52005DC0580

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali 2004 - (ECHO) {SEG(2005) 1481} /* KUMM/2005/0580 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.11.2005

KUMM(2005) 580 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali 2004 - (ECHO) {SEG(2005) 1481}

WERREJ

1. Daħla 3

2. Aspetti politiċi ġenerali 3

3. Analiżi ġenerali tat-tħaddim umanitarju tad-DĠ ECHO 4

4. Kwistjonijiet elwenin orrizontali 7

4.1. Relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-imsieħba - FPA 7

4.2. Relazzjonijiet ma’ msieħba umanitarji ewlenin, donaturi mhux ta’ l-UE u istituzzjonijiet Komunitarji oħra 7

4.3. Pjannar strateġiku u kwistjonijiet trażversali 7

4.4. Fondi tematiċi 8

4.5. Taħriġ u studji, komunikazzjoni u tagħrif 8

4.6. Riżorsi tal-baġit u umani, verifika u evalwazzjoni 9

5. Prospettivi 9

1. DAħLA

Id-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Għajnuna Umanitarja – DĠ ECHO- hu responsabbli għall-immaniġjar tal-fondi pprovduti mill-Unjoni Ewropea għall-assistenza umanitarja għall-vittmi ta’ kunflitti jew diżastri, kemm naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, f’pajjiżi barra l-Unjoni. Il-mandat tiegħu hu li jsalva u jippreżerva l-ħajja, inaqqas u jipprevjeni t-tbatija u jipproteġi l-integrità u d-dinjità ta’ popli ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE milquta minn kriżijiet umanitarji. Id-DĠ ECHO għandu l-impenn li jipprovdi din l-għajnuna biss fuq il-bażi ta' ħtiġijiet u ma jiġix influwenzat minn kunsiderazzjonijiet politiċi.

L-2004 wisq probabbli ser tibqa’ mfakkra bħala s-sena tat-tsunami terribbli tas-26 ta’ Diċembru li qatel sa 280 000 persuna f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna fuq l-ixtut ta’ l-Oċean Indjan. Madankollu, eluf oħra mietu fi kriżijiet oħra fi bnadi oħra tad-dinja fl-2005, bosta drabi mingħajr ma’ l-pubbliku kien konxju ta’ l-għawġ tagħhom. Dawn huma dawk li l-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ “kriżijiet minsija”, kriżijiet li mhumiex, jew m’għadhomx taħt l-attenzjoni tal-medja. Wieħed mill-għanijiet tad-DĠ ECHO hu li jkun preżenti f’qagħdiet bħal dawn kif ukoll li jnaqqas it-tbatija tal-vittmi ta’ kriżijiet, ġieli għal żmien prolongat, bħal dawn.

B’mod parallel ma’ l-iffokar ta’ l-iżvilupp ta’ ħtiġijiet globali umanitarji, id-DĠ ECHO, ssokta jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet trażversali bħar-rabta bejn għajnuna ta’ emerġenza u ta’ żvilupp, tħejjija għal diżastri, l-HIV/AIDS u t-tfal. Ir-rapport jiġbor l-attivitajiet ewlenin tad-DĠ ECHO fl-2004. L-anness jipprovdi tagħrif aktar dettaljat dwar l-attivitajiet, li jinkludu evalwazzjoni ġenerali pajjiż b’pajjiż tat-tħaddim umanitarju tad-DĠ ECHO.

2. ASPETTI POLITIċI ġENERALI

Ir-rispons tad-DĠ ECHO għall-emerġenzi umanitarji żviluppat flimkien mal-bidliet tal-ħtiġijiet globali umanitarji fl-2004, kif rifless fid-distribuzzjoni reġjonali tal-mudelli ta’ fondi tad-DĠ, b’attenzjoni partikolari għall-“kriżijiet minsija”. Sabiex jiġi żgurat li t-tħaddim tad-DĠ ECHO jitmexxa skond il-ħtiġijiet, il-programm ta’ xogħol tad-DĠ ECHO jissejjes fuq l-evalwazzjoni tal-metodoloġija tal-ħtiġijiet globali (GNA). Dan jipprovdi evalwazzjoni trażversali li tqabbel il-qagħda f’madwar 130 pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fuq is-sisien ta’ disa’ indikaturi umanitarji (żvilupp uman, faqar uman, riskju ta’ diżastri naturali, kunflitti, rifuġjati, persuni mċaqilqa internament (IDPs), nuqqas ta’ ikel sustanzjuz, mortalità u kontribuzzjonijiet ta’ donaturi oħra). Fil-klassifikazzjoni tal-GNA, l-ewwel 25% tal-pajjiżi fil-lista huma kklassifikati bħala dawk bl-akbar bżonnijiet, il-50% fin-nofs huma kklasifikati bħala pajjiżi li għandhom bżonnijiet medji u l-25% li jibqa’ bħala pajjiżi li ma tantx għandhom bżonnijiet. Għaldaqstant, il-GNA jippermetti lid-DĠ ECHO li jivverifika, minn perspettiva globali, kemm qegħdin jimplimentaw b’suċċess l-istrateġija msejsa fuq il-bżonn . B’applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija għar-riżultati ta’ l-2004 (bħal fil-31 ta’ Diċembru 2004) 62% (jew €353 miljun) mill-€570 miljun impenjati mill-Kapitolu 23 02 tal-baġit u l-EDF kienu allokati liż-żoni bl-akbar bżonnijiet, 30% (jew €172 miljun) liż-żoni bi bżonnijiet medji u anqas minn 1.0% ( jew €4 miljun) għaż-żoni li ma tantx għandhom bżonnijiet (“bżonnijiet speċifiċi”). Il-bqija (€41 miljun jew 7%) intefqu fuq fondi tematiċi, għajnuna teknika u nefqa ta’ appoġġ.

Ġeografikament, tħaddim iffinanzjat mid-DĠ ECHO fil-Korea ta’ Fuq, is-Sri Lanka, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Lvant Nofsani kif ukoll attivitajiet ta’ tħejjija għad-diżastri fil-Karibew ġew evalwati. L-evalwazzjoni globali ta’ l-evalwaturi kienet li l-azzjoni ffinanzjata mid-DĠ ECHO f’dawn il-pajjiżi u reġjuni ssodisfat l-għanijiet ewlenin umanitarji.

L-istrateġija ta’ l-għajnuna tad-DĠ ECHO ssoktat tiffoka fuq il-kriżijiet minsija. Dan ifisser il-kriżijiet umanitarji li jiġbdu ftit jew xejn l-interess ta’ opinjoni politika/pubblika u fejn hemm ftit donaturi oħra preżenti jew donaturi oħra li jsibuha bi tqila biex jinvolvu ruħhom minħabba r-riskji għolja li huma involuti. L-analiżi u l-metodoloġija tad-DĠ ECHO biex jidentifikaw kriżijiet minsija jissejsu kemm fuq tagħrif kwantittativ (nuqqas ta’ kopertura tal-mezzi tax-xandir jew appoġġ baxx tad-donaturi flimkien ma’ bżonnijiet għolja) kif ukoll fuq fatturi kwalitattivi (evalwazzjoni fuq il-post mill-esperti tad-DĠ ECHO u dawk responsabbli għad-dokumentazzjoni). Fl-2004, il-kriżijiet u l-ħtiġijiet l-aktar minsija kienu identifikati li jinsabu fi: l-Alġerija (is-Saħara tal-Punent), ir-Repubblika Demoratika tal-Kongo, il-Guinea, Ħaiti, l-Indja, il-Myanmar/Burma, in-Nepal, il-Kawkażu ta’ Fuq (iċ-Ċeċnija), it-Tajlandja (ir-rifuġjati Burmiżi), is-Somalja, is-Sudan, l-Uganda u l-Jemen. Tul is-sena, l-appoġġ b’total ta’ €239 miljun ġie allokat lil dawn il-kriżijiet l-aktar minsija, jiġifieri 42% tal-€570 miljun impenjati mill-Kapitolu 23 02 tal-baġit u l-EDF.

Id-DĠ ECHO, flimkien ma’ l-aġenziji u organizzazzjonijiet umanitarji, jagħti l-aktar importanza lill-ħila li jinkiseb aċċess sigur, mingħajr xkiel u kontinwu għaż-żona umanitarja. Id-DĠ baqa’ viġilanti u attiv tul l-2004 biex jiżgura li l-prinċipji umanitarji ta’ l-imparzjalità newtralità u indipendenza jibqgħu importanti fuq l-aġenda kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ l-UE kif ukoll f’fora internazzjonali. B’mod partikolari permezz ta’ din l-istrateġija, dispożizzjoni speċifika iddaħħlet fl-abbozz tat-Trattat tal-Kostituzzjoni biex tipproteġi l-prinċipji umanitarji.

3. ANALIżI ġENERALI TAT-TħADDIM UMANITARJU TAD-DĠ ECHO

Minkejja tendenzi pożittivi f’ċerti oqsma, il-qagħda globali umanitarja ħalliet ftit post għal ottimiżmu peress li l-isfidi ssoktaw jiżdiedu. In-numru ta’ rifuġjati naqas minn 10.6 miljun fl-2002 għal 9.67 miljun fl-aħħar ta’ l-2003 [1] Madankollu, kif l-esperjenza wriet, meta r-rifuġati jiġu lura xorta jkollhom bżonn għajnuna umanitarja, għallinqas għall-ewwel ftit wara li jiġu lura. In-numru ta’ persuni mċaqalqa internament hu stimat għal 25 miljun [2] Huma msejħa kif xieraq “l-akbar grupp fid-dinja ta’ persuni vulnerabbli” [3]

Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet tan-Nofs Qamar Aħmar (IFRC) “Rapporti ta’ Diżastri tad-Dinja fl-2004” turi li n-numru ta’ mwiet ikkawżati mid-diżastri naqas imma n-numru ta’ nies affetwati żdied. Madankollu, il-kriżijiet umanitarji li seħħew fl-Ażja minħabba t-terremot u t-tsunami li ġiet wara fis-26 ta’ Diċembru wera b’mod traġiku l-vulnerabbiltà li kull ma tmur aktar tikber tal-popli għal diżastri naturali.

Ir-rispons ta’ DĠ ECHO għal kriżijiet umanitarji fl-2004 titwassal permezz ta’ 102 deċiżjoni ta’ fondi li jammontaw għal €570.4 miljun: Ġew iffinanzjati €518.2 miljun mill-baġit tal-Kummissjoni u €52.2 miljun inġibdu mill-EDF. Ir-rata ta’ implimentazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet ta’ l-impennji kienet ta’ 100%. Kienu l-pajjiżi ta’ l-AKP li l-aktar ibbenefikaw mill-għajnuna (€301.6 miljun), segwiti mill-Ażja (€111.1 miljun). It-tabella ta’ hawn isfel tagħti analiżi ġenerali tad-distribuzzjoni ġeografika tad-deċiżjonijiet ta’ l-għajnuna umanitarja adottati fl-2004 (ammonti f’eluf ta’ euro):

Unità/Reġjun | Ammont | % |

DĠ ECHO -1: L-Afrika, il-Karibew, il-Paċifiku | 301 555 | 53% |

Il-Qarn ta’ l-Afrika | 139 618 |

Il-Lagi l-Kbar | 76 360 |

L-Afrika tal-Punent | 37 300 |

Il-Karibew, il-Paiċifiku, l-Oċean Indjan | 19 477 |

L-Afrika t’Isfel | 28 800 |

DĠ ECHO -2: L-Ewropa tal-Lvant, il-Federazzjoni Russa, il-Kawkażu t’Isfel, l-Ażja Ċentrali (kif ukoll il-Mongolja), il-Lvant Nofsani, il-Mediterran | 90 705 | 16% |

Il-Federazzjoni Russa, il-Kawkażu t-Isfel, l-Ażja Ċentrali (kif ukoll il-Mongolja) | 41 850 |

Il-Mediterran u l-Lvant Nofsani | 48 855 |

DĠ ECHO -3: L-Ażja, l-Iraq, l-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel | 123 322 | 22% |

L-Ażja | 111 122 |

L-Iraq | - |

L-Amerika tan-Nofs u l-Amerka t’Isfel | 12 200 |

Dipecho—Tħejjija għad-dizastri | 13 700 | 2% |

Fondi tematiċi | 19 430 | 3% |

Għajnuna teknika (esperti u kontijiet imprest) | 15 300 | 3% |

Nefqa ta’ appoġġ (verifiki, evalwazzjoni, tagħrif u komunikazzjoni eċċ.) | 6 400 | 1% |

TOTAL 2004 | 570 412 | 100% |

Ħidmiet ewlenin tad-DĠ ECHO fl-2004

Fl-Afrika l-aktar ħidmiet estiżi seħħew fis- Sudan/Darfur . Il-gwerra ċivili li bdiet f’Darfur fl-2003 tant kibret b’mod drammatiku fl-2004, li ġiegħlet lill-organizzazzjoni ta’ l-NU ssejħilha “l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja” b’aktar minn miljun persuna li kellha titlaq minn darha u żewġ terzi mill-popolazzjoni milquta ħażin mill-kunflitt. Barra l-€20 miljun maħsuba għas-Sudan, sensiela ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla ttieħdu u offrew total ta’ €83 miljun biex jgħinu lill-vittmi tal-kunflitt li dejjem jiggrava fir-reġjun il-Kbir tad-Darfur, kif ukoll għar-rifuġjati fiċ-Ċad. Id-DĠ ECHO ħa sehem ukoll fl-isforzi ta’ promozzjoni internazzjonali, pereżempju billi jikkoopera fit-tmexxija tal-grupp ta’ twissija tad-donaturi f’Ġeneva f’Ġunju.

Il-qagħda ġlobali umanitarja fl- Afrika Ċentrali u r-reġjun tal-Lagi l-Kbar (il-Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Kongo Brazzaville, ir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali u t-Tanzanija) baqgħet inċerta fl-2004. Progress fil-proċessi varji ta’ paċi fir-reġjun baqgħu tentativi, immarkati bi ġlidiet żgħar fil-Burundi u l-ġlieda kontinwa fil-Lvant tad-DRC. Miljuni bbenefikaw minn proġetti ffinanzjati mid-DĠ ECHO

Partijiet mis- sottoreġjun ta’ l-Afrika tal-Punent sofra wkoll il-konsegwenzi ta’ kunflitti armati mingħajr waqfien u diżastri naturali fl-2004. Id-DĠ ECHO kompla joffri fondi lill-proġetti ta’ emerġenza, b’mod partikolari bħala rispons għat-tifqigħat ta’ mard li jittieħed, fejn madwar 200 miljun persuna qegħdin fir-riskju.

Fil- Kawkażu ta’ Fuq , il-kriżi mtawwla u minsija fiċ-Ċeċnija baqgħet waħda mill-prijoritajiet ta’ ħidma tad-DĠ ECHO fl-2004, b’fondi li jammontaw għal €28.5 miljun ġew allokati lill-vitmi ta’ dan il-kunflitt. Id-DĠ ECHO pprovda fondi sostanzjali biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ aktar minn 450 000 persuna milquta mill-kriżi, kemm fiċ-Ċeċnija kif ukoll fil-pajjiżi ġirien ta’ l-Ingushetia u d-Dagestan.

Kondizzjonijiet fit- territorji okkupati mill-Palestina ddeterjoraw iżjed fl-2004 peress li l-proċess ta’ paċi baqa’ wieqaf. 70% tal-popolazzjoni stimata ta’ 3.8 miljun għandhom nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel jew qegħdin fir-riskju ta’ dan filwaqt li kważi żewġ miljuni baqgħu fil-faqar. Fl-2004, id-DĠ ECHO għamel disponibbli €37.35 miljun għal ħidmiet umanitarji li jibbenefikaw minnhom il-Palestinjani fit-territorji Palestinjani okkupati kif ukoll ir-rifuġjati Palestinjani fil-Ġordan, fil-Lebanon u s-Sirja u r-rifuġjati mill-Iraq li joqogħdu f’tined il-Ġordan u fin-“ no man’s land ” bejn il-Ġordan u l-Iraq.

Mill-aħħar ta’ l-azzjoni maġġuri millitari fl-2002, fl- Afghanistan aktar minn tliet miljun rifuġjat u persuni mċaqalqa internament (IDPs) irritornaw lura fiż-żoni tad-dar tagħhom mill-Pakistan u l-Iran. Madankollu, il-pajjiż xorta jkollu jħabbat wiċċu ma’ bżonnijiet enormi. Fl-2004, id-DĠ ECHO pprovda €35 milljun f’għajnuna umanitarja lill-Afghanistan taħt pjan globali mfassal biex ikopri s-sena kollha. Id-DĠ ECHO ssokta jgħin lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari billi jappoġġja r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rifuġjati u l-IDPs.

Fl-aħħar, it- tsunami li laqgħat ir-reġjuni tal-kosta madwar l-Oċean Indjan fis-26 ta’ Diċembru qatel sa 280 000 persuna, u b’hekk jitqies bħala wieħed mill-agħar diżastri li qatt ġie rreġistrat. Miljuni ta’ nies tilfu d-dar u l-għajxien tagħhom. Id-DĠ ECHO kien l-ewwel donatur li rrisponda, billi pprovda fondi lill-aġenziji li jaħdmu fuq il-post. Fis-26 ta’ Diċembru 2004, €3 miljun euro ġew allokati lill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar. Fit-30 u l-31 ta’ Diċembru ttieħdu żewġ deċiżjonijiet oħra. Kull wieħed minnhom taw €10 miljun lis-Sri Lanka, il-Maldivi u l-Indoneżja. F’Jannar 2005, il-Kummissjoni Ewropea talbet sa €100 miljun lill-awtorità tal-baġit (il-Parlament u l-Kunsill) għal sforzi ġodda ta’ serħan fiż-żona milquta u fid-9 ta’ Frar ġiet adottata deċiżjoni biex tipprovdi €80 miljun għal għajnuna u assitenza, li tinkludi riabilitazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien, għall-popli fiż-żoni affetwati. Tagħrif dettaljat dwar il-ħidmiet f’kull pajjiż jista’ jinstab fl-Anness ta’ dan ir-rapport.

4. KWISTJONIJIET ELWENIN ORRIZONTALI

4.1. Relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-imsieħba - FPA

Id-Deċiżjoni dwar l-infiq għal appoġġ amministrattiv għall-2004, li jinkludi faċilità ta’ għotja għall-2004 (linja ta’ baġit għall-għotjiet żgħar – li ma jiġġeddux, għal taħriġ, studji u netwerks fil-qasam umanitarji), ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2004. Tliet għotjiet li ammontaw għal kważi €300 000 ingħataw f’Ottubru 2004.

Intemmet l-ewwel fażi tax-xogħol ta’ tħejjija għall-istrumenti kuntrattwali li jkopru aġenziji speċjalizzati ta’ l-Istati Membri. Din kienet tinkludi l-identifikazzjoni ta’ numru ta’ entitajiet li setgħu jibbenefikaw minn dawn il-proċeduri ġodda u mit-tip ta’ azzjoni li setgħet tiġi prevista.

4.2. Relazzjonijiet ma’ msieħba umanitarji ewlenin, donaturi mhux ta’ l-UE u istituzzjonijiet Komunitarji oħra

Fix- xena internazzjonali , id-DĠ ECHO ħa sehem f’għadd ta’ laqgħat biex jiddiskuti fid-dettall ma’ donaturi ewlenin oħra dwar kwistjonijiet bħat-tnaqqis taż-żona umanitarja, prinċipji umanitarji – b’mod partikolari r-riskju li l-missjonijiet integrati ta’ l-NU jistgħu ma jħarsuhomx – jew il-problema ta’ aċċess għal ċerti pajjiżi għal ħaddiema umanitarji.

Erba’ laqgħat annwali dwar id-Djalogu Strateġiku ta’ l-Ipprogrammar ġew organizzati ma’ msieħba ewlenin (OCHA, UNICEF, WHO u WFP) qabel l-aħħar ta’ l-2004.

Fuq livell ta’ l-istituzzjoni Komunitarja , id-DĠ ECHO baqa’ viġilanti u attiv tul l-2004 biex jiżgura li l-prinċipji umanitarji jibqgħu importanti fuq l-aġenda kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ l-UE kif ukoll f’fora internazzjonali.

Id-DĠ ECHO attenda numru ta' laqgħat fuq livelli varji fil-Kunsill u ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni bħad-DĠ Ambjent (għal kwistjonijiet ta’ ħarsien taċ-ċivil) u d-DĠ Relazzjonijiet Esterni (dwar l-immaniġjar ta’ kriżijiet) biex jinsisti sabiex il-prinċipji umanitarji jkunu parti integrali tax-xogħol tagħhom.

Ħdax-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Għajnuna Umanitarja (HAC) b’rappreżentanti mill-Istati Membri ġew organizzati fl-2004. Barra minn hekk, il-Presidenzi ta’ l-Irlanda u ta’ l-Olanda sejħu żewġ laqgħat informali tal-HAC, waħda biex jiddiskutu dwar il-prinċipji umanitarji, l-oħra dwar ir-relazzjoni ċivili/militari.

4.3. Pjannar strateġiku u kwistjonijiet trażversali

Fl-2004, id-DĠ ECHO stabbilixxa l-istrateġija tiegħu għall-2005 li tissejjes fuq l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet madwar id-dinja u l-analiżi ta' kriżijiet minsija.

- Ir-rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) Id-DĠ ECHO ssokta x-xogħol tiegħu fi ħdan il-grupp ta’ servizz intern dwar din il-kwistjoni. Progress tajjeb sar f’bosta mill-15-il pajjiż u reġjuni magħżula bħala każi sperimentali fl-2003. Implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ rabta baqgħu bħala prijorità kostanti fil-qasam, bi progress notevoli miksub fil-pajjiżi bħall-Angola, it-Taġikistan u l-Kambodja. Dettalji jistgħu jinstabu fl-Anness ta’ dan ir-rapport.

- Tfal : Id-DĠ ECHO għolla l-profil ta’ din il-prijorità trażversali. Fl-2004 xi 66 mill-102 deciżjoni ta’ fondi u 79 kuntratti ffokaw fuq jew inkludew attivitajiet relatati mat-tfal (pereżempju għalf terapewtiku, tilqim, integrazzjoni mill-ġdid tas-suldati tfal) li rċevew total ta’ €46 miljun (€26 miljun fl-2003).

Fl-2004, id-DĠ ECHO ħejja wkoll abbozz ta’ linji ta’ gwida ta’ politika interna li għandu x’jaqsam ma’ tfal affetwati minn kriżijiet umanitarji u mekkaniżmu ta’ rappurtar li jkejlu b’mod aktar preċiż l-ambitu u l-impatt ta’ l-attivitajiet tad-DĠ ECHO fl-appoġġ tagħhom.

- DPP : Id-DĠ ECHO adotta total ta’ 16-il deċiżjoni ta’ fondi li inkludew appoġġ għall-attivitajiet ta’ tħejjija għal diżastri. Ipprovda appoġġ li jammonta għal €360 000 għall-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tad-Diżastri f’Kobe, pass importanti għal promozzjoni globali dwar it-tnaqqis tad-diżastri. Id-DĠ ECHO għamel sforzi sinjifikanti fl-2004 biex isaħħaħ l-inizjattivi internazzjonali sabiex jittejjeb it-tnaqqis ta’ diżastri, b’mod partikolari permezz ta’ l-iżvilupp tas-Sistema Globali għat-Twissija tad-Diżastri ma’ l-OCHA ta’ l-NU u ċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta tal-KE ((€420 000).

- Ilma: L-ilma ġie miżjud bħala prijorità fil-programm ta’ xogħol tad-DĠ fl-2004. Għalhekk, id-DĠ ECHO nediet sejħa restritta għall-offerti sabiex jiġu riveduti l-kwistjonijiet ta’ ilma u sanità fl-għajnuna umanitarja. Ix-xogħol hu maħsub għall-2005.

Lill hinn mill-ambitu oriġinali ta’ dan l-għan, id-DĠ ECHO temm ukoll rapport dwar l-approċċ tiegħu lejn l-HIV/AIDS.

4.4. Fondi tematiċi

Fondi tematiċi huma mod ġdid kif wieħed jaħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tad-DĠ ECHO biex jaħdmu mill-qrib ma’ l-aġenziji ta’ l-NU u l-familja tas-Salib l-Aħmar biex tittejjeb il-kunsinna ta’ għajnuna umanitarja.

Fl-2004, id-DĠ ECHO kkonkluda kuntratti tematiċi ma’ l-OCHA ((€4 miljun), biex itejjeb il-ġestjoni ta’ tagħrif ta’ l-OCHA, flimkien mad- WHO (€3.5 miljun), biex jappoġġja l-Azzjoni ta’ Saħħa tiegħu fil-Kriżijiet, u mad- WFP (€4.5 miljun), biex isaħħaħ l-kapaċita tiegħu b’mod adegwat biex jevalwa l-bżonnijiet umanitarji fis-settur ta’ l-ikel. Barra minn hekk, id-DĠ ECHO appoġġja l-attivitajiet għall-ħarsien tat-tfal ta’ l-UNICEF (€2 miljun) u t-titjib tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-emerġenża ta’ l-UNICEF (€5.4 miljun) permezz ta’ sensiela ta’ miżuri, bħall-pożizzjoni mill-ġdid ta’ mediċina essenzjali u oġġetti ta’ serħan.

4.5. Taħriġ u studji, komunikazzjoni u tagħrif

Ammont totali ta’ 42 sessjoni ta’ taħriġ ġew organizzati fuq il-qafas il-ġdid legali li jmexxi r-relazzjoniiet tad-DĠ ECHO ma’ l-imsieħba tiegħu. Ammontaw għal total ta’ 77 jum u kien hemm 904 persuna li attendewhom.

Id-DĠ ECHO ssokta joffri appoġġ b’mod attiv lin-Netwerk għall-Għajnuna Umanitarja (NOHA), li joffri diploma post-graduate multidixxiplinarja ta’ sena flimkien ma’ seba’ universitajiet li qegħdin jipparteċipaw.

Tul l-2004, id-DĠ ECHO implimenta firxa ta’ attivitajiet li jikkomunikaw il-valuri, prinċipji u kisbiet prattiċi ta’ l-għajnuna umanitarja ta’ l-UE permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ pubblikazzjonijiet u kartelluni ta’ viżibilità għolja. Xandar ukoll programmi awdjoviżivi li ppreżentaw il-ħidma tad-DĠ ECHO. Waħda mill-avvenimenti ewlenin ta’ tagħrif għas-sena kienet il-“Ġurnata għaż-Żgħażagħ għas-Solidarjetà” organizzata għal 540 żagħżugħ fil-Parlament Ewropew.

4.6. Riżorsi tal-baġit u umani, verifika u evalwazzjoni

Id-DĠ ECHO għandu sistemi formali sabiex jagħmel superviżjoni regolari tat-tagħrif finanzjarju u jipprovdi tagħrif xieraq ta’ tmexxija. Indikaturi speċifiċi finanzjarji ġew inkorporati fit-tabella ta’ valutazzjoni ġenerali.

Attivitajiet umanitarji huma suġġetti għal verifiki finanzjarji , kemm fis-sede ġenerali fuq ukoll fuq il-post.

Matul is-sena 2004 ammont totali ta’ 145 verifiki ġew iffinalizati jew qegħdin isiru fis-sede ġenerali ta’ l-organizzazzjonijiet umanitarji u twettqu 32 verifiki ta’ ħidma (fuq il-post).

Fl-2004 riżorsi umani fis-sede ġenerali kienu madwar 172 persunal, li minnhom 146 kienu uffiċjali u 26 persunal estern. Id-DĠ ECHO ħa numru ta’ miżuri mmirati sabiex jimplimentaw strateġiji politiċi għar-riżorsi umani skond ir-riforma tal-Kummissjoni.

Il-baġit amministrattiv tad-DĠ ECHO ammonta għal €2.2 miljun fl-2004. Dan intuża sabiex jiġi impjegat persunal estern biex ikopri l-infiq amministrattiv waqt il-missjonijiet, taħriġ, konferenzi u laqgħat u sabiex jitħallsu l-esperti u l-istudji.

Id-DĠ ECHO jmexxi madwar għaxar evalwazzjonijiet tal-ħidmiet tiegħu kull sena. Fl-2004, l-evalwazzjonijiiet tniedu fil-Korea ta’ Fuq, is-Sri Lanka, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Lvant Nofsani u għall-attivitajiet ta’ tħejjija għad-diżastri fil-Karibew. Evalwazzjonijiet tematiċi nbdew għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-IDPs, is-sigurtà, l-ilma u s-sanità. Dokument speċifiku dwar l-HIV/AIDS ġie kkummisjonat ukoll. Barra minn hekk, id-DĠ ECHO wettaq evalwazzjonijiet ta’ l-IFRC u l-NGO “Action Contre la Faim”.

Bħala parti mill-inizjattiva tad-“Donaturi Tajbin Umanitarji” (GHD), id-DĠ ECHO rreveda l-kwistjonijiet ta’ sigurtà għall-organizzazzjonijiet umanitarji. Din ir-reviżjoni sawret gwida ġenerika ta’ sigurtà, direttorju ta’ taħriġ għas-sigurtà u rapport ta’ sigurtà. Dawn tfasllu biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet umanitarji biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet għal-ħtiġijiet ta’ sigurtà kemm għall-persunal lokali kif ukoll għal dak li ġej minn barra. Dettalji ta’ l-attivitajiet kollha orrizontali jistgħu jinstabu fl-Anness ta’ dan ir-rapport.

5. PROSPETTIVI

Fl-2004, id-DĠ ECHO baqa’ jħares politika li tirrispetta b’mod strett il-prinċipji fondamentali u l-valuri ta’ għajnuna umanitarja, b’mod partikolari n-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Illum, rispett strett ta’ dawn il-prinċipji hu aktar importanti minn qatt qabel minħabba tendenzi inkwetanti, kemm fil-kuntest istituzzjonali, fejn ċerti forzi politiċi għandhom tendenza jqisu l-għajnuna umanitarja bħala strumenti ta' politika barranija jew ġestjoni tal-kriżijiet, u fir-realtà li qiegħda ssir dejjem aktar perikoluża fil-qasam fejn l-organizzazzjonijiet umanitarji nfushom isiru miri tal-fazzjonijiet li qegħdin fi gwerra.

Għad-DĠ ECHO, l-aħħar mod sabiex tinżamm iż-“żona umanitarja” hu li jinżamm livell għoli ta’ ħarsien tal-Prinċipji Tajbin tad-Donaturi miftehma fi Stokkolma fis-16-17 ta’ Ġunju 2003 u kkonfirmati f’Ottubru 2004 f’Ottawa (jiġifieri biex jipprovdu għajnuna skond il-bżonnijiet), biex jibqgħu iħarsu l-għajnuna ta’ kwalità għolja u jżommu djalogu trasparenti ma’ l-atturi l-oħra ewlenin, bilateralment u f’fora multilaterali umanitarja. L-esperjenza miksuba minn kriżijiet riċenti fl-Alfghanistan, il-Lvant tan-Nofs, Darfur u bnadi oħra juri li l-prinċipji msemmija hawn fuq huma ħtiġijiet elwenin għall-kunsinna effetiva ta’ għajnuna, sabiex jinżamm l-aċċess għall-popli fil-bżonn, u sabiex jipproteġi l-ħajjiet u s-sigurtà ta’ ħaddiema umanitarji.

[1] UNHCR: Rifuġjati bil-Mijiet (edizzjoni 2004) http://www.unhcr.ch/cgi-bin/texis/vtx/basics/

[2] Proġett IDP Globali: Ċaqliq intern: - Analiżi Globali tat-Tendenzi u l-Iżviluppi fl-2003 misjuba fuq http://www.idpproject.org/press/2004/Global_Overview.pdf

[3] UNHCR: Persuni Mċaqalqa Internament, Mistoqsijiet u Tweġibiet (2004) http://www.unhcr.ch/cgi-bin/texis/vtx/basics/


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet