52004DC0690

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport ta’ konverġenza 2004 (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat) [SEC(2004) 1268] /* KUMM/2004/0690 finali */


Brussel, 20.10.2004

KUM(2004) 690 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

RAPPORT TA' KONVERĠENZA 2004

(imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat)[SEC(2004) 1268]

L-GĦAN TAR-RAPPORT

Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huma meħtieġa jirrappurtaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar mill-"Istati Membri b'deroga" fir-rigward tal-konformità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom mat-Trattat, kif ukoll dwar is-seħħ ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli. Stati Membri b'deroga għadhom ma adottawx il-euro bl-eċċezzjoni tad-Danimarka u r-Renju Unit li huma Stati Membri bi status speċjali[1]. Dawn ir-rapporti ta' konverġenza jridu jiġu mħejjija mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' "Stat Membru b'deroga". L-Isvezja, billi hija wieħed minn dawn l-Istati Membri, issa waslet ghal rapport ta' konverġenza peress illi għaddew sentejn mill-aħħar wieħed. Dan jipprovdi l-opportunità li jiġu eżaminati ukoll, għall-ewwel darba, l-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-1 ta' Mejju 2004, li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4 tat-Trattat ta' Adeżjoni, huma awtomatikament "Stati Membri b'deroga". Dan ir-rapport, għalhekk, ikopri l-ħdax-il Stat Membru b'deroga li ġejjin : ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakja u l-Isvezja.

Il-kontenut tar-rapporti[2] mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa regolat bl-Artikolu 121(1) tat-Trattat, li jitlob li r-rapporti għandhom jinkludu eżami ta' (i) il-kompatibilità tal-leġislazzjoni nazzjonali mat-Trattat kif ukoll ma' l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-rapporti jridu ukoll jeżaminaw inkisibx grad għoli ta' konverġenza sostenibbli billi ssir referenza għall-erba' kriterji ta' konverġenza li jittrattaw (ii) l-istabbilità tal-prezz, (iii) il-posizzjoni tal-Gvern dwar il-budget, (iv) l-istabbilità fir-rata tal-kambju u (v) ir-rata ta' l-imgħax fit-tul kif ukoll numru ta' xi fatturi addizzjonali[3]. L-erba' kriterji ta' konverġenza kif ukoll il-perjodi li fihom iridu jkunu osservati jiġu żviluppati aktar fil-fond permezz ta' Protokoll anness mat-Trattat (Il-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmi fl-Artikolu 121).

PROSPETT: KOMPATIBILITÀ TAL-LEĠISLAZZJONI U L-KSIB TA' KONVERĠENZA EKONOMIKA

Waