52005DC0024


Titolu u referenza

Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa - Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona - Komunikazzjoni mill-President Barroso bi ftehim mal-Viċi-President Verheugen {SEC(2005) 192} {SEC(2005) 193}

/* KUMM/2005/0024 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

Brussel 2.2.2005

KUMM(2005) 24 finali

KOMUNIKAZZJONI LILL-KUNSILL EWROPEW TAR-REBBIEGĦA

Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona

Komunikazzjoni mill-President Barrosobi ftehim mal-Viċi-President Verheugen{SEC(2005) 192}{SEC(2005) 193}

WERREJ

Daħla 3

It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi: Bidu Ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona 3

Sinteżi 7

1. It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi taħt il-lenti 12

2. NIBNU SĦUBIJA EWROPEA GĦAT-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI 14

3. Azzjonijiet biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi 15

3.1. Programm ta’ Azzjoni għal Liżbona għall-Unjoni u l-Istati Membri 15

3.2. Li l-Ewropa ssir post li jiġbed aktar investiment u xogħol 16

3.2.1. Inwessgħu u napprofondixxu s-Suq Intern 17

3.2.2. Jiġu żgurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa 19

3.2.3. Titjib tar-regolamentazzjoni nazzjonali u Ewropea 20

3.2.4. L-infrastruttura Ewropea għandha tinfirex u tittejjeb 21

3.3. L-għarfien u l-innovazzjoni ghat-tkabbir ekonomiku 21

3.3.1. Żieda u titjib fl-investimet fir-Riċerka u l-Iżvilupp 22

3.3.2. L-iffaċilitar ta' l-innovazzjoni, l-użu ta' l-ICT u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi. 23

3.3.3. Kontribut lejn bażi industrijali Ewropea qawwija 26

3.4. It-tkattir u t-titjib ta' l-Impjiegi 27

3.4.1. It-tressiq ta' aktar nies lejn l-impjiegi u l-immodernizzar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali. 28

3.4.2. Titjib fl-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u fil-flessibiltà tas-swieq tax-xogħol 30

3.4.3. Investiment akbar fil-kapital uman bis-saħħa ta' ħiliet u edukazzjoni aħjar. 31

3.5. L-impatt fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi 32

4. Sabiex bi sħab nilħqu riżultati ta' veru fit-tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi 34

Daħla

It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi: Bidu Ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona

Aħsbu ftit x’tista' tkun l-Ewropa. Aħsbu fil-qawwa intrinsika ta' l-Unjoni mkabbra tagħna. Aħsbu fil-potenzjal tagħha - li għad irid jiġi sfruttat - biex toħloq il-ġid u toffri l-opportunitajiet u l-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tagħha. L-Ewropa tista' tkun xempju ta' progress ekonomiku, soċjali u ambjentali għall-bqija tad-dinja.

Huwa f’dan l-ispirtu ta' ottimiżmu realista li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ħejjiet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għar-Reviżjoni Intermedja ta' l-Istrateġija ta' Liżbona – l-aġenda ambizzjuża tagħna għar-riforma li nieda l-Kunsill Ewropew f’Marzu 2000.

L-Ewropej għandhom kull raġuni li jkunu pożittivi dwar il-potenzjal ekonomiku tagħna. Is-suċċessi tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin ħallew wirt b’saħħtu. Wara nofs seklu ta' paċi, magħqudin flimkien f'Unjoni politika waħdanija ta' Stati Membri stabbli u demokratiċi, aħna għandna waħda mill-ekonomiji l-aktar żviluppati fid-dinja waħdanija. Dik l-Unjoni ħolqot Suq Waħdieni li fil-bażi tiegħu, għall-dawk il-membri li qed jieħdu sehem fiha, hemm munita waħdanija li tikkonsolida l-istabbiltà ekonomika u tkabbar il-potenzjal għall-integrazzjoni ekonomika. Ikkonsolidajna mudell soċjali parteċipattiv uniku. L-istandards tagħna ta' edukazzjoni bażika huma għolja u l-bażi xjentifika hija storikament żviluppata tajjeb. L-Ewropa għandha kumpaniji dinamiċi u innovattivi b’saħħa kompetittiva straordinarja. Fl-aqwa tagħhom, huma qed juru kapaċità straordinarja ta' tiġdid. Għamilna aktar progress lejn l-iżvilupp sostenibbli minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja.

Għamilna dan billi ħdimna fi sħubija – l-istituzzjonijiet, il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali tagħna, is-soċjetà ċivili– lkoll mexjin flimkien lejn għan komuni.

Dan il-wirt jirrappreżenta investiment sostanzjali għal dik il-viżjoni li torbotna flimkien; viżjoni, ikkonfermata fil-Kostituzzjoni, li niżguraw “l-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa msejjes fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà fil-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq mill-aktar kompetittiva, li timmira lejn l-okkupazzjoni sħiħa, il-progress soċjali u livell għoli ta' ħarsien u titjib fil-kwalità ta' l-ambjent”.

L-aħħar 50 sena kienu snin ta' progress straordinarju, imma f'dinja li dejjem tinbidel l-Ewropa ma tistax tibqa' wieqfa. Huwa għalhekk li ħames snin ilu l-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet iffirmaw programm ambizzjuż ta' bidla. Huma mpenjaw irwieħhom li jagħmlu mill-Unjoni Ewropea l- ekonomija ta' l-għarfien l-aktar dinamika u kompetittiva fid-dinja, kapaċi li toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli bit-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali, flimkien mar-rispett għall-ambjent.

Illum, naraw li s’issa l-aktar li nistgħu ngħidu huwa li r-riżultati kienu mħallta. Filwaqt li ħafna mill-kundizzjonijiet fundamentali għal rinaxximent Ewropew hemm qegħdin, ma kienx hemm biżżejjed twettiq fuq il-livell Ewropew u nazzjonali. Dan ma kienx biss minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli minn meta tnediet l-Aġenda ta' Liżbona imma jirriżulta wkoll minn aġenda politika li saret mgħobbija ż-żejjed, minn nuqqas ta' suċċess fil-koordinament u xi kultant minn prioritajiet konfliġġenti. Għal xi wħud, dan ifisser li għandna nabbandunaw l-ambizzjoni ta' 5 snin ilu. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma dan. L-isfidi li hemm quddiemna huma aktar urġenti issa li aħna ffaċċjati b' popolazzjoni li qed tixjieħ u bil-kompetizzjoni globali. Jekk ma nsaħħux l-impenn tagħna biex nilqgħulhom, b’enerġija u b'konċentrazzjoni mġedda, ma jdumux ma jitpoġġew fid-dubju l-mudell tagħna għas-soċjetà Ewropea, il-pensjonijiet tagħna, il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Il-bżonn ta' azzjoni urġenti huwa kkonfermat mir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli, ippresedut minn Wim Kok f'Novembru li għadda. Huwa jidentifika sfida qawwija. Skond Kok, “L-istrateġija ta' Liżbona hija aktar urġenti llum likiber id-distakk fit-tkabbir ekonomiku bejna u bejn l-Amerika ta' Fuq u l-Ażja , u fl-istess waqt l-Ewropa trid tiffaċċja l-isfidi ta' popolazzjoni li qajla qed tikber u li qed tixjieħ. Ftit baqgħalna żmien u ma nistgħux nibqgħu sodisfatti bina nfusna. Hemm bżonn twettiq aħjar biex nirkupraw iż-żmien mitluf”. B’din l-isfida quddiemha, l-Ewropa jeħtiġilha li ttejjeb il-produttività u li toħloq aktar impjiegi.

Skond ix-xejriet kurrenti, it-tkabbir potenzjali ta' l-ekonomija Ewropea se jonqos bin-nofs matul id-deċennji li ġejjin u jasal għal kemm kemm aktar minn 1% fis-sena.

Ir-riżultati miksuba mill-Ewropa huma differenti minn dawk tal-kompetituri tagħna f’partijiet oħra tad-dinja. Il-produttività tagħhom kibret iżjed malajr u investew iżjed fir-riċerka u l-iżvilupp. Aħna għadna ma ħejjejniex l-istrutturi meħtieġa biex nantiċipaw u nikkontrollaw aħjar il-bidliet fl-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Għad jonqosna wkoll viżjoni għas-soċjetà li tkun tista’ tintegra fiha sew lil dawk li qed jixjieħu kif ukoll liż-żgħażagħ, partikolarment fejn jidħol l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tagħna, fejn id-dinamika kurrenti titfa' dell sew fuq it-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni fit-tul kif ukoll fuq il-koeżjoni soċjali.

Il-Kummissjoni aċċettat din l-isfida bil-preżentazzjoni ta' l-Għanijiet Strateġiċi ta' l-Unjoni, ‘ tkabbir ekonomiku mġedded huwa essenzjali għall-prosperità, jista' jġib lura l-okkupazzjoni sħiħa u huwa l-pedament tal-ġustizzja soċjali u ta' l-opportunitajiet għal kulħadd. Huwa wkoll vitali għall-pożizzjoni ta' l-Ewropa fid-dinja u għall-kapaċità ta' l-Ewropa li timmobilizza r-riżorsi biex tiffaċċja bosta sfidi globali differenti’ .

Neħtieġu ekonomija dinamika sabiex nirrankaw l-ambizzjonijiet aktar wiesgħa tagħna fil-qasam soċjali u ambjentali. Huwa għalhekk li l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda tikkonċentra fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Biex nagħmlu dan irridu niżguraw li:

- L-Ewropa ssir post aktar attraenti biex fih wieħed jinvesti u jaħdem

- L-Għarfien u l-innovazzjoni jkunu l-pern tat-tkabbir ekonomiku Ewropew

- Niżviluppaw il-miżuri li jħallu lill-intrapriżi tagħna jkattru u jtejbu l-impjiegi

Li npoġġu t-tkabbir u l-impjiegi bħala l-għan immedjat imur id f’id mal-promozzjoni ta' l-għanijiet soċjali u ambjentali. L-Istrateġija ta' Liżbona hija ingredjent essenzjali fl-għan aktar wiesa' ta' żvilupp sostenibbli li jistabbilixxi t-Trattat: li ntejbu l-għajnuna soċjali u l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Kemm Liżbona kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat l-ilħiq ta' dan l-għan. Billi huma jirrinforzaw lil xulxin, jimmiraw għal azzjonijiet li jikkomplementaw lil xulxin, jużaw strumenti differenti u jipproduċu r-riżultati tagħhom fuq skali ta' żmien differenti.

Il-Kummissjoni hija mpenjata għal kollox għall-iżvilupp sostenibbli u għall-immodernizzar u l-promozzjoni tal-mudell soċjali Ewropew. Mingħajr aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi, dan ma jkunx possibbli. L-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħna u l-Aġenda Soċjali tagħna dan l-aħħar kienu qed jiġu riveduti u se jiġu ppreżentati proposti fil-ġimgħat li ġejjin, qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa. Barra minn dan, irridu nkomplu naħdmu mas-sieħba internazzjonali tagħna biex nindirizzaw żbilanċi makroekonomiċi globali, għax it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku huwa ta' ġid għas-sieħba tagħna daqs kemm huwa għall-Unjoni.

“Liżbona” għalhekk titlob azzjoni immedjata u l-argument favur li nieħdu azzjoni flimkien huwa b'saħħtu.

Il-prezz jekk ma nagħmlux dan huwa kbir u kwantifikabbli. Il-prezz tan-‘nuqqas ta' Ewropa’ ġie stabbilit permezz ta' volum qawwi ta' evidenza akkademika. Wieħed jista' ma jaqbilx mal-figuri. Imma li ma nwettqux lil “Liżbona” jkollu tassew il-prezz tiegħu. L-aħjar xhieda nistgħu insibuha fit-tkabbir tad-distakk bejn il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku ta' l-Ewropa u dak ta' partners ekonomiċi oħra. Madankollu, ir-rebħ potenzjali minn integrazzjoni ekonomika aktar wiesgħa u profonda f’Ewropa mkabbra huma enormi.

Din ir-revizjoni intermedja tgħid kif nistgħu ngħinu lill-Ewropa tiffaċċja l-isfidi tat-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi. Hija tniedi l-idea ta' Ħidma bi Sħab għat-Tkabbir Ekonomiku u għall-Impjiegi, appoġġjata minn Programm ta' Azzjoni għall-Unjoni u Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni li fihom impenji sodi. Hija tibni fuq tliet kunċetti ċentrali:

- L-ewwel, L-Azzjonijiet ta' l-Ewropa jinħtieġ li jkunu aktar ikkonċentrati . Irridu nikkonċentraw l-isforzi kollha tagħna biex inwettqu fil-prattika politika li tħalli l-ikbar impatt. Dan ifisser li nżommu mal-wegħdiet eżistenti, nibnu fuq ir-riformi li diġa bdew f’kull Stat Membru u nagħtu bidu għal azzjoni ġdida fejn hija meħtieġa sabiex iżżommna mexjin lejn il-mira tagħna. Dan jitlob identifikazzjoni rigoruża tal-prijoritajiet min-naħa tal-Kummissjoni u sisien qawwija ta' appoġġ sod mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew.

- It-tieni, irridu nimmobilitaw l-appoġġ għall-bidla . Li nistabbilixxu parteċipazzjoni wiesgħa u effettiva fl-għanijiet ta' Liżbona huwa l-aħjar mod biex niżguraw li l-kliem jitbiddlu f'riżultati. Dawk kollha, f’kull livell, li huwa fl-interess tagħhom is-suċċess ta' Liżbona għandhom ikunu involuti fit-twettiq ta' dawn ir-riformi. Dawn għandhom isiru parti mid-dibattitu politiku nazzjonali.

- It-tielet, Liżbona rridu nissimplifikawha u nħaffuha . Dan ifisser li niċċaraw min huwa responsabbli li jagħmel liema ħaġa, li nissimplifikaw ir-rappurtaġġ u li nagħtu appoġġ għat-twettiq permezz tal-Programmi ta' l-Azzjoni sew ta' l-Unjoni kif ukoll dawk Nazzjonali. Għandu jkun hemm sett integrat ta' “linji ta' gwida” biex joffri qafas għall-azzjoni ta' l-Istati Membri, appoġġat minn rapport wieħed biss fuq il-livell ta' l-Unjoni u rapport wieħed biss fuq il-livell nazzjonali li jippreżentaw il-progress li jkun sar. Dan għandu jnaqqas b'mod apprezzabbli l-piż ta' rapurtaġġ nazzjonali li jaqa' fuq l-Istati Membri.

Dan kollu għandu jitpoġġa fuq l-isfond ta' riformi aktar wiesgħa. Irridu nipprovdu r-riżorsi li jikkorrispondu ma' l-ambizzjoni tagħna sew fuq il-livell ta' l-UE u kif ukoll fuq dak nazzjonali.

Kundizzjonijiet makroekonomiċi b'saħħithom huma essenzjali bħala bażi għal sforz kredibbli biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku potenzjali u biex jinħolqu l-impjiegi. Il-bidliet proposti għall-patt ta' l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku ta' l-Unjoni Ewropea – ir-regoli li fuq il-livell ta' l-UE jiggvernaw il-politika tal-baġit nazzjonali – għandhom ikomplu jistabbilizzaw l-ekonomija tagħna, filwaqt li jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu sehmhom sħiħ fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-tkabbir fit-tul.

Fuq il-livell Ewropew, id-dibattitu dwar il-qafas finanzjarju futur ta' l-Unjoni sa l-2013 (“il-Prospettivi Finanzjarji”) għandu jżomm quddiem għajnejh il-konsegwenzi ta' l-ambizzjoni tagħna ta' Liżbona, u jappoġġa l-prijoritajiet ta' Liżbona fil-baġit futur ta' l-UE. Irridu nipprovdu l-appoġġ u l-investiment li teħtieġ ekonomija moderna ta' l-għarfien, nużaw ir-riżorsi tagħna b’modi li jgħinuna naddattaw irwieħna għal kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li jkunu qed jinbidlu, u nħaddmu programmi li jipprovdu l-inċentivi meħtieġa sabiex l-Istati Membri jikkonċentraw l-ispiża nazzjonali tagħhom fuq l-għanijiet ta' Liżbona. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Perspettivi Finanzjarji jirriflettu dawn il-prioritajiet.

Jekk nistgħu nlaqqgħu flimkien l-ambizzjoni, ir-riżorsi u l-ideat tajbin; jekk nistgħu nittrasformawhom sa tmiem id-deċennju f’bidliet konkreti u li jibqgħu; u jekk nistgħu nappoġġaw lil Liżbona billi nagħlqu d-distakk ta' l-investiment fl-ekonomija tagħna u nagħtu bidu għal kampanja ġdida favur koeżjoni aktar qawwija madwar il-kontinent tagħna, imbagħad inkunu nistgħu nerġgħu naraw il-miri ta' Liżbona jfeġġu fuq ix-xefaq.

Dan hu l-bidu ġdid li l-Ewropa għandha bżonn.

Sinteżi

Ħames snin ilu l-Unjoni Ewropea nediet aġenda ambizzjuża ta' riforma. Matul l-aħħar sena, l-Kummissjoni tat ħarsa lura lejn il-progress li sar. Dan wassal għal dibattitu mqanqal fuq il-livell Ewropew u dak nazzjonali fost dawk kollha li għandhom interess fis-suċċess ta' Liżbona. Barra minn dan, il-Kummissjoni bbenefikat mix-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli ppresedut minn Wim Kok, li ppreżenta r-rapport tiegħu f'Novembru li għadda. Illum, hemm kunsens ġenerali li l-Ewropa hija 'l bogħod milli tilħaq il-potenzjal għall-bidla li toffri l-istrateġija ta' Liżbona. Filwaqt li kulħadd jaqbel sew fuq id-dijanjosi u kif ukoll fuq ir-rimedji, ir-realtà hi li ma sarx biżżejjed progress.

Dan ir-Rapport, f’dan l-istadju intermedju ta' Liżbona, issa jgħid kif nistgħu naħdmu flimkien għall-futur ta' l-Ewropa u nerġgħu inpoġġu l-aġenda ta' Liżbona lura fuq il-binarji tagħha.

L-Istrateġija Mġedda ta' Liżbona – x’se jinbidel?

Il-Kummissjoni tipproponi bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona, li nikkonċentraw l-isforzi tagħna fuq żewġ ħidmiet prinċipali - li nwettqu tkabbir ekonomiku aktar qawwi u li jibqa' u li nkattru u ntejbu l-impjiegi . Iċ-ċavetta biex nilliberaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex nilħqu l-ambizzjonijiet aktar wiesgħa tagħna fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali hija li naffrontaw l-isfida li għandha l-Ewropa fil-qasam tat-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi; filwaqt li l-ilħiq ta' dawk l-għanijiet aktar wiesgħa jikkonsolida s-suċċess tar-riformi tagħna. Biex dan ikun possibbli, huma kruċjali kundizzjonijiet makroekonomiċi b'saħħithom, b’mod partikolari li nżommu ma' politika makroekonomika mmirata lejn l-istabbiltà u ma' politika soda tal-baġit.

I Niżguraw it-twettiq

It-twettiq huwa l-kwistjoni prinċipali għall-Istrateġija ta' Liżbona, sew fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali. L-implimentazzjoni ta' l-aġenda tar-riformi tinħtieġ Sħubija mġedda għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi .

Fejn jidħol il-livell ta' l-UE, il-Kummissjoni se twettaq ir-rwol ċentrali tagħha li tniedi l-politika u li tiżgura l-implimentazzjoni.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk ir-riformi ta' Liżbona li għadhom ma sarux minkejja li kienu miftehma. Dan għandu jkun appoġġat mill-Programmi Nazzjonali ta' Liżbona – li jgħidu kif dan se jitwettaq. ( ara t-tmexxija aktar ‘l isfel ).

II Programm imġedded ta' Azzjoni ta' Liżbona

Dan ir-rapport mhuwiex qed jipprova jerġa jikteb mill-ġdid l-istrateġija ta' Liżbona, imma qiegħed jidentifika miżuri ġodda fuq il-livell Ewropew u dak nazzjonali li sejrin jgħinuna niżguraw li l-viżjoni tagħna ta' Liżbona sseħħ.

Post aktar attraenti fejn wieħed jinvesti u jaħdem Inwessgħu u napprofondixxu s-suq intern Intejbu s-sistemi regolatorji Ewropej u nazzjonali Niżguraw swieq miftuħa u kompetittivi sew fl-Ewropa kif ukoll barra minnha Nespandu u ntejbu l-Infrastruttura Ewropea |

Irridu nwessgħu u napprofondixxu s-suq intern. L-Istati Membri għandhom itejbu t-twettiq tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE jekk irridu li l-intrapriżi u l-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji kollha. F’għadd ta' Stati Membri, swieq importanti bħal dawk tat-telekomunikazzjoni, l-enerġija u t-trasport huma miftuħa biss fit-teorija - ħafna wara li skada ż-żmien li fih l-Istati Membri kienu qablu li se jiftħuhom. |

Riformi kruċjali għadhom meħtieġa biex jiġi kkompletat is-suq waħdieni u dawn għandhom jingħataw attenzjoni speċifika: is-suq tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll dak tas-servizzi b’mod ġenerali, il-proposta REACH, bażi komuni kkonsolidata għat-taxxi tal-kumpaniji u wkoll il-Brevett tal-Komunità. |

Il-klima regolatorja trid titjieb. F’Marzu l-Kummissjoni se tvara inizzjattiva ġdida għal riforma regolatorja, u se nużaw esperti esterni biex jagħtuna pariri dwar il-kwalità u l-metodoloġija ta' kif inwettqu evalwazzjonijiet ta' l-impatt. |

Ir-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jiġu applikati b’mod proattiv. Dan jgħin biex iqawwi l-kunfidenza tal-konsumaturi. Investigazzjonijiet settorjali ta' l-ostakli għall-kompetizzjoni se jitniedu f’setturi bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni u s-servizzi finanzjarji. |

L-intrapriżi Ewropej jinħtieġu wkoll swieq globali miftuħa. L-Unjoni se tagħfas ħafna sabiex tiġi konkluża u implimentata il-Fażi Ta' Żvilupp ta' Doha, u wkoll sabiex isir progress f'relazzjonijiet ekonomiċi oħra bilaterali u reġjonali. |

L-għarfien u l-innovazzjoni għat-tkabbir ekonomiku Inżidu u ntejbu l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Niffaċilitaw l-innovazzjoni, l-adozzjoni tat-Tekonoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT) u l-użu sostenibbli tar-riżorsi Nikkontribwixxu għal bażi industrijali Ewropea b'saħħitha |

L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta' l-Istati Membri jridu jaħdmu biex jappoġġaw l-innovazzjoni, sabiex nirrealizzaw il-viżjoni tagħna ta' soċjetà ta' l-għarfien. L-issuktar tal-konċentrazzjoni ta' l-Unjoni fuq oqsma bħas-soċjetà ta' l-informazzjoni, il-bijoteknoloġija u l-eko-innovazzjoni għandha tgħinhom f’dan. |

Aktar investiment sew mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat fl-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp. Fuq il-livell ta' l-UE, hemm bżonn l-adozzjoni f’qasir żmien mill-Parlament u l-Kunsill tal-programm ta' Qafas għar-Riċerka u ta' programm ġdid għall-kompetittività u l-innovazzjoni. Dawn se jiġu ppreżentati f'April. |

Bħala parti mir-riforma maġġuri tal-politika ta' l-Għajnuna mill-Istat li se tibda aktar tard din is-sena, l-Istati Membri u l-parteċipanti reġjonali u oħrajn fil-qasam pubbliku, se jkollhom iżjed possibiltà li jwieżnu r-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment mill-intrapriżi żgħar u medji ta' l-UE. |

It-tixrid ta' l-għarfien permezz ta' sistema edukattiva ta' kwalità għolja huwa l-aħjar mod kif niżguraw il-kompetittività ta' l-Unjoni għall-ġejjieni fit-tul. B’mod partikolari, l-Unjoni għandha tiżgura li l-universitajiet tagħna jkunu jistgħu jikkompetu ma' l-aqwa fid-dinja permezz tat-tlestija ta' l-Ispazju Ewropew għall-Edukazzjoni Għolja. |

Il-Kummissjoni sejra tipproponi l-ħolqien ta' “Istitut Ewropew għat-Teknoloġija”. |

Il-Kummissjoni sejra tappoġġa u tinkoraġġixxi Poli ta' Innovazzjoni maħsuba biex jgħinu lill-operaturi reġjonali jlaqqgħu flimkien l-aħjar imħuħ fix-xjenza u l-kummerċ mar-riżorsi meħtieġa, sabiex iwasslu l-ideat mil-laboratorju għall-produzzoni kummerċjali. |

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom favur il-promozzjoni ta' l-eko-innovazzjoni li tista' ġġib titjib sostanzjali sew fil-livell ta' l-għajxien tagħna kif ukoll fit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, pereżempju f’oqsma bħall-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-bidla fil-klima u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. |

It-tisħib ma' l-industrija se jkun megħjun ukoll mill-Inizjattivi Ewropej għat-Teknoloġija, li jibnu fuq l-esperjenza tas-sistema Galileo tan-navigazzjoni bis-satellita. L-ewwel waħda minn dawn għandha tibda tidher fl-2007 ladarba l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka li jmiss ikun beda jopera. |

It-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi Niġbdu aktar nies lejn l-impjiegi u nimmodernizzaw is-sistemi tal-ħarsien soċjali Intejbu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u l-flessibilità tas-swieq tax-xogħol Ninvestu aktar fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni aħjar u titjib tal-ħiliet |

L-Imsieħba Soċjali huma mistiedna li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni konġunt għal Liżbona qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2005 li fih jidentifikaw il-kontribut tagħhom għall-ilħiq tal-miri ta' Liżbona. |

L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jridu jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jgħollu l-livell ta' l-okkupazzjoni partikolarment billi jsegwu politika attiva favur l-impjiegi li tgħin lil min qed jaħdem u tipprovdilu inċentivi biex ikompli jaħdem, jiżviluppaw politika favur ħajja attiva għal dawk li deħlin fix-xjuħija biex jiskoraġġixxu lin-nies milli jitilqu kmieni wisq mill-forza tax-xogħol, u billi jimmodernizzaw is-sistemi tal-ħarsien soċjali, sabiex dawn ikomplu joffru s-sigurtà meħtieġa biex tgħin lin-nies jaċċettaw il-bidla. |

Il-futur ta' l-Ewropa u ta' l-Istrateġija ta' Liżbona huwa marbut mill-qrib maż-żgħażagħ. L-Unjoni u l-Istati Membri iridu jiżguraw li r-riformi proposti jgħinu biex jagħtuhom l-ewwel ċans fil-ħajja u jagħtuhom il-ħiliet meħtieġa matul ħajjithom. L-Unjoni trid ukoll tiżviluppa l-prijoritajiet tagħha biex tirrispondi għall-isfidi demografiċi li għandna quddiemna. |

L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jridu jtejbu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi kif ukoll il-flessibilità tas-swieq tax-xogħol biex jgħinu lill-Ewropa taġġusta ruħha għar-ristrutturar u għal bidliet fis-suq. |

Quddiem it-tnaqqis fil-għadd tal-ħaddiema, neħtieġu strateġija li tkun żviluppata tajjeb fir-rigward ta' l-immigrazzjoni legali. Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan qabel l-aħħar ta' l-2005 fuq il-bażi tal-konsultazzjoni pubblika li tinsab għaddejja bħalissa. |

L-Ewropa jinħteġilha li tkattar u ttejjeb l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Billi tikkonċentra fuq il-livell Ewropew u dak nazzjonali fuq il-ħiliet u fuq l-edukazzjoni matul il-ħajja hija tagħmilha eħfef għan-nies li jgħaddu għal impjiegi ġodda. Dan għandu jiġi megħjun mill-adozzjoni din is-sena tal-Programm għall-Edukazzjoni matul il-Ħajja fuq il-livell ta' l-UE u fl-2006 mill-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ strateġiji għall-edukazzjoni matul il-ħajja. |

L-Ewropa tinħtieġ ukoll iżjed mobbiltà fost il-ħaddiema. Il-mobbiltà fuq it-territorju ta' l-Unjoni tkun megħjuna wkoll mill-adozzjoni bikrija tal-qafas għall-kwalifiki professjonali li għadu pendenti. Il-Kummissjoni se tressaq proposti matul l-2006 sabiex jiġi ssimplifikat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq bażi reċiproka. L-Istati Membri għandhom iħaffu t-tneħħija ta' kull restrizzjoni fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema mill-pajjiżi li m'ilhomx li daħlu fl-Unjoni. |

L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom iħejju proġetti li jqarrbuna lejn l-ilħiq ta' l-ambizzjoni tagħna ta' Liżbona. Il-fażi li jmiss ta' Fondi Strutturali (fosthom dawk għall-iżvilupp rurali) qed tiġi mfassla mill-ġdid fid-dawl ta' dan – biex tikkonċentra iżjed fuq kif tista' tgħin ħalli twettaq it-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi fuq livell lokali. |

- III Intejbu t-tmexxija ta' Liżbona

It-tmexxija ta' l-Istrateġija ta' Liżbona tinħtieġ titjib radikali biex issir aktar effettiva u tkun tinftiehem aktar faċilment . Ir-responsabbiltajiet huma mqassma b'mod xejn ċar bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Hemm wisq proċeduri ta' rappurtaġġ burokratiċi u li jitrikkbu fuq xulxin u m'hemmx biżżejjed pussess politiku.

Biex jiġi ċċarat sew dak li hemm bżonn isir kif ukoll min huwa responsabbli li jagħmlu, il-Kummissjoni se tressaq Programm ta' Azzjoni għal Liżbona.

Barra minn dan, il-Kummissjoni qed tipproponi strateġija integrata sabiex jitħaffu l-Linji Ġenerali ta' Gwida għall-Politika Ekonomika u ta' l-Impjiegi eżistenti, fi ħdan ċiklu ġdid ekonomiku u ta' l-impjiegi . Fil-ġejjieni, sett integrat ta' Linji ta' Gwida flimkien mal-Programm ta' Azzjoni għal Liżbona se jintuża biex imexxi 'l quddiem l-aġenda tar-riforma. Dawn se jkopru l-politika makroekonomika, l-impjiegi u r-riformi strutturali. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri huma mistennija li jaddottaw Programmi Nazzonali ta’ Azzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, imsaħħa b'impenji u b'miri, wara diskussjoni wiesgħa fuq livell nazzjonali.

Biex jgħaqqdu dan kollu flimkien, l-Istati Membri għandhom jappuntaw “ Sur” jew “Sinjura Liżbona” fuq il-livell governattiv.

Ir-rappurtaġġ ukoll se jiġi ssimplifikat. Se jkun hemm rapport wieħed ta' Liżbona fuq il-livell ta' l-UE u fuq dak nazzjonali dwar il-progress li jkun sar. Dan il-proċess ġdid ta' rappurtaġġ se jipprovdi mekkaniżmu li permezz tiegħu il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq kwistjonijiet importanti ta' politika mingħajr ma jkunu mgħobbija bil-għadd kbir ta' rapporti settorjali li huma bħalissa parti miċ-ċiklu annwali.

Din l-istrateġija se tagħmilha eħfef għall-Kunsill Ewropew li jagħti gwida prattika kull Rebbiegħa u għall-Kummissjoni li twettaq ir-rwol tagħha ta' monitoraġġ tal-progress lejn il-miri ta' Liżbona, filwaqt li toffri inkoraġġiment u tipproponi azzjoni addizzjonali biex Liżbona tinżamm fuq il-binarji tagħha.

* * *

Fuq din il-bażi, l-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew li:

- Ivara Sħubija ġdida għat-Tkabbir Ekonomiku u għall-Impjiegi

- Japprova l-Programm Komunitarju ta' Azzjoni u jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-Programmi Nazzonali ta’ Azzjoni tagħhom

- Japprova l-arranġamenti l-ġodda għat-tmexxija ta' l-Istrateġija ta' Liżbona ppreżentati f’dan ir-Rapport, sabiex itejjeb l-effikaċja tat-twettiq tal-politika fuq il-livell tal-Komunità u dak nazzjonali, u sabiex jinkoraġġixxi dibattitu reali u pussess politiku ġenwin tal-miri tagħna ta' Liżbona.

1. IT-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI TAħT IL-LENTI

L-aġenda ta' Liżbona kienet maħsuba biex tillibera l-potenzjal ta' l-Unjoni ... | Is-Suq Waħdieni, l-Ewro u t-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni juru l-potenzjal li għandha l-Unjoni biex tilħaq għanijiet ambizzjużi. Għal aktar minn nofs seklu, l-Unjoni bniet il-paċi u l-prosperità. Hija kompliet miexja ‘l quddiem minkejja t-tibdiliet fix-xenarju ekonomiku, politiku u soċjali. Għamlet dan billi stabbiliet miri komuni u ħadmet flimkien biex tilħaqhom; l-Unjoni u l-Istati Membri, il-Gvernijiet u s-soċjetà ċivili, l-intrapriżi u ċ-ċittadini. Dan l-istess dinamiżmu wassal għat-tnedija ta' l-aġenda ambizzjuża għar-riforma f’Marzu 2000 fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona. Hija indikat it-triq lejn ekonomija kompetittiva, inklużiva u msejsa fuq l-għarfien, u offriet risposta Ewropea għall-isfidi urġenti li għandu quddiemu l-kontinent tagħna. |

…iżda ma sarx biżżejjed progress. | Illum, naraw li t-taħlita tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, l-inċertezza internazzjonali, il-progress kajman fl-Istati Membri u t-telf gradwali tal-konċentrazzjoni wassal biex Liżbona tilfet it-triq. Madankollu, l-isfidi saru jekk xejn aktar urġenti quddiem il-kompetizzjoni globali u popolazzjoni li qed tixjieħ; fatturi li huma saħansitra aktar evidenti llum milli kienu ħames snin ilu. Din il-valutazzjoni hija l-istess bħal dik tar-Rapport ippreżentat mill-Grupp ta' Livell Għoli ppresedut minn Wim Kok[1]. Huwa għamel enfasi fuq il-progress mhux suffiċjenti ta' l-Ewropa lejn l-ilħiq ta' l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona. B’reazzjoni għal dan, irridu nerġgħu nistabbilixxu l-kunfidenza fil-kapaċità ta' l-Ewropa li toħloq il-kundizzjonijiet biex tilħaq l-għanijiet tagħha. L-Ewropa tista' tibni fuq it-tradizzjoni u d-diversità rikka tagħha, il-mudell soċjali uniku tagħha u tisaħħaħ mit-tkabbir riċenti li jagħmilha l-ikbar suq waħdieni u l-ikbar blokk kummerċjali fid-dinja. |

It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi huma l-proġett il-kbir Ewropew li jmiss. | Il-konklużjoni l-aktar importanti tar-rapport Kok hija li “l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi fl-Ewropa huma l-proġett il-kbir Ewropew li jmiss”. Il-Kummissjoni tipproponi li nikkonċentraw l-aġenda ta' Liżbona mill-ġdid fuq azzjonijiet li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi b'mod li huwa għal kollox konsistenti ma' l-għan ta' l-iżvilupp sostenibbli. L-azzjonijiet li jaqgħu taħt din l-istrateġija għandhom jirrinforzaw il-potenzjal ta' l-Unjoni li tilħaq u tkompli tiżviluppa l-għanijiet ambjentali u soċjali tagħna. Madankollu, l-isfida hi li niddefinixxu issa strateġija li tindirizza l-oqsma li fihom l-Ewropa mhijiex sejra tajjeb (pereżempju, it-tkabbir ekonomiku staġnat u n-nuqqas ta' ħolqien suffiċjenti ta' l-impjiegi). |

Dan jitlob sħubija mġedda. | Din l-istrateġija trid titmexxa ‘l quddiem permezz ta' sħubija mġedda bejn l-Istati Membri u l-Unjoni – bl-involviment sħiħ ta' l-imsieħba soċjali. L-aġenda l-ġdida ta' Liżbona hija bilfors waħda wiesgħa imma sett limitat ta’ prioritajiet ta' politika se jkunu ċentrali għas-suċċess tagħha. Irridu nikkonċentraw fuq dawn biex niżguraw is-suċċess ta' kollox. It-twettiq se jkun kruċjali u t-titjib fil-mekkaniżmi eżistenti tat-twettiq huwa meħtieġ b’urġenza. Dan jitlob metodu mħaffef u effettiv ta' ħidma sabiex tiġi implimentata l-istrateġija li torbot flimkien l-Unjoni u l-Istati Membri. Biex dan ikun possibbli, l-aġenda ta' Liżbona jrid ikun hemm pussess dirett tagħha minn dawk kollha kkonċernati sew fuq il-livell ta' l-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali: l-Istati Membri, iċ-ċittadini Ewropej, il-parlamenti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità. Dawn ilkoll għandhom jikkontribwixxu għall-bini tal-futur ta' l-Ewropa. Wara kollox, kulħadd se jgawdi mill-futur li l-aġenda ta' Liżbona qed tipprova ssawwar. L-iskop ta' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona hu li tagħmel użu minn dan il-potenzjal għaċ-ċittadini tagħna. Hija titkellem dwar l-opportunità u dwar viżjoni komuni għall-progress. |

Kundizzjonijiet makroekonomiċi tajbin huma l-punt tat-tluq għas-suċċess . | Kundizzjonijiet u politika makroekonomiċi tajbin Kundizzjonijiet makroekonomiċi tajbin huma essenzjali biex iservu ta' bażi għal sforz kredibbli biex jitkattar it-tkabbir ekonomiku potenzjali u jinħoloq ix-xogħol. B’mod partikolari, se jkun kruċjali li nkomplu nsegwu politika makroekonomika orjentata fuq l-istabbiltà u politika soda tal-baġit. Il-Gvernijiet iridu, filwaqt li jsostnu jew jippruvaw jibnu finanzi pubbliċi f’saħħithom, jagħtu l-ikbar kontribut possibbli għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-bidliet proposti għall-patt ta' stabbiltà u tkabbir ekonomiku ta' l-Unjoni Ewropea – ir-regoli li fuq il-livell ta' l-UE jiggvernaw il-politika tal-baġits nazzjonali – għandhom ikomplu jistabbilizzaw l-ekonomija tagħna, filwaqt li jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu r-rwol sħiħ tagħhom fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku fit-tul. |

Il-produttività u l-impjiegi |

L-istrateġija ta' Liżbona tagħti importanza ndaqs lit-tkattir ta' l-impjiegi u tal-produttività, permezz ta' titjib fil-kompetittività. |

Tkattir u titjib ta' l-impjiegi…. | Is-swieq tax-xogħol għandhom jitħallew jiffunzjonaw aħjar u jipprovdu inċentivi għan-nies biex jaħdmu u għall-intrapriżi biex jimpjegawhom, u biex –ikattru u jtejbu l-impjiegi. Dan se jitlob investiment konsiderevoli fir-riżorsi umani, u adattabilità akbar tal-ħaddiema fi swieq tax-xogħol aktar inklużivi. |

…kompetittività mtejba permezz tat-tkabbir tal-produttività … | Ir-rata tat-tkabbir tal-produttività naqset ħafna fl-UE. Li nreġġgħu lura din it-tendenza hija l-ikbar sfida fil-qasam tal-kompetittività li għandha quddiemha l-Unjoni. Fl-istess ħin, irridu nimmiraw għal żidiet li jibqgħu fil-produttività f’kull settur fundamentali ta' l-ekonomija. Flimkien mat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, investimenti ikbar u l-użu ta' l-ICT madwar l-ekonomija kollha kemm hi, ambjent kompetittiv f’saħħtu u l-bilanċ tajjeb ta' regolamentazzjoni huma ta' importanza ewlenija biex intejbu l-produttività. Madankollu, il-lista mgħobbija żżejjed ta' għanijiet politiċi li għandha Liżbona tfiet l-importanza ta' dawn il-miżuri li jistgħu jistimulaw it-tkabbir fil-produttività. Minn issa 'l quddiem, ir-riformi strutturali, permezz ta' miżuri bħal dawn, għandhom ikunu pern fl-istrateġija mġedda ta' Liżbona. |

…iridu jimxu id f’id. | Iż-żieda fil-produttività u t-tkattir ta' l-impjiegi jridu jimxu id f’id. Irridu nevitaw it-tip ta' tkabbir ekonomiku mingħajr żieda fl-impjiegi li tappan ir-rendiment ta' l-ekonomija Amerikana fl-aħħar snin. Fl-istess ħin, irridu nerġgħu indaħħlu lil dawk li ilhom ħafna bla xogħol, u lil dawk li huma relattivament nieqsa mill-ħiliet, lura fid-dinja tax-xogħol. Dan jista' jkollu impatt fuq ir-rata li biha l-produttività tagħna tista' titjieb. L-enfasi qawwi fuq l-għarfien, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni fl-istrateġija mġedda tagħna ta' Liżbona se tagħti lin-nies l-opportunità li jitilgħu is-sellum tal-produttività u tiggarantixxi li b’mod ġenerali l-produttività tagħna tikber malajr. |

Swieq internazzjonali miftuħa huma importanti. | Il-ftuħ tas-swieq internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku qawwi fl-ekonomiji li qed jindustrijalizzaw se jagħtu kontribut apprezzabbli għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Madankollu, dan jiġri biss jekk jirnexxielna niżguraw proċess aktar profond u aktar mgħaġġel ta' aġġustament strutturali ta' l-ekonomija tagħna biex nallokaw mill-ġdid ir-riżorsi lejn setturi li fihom l-Ewropa għandha vantaġġ komparattiv. Huwa għalhekk kritiku għas-suċċess ta' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona li niffaċilitaw il-bidla lejn setturi aktar kompetittivi u lejn impjiegi ta' kwalità aħjar. |

Ir-responsabbiltà trid tinqasam bejn ll-livell ta' l-UE u dak nazzjonali. | Fuq dan l-isfond, it-tmexxija 'l quddiem ta' l-aġenda politika tagħna tiddependi fuq azzjoni sew fuq il-livell ta' l-UE kif ukoll dak nazzjonali. Is-suċċess jiddependi fuq li naqsmu flimkien ir-responsabbiltajiet u l-pussess. Huwa għalhekk li s-sħubija hija indispensabbli. |

2. NIBNU SĦUBIJA EWROPEA GĦAT-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI

Tkabbir ekonomiku u impjiegi – l-ewwel eżempju tas-Sħubija tagħna għat-tiġdid Ewropew | Il-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponiet li tinbena sħubija għat-tiġdid Ewropew[2]. Din tifforma parti mill-programm strateġiku għall-2005-2009 u għandha l-għan li tħalli lill-Istati Membri, lill-Unjoni Ewropea u lill-imsieħba soċjali biex jaħdmu flimkien lejn l-istess għan. Kif intqal diġà, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi se jkunu fuq quddiem nett ta’ din is-sħubija. Ir-reazzjonijiet li kien hemm s’issa juru biċ-ċar li tassew hemm ir-rieda li naħdmu lejn din l-ambizzjoni mġedda. |

Sabiex nirnexxu rridu mmexxu Liżbona ‘l quddiem billi... | Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tagħmel sejħa lil dan il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu sabiex jerġa' jniedi l-Istrateġija ta' Liżbona permezz ta’ Sħubija Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Is-sħubija se jkollha għan wieħed u wieħed biss: li tħaffef u tgħaġġel it-twettiq tar-riformi meħtieġa biex jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. |

Għandha ġġib magħha valur miżjud sod jekk f'qasir żmien trid tagħti frott konkret: |

... nimmobilitaw l-appoġġ ... ... nifirxu s-sens ta’ pussess ... …u nsaħħu l-prijoritajiet. | L-elementi differenti jaħdmu flimkien. L-immobilitar u l-isforz kollettiv huma l-elementi ewlenin ta' din is-Sħubija. L-isfidi huma sfidi komuni li jaffetwaw il-mudell tagħna ta’ żvilupp. Għandna naffrontawhom flimkien – wara kollox, il-kontributi individwali huma essenzjali biex niżguraw suċċess kollettiv. Id-daqs ta’ l-isfidi huwa hekk kbir, u l-ekonomiji tagħna tant jiddependu fuq xulxin, li l-ebda Stat Membru ma huwa kapaċi jħabbat wiċċu ma’ din il-biċċa xogħol waħdu. Jiġi żgurat li dawn l-għanijiet u r-riformi jingħarfu tassew mill-partijiet kollha. L-Istrateġija ta’ Liżbona ma rnexxilhiex timpenja biżżejjed lill-partijiet ewlenin għal dak li għandu x'jaqsam mal-kisba tar-riżultati, partikolarment fuq livell nazzjonali. L-immobilitar huwa possibbli biss jekk il-partijiet varji jħossu li l-miżuri proposti jolqtuhom tassew, u li huma involuti tassew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tat-twettiq tagħhom. L-Istati Membri għalhekk qed jintalbu sabiex jipproduċu programm ta’ azzjoni nazzjonali waħdieni – wara li ssir konsultazzjoni wiesgħa – u rapport nazzjonali waħdieni dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona (ara punt 4). Jiġu ffukati mill-ġdid l-isforzi fuq l-għanijiet ta’ prijorità u li jidhru, bl-appoġġ ta’ miżuri konkreti li jwasslu għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Dan huwa ta' importanza fundamentali jekk irridu li Liżbona tirnexxi. Huwa biss billi jiġu identifikati prijoritajiet ċari u konkreti li nistgħu nwasslu lin-nies biex jappoġġjaw l-istrateġija u jimpenjaw irwieħhom fiha. |

Sabiex din is-sħubija tagħti l-frott, teħtieġ, fuq il-livell nazzjonali, l-impenn kollu ta’ kull imsieħeb. |

3. AZZJONIJIET BIEX JINKISEB IT-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI

3.1. Programm ta’ Azzjoni għal Liżbona għall-Unjoni u l-Istati Membri |

Tliet oqsma ewlenin ... | Fil-qalb tas-sħubija proposta għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi hemm Programm ta’ Azzjoni għalLiżbona. Dan jelenka l-prijoritajiet li għandhom jgħinu lill-Unjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-produttività u jkattru u jtejbu l-impjiegi. Tkopri azzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin: Li l-Ewropa ssir post li jiġbed aktar investiment u xogħol, L-għarfien u l-innovazzjoni għat-tkabbir ekonomiku, It-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi |

... se nissimplifikaw il-mod ta' ħidma tagħna ... | Dan se jiffoka mill-ġdid l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona. Jagħti sens aktar ċar tal-prijoritajiet. Iwieġeb għall-kritika li Liżbona kellha wisq prijoritajiet, u li kienet kumplessa wisq biex in-nies jifhmuha tassew. |

... jintqal min se jagħmel xiex, sa meta u kif se nkejlu l-progress. | Il-Programm ta’ Azzjoni ta’ Liżbona – li jibni fuq l-esperjenza tal-Programm tas-Suq Intern - jidentifika r-responsabbiltajiet, jagħti skadenzi u jkejjel il-progress. B’mod partikolari, jagħmel distinzjoni ċara bejn azzjonijiet fuq il-livell ta' Stat Membru u dak ta' l-Unjoni Ewropea. L-aktar azzjonijiet importanti huma ppreżentati f'dan il-kapitlu. |

L-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE għandhom sehem x’jagħtu. | Għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ l-UE, il-Kummissjoni se jkollha rwol ċentrali sabiex tfassal il-politika u tiżgura li din titwettaq. Dan se tagħmlu f'ħidma mill-qrib mal-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll billi tibbenefika mill-għarfien espert ta' istituzzjonijiet oħra ta' l-UE bħalma huma l-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, jew fil-qasam finanzjarju, il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. |

L-Istati Membri għandhom jieħdu impenji sodi. | Fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-proċess billi twaqqaf standards ta' riferiment, tagħti appoġġ finanzjarju, tmexxi ‘l quddiem id-djalogu soċjali jew tistabbilixxi l-aħjar prassi. Iżda kien proprju fuq il-livell tas-suċċess konkret li falliet l-ewwel fażi ta’ Liżbona. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, billi tqis kullsitwazzjoni nazzjonali speċifika, qed turi fejn l-Istati Membri huma mistennija jieħdu impenji sodi fi ħdan il-programmi nazzjonali ta’ azzjoni tagħhom. Dawn l-impenji għandhom ikopru miżuri konkreti, inkluż skeda taż-żmien għall-ħidma u indikaturi ta' progress. Il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ u l-kejl tal-progress li jkun qed isir, billi tuża metodu ġdid ta’ rappurtaġġ u ta’ koordinament kif deskritt hawn taħt. |

3.2. Li l-Ewropa ssir post li jiġbed aktar investiment u xogħol |

Sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi, jeħtieġ li l-Ewropa ssir post li jattira l-investiment u x-xogħol. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiffukaw l-azzjonijiet tagħhom fuq il-mezzi ewlenin. |

Neħtieġu ambjent aħjar għall-intrapriżi żgħar u medji tagħna. | L-azzjoni hija hawnhekk ta’ importanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ta’ l-Ewropa li jiffurmaw 99% ta’ l-intrapriżi kollha u jirrapreżentaw żewġ terzi ta’ l-impjiegi. Hemm wisq ostakli quddiem min jixtieq isir intraprenditur jew jiftaħ intrapriża, u għalhekk, l-Ewropa qed titlef l-opportunitajiet. Li ninkoraġġixxu l-inizjattiva intraprenditorjali timplika li għandna nġibu 'l quddiem l-attitudnijiet intraprenditorjali. Għandu jiġi revist il-bilanċ bejn ir-riskju u l-premju marbuta ma' l-intraprenditorjat. L-istigma tal-falliment tikkumplika li dak li jkun jerġa' jibda mill-ġdid u saħansitra żżomm lil ħafna milli jiftħu l-ewwel intrapriża. Fl-aħħarnett, fl-Ewropa, minkejja l-progress li sar fl-ewwel ħames snin ta’ Liżbona, għad m’hemmx biżżejjed kapital għall-investiment riskjuż biex jinbdew intrapriżi innovattivi minn żgħażagħ u r-regoli tat-taxxi kurrenti xejn ma jinkoraġġixxu ż-żamma tal-qliegħ biex jinbena l-kapital proprju. |

Jeħtieġ li nwessgħu u napprofondixxu s-suq intern | 3.2.1. Inwessgħu u napprofondixxu s-Suq Intern It-temm tas-Suq Waħdieni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-servizzi, tal-professjonijiet regolati, l-enerġija, it-trasport, ix-xiri pubbliku u s-servizzi finanzjarji tibqa’ biċċa xogħol kruċjali. Il-proviżjon ta’ servizzi ta’ kwalità għolja ta’ interess ġenerali għaċ-ċittadini kollha bi prezzijiet li jilħaqhom kulħadd hija meħtieġa wkoll. Qasam tas-servizzi f’saħħtu u miftuħ qed isir dejjem aktar kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija ta’ l-Ewropa. Il-qasam tas-servizzi kien responsabbli kważi għat-toalità ta' l-impjiegi ġodda maħluqa fl-UE fiż-żmien bejn l-1997 u l-2002. Is-servizzi issa jgħoddu għal 70% tal-valur miżjud ta’ l-UE. Il-ħelsien tal-proviżjon ta' dawn is-servizzi se jistimola t-tkabbir ekonomiku u joħloq l-impjiegi. Żieda netta ta’ 600.000 impjieg tista’ tintlaħaq jekk il-qasam tas-servizzi jiġi meħlus. |

Dawn huma oqsma li jistgħu jagħtu riżultat tassew fit-tkabbir u fl-impjiegi u huma ta’ rilevanza immedjata għall-konsumaturi. F’ħafna minn dawn l-oqsma, Liżbona diġà lestiet ħafna mil-leġiżlazzjoni, iżda l-Istati Membri qed jiddiżappuntaw lill-intrapriżi u liċ-ċittadini tagħhom billi jittrattienu biex jimplimentawha u jinfurzawha. |

... nixprunaw l-investiment u l-innovazzjoni ... | It-tneħħija ta' l-ostakli li għad baqa’ toħloq opportunitajiet ġodda għal dawk li jidħlu fis-suq, u l-kompetizzjoni li tirriżulta tgħin biex jiżdied l-investiment u l-innovazzjoni. Dan isir aktar importanti fl-isfond ta' l-istaġnar tal-kummerċ fi ħdan l-UE nnifisha u d-diffikultajiet fil-konverġenza tal-prezzijiet. |

Nużaw mill-aħjar li nistgħu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali | Is-servizzi pubbliċi għandhom rwol ċentrali f’suq waħdieni effettiv u dinamiku. F’Mejju 2004 il-Kummissjoni ppubblikat White Paper li fasslet il-prinċipji li jsejsu l-politika ta' l-UE fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali u li indirizzat kwistjonijiet ċentrali bħalma huma l-konnessjonijiet mar-regoli tas-suq intern, tal-kompetizzjoni u ta' l-għajnuna ta' l-istat, u l-għażla tal-fornitur tas-servizz u d-drittijiet tal-konsumatur. Il-Kummissjoni se terġa' lura għal din il-kwistjoni aktar 'il quddiem fl-2005. |

... u l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom rwol ċentrali. | Fl-aħħarnett, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi regolatorji tagħhom jsiru aktar jaqblu mal-ħtiġijiet ta' suq mifrux ma' l-UE kollha kemm hi. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li, fejn meħtieġ, jittejjeb ir-rwol ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex ikun hemm kundizzjonijiet tas-suq tajbin (pereżempju użu akbar ta’ servizzi on-line (e-government), l-affrontar tal-korruzzjoni u l-frodi). Barra minn hekk, jista’ jsir wisq aktar fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex is-Suq Waħdieni jkun jista’ jaħdem aħjar u jitnaqqsu l-ostakli u t-toqol amministrattiv eżistenti għall-intraprendituri. |

LEġIżLAZZJONI DWAR IS-SUQ WAħDIENI Il-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji kien wieħed mis-suċċessi reali ta' l-ewwel fażi ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona: miżuri leġiżlattivi tlestew fil-ħin; l-Istituzzjonijiet Ewropej ħadmu tajjeb flimkien u nstabu soluzzjonijiet innovattivi biex jimtlew id-dettalji ta' dan il-qafas ġdid u ambizzjuż. Dak li jgħodd issa huwa li jiġi żgurat li r-regoli jiġu applikati b’mod konsistenti madwar l-Unjoni. Fl-istess waqt, dak li baqa’ xi jsir fil-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għandu jiġi indirizzat fis-snin li ġejjin. Tittieħed azzjoni biss jekk wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u evalwazzjoni ta’ l-impatt, jidher ċar li din tirrendi valur miżjud. Sabiex jinbena kunsens dwar id-Direttiva tas-Servizzi u sabiex tiġi żgurata diskussjoni bla skossi dwar din il-proposta importanti, il-Kummissjoni se taħdem b’mod kostruttiv mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u dawk kollha kkonċernati fiż-żmien qabel l-adozzjoni ta' l-ewwel qari mill-Parlament. Se niffukaw b’mod partikolari fuq tħassib li ssemma' dwar oqsma bħalma huma t-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-impatt potenzjali fuq ċertu setturi. Dwar id-Direttiva REACH, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni li tkun konsistenti ma’ l-għanijiet ta’ Liżbona dwar il-kompettitività ta’ l-industriji Ewropej u l-inkoraġġament ta' l-innovazzjoni, u li għandha tikseb titjib notevoli fis-saħħa u l-ambjent għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni fuq ir-rieda tagħha li tikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament u mal-Kunsill fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet pragmatiċi għal kwistjonijiet ċentrali li feġġew fl-evalwazzjoni li saret ta' REACH sabiex jittejjeb il-mod kif jitħaddem. Sabiex tegħleb l-ostakli mqegħda mill-25 sett differenti ta' regoli li jikkmandaw kif jiġu ntaxxati l-kumpaniji meta joperaw f'diversi Stati Membri, il-Kummissjoni qed tagħmel ħilitha ħalli tmexxi 'l quddiem il-ħidma biex tipprova tikseb ftehim dwar bażi ta' taxxa korporattiva kkonsolidata u komuni u dwar it-twettiq tagħha. Dan se jnaqqas ammont apprezzabbli ta' spejjeż għal dawk li jagħmlu l-kummerċ f’pajjiżi differenti, u fl-istess waqt iħallu lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu r-rata tat-taxxa korporattiva. Il-Brevett tal-Komunità sar simbolu ta’ l-impenn ta’ l-Ewropa favur ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Din tibqa’ proposta importanti, u għandnanfittxu li nagħmlu progress malajr lejn soluzzjoni li tassew tista’ titħaddem u li tappoġġa l-innovazzjoni. |

Il-kompetizzjoni hija ta’ importanza fundamentali. | 3.2.2. Jiġu żgurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa Il-kompetizzjoni hija ta’ importanza fundamentali għas-sħubija kollha għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-politika dwar il-kompetizzjoni ta’ l-UE kellha rwol ċentrali biex is-swieq kompetittivi Ewropej jingħataw surithom, li taw kontribut biex tiżdied il-produttività. Dan se jkompli fl-Ewropa mkabbra b’mod partikolari permezz ta’ l-infurzar proattiv u riforma ta’ l-għajnuna ta’ l-istat fir-rigward ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-kapital tar-riskju. Il-Kummissjoni, għalhekk, se tkompli tfittex li twettaq il-politika tal-kompetizzjoni tagħha, u dan jista’ jgħin biex jiġu identifikati ostakli regolatorji u mhumiex għall-kompetizzjoni. Investigazzjonijiet f’oqsma ewlenin, bħalma huma s-servizzi finanzjarji u l-enerġija, se jinbdew biex jistħarrġu r-raġunijiet għalfejn is-swieq ma jaħdmux għal kollox f'dawn l-oqsma. |

L-Istati Membri jridu jnaqqsu u jagħtu direzzjoni ġdida lill-għajnuna ta’ l-Istat. | L-Istati Membri għandhom inaqqsu u jagħtu direzzjoni ġdida lill-Għajnuniet ta’ l-Istat biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-swieq f’oqsma b’potenzjal għoli ta’ tkabbir u jistimolaw ukoll l-innovozzjoni. Dawn l-inizjattivi għandhom jaffrontaw b’mod ċar il-ħtiġijiet u d-diffikultajiet ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kummissjoni se tniedi riforma globali tar-regoli ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat matul din is-sena (ara taqsima 3.3.1). |

Il-kummerċ fl-UE jeħtieġ ukoll swieq dinjija miftuħa. | Aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-kumpaniji Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ aktar sfidi internazzjonali, u l-politika tal-kummerċ ta’ l-UE trid tiżgura li jkollhom aċċess għal swieq terzi u li fihom jikkompetu fuq bażi ġusta b'regoli ċari. Fil-qosor, swieq miftuħa, kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja, huma kruċjali biex joħolqu rati ogħla ta’ tkabbir ekonomiku. |

IT-TKABBIR EKONOMIKU U L-IMPJIEGI: ID-DIMENSJONI DINJIJA L-ilħiq ta'ftehim ambizzjujż tal-fażi ta' Doha għalhekk, jibqa’ l-għan fundamentali. Flimkien ma' dan, u komplementari miegħu, għandhom isiru atti ta' Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles reġjonali u bilaterali, fost l-oħrajn mal-Mercosur u mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fil-Golf. Għandha tingħata spinta ġdida għall-konverġenza amministrattiva u regolatorja fuq il-livell internazzjonali, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet kummerċjali trans-Atlantiċi. L-żgurar tal-konverġenza ta’ l-istandards fuq il-livell internazzjonali, bl-aktar mod wiesgħa possibbli – kemm jekk dan huwa ma’ l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħna bħalma huma l-Istati Uniti jew ma’ swieq li qed jikbru fl-Ażja bħaċ-Ċina u l-Indja, jew ma' pajjiżi oħra fil-viċinat ta’ l-UE – għandhom potenzjal għal tnaqqis apprezzabbli fl-ispejjeż u tkabbir tal-produttività. Il-Kummissjoni se ssegwi din l-aġenda attivament. |

Qafas regolatorju tajjeb jgħin il-kummerċ u jibni l-kunfidenza fost il-konsumaturi. | 3.2.3. Titjib tar-regolamentazzjoni nazzjonali u Ewropea Il-qtugħ ta' spejjeż mhux meħtieġa, it-twarrib ta' l-ostakli għall-adattabilità u l-innovazzjoni u leġiżlazzjoni li ma toħloqx diffikultajiet lill-kompetizzjoni u lill-impjiegi se jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu aħjar għat-tkabbir ekonomiku u produttività mtejba. Dan jinkludi miżuri bħas-simplifikar, leġiżlazzjoni mfassla tajjeb u sforzi biex jitnaqqas il-piż ta’ l-ispejjeż amministrattivi. Qafas regolatorju tajjeb se jsaħħaħ ukoll il-kunfidenza fost il-konsumaturi u jgħinhom jagħtu kontribut għat-tkabbir ekonomiku. Piżijiet regolatorji jaffetwaw b’mod sproporzjonat l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li normalment ikollhom riżorsi limitati biex ikampaw ma' l-amministrazzjoni li dawn ir-regoli ta' spiss jimponu. |

Irridu nneħħu piżijiet mhux meħtieġa | Approċċ ġdid għar-regolamentazzjoni għandu jfittex li jneħħi l-piżijiet u jnaqqas il-burokrazija mhux meħtieġa, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika. Regolamentazzjoni aħjar għandha tkun il-pedament għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta' l-Unjoni. |

REGOLAMENTAZZJONI AħJAR Regolazzjoni aħjar għandha impatt pożittiv apprezzabbli fuq il- qafas ta' kundizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-produttività billi titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, u b'hekk jinħolqu l-inċentivi l-meħtieġa għall-kummerċ, jinqatgħu l-ispejjeż bla bżonn u jitwarrbu l-ostakli għall-adattabilità u l-innovazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll l-inizjattivi tagħhom għal regolamentazzjoni aħjar, l-aktar f’oqsma fejn it-tkabbir tal-produttività ta’ l-Ewropa jidher b’mod ċar li baqa’ lura, bħalma hu l-qasam tas-servizzi. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex b’ambizzjoni li tilħaq dan l-għan u sejra tniedi inizjattiva ġdida kbira qabel il-Kunsill tar-Rebbiegħa, li tkun tinkludi: Evalwazzjoni aħjar ta’ l-effetti ta’ proposti għal-leġiżlazzjoni jew ta' miżuri ġodda dwar il-kompettittività, anke permezz ta' l-istrument tagħha għall-Evalwazzjoni ta' l-Impatt. Il-ġbir ta' għarfien espert minn barra għal pariri dwar il-kwalità tal-metodoloġija tat-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt. Il-piż kumulattiv tar-regolazzjoni, l-aċċess diffiċli għas-swieq u l-pressjoni insuffiċjenti għall-kompetizzjoni tista’ żżomm lura l-innovazzjoni f’oqsma li għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir. Il-Kummissjoni, għalhekk, se tniedi serje ta’ reviżjonijiet settorjali sabiex tidentifika l-ostakli li qed iżommu lura t-tkabbir u l-innovazzjoni f’setturi ewlenin. Attenzjoni speċjali se tingħata lill-piżijiet li jaqgħu fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. |

Infrastruttura moderna tgħin fil-kummerċ u fil-mobilità. | 3.2.4. L-infrastruttura Ewropea għandha tinfirex u tittejjeb Jeħtieġ li s-Suq Waħdieni jingħata infrastuttura moderna biex il-kummerċ u l-mobilità jitħaffu. Sa llum f’dan il-qasam il-progress kien batut u diżappuntanti, u wasal iż-żmien li nħarsu lejn din il-problema. Infrastruttura moderna hija fattur importanti ta' kompetittività f'ħafna deċiżjonijiet ta' l-intrapriżi, u dan jaffettwa kemm post partikolari jkun attraenti soċjalment u ekonomikament. Tagħti garanzija għall-mobilità tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, l-investiment li jsir, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, jgħin it-tkabbir ekonomiku u jwassal biex ikun hemm konverġenza akbar f’sens ekonomiku, soċjali u ambjentali. Meta wieħed iqis li l-effetti li ġġib magħha l-infrastruttura jibqgħu jinħassu għal żmien twil, id-deċiżjonijiet għandhom jagħtu kontribut siewi lejn is-sostenibbilità. Bl-istess mod, dan l-għan ikun jista’ jintlaħaq aħjar ukoll meta l-prezzijiet għall-użu ta’ din l-infrastruttura jkunu ġusti u effiċjenti. |

Il-ftuħ tas-settur ta’ l-enerġija u ta’ setturi oħra ta' netwerk ghandu jitwettaq ghal kollox | Fl-aħħarnett irridu niżguraw li l-ftuħ għall-kompetizzjoni, li fuqu kulħadd jaqbel, ta’ setturi bħal ma huma dawk ta’ l-enerġija u industriji ta' netwerk oħrajn issa tiġi mwettqa fil-konkret. Dawn il-miżuri huma mezz importanti biex ikun hemm l-aħjar użu ta’ l-infrastruttura fiżika, b’mod li sew il-konsumaturi kif ukoll l-industrija, ikunu fejn ikunu, igawdu l-benefiċċji li jiġu minn prezzijiet orħos, għażla akbar u garanzija ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u ta’ interess ġenerali ghaċ-ċittadini kollha |

L-INFRASTRUTTURI EWROPEJ Biex jinkisbu l-benefiċċji li jistgħu jaslu bis-saħħa ta' l-istrateġija rrinforzata ta’ Liżbona, jinħtieġ l-ewwel u qabel kollox li jkun hemm infrastruttura moderna tat-trasport u l-enerġija mal-firxa kollha tat-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. L-istati membri għandhom iwettqu l-impenn li ħadu u jibdew jaħdmu fuq l-45 proġett bejn it-territorji ta' pajjiżi differenti “quick start”, maħsuba biex itejbu l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija. Il-koordinazzjoni fuq bażi Ewropea, proġett bi proġett, irid ikollha magħha impenn ċar mill-Istati Membri kkonċernati sabiex jitnieda proċess ta’ ppjanar u ffinanzjar. Fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ azzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu rendikont ta’dak li jkun qed isir. |

3.3. L-għarfien u l-innovazzjoni ghat-tkabbir ekonomiku |

L-għarfien imexxi t-tkabbir fil-produttività. | F’ekonomiji avvanzati, bħal ma hi dik ta’ l-UE, l-għarfien, jiġifieri l-R&D, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, huwa fattur ċentrali li jmexxi ‘l quddiem it-tkabbir ekonomiku. L-għarfien huwa fattur kritiku biex l-Ewropa tkun tista’ tibqa’ kompetittiva f’dinja globalizzata fejn pajjiżi oħra qed jikkompetu b’pagi baxxi jew riżorsi primarji irħas. |

Jeħtiġilna nagħlqu d-distakk ta' l-UE fl-R&D | 3.3.1. Żieda u titjib fl-investimet fir-Riċerka u l-Iżvilupp Madankollu, l-UE għadha tinvesti madwar terz anqas minn dak li tinvesti l-Istati Uniti fl-R&D. 80% tad-differenza ġejja minn nuqqas ta’ investiment mis-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment fl-ICT. L-UE bħalissa tonfoq biss 2% tal-PGD, kemm kemm aktar minn kemm kienet tonfoq fiż-żmien meta tnediet l-istrateġija ta’ Liżbona. Jeħtieġ li jsir aktar biex jintlaħaq l-għan li n-nefqa fuq l-R&D tilħaq il-livell ippjanat ta’ 3% tal-PGD. Biex dan isir, tinħtieġ nefqa pubblika akbar u aktar effiċjenti, qafas ta' kundizzjonijiet aktar favorevoli, inċentivi qawwija biex kumpaniji privati jidħlu għall-innovazzjoni u l-R&D, kif ukoll għadd akbar ta' riċerkaturi li jkunu mħarrġa aħjar u aktar immotivati. |

L-ILħIQ TAL-MIRA TA' NEFQA TA' 3% FUQ L-R&D Huma l-Istati Membri li l-aktar li jistgħu jirsistu biex tintlaħaq il-mira stabbilita f’Liżbona għal nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (3% tal-PGD sa l-2010). Fil-programmi nazzjonali ta’ Liżbona tagħhom, l-Istati Membri jridu juru ċar x’passi qed jieħdu biex joqorbu lejn it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Hija ħaġa kruċjali li jitħajjar aktar investiment kummerċjali, u l-Istati Membri għandhom jisfruttaw il-possibilitajiet kollha offruti mill-qafas il-ġdid dwar l-għajnuniet statali. Fattur ewlieni għandu wkoll ikun l-ikkoordinar ta' ħidma Ewropea biex jitjieb il-qafas ta' tassazzjoni għall-R&D. Dan huwa fattur li kull ma jmur aktar qed isir importanti, biex is-settur kummerċjali jitħeġġeġ jonfoq aktar għar-riċerka u l-iżvilupp f’pajjiżi oħra. Dan ikun importanti b'mod partikolari għat-tkabbir ta' l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jaħdmu fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata fl-Unjoni kollha kemm hi. Fuq il-livell ta’ l-Unjoni, is-seba’ programm ta' qafas għar-riċerka se jkollu l-għan li jqawwi bis-sħiħ il-kompetittività ta’ l-industriji tagħna f’oqsma teknoloġiċi ewlenin, billi l-isforzi li jsiru madwar l-Unjoni kollha jissaħħu u jinqasmu bejn kulħadd, kif ukoll biex iġi amplifikat l-investiment mis-settur privat. Il-programm ta’ qafas se jiffoka fuq l-eċċellenza tal-bażi tar-riċerka, bis-saħħa ta’ Kunsill Ewropew għar-Riċerka li għad irid jiġi stabbilit, magħmul minn xjenzati indipendenti ta’ klassi internazzjonali, li jagħżlu l-proġetti u l-programmi tar-riċerka skond kemm dawn jilħqu livelli xjentifiċi ta’ eċċellenza. |

REVIżJONI TAL-QAFAS DWAR L-GħAJNUNIET STATALI GħALL-R&D U L- INNOVAZZJONI Fil-kuntest ta’ riforma sħiħa fir-regolamenti dwar l-għajnuniet statali, ir-reviżjoni tal-Qafas ta' llum dwar l-Għajnuniet Statali għall-R&D se ssir qabel ma kien maħsub, biex jitħaffef sew l-aċċess għall-iffinanzjar u għall-kapital ta’ riskju, kif ukoll l-iffinanzjar pubbliku ta' l-R&D u l-innovazzjoni. Qabel is-Sajf ta’ l-2005, il-Kummissjoni se toħroġ komunikazzjoni fuq il-futur tal-politika dwar l-ghajnuniet statali. Jeħtieġ li jitħaffef il-mod kif ir-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment dawk li jsiru minn kumpaniji ġodda u innovattitivi, jirċievu l-għajnuna finanzjarja. Illum, wieħed mill-akbar ostakli għall-innovazzjoni huwa l-aċċess limitat għall-iffinanzjar. Il-pubbliku x’aktarx li jagħti l-appoġġ tiegħu meta jara ċar x’benefiċċji ġenerali hemm għas-soċjetà, fil-waqt li jiħi żgurat li l-ambjent kompetittiv jibqa' bla mittiefes. |

3.3.2. L-iffaċilitar ta' l-innovazzjoni, l-użu ta' l-ICT u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi. |

L-universitajiet għandhom rwol kruċjali biex joħolqu u jifirxu l-għarfien. | Il-kontribut ta’ l-universitajiet biex l-għarfien jinħoloq u jinfirex ma' l-Unjoni kollha kemm hi jrid jissaħħaħ. Il-Kummissjoni se toħroġ b’ideat dwar kif dawn jista’ jiżdidulhom il-potenzjal u l-kwalità tagħhom fir-riċerka u fix-xjenza sabiex isiru aktar attraenti u biex ikollhom rabtiet aħjar ma’ l-industrija. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll linji ta' gwida biex titjieb il-kollaborazzjoni bejniethom fir-riċerka, u biex jitjieb il-mod kif it-teknoloġija tgħaddi għand l-industrija. Se tidħol ukoll fil-kwistjoni dwar kif l-universitajiet Ewropej jistgħu jikkompetu fuq bażi internazzjonali. Minn ħafna lati, qiegħed isir evidenti li l-mod kif l-universitajiet iħarsu lejn l-iffinanzjar, it-tmexxija u l-kwalità mhux tajjeb biżżejjed biex jintlaqgħu l-isfidi ta’ dak li issa sar suq globali, sew għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti, barra milli għall-għarfien innifsu. |

L-investiment ta’ l-UE għandu jkollu rwol ukoll | Biex jinkisbu sinerġiji akbar bejn l-iffinanzjar għar-riċerka, għall-istrutturi u għall-koeżjoni, jeħtieġ li ninvestu aktar f’faċilitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni, biex aktar reġjuni jkunu jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ riċerka fuq livell Ewropew. |

