli fil-livell ta’ l-irziezet individwali jew f’koordinazzjoni bejn irziezet ġirien.
Madankollu, il-kundizzjonijiet li jsegwu l-bdiewa Ewropej, fir-rigward tal-qies tar-razzett u ta’ l-għalqa, is-sistema ta’ produzzjoni, ir-rotazzjoni ta’ l-għelejjel u l-mod ta’ produzzjoni ta’ l-għelejjel, kif ukoll il-kundizzjonijiet naturali huma differenti ħafna. Din il-varjabilità jista’ jkollha impatt fuq l-infiq effettiv tal-miżuri ta’ segregazzjoni li, għalhekk, jeħtieġ li jiġu adattati għall-kundizzjonijiet lokali.
Peress li l-adozzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament għadha fil-bidu, u peress li l-informazzjoni ġenerali dwar il-vijabbiltà u l-proporzjon bejn l-infiq u l-benefiċċju ta’ miżuri prattiċi ta’ koeżistenza huma limitati, huwa għalhekk essenzjali li jinżamm livell massimu ta’ flessibiltà għall-Istati Membri biex jiżviluppaw soluzzjonijiet speċifiċi biex tinkiseb koeżistenza.
L-approċċi nazzjonali u reġjonali għall-koeżistenza għandhom ikunu f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni Komunitarja li teskludi l-projbizzjoni ġenerali ta’ l-OMĠ f’reġjun kif ukoll miżuri restrittivi żżejjed li jmorru lil hinn mill-għan li jiżguraw koeżistenza, u li jistgħu jrendu l-koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament prattikament impossibbli. Il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi rrispettata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali dwar il-koeżistenza.
L-esperjenza Spanjola wriet li anki fi Stat Membru fejn japplikaw l-istess regoli ta’ koeżistenza fit-territorju kollu, l-adozzjoni ta' l-għelejjel immodifikati ġenetikament hi mqassma b'mod inekwu fir-reġjuni minħabba, per eżempju, id-differenzi fil-kundizzjonijiet agrikoli jew il-preferenza lokali ta’ l-operaturi kkonċernati. Għalhekk, adozzjoni inekwa fl-Istati Membri u r-reġjuni tar-rata ta’ koltivazzjoni ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament mhux neċessarjament timplika tfixkil fis-suq. Bħalissa, l-impatt tad-differenzi fl-approċċi għall-koeżistenza fis-suq intern ma jistax jiġi vvalutat biżżejjed.
L-isfida li għandhom l-Istati Membri hi li jiżviluppaw miżuri ta’ koeżistenza li huma sostenibbli ekonomikament. F’dan ir-rigward, se jkun meħtieġ li jiġu adattati r-regoli tekniċi għall-miżuri fil-qasam b’mod iktar flessibbli skond ir-riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ. Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jitfasslu miżuri ta' koeżistenza skond il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-livell nazzjonali jew reġjonali, dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq xjenza tajba li tqis l-aħjar riżultati tar-riċerka u l-esperjenza fil-qasam li huma disponibbli. Ħafna mir-riċerka dwar il-koeżistenza saret fil-livell nazzjonali u hija frammentarja, u mhux neċessarjament disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji kollha.
Il-mixja 'l quddiem
Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tinġabar iktar esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' koeżistenza nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għal iktar kooperazzjoni attiva ma’ l-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-koeżistenza. L-esperjenza limitata u l-ħtieġa li l-proċess ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali jiġi konkluż jidhru li ma jiġġustifikawx l-iżvilupp ta' approċċ leġiżlattiv iddedikat u armonizzat preżentement. Madankollu, qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, għandu jiġi konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Dan se jkun jista' jsir matul il-konferenza dwar il-koeżistenza fi Vjenna, bejn l-4 u s-6 ta’ April.
Sadanittant, il-Kummissjoni tipproponi li jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:
il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tagħmel l-informazzjoni li hemm disponibbli għall-Istati Membri kollha u biex tappoġġja l-attivitajiet ta' riċerka li jimlew, b'mod sinifikanti, in-nuqqasijiet fl-għarfien tagħna dwar il-koeżistenza. Il-kooperazzjoni pożittiva ma’ l-Istati Membri, diġà stabbilita fil-kuntest tal-COEX-NET, tipprovdi bażi adattata għal iktar attivitajiet f’dan ir-rigward; |
il-Kummissjoni tipproponi li tirrevedi u tanalizza l-informazzjoni xjentifika u ekonomika l-iktar riċenti li hi disponibbli, dwar il-miżuri ta’ segregazzjoni fil-produzzjoni ta’ l-għelejjel u ż-żrieragħ u l-infiq tagħhom. Din il-valutazzjoni għandha tqis id-domanda fis-suq għas-segregazzjoni u s-sehem rispettiv ta’ l-użu ta’ l-ikel u l-għalf f’reġjuni differenti; |
mill-2006, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem flimkien ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati fuq l-iżvilupp ta' l-aħjar prattiċi għall-miżuri ta' segregazzjoni tekniċi li jwasslu għal rakkomandazzjonijiet skond l-għalla. L-esperjenza prattika bil-koltivazzjoni kummerċjali ta’ l-għelejjel immodifikati ġenetikament fi Spanja u l-Istati Membri l-oħra se tkun ta’ importanza partikolari f’dan il-proċess. L-impatt tal-fatturi lokali (per eżempju: il-qies medju ta’ l-għelieqi, is-sehem ta’ l-għelejjel differenti, eċċ.) li jaffettwaw l-applikabilità tal-miżuri ġenerali ta’ kunsens fl-Istati Membri se jiġi kkunsidrat. |
il-Kummissjoni biħsiebha tikseb iktar informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili fid-dawl ta’ regoli nazzjonali li japplikaw għat-taħlit ta’ għelejjel immodifikati ġenetikament ma’ dawk mhux immodifikati ġenetikament. Din l-informazzjoni se tikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta’ l-effettività u l-impatt potenzjali ta’ regoli diverġenti dwar ir-responsabbiltà u l-iskemi kompensatorji rigward il-koeżistenza; |
fl-2008, il-Kummissjoni se tirraporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew il-progress li sar fir-rigward ta’ l-attivitajiet msemmija hawn fuq, inkluż aġġornament dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali. |
- ANNESS: SINTEżI TAL-MIżURI TA’ KOEżISTENZA NAZZJONALI
Adottata | | | | | |x | | | | | | | | | | | | | | |x | | | | | |Abbozzi fi stadju avvanzat jew innotifikati | | | |x | | | | |x | | |x | | |x |x |x | |x |x | |x | | |x | |
[1] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1829/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).
[2] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
[3] ĠU L 189, 29.7.2003, p. 36.
[4] Każijiet Konġunti T-366/03 u T-235/04, Ġudizzju tal-5.10.2005 – Land Oberösterreich u l-Awstrija v. il-Kummissjoni
[5] ĠU L 160, 26. 6.1999, p. 80.
[6] Il-Każ Nru 568/2004 ta’ l-Għajnuna mill-Istat.
[7] ĠU L 164, 24.6.2005, p. 50.
[8] Il-leġiżlazzjoni ġiet żviluppata mill-Istat federali u mill- Bundesländer .
[9] Il-liġi qafas li tittrasferixxi r-responsabbiltà tal-miżuri ta’ koeżistenza għal-livell reġjonali.
| Fuq |