POLI TA’ INNOVAZZJONI Sew fuq livell reġjonali kif ukoll fuq livell lokali, jinħtieġ li jsir sforz akbar biex jitwaqqfu poli ta’ innovazzjoni, u b’hekk jitqarrbu l-intrapriżi żgħar u medji li jaħdmu b’teknoloġija avvanzata, l-universitajiet, u l-appoġġ kummerċjali u finanzjarju meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jisfruttaw kemm jifilħu l-opportunitajiet li joffru l-fondi reġjonali u soċjali ta’ l-UE għas-sostenn ta' strateġiji reġjonali għall-innovazzjoni. Dan hu kruċjali biex ikunu jistgħu jintużaw iċ-"ċentri ta’ eċċellenza" ġodda miġjuba 'l quddiem fil-programm tagħna ta’ riċerka, biex b’hekk l-ideat ma jibqgħux fil-laboratorju iżda jibdew jintużaw fl-industrija. Dan jitħaffef billi tissaħħah il-konnessjoni bejn il-fondi reġjonali, il-programm ta' qafas għar-riċerka, u l-Programm il-ġdid dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Il-programmi nazzjonali ta’ Liżbona għandhom jagħtu r-rotta sabiex jiġu stabbiliti ċentri ġodda u jiġu żviluppati dawk eżistenti. Il-kisba ta’ l-għarfien dejjem kienet fil-qalba ta’ l-avventura Ewropea. Għenitna nfasslu l-identità u l-valuri tagħna, u tmexxina ‘l quddiem biex għall-ġejjieni nibqgħu kompetittivi. Biex insaħħu l-impenn tagħna favur l-għarfien bħala ċ-ċavetta għat-tkabbir, il-Kummissjoni qed tipproponi il-ħolqien ta’ "Istitut Ewropew tat-Teknoloġija" biex iservi bħala ċentru ta’ attrazzjoni għall-aħjar imħuħ, l-aħjar ideat u l-aħjar kumpaniji minn madwar id-dinja kollha. Il-Kummissjoni se tfittex, flimkien ma' l-Istati Membri, kif ukoll ma’ dawk kollha kkonċernati, sew mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privati, biex tara kif l-aħjar iġġib 'il quddiem din l-idea. |

L-investiment fit-teknoloġiji l-ġodda … | Il-politika dwar il-kompetizzjoni u dik dwar it-tassazzjoni għandhom effett qawwi fuq l-innovazzjoni. Il-ħeffa li biha jibdew jintużaw teknoloġiji ġodda ukoll għandha effett qawwi, speċjalment f’kuntest fejn it-teknoloġija tinbidel malajr. |

…huwa kruċjali biex tiżdied il-produttività,waqt li… i2010: Soċjetà Ewropea ta’l-Informatika tista’ tkabbar l-użu ta' l-ICT | B’mod aktar ġenerali, ir-riżultati tagħna fl-innovazzjoni jiddependu b’mod kruċjali fuq it-tisħiħ ta’ l-investiment fit-teknoloġiji l-ġodda u l-użu li nagħmlu minnhom, speċjalment l-ICTs, sew fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku. It-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma l-qafas ta’ ekonomija msejsa fuq l-għarfien. Madwar nofs iż-żieda fil-produttività fl-ekonomiji moderni ġejja minnhom. Madankollu, l-investiment f'din it-teknoloġija fl-Ewropa qed ikun anqas minn dak fl-Istati Uniti, u qed isir ukoll aktar tard, speċjalment fis-setturi tas-servizzi bħal ma huma t-trasport, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi finanzjari. Fil-waqt li r-responsabbiltà ewlenija tibqa’ dik ta’ l-amministrazzjonijiet kummerċjali u pubbliċi, l-Ewropa qed tkun ta’ għajnuna. Inizjattiva ġdida – i2010: is-Soċjetà Informatika Ewropea se tgħin biex tifrex u tkabbar l-użu ta' l-ICTs, biex b’hekk titkompla l-aġenda eEwropa, li ħeġġet l-istrateġija ta’ Liżbona. Dan isir billi jiddakkar ambjent ċar, stabbli u kompetittiv għall-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi diġitali, aktar riċerka u innovazzjoni fl-ICTs, u Soċjetà ta’ l-Informatika orjentata lejn l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja. |

Irridu wkoll nilqgħu l-isfidi tar-riżorsi u ta’ l-ambjent | Suċċess dejjiemi għall-Unjoni jiddependi fuq kemm ikunu jistgħu jintlaqgħu għadd ta' sfidi ambjentali u ta’ riżorsi għax jekk dawn jitħallew għal riħhom, jiġri li ma jkunx jista’ jsir tkabbir fil-futur. Dan il-ħsieb jinsab fil- qalba ta’ l-iżvilupp sostenibbli. B’kuntrast ma’ l-Ewropa, f'ħafna nħawi tad-dinja hemm rati għolja ta’ tkabbir ekonomiku, flimkien ma’ żieda qawwija fil-popolazzjoni. L-Ewropa trid tilqa’ għal din l-isfida u tkun minn ta' quddiem fil-mixja lejn mudelli aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum. |

…iċ-ċavetta tinsab fl-Eko-innovazzjoni | Aktar minn hekk, it-tkabbir ekonomiku jista' jsir tassew aktar sostenibbli f'sens ambjentali jekk bis-saħħa ta’ tkabbir innovattiv, tinkiseb aktar produzzjoni mill-istess tidħil ta' riżorsi. Huwa għalhekk li jinħtieġ li jingħata appoġġ qawwi lill-eko-innovazzjoni, speċjalment fit-trasport u l-enerġija. |

L-EKO-INNOVAZZJONI Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem it-teknoloġiji ambjentali. Se tieħu wkoll dawk il-passi meħtieġa biex tmexxi ‘l quddiem l-iżvilupp ta’ metodi u teknoloġiji biex l-UE tagħmel it-tibdiliet strutturali meħtieġa sabiex ikun hawn is-sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu sostenibbli tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija. Dawn huma meħtieġa sew biex jintużaw fi ħdan l-UE kif ukoll biex jilqgħu għad-domanda fi swieq li qed jespandu madwar id-dinja kollha. Hemm potenzjal apprezzabbli għal sinerġiji ekonomiċi, ambjentali u ta’ l-impjiegi li jiġu minn teknoloġija ambjentali u mill-użu effiċjenti ta’ l-enerġija. Dawn jiġu mwieżna bi sforzi akbar ghat-tixrid tar-riċerka u t-teknoloġija, fosthom billi jinkiseb iffinanzjar privat mill-Bank ta’ l-Investiment Ewropew, biex jitmexxa ‘l quddiem l-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġija li tuża anqas karburi |

Bażi industrijali qawwija tgħinna nżommu postna fuq quddiem nett fix-xjenza u t-teknoloġija | 3.3.3. Kontribut lejn bażi industrijali Ewropea qawwija Li nimxu 'l quddiemnett fid-dinja fil-qasam ta' l-R&D u l-innovazzjoni, ikun ifisser li niksbu vantaġġ ta' ħeffa li nibqgħu ngawduh għal żmien twil. L-esperjenza li ksibna bit-tħaddim ta' teknoloġija innovattiva bħal ma kienet dik tal-GSM, fissret li l-Ewropa setgħet tistabilixxi standards internazzjonali. Biex iżżomm ruħha fuq quddiem fl-ekonomija u fit-teknoloġija, u biex tkompli tkabbar il-vantaġġ tagħha, l-Ewropa jrid ikollha kapaċità industrijali qawwija, billi tisfrutta kemm tiflaħ il-potenzjal teknoloġiku li għandha. Hemm bżonn li jkollna metodu integrat u li jħares bil-quddiem lejn il-problemi, ibbażat fuq żvilupp tas-settur industrijali skond il-ħtiġijiet tas-suq. Is-sinerġiji li jiġu meta nilqgħu l-isfidi tar-riċerka, tar-regolamentazzjoni u ta’ l-iffinanzjar fuq livell Ewropew – f'dawk il-każi fejn, minħabba raġunijiet ta’ daqs jew skop, l-Istati Membri individwali ma jistgħux ikollhom suċċess waħedhom – mhux dejjem ġew sfruttati kemm imiss. |

Il-proġett Galileo u l-ajrunawtika huma eżempji fejn it-tisħib bejn is-settur pubbliku u dak privat kisbu riżultat. | Il-proġett Galileo u l-ajrunawtika huma eżempji qawwija tat-tlaqqigħ flimkien b'suċċess tal-livelli eċċellenti li jintlaħqu fl-Ewropa. Fiż-żewġ każijiet l-ekonomija Ewropea kisbet benefiċċji apprezzabbli. Dawn il-metodi li bihom it-tisħib bejn is-settur pubbliku u dak privat jingħata spinta ‘l quddiem għandhom jiġu żviluppati f’dawk il-każijiet fejn is-soċjetà ġenerali tikseb vantaġġi akbar milli jikseb is-settur privat: pereżempju, fil-ksib ta’ l-enerġija mill-idroġenu. It-tnedija mill-ġdid ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għandha toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan il-potenzjal jintuża’, u biex jitħaffef it-tibdil strutturali meħtieġ, fil-waqt li ssir ħidma esterna biex jinkisbu swieq miftuħa. |

INIZJATTIVI EWROPEJ FIT-TEKNOLOġIJA Il-kompetittività industrijali tista' tiġi appoġġata bit-twaqqif ta' inizjattivi kbar Ewropej fil-qasam tat-teknoloġija permezz ta' l-immobilitar ta' fondi mill-Unjoni, mill-Istati Membri u mill-industrija. Il-programm ta' qafas għar-riċerka li jmiss jista' jmexxi dan il-proċess, u jagħtih biżżejjed prijorità. L-għan huwa li jiġu indirizzati l-fallimenti fis-suq u jitmexxew 'il quddiem l-iżviluppi ta' prodotti jew servizzi fuq il-bażi ta' dawk it-teknoloġiji li mhux biss huma fundamentali għall-mudell ta' l-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa, imma li wkoll jagħtu sehmhom għall-kompetittività industrijali. L-iskala tagħhom jistħoqqilha finanzjament miżjud mill-UE, u din ta' l-aħħar timmobilizza aktar iffinanzjar nazzjonali u privat. It-tmexxija tiegħu issir bi sħab bejn is-settur pubbliku u dak privat. Eżempji importanti jirrigwardaw teknoloġiji li ma jgħarrqux l-ambjent, bħat-teknoloġija ta' l-idroġenu u dik ta' l-enerġija tax-xemx. Għal dawn il-proġetti, punt tajjeb ta' riferiment huwa l-proġett Galileo, li se joħloq suq importanti u għadd kbir ta' impjiegi. Li tiżdied il-kapaċità ta' l-UE sabiex tittrasforma t-teknoloġija fi prodotti konkreti, swieq u impjiegi huwa ta' importanza ewlenija għas-suċċess ta' Liżbona. Il-Kummissjoni se tidentifika l-kriterji, it-temi u l-proġetti f'kooperazzjoni mill-qrib ma' dawk kollha li huma l-aktar involuti (l-Istati Membri, il-komunità tar-riċerka, l-industrija, u s-soċjetà ċivili) u tirrapporta lill-Kunsill Ewropew f'Ġunju. Dan il-proċess, u warajh il-fażijiet tat-tħejjija u l-iffinanzjar, se jseħħu fi ħdan il-proċess ta' preparazzjoni u adozzjoni tal-Programm ta' Qafas. |

3.4. It-tkattir u t-titjib ta' l-Impjiegi |

L-Ewropa teħtieġ li jitkattru u jittejbu l-impjiegi... | L-iżgurar tal-prosperità u t-tnaqqis tar-riskji ta' l-esklużjoni soċjali jeħtieġu li jsir sforz akbar biex in-nies jingħataw ix-xogħol u biex jibqgħu fix-xogħol jew fl-edukazzjoni matul ħajjithom. |

...iżda r-realtà demografika qed tkompli żżid il-pressjoni fuq ir-riżultati tagħna fl-impjiegi. | F'kuntest ta' bidla ekonomika mgħaġġla u żieda qawwija fid-demografija tax-xjuħija, it-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi mhumiex biss ambizzjonijiet politiċi: huma bżonnijiet ekonomiċi u soċjali. Matul il-50 sena li ġejjin, l-Ewropa sejra taffronta transizzjoni demografika li qatt ma rajna bħalha. Bi tkomplija tax-xejriet demografiċi tal-preżent, l-għadd totali ta' dawk li jaħdmu se jonqos. Minbarra l-bidla soċjali apprezzabbli li se ġġib magħha din it-transizzjoni, se tagħmel pressjoni qawwija fuq is-sistemi tagħna tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali u, jekk ma titrażżanx, tnaqqas ir-rati ta' tkabbir potenzjali tagħna għal-livell miżeru ta' 1% fis-sena. Barra minn hekk, il-popolazzjoni ta' xi wħud mill-Istati Membri tagħna tista' tiċkien drastikament. Il-Kummissjoni se tadotta green paper biex tniedi dibattitu dwar din l-isfida demografika, sabiex tidentifika dawk il-miżuri pubbliċi li jistgħu jiġu introdotti biex jaffrontawha. |

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tipproponi r-reviżjoni ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi fl-2005 bħala parti integrali ta' l-Istrateġija l-ġdida ta' Liżbona, imsejsa fuq il-Pjan ta' Azzjoni ta' Liżbona. |

Jeħtiġilna nressqu iktar nies lejn il-forza tax-xogħol... ...u nfasslu l-miżuri adatti għall-ħaddiema sew żgħażagħ u mhumiex | 3.4.1. It-tressiq ta' aktar nies lejn l-impjiegi u l-immodernizzar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali. Filwaqt li jeħtiġilna naffrontaw il-fenomenu ta' rati baxxi ta' twelid fl-Ewropa bħala parti minn politika li tħares fit-tul, it-tkattir ta' l-impjiegi huwa l-iktar mezz effettiv għat-tkabbir ekonomiku u l-promozzjoni ta' ekonomiji li jkunu aktar inklużivi mil-lat soċjali. L-isfida tikkonsisti f'li jitressqu aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li dawn jibqgħu fih, permezz ta' politika attiva rigward l-impjiegi u l-għoti ta' l-inċentivi meħtieġa. Li n-nies li jkunu waqgħu fil-qgħad jew fl-inattività jerġgħu jidħlu fl-impjiegi, u l-għoti ta' inċentivi sabiex in-nies tibqa' aktar fit-tul fil-forza tax-xogħol, it-tnejn jirrikjedu l-immodernizzar tas-sistemi tal-ħarsien soċjali. Il-potenzjal enormi tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadu ma ġiex sfruttat għal kollox. L-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-impenn biex tkompli titwarrab id-differenza bejn il-qligħ ta' l-irġiel u n-nisa. Jeħtieġ ukoll li tittieħed azzjoni għaż-żgħażagħ, settur li fih l-Ewropa għadha qed taffronta qgħad strutturali għoli u rati għoljin ta' tluq bikri mill-edukazzjoni, kif ukoll għall-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien li se jibdew jitilqu mis-suq tax-xogħol f'numri kbar ħafna hekk kif jilħqu l-età ta' 55 sena. Barra minn hekk, ħafna nies isibuha diffiċli li jgħaqqdu l-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja. Il-provvista ta' servizzi għall-kura tat-tfal li jkunu sew aħjar kif ukoll aktar għal but kulħadd, b'mod partikolari, jistgħu jgħinu ħafna. Il-migrazzjoni legali wkoll għandha rwol ewlieni, sabiex jiġu evitati sew in-nuqqas ta' ħiliet speċifiċi kif ukoll it-tlaqqigħ ħażin tat-talba u l-offerta f'setturi importanti tas-suq tax-xogħol. |

INIZJATTIVA EWROPEA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ Fl-ittra tagħhom tad-29 ta' Ottubru 2004, il-mexxejja ta' Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Iżvezja ressqu proposta għal Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, li jikkonċentra fuq it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tħaffif tad-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol. Is-sejbien ta' mezzi biex ikomplu jingħaqdu aħjar il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja huwa element ċentrali fl-inizjattiva. L-Oqsma ta' Politika li huma ppreżentati f'din il-Komunikazzjoni fihom għadd ta' miżuri li huma tal-qofol fl-isforz biex jinħeles il-potenzjal taż-żgħażagħ. Se jkunu elementi importanti fl-Istrateġija riveduta Ewropea għall-Impjiegi u għandhom jiġu appoġġati permezz ta' ffinanzjar mill-UE, b'mod speċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Meta jitqiesu flimkien, dawn il-miżuri tassew jikkostitwixxu Inizjattiva Ewropea għaż-Żgħażagħ: Il-qasam ta' miżuri "It-tressiq ta' aktar nies lejn l-impjiegi u l-immodernizzar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali" jipproponi miżuri maħsuba sabiex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħal titjib fit-taħriġ okkupazzjonali u l-iżvilupp ta' sistemi ta' apprendistat, flimkien ma' miżuri biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ qiegħda jingħataw attenzjoni partikolari fil-politika attiva tas-suq tax-xogħol. Ukoll taħt dan il-kap, il-ħidma biex jittejbu s-servizzi għall-kura tat-tfal, tax-xjuħ u tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll l-estensjoni għall-missirijiet tal-lif tal-ġenituri, se jwassal biex il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja jingħaqdu b'mod iktar armonjuż. Fil-qasam ta' politika "Żieda fl-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni u ħiliet aħjar", bosta miżuri jindirizzaw speċifikament il-ġenerazzjoni żagħżugħa u jimmiraw lejn li dan il-grupp jingħata l-kapital uman u l-ħiliet meħtieġa f'ekonomija dinamika msejsa fuq l-għarfien. Eżempji ta' miżuri bħal dawn huma ż-żieda u t-titjib fl-effettività ta' l-investimenti fl-edukazzjoni, it-tnaqqis fil-għadd ta' dawk li jitilqu bikri mill-iskola u ta' dawk b'ilħiq baxx ta' kwalifikazzjonijiet, u aktar parteċipazzjoni fl-istudju tal-matematika, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinjerija. Il-miżuri taħt il-kap "Żieda u Titjib fl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp" – f'rabta mal-kapaċità li jitkattar l-ammont ta' kapital uman fl-ekonomija – ukoll se jgħinu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar billi jiftħu prospetti ġodda ta' karrieri. |

L-immodernizzar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali wkoll huwa importanti. | L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi ta' ħarsien soċjali (l-aktar is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa) u jsaħħu l-politika ta' l-impjiegi tagħhom. Il-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri għandha tfittex li tressaq aktar nies lejn l-impjiegi (b'mod partikolari permezz ta ' riformi tal-benefiċċji u tat-taxxi biex jitwarrbu n-nasbiet li jżommu n-nies fil-qgħad u fi dħul baxx, użu mtejjeb ta' miżuri attivi fis-suq tax-xogħol, u strateġiji biex titwal il-ħajja tax-xogħol), ittejjeb il-kapaċità li jadattaw irwieħhom sew il-ħaddiema kif ukoll l-intrapriżi b'mod speċjali permezz ta' żviluppi fil-pagi pass pass mat-tkabbir fil-produttività u investiment miżjud fil-kapital uman. Fattur kruċjali fl-ilħiq ta' din il-mira jkun li f'ħajjet in-nies jiżdiedu s-snin li matulhom ikunu ħielsa minn problemi tas-saħħa. |

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-miri għall-impjiegi... | Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li l-Istati Membri jiddefinixxu miri għall-impjiegi għall-2008 u l-2010 fil-Programmi ta' Liżbona Nazzjonali tagħhom, u li jippjanaw dwar il-miżuri se jużaw biex jilħqu dawn il-miri. Il-linji ta' gwida għall-impjiegi se jkunu ta' għajnuna għall-Istati Membri sabiex jagħżlu l-iktar strumenti effettivi u l-Kummissjoni , fuq din il-bażi, se tevalwa l-progress li jkun sar fir-Rapport Strateġiku Annwali tagħha. |

Inizjattivi volontarji mis-settur privat, fis-sura ta' prattiċi ta' responsabbiltà soċjali ta' l-intrapriżi (CSR), jistgħu jkollhom rwol ewlieni fil-bini ta' żvilupp sostenibbli filwaqt li jtejbu l-potenzjal innovattiv u l-kompetittività ta' l-Ewropa. |

...u għandna bżonn l-appoġġ ta' l-imsieħba soċjali. | Fl-aħħarnett, l-imsieħba soċjali qed jintalbu biex iġibu 'l quddiem l-integrazzjoni ta' dawk esklużi mis-suq tax-xogħol, fosthom iż-żgħażagħ. Dan mhux biss ikun kontribut għall-ġlieda kontra l-faqar, imma jiżgura wkoll li aktar nies ikunu qed jaħdmu. |

Livell għoli ta' adattabilità jqawwi r-riżultati milħuqa u jgħin aktar nies sabiex isibu l-impjiegi. | 3.4.2. Titjib fl-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u fil-flessibiltà tas-swieq tax-xogħol F'ekonomiji li jkunu qed jinbidlu bil-ħeffa, huwa vitali li jkun hemm livell għoli ta' adattabilità sabiex jinġieb 'il quddiem it-tkabbir tal-produttività u jitħaffef il-ħolqien ta' l-impjiegi f'setturi li jkunu qed jikbru malajr. Kull ma jmur, intrapriżi ġodda u SMEs aktar qed isiru sorsi ta' ħolqien ta' l-impjiegi u tat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Flessibiltà akbar flimkien mas-sigurtà se tkun tinħtieġ kapaċità akbar min-naħa tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi biex jantiċipaw, iniedu, u jassorbu l-bidliet. Adattabilità akbar għandha tagħti kontribut ukoll sabiex tiżgura li żviluppi fl-infiq fuq il-pagi ma jisbqux it-tkabbir fil-produttività matul iċ-ċiklu, u jibqgħu jirriflettu tassew il-qagħda tas-suq tax-xogħol. Minħabba d-differenzi li jeżistu bejn l-istituzzjonijiet fis-swieq tax-xogħol varji u fil-funzjonament ta' dawn ta' l-aħħar, huwa evidenti li politika waħdanija li tkun tgħodd għal kulħadd ma tkunx effettiva, anzi potenzjalment tkun kontroproduċenti. L-Istati Membri għaldaqstant iridu jiżviluppaw l-aħjar taħlita ta' miżuri. |

Irridu nwarrbu kull ostaklu għall-mobilità. | Sabiex naffrontaw problemi speċifiċi, il-Kummissjoni se tressaq proposti sabiex jiġu mwarrba l-ostakli għall-mobilità tax-xogħol li joħorġu minn skemi okkupazzjonali ta' pensjoni u sejra taħdem fuq l-ikkoordinar ta' politika tad-dħul għall-migranti ekonomiċi. Ukoll ta' importanza fundamentali huma l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni proposta biex iġġib 'il quddiem il-mobilità fil-professjonijiet, l-adozzjoni ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki fl-2006 u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs (proposta mfassla mill-ġdid). |

Fattur ieħor huwa aktarinvestiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet. | 3.4.3. Investiment akbar fil-kapital uman bis-saħħa ta' ħiliet u edukazzjoni aħjar. It-tibdil strutturali, il-parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol u t-tkabbir tal-produttività jitolbu t-tkomplija ta' l-investiment f'ħaddiema adattabbli u b'ħiliet għolja. Dawk l-ekonomiji li jkunu mogħnija b'forza tax-xogħol li għandha ħiliet tajbin huma aktar kapaċi joħolqu teknoloġiji ġodda u jħaddmuhom b'mod effettiv. Il-livell ta' l-ilħiq edukattiv ġewwa l-Ewropa ma jservix biex jiżgura li l-ħiliet meħtieġa jkunu disponibbli fis-suq tax-xogħol jew li jinħoloq għarfien ġdid li mbagħad jinxtered ma' l-ekonomija kollha. L-enfażi fuq l-edukazzjoni matul il-ħajja u fuq l-għarfien fil-ħajja ekonomika jirriflettu wkoll il-konvinzjoni li t-titjib fl-ilħiq edukattiv u fil-ħiliet jagħti kontribut importanti lill-koeżjoni soċjali. |

L-edukazzjoni matul il-ħajja hija prijorità. | L-immodernizzar u r-riforma tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' l-Ewropa huma fil-biċċa l-kbira r-responsabbiltàta' l-Istati Membri. Madankollu, hemm xi azzjonijiet ewlenin li, sabiex jgħinu f'dan il-proċess u jħaffuh, hemm bżonn li jittieħdu fuq il-livell Ewropew. Il-proposta dwar programm ġdid ta' l-Edukazzjoni Matul il-Ħajja, maħsub biex mill-2007 jieħu l-post tal-programmi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li għaddejjin fil-preżent, iridu jiġu adottati mil-leġiżlaturi sa tmiem l-2005 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għat-twettiq effettiv u f'waqtu tal-programm. Il-programm għandu wkoll jingħata baġit li jirrifletti l-għanijiet tiegħu. L-Istati Membri jridu jwettqu l-impenn tagħhom li jistabbilixxu Strateġiji ta' Edukazzjoni Matul il-Ħajja sa l-2006. |

L-iffinanzjar mill-UE għandu r-rwol tiegħu. | Il-Komunità tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq il-għan tat-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi billi timmobilita l-miżuri ta' l-infiq tagħha. Il-Fondi Strutturali diġà huma indirizzati u qed jintużaw għal dan il-għan, imma dan il-progress jista' jissaħħaħ biss permezz ta' l-adozzjoni tal-proposti għall-Qafas il-ġdid wara l-2007. Jinħtieġ finanzjament adegwat għal dawn il-miżuri, li jekk jitwettqu jamplifikaw il-mezzi reġjunali u nazzjonali, sew mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, u jappoġġaw il-qsim meħtieġ ta' l-aħjar prassi. |

IT-TWETTIQ TA' LIŻBONA: IR-RIFORMA TAL-POLITIKA TA' KOEŻJONI TA' L-UE U R-RWOL TAL-FONDI STRUTTURALI Għall-fażi li jmiss ta' l-iżvilupp reġjonali, tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programmi ta' koeżjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi mod aktar strateġiku ta' ħidma fi sforz biex tiżgura li l-kontenut tagħhom jagħfas fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Linji ta' gwida strateġiċi se jiġu stabbiliti fuq il-livell tal-Komunità b'deċiżjoni tal-Kunsill, b'tali mod li jfasslu l-qafas tal-linji ta' gwida fuq il-livell ta' kull Stat Membru, li għandhom jiġu nnegozjati bi sħab u wara kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi differenti nazzjonali u reġjonali. Il-programmi reġjonali tal-ġejjieni u l-programmi nazzjonali ta' l-impjiegi se jfittxu li jallokaw ir-riżorsi bl-aħjar mod, b'mod partikolari fir-reġjuni anqas sinjuri fejn se jikkonċentraw irwieħhom ir-riżorsi Komunitarji: – fuq it-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi permezz ta' investiment fit-taħriġ u fil-ħolqien ta' attivitajiet ġodda, – billi jiġu inkoraġġuti l-innovazzjoni u t-tkabbir ta' l-ekonomija ta' l-għarfien permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għar-riċerka u tan-netwerks għall-innovazzjoni, inkluż l-isfruttament ta' tagħrif ġdid u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u, – fuq li r-reġjuni jsiru aktar attraenti permezz tal-provvista ta' l-infrastruttura. Miżuri għall-Iżvilupp Rurali se jiffukaw ukoll b'mod iktar speċifiku fuq il-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi fiż-żoni rurali. Hemm bżonn li jiġu sfruttati għal kollox il-possibilitajiet li joffru l-Internet u l-mezzi tal-komunikazzjoni broadband sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi tal-lok. Dan għandhom imexxuh 'il quddiem l-Istati Membri, flimkien mar-reġjuni u l-ibliet. |

3.5. L-impatt fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi |

Liżbona twettaq it-tkabbir fil-medda tan-nofs u f'dik twila. Suq Waħdieni fis-servizzi jista' jżid 0.6% mal-PGD u jgħolli r-rata ta' l-impjiegi b'0.3%... ...l-investiment fl-għarfien u fl-edukazzjoni għandu jagħmilna aktar kapaċi nkunu innovattivi, ... u t-trattament korrett ta' l-impjiegi jista' jżid ir-rata ta' parteċipazzjoni b'1.5%. Il-fatt li dawn il-miżuri kollha jsaħħu lil xulxin ifisser li l-impatt globali jista' jkun ogħla sew minn hekk. | L-azzjonijiet politiċi mfissra f'din il-komunikazzjoni se jevolvu hekk kif l-Istati Membri jfasslu fid-dettall il-programmi ta' azzjoni nazzjonali tagħhom. Filwaqt li mhuwiex possibbli, għaldaqstant, li f'dan l-istadju tingħata evalwazzjoni globali ta' l-effetti tal-Programm ta' Azzjoni ta' Liżbona, illum hawn għarfien wiesa' li t-tip ta' miżuri previsti minn dan il-Programm ta' Azzjoni jistgħu jagħtu kontribut essenzjali sabiex jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fil-medda tan-nofs u aktar fit-tul[3]. Li l-Ewropa ssir post li jiġbed aktar xogħol u investiment Il-Programm tas-Suq Intern huwa wieħed mill-aħjar eżempji ta' riforma tat-tip ta' Liżbona li kellha impatt apprezzabbli fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Per eżempju, it-twettiq ta' suq waħdieni fis-servizzi għandu jwassal għal żieda ta' 0.6% fil-PGD, u ta' 0.3% fl-impjiegi fil-medda tan-nofs. L-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tista' – fil-medda tan-nofs sa dik twila – tnaqqas l-ispejjeż tal-kapital għall-intrapriżi ta' l-UE b'madwar 0.5 ta' punt perċentwali, u dan jista' jikkawża żieda ta' 1.1% fil-PGD u ta' 0.5% fl-impjiegi fil-medda t-twila. L-għarfien u t-tiġdid li jwasslu għat-tkabbir ekonomiku L-investiment fl-għarfien għandu jqawwi l-kapaċità ta' l-UE li tkun innovattiva u li tipproduċi u tuża teknoloġiji ġodda. Żieda minn 1.9% sa 3% bħala l-proporzjon tal-PGD ddedikat għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), sabiex tintlaħaq il-mira ta' Liżbona sa l-2010, jkollha l-effett li żżid il-livell tal-PGD b'1.7% sa l-2010. L-investiment fil-kapital uman ukoll huwa meħtieġ, għaliex huma n-nies b'ħiliet tajbin li huma l-aktar kapaċi li jaħdmu bil-kapital l-iktar produttiv u li jwettqu t-tibdil organizzattiv kif ikunu jitolbu t-teknoloġiji l-ġodda. Żieda ta' sena fil-livell edukattiv medju tal-forza tax-xogħol tista' tgħolli r-rata annwali tat-tkabbir tal-PGD ta' l-UE b'daqs 0.3 sa 0.5 ta' punt perċentwali. It-tkattir u t-titjib ta' l-Impjiegi Fl-aħħarnett, it-titjib fil-livelli ta' l-impjiegi li rajna f'dawn l-aħħar snin kienu aktar apprezzabbli f'dawk il-pajjiżi li wettqu riformi maħsuba sabiex tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni, u sabiex ifasslu aħjar sew politika attiva tas-suq tax-xogħol kif ukoll sistemi ta' taxxa u benefiċċji. Studji li saru juru li riformi bħal dawn jistgħu jżidu r-rata ta' parteċipazzjoni b'1.5%, u li, flimkien ma' trażżin fil-pagi, jistgħu jbaxxu r-rata tal-qgħad b'1%. Kif turi s-selezzjoni ta' hawn fuq, il-miżuri individwali previsti mill-Programm ta' Azzjoni ta' Liżbona jkollhom effetti pożittivi sostanzjali fuq l-ekonomija. Iżda l-istrateġija hija pakkett globali ta' riformi li jsaħħu lil xulxin. L-estimi li bħalissa huma disponibbli jagħtu ħjiel li jkun raġunevoli li nistennew li l-Programm ta' Azzjoni ta' Liżbona sħiħ, meta jkunu twettqu l-partijiet kollha li minnhom huwa magħmul, jgħolli r-rata preżenti tat-tkabbir potenzjali ta' l-UE u jqarribha lejn il-mira ta' 3%. Iżid ukoll l-impjiegi b'ta' l-anqas madwar 6 miljun post tax-xogħol sa l-2010. |

- 4. SABIEX BI SħAB NILħQU RIżULTATI TA' VERU FIT-TKABBIR EKONOMIKU U FL-IMPJIEGI

Qed inġeddu mill-qiegħ il-mod li bih Liżbona qed titwettaq, ... | Filwaqt li sar xi progress lejn l-ilħiq tal-miri li ġew definiti fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona fl-2000, l-istampa globali tvarja ħafna. L-ikbar nett fost l-isfidi li qed naffrontaw f'nofs triqitna lejn l-2010 hija, għalhekk, li nikkoreġu n-nuqqasijiet fit-twettiq. Jeħtiġilna nġeddu mill-qiegħ il-proċess ta' twettiq, li sar wisq ikkumplikat u ftit li xejn jiftiehem. Jiġġenera ħafna karti, imma ftit li xejn azzjoni. Il-qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli nazzjonali u dak Ewropew m'għadux ċar. Ir-riżultat huwa pussess limitat. |

... permezz ta' programm nazzjonali ta' Liżbona waħdieni għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, ... | Sabiex dan jiġi kkoreġut, il-Kummissjoni qed tipproponi reviżjoni minn fuq s'isfel tal-mod li bih titwettaq l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona: Pjan Nazzjonali ta' Azzjoni waħdieni għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, adottat mill-gvernijiet nazzjonali wara diskussjoni fil-parlamenti tagħhom għandu jgħin sabiex tassew ikun pjan tal-pajjiż rispettiv, u fuq il-livell nazzjonali tissaħħaħ il-leġittimità permezz ta' l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta' programm nazzonali ta' Liżbona. Dan il-programm jelenka l-azzjonijiet li jridu jsiru u l-miri li jridu jintlaħqu skond il-qagħdiet differenti fl-istati membri. Għandu jitħejja u jiġi adottat mill-gvernijiet wara dibattiti fil-parlamenti rispettivi tagħhom. |

... jkun hemm Sur jew Sinjura Liżbona f'kull gvern Nazzjonali | Kull Stat Membru jagħżel lil persuna li fuq il-livell tal-gvern tkun is-Sur jew is-Sinjura Liżbona, bir-responsabbiltà li tikkoordina l-elementi differenti ta' l-istrateġija u li tippreżenta l-programm ta' Liżbona. |

... struttura waħdanija ta' rappurtaġġ | Il-programmi nazzjonali ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi jsiru l-istrumenti primarji ta' rappurtaġġ fuq il-miżuri ekonomiċi u ta' l-impjiegi fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Dan jissimplifika bil-kbir il-geġwiġija preżenti ta' rapporti bit-tħaddim tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinament (OMC), li l-Kummissjoni fi ħsiebha tirrevedi. |

... flimkien ma' Programm ta' l-UE ta' Liżbona, u ... | Prijoritajiet għall-azzjoni fuq il-livell ta' l-Unjoni ġew identifikati u dehru fi Programm Komunitarju ta' Azzjoni għal Liżbona li ġie ppubblikat separatament. Qed jintalab li jkun hemm qbil dwar l-importanza tagħhom sabiex ikun jista' jseħħ progress mgħaġġel fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u wara, fit-twettiq tagħhom. |

pakkett waħdieni integrat għall-koordinament fl-ekonomija u fl-impjiegi. | Is-simplifikazzjoni fl-istrutturi tar-rappurtaġġ imbagħad tkun tista' tiġi riflessa fuq il-livell ta' l-UE billi jiġu integrati f'pakkett wieħed il-mekkaniżmi ta' llum għall-koordinament fl-ekonomija u fl-impjiegi, lkoll ibbażati fuq it-Trattati, (taħt il-Linji ta' Gwida Wiesgħa għall-Politika Ekonomika u ta' l-Impjiegi): dan isir f'rapport Strateġiku Annwali li jiġi ppublikat kull sena f'Jannar. |

L-Istati Membri jridu juru l-impenn tagħhom | L-Istati Membri. It-twettiq huwa l-punt ta' dgħufija ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. Il-proposti għat-titjib tal-mekkaniżmu ta' twettiq jistgħu jsolvu ħafna mid-diffikultajiet. Imma jistgħu jaħdmu biss jekk ikun hemm impenn ta' veru min-naħa ta' l-Istati Membri. |

Il-Kunsill Ewropew jagħti r-rotta... | Fuq il-livell Ewropew, jiġu assenjati wkoll rwoli ċari: Il-Kunsill Ewropew jkollu r-responsabbiltà globali għat-tmexxija tal-proċess. Mod komuni ta' ħidma għall-adozzjoni ta' linji ta' gwida għall-programmi nazzjonali għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, kif ukoll sistemi ssimplifikati ta' rappurtaġġ mill-Istati Membri dwar it-twettiq, jippermettu lill-Kunsill Ewropew jagħti gwida aktar effettiva. |

... filwaqt li jqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew... | Il-Parlament Ewropew ukoll ikun involut f'dan il-proċess, billi jagħti l-fehma tiegħu fuq ir-Rapport Strateġiku Annwali ħalli l-Kunsill ikun jista' jieħu qies xieraq tagħha. Il-Presidenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jkomplu jiltaqgħu regolarment, inkluż qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, sabiex jidentifikaw il-modi kif, fil-proċess leġiżlattiv, jistgħu jitmexxew 'il quddiem dawk il-proposti leġiżlattivi li jkunu marbuta mal-Programm Komunitarju ta' Liżbona. Il-Kummissjoni sejra wkoll tinforma lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari bl-analiżi tagħha dwar il-progress li jkun sar u l-miżuri li jkunu adottaw l-Istati Membri. |

...u l-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem il-proċess. | Il-Kummissjoni tkun tista' tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil tal-programmi ta' Liżbona tagħhom, u se twaqqaf l-istrutturi meħtieġa biex tħaffef dan il-proċess. Tkun tista' tevalwa l-miri u l-miżuri proposti mill-Istati Membri, tiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet bażiċi u tuża r-rapport strateġiku annwali tagħha sabiex tiżgura li l-Unjoni tibqa' miexja kif suppost f'din it-triq. Flimkien ma' dan, tkun tista' tuża l-poteri tagħha skond it-Trattat sabiex tiżgura t-traspożizzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni, u li jitwettqu l-impenji ta' Liżbona li jkunu ħadu l-Istati Membri. |

L-Imsieħba Soċjali għandu jkollhom rwol speċjali. | Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali wkoll ikun vitali. L-appoġġ tagħhom se jkun kruċjali f'oqsma bħall-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni matul il-ħajja jew il-ħsieb bil-quddiem għar-ristrutturar fis-setturi industrijali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistedinhom ifasslu l-programmi ta' Liżbona tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, mifruxin fuq għadd ta' snin, billi jużaw is-setgħat li jingħatawlhom mit-Trattat. Is-Samit Tripartitiku regolari għandu jiġi ddedikat għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar u għall-iskambju ta' l-aħjar prassi fost l-Istati Membri. Il-ħidma bi sħab għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi hija, għalhekk, għal kollox konsistenti ma' l-ambizzjonijiet tas-sħubija għall-bidla li adottaw l-imsieħba soċjali fis-Samit Tripartitiku ta' Marzu 2004. |

Din il-fażi l-ġdida ta' 3 snin tibda fl-2005. | Din il-fażi l-ġdida ta' 3 snin tkun tista' titnieda fl-2005, b'linji ta' gwida ġodda u aktar ġenerali għall-ekonomija u l-impjiegi, b'tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jfasslu l-pjanijiet nazzjonali ta' Liżbona tagħhom skond il-qagħda li fiha jkunu jinsabu. Reviżjoni tkun tista' terġa' sseħħ fl-2008. Qed tiġi ppubblikata separatament deskrizzjoni ddettaljata tal-mod il-ġdid ta' ħidma fl-iggvernar. |

Dan jagħti struttura lill-ħidma tagħna bi sħab u jiżgura li l-bidla sseħħ. | Biex niġbru kollox fil-qosor, il-proposti biex niżguraw li l-ħidma tagħna bi sħab tagħti l-frott huma msejsa fuq l-attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet, b'tali mod li kull settur ikun jista' jieħu pussess ta' l-azzjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltà tiegħu. Dan il-mod il-ġdid ta' ħidma jwarrab il-ġungla li teżisti bħalissa fir-rigward ta' l-obbligi ta' rappurtaġġ. Fil-qofol tiegħu, ma jibqax jiffoka aktar fuq il-koordinament permezz ta' diskussjonijiet multi-laterali bejn il-25 Stat Membru u l-Kummissjoni, fuq temi individwali ta' politika (il-Metodu Miftuħ ta' Koordinament OMC). Minflok, se jkun hemm djalogu bilaterali fil-fond bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru dwar programm nazzjonali ta' azzjoni msejjes fuq l-impenn. Dan id-djalogu jseħħ fil-qafas ta' l-istrumenti tal-preżent, ibbażati fuq it-Trattat, għall-ikkoordinar tal-politika ekonomika u ta' l-impjiegi – Il-Linji ta' Gwida Wiesgħa dwar l-Ekonomija u dwar l-Impjiegi. |

...u jħallina naqtgħu l-frott tal-benefiċċji ta' l-azzjoni koerenti f'oqsma varji u fuq livelli differenti. | Fl-aħħarnett, dan il-mod ta' ħidma se jħallina naħsdu l-benefiċċji tas-sinerġija mill-ħidma tagħna bi sħab fuq il-livelli differenti, u jkompli jibni fuq il-komplentarjetà ma' u bejn l-Istati Membri. Per eżempju, l-Istati Membri se jkunu qed jikkonfermaw fil-programmi ta' Liżbona tagħhom il-miri nazzjonali rispettivi għall-infiq fuq l-R&D, u jsemmu l-miżuri li jkunu fi ħsiebhom iwettqu. Fuq il-livell Komunitarju, taħt is-seba' programm ta' qafas qed jiġi propost irduppjar fl-infiq fuq l-R&D, u hemm previst għadd ta' miżuri biex jiffaċilitaw l-infiq fuq l-R&D fl-Istati Membri. Fuq il-bażi tal-programmi nazzjonali ta' Liżbona, il-Kummissjoni għaldaqstant sejra tkun tista' tevalwa kull sena l-progress li jkun sar lejn l-ilħiq tal-mira ta' nfiq fuq l-R&D, għall-Unjoni kollha, ta' 3% tal-PGD, tressaq il-proposti meħtieġa għall-aġġustament fl-istrumenti tal-politika, tagħti r-reazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri u, jekk jinqala' l-bżonn, tirrapporta dwar xi diffikultajiet serji lill-Kunsill Ewropew. |

Li n-nies jiġu mgħarrfa dwar Liżbona jkun pass importanti lejn il-ħolqien ta' mpenn fuq il-livelli kollha tal-gvern. |

Fuq kollox, jeħtieġ li n-nies jifhmu għaliex l-Istrateġija ta' Liżbona hija daqshekk importanti. | L-isfida li nikkonvinċu lin-nies dwar il-ħtieġa tar-riforma ma tingħelibx biss permezz ta' dan ir-Rapport, u lanqas bit-tnedija fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu ta' qafas ta' ħidma bi sħab għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. L-aġenda ambizzjuża ta' Liżbona għar-riforma trid timxi id f'id ma sforzi sabiex nispjegaw l-isfidi li qed naffrontaw. Irridu nikkonvinċu darba darbtejn lin-nies bil-ħtieġa tar-riforma, sabiex jiddakkar sens ta' l-urġenza u sabiex inkunu nistgħu nuru li qed noffru rispons – rispons distint u Ewropew. Imma se jkollna bżonn nagħmlu sforz ta' veru u fit-tul sabiex jirnexxilna nwasslu dan il-messaġġ. |

... u dan irid jiġi spjegat fuq il-livell ta' l-UE u fuq dak nazzjonali. | Dan l-isforz irid jinqasam bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej. Biss, ir-responsabbiltà ewlenija tinsab fuq il-livell ta' kull Stat Membru, fejn il-messaġġi jistgħu jingħataw karattru lokali skond dak li jkun jikkonċerna lill-pajjiż u skond id-dibattitu nazzjonali. Dan irid jinvolvi lil kull min għandu sehem fis-suċċess ta' l-Ewropa – il-parlamenti nazzjonali, ir-reġjuni, l-ibliet u l-komunitajiet rurali, kif ukoll is-soċjetà ċivili. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tkun qed tittratta din l-aġenda għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi bħala prijorità ċentrali matul il-mandat tagħha kollu. |

[1] Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Istrateġija ta' Liżbona, ppresedut minn Wim Kok, Novembru 2004. http://europa.eu.int/comm/lisbon_strategy/group/index_en.html

[2] KUMM(2005)12, Għanijiet strateġiċi 2005-2009. Ewropa 2010: sħubija għat-tiġdid Ewropew – Ġid, solidarjetà u sigurtà.

[3] Ara "L-ispejjeż tan-Non-Liżbona. Dokument ta' temi", abboz ta' dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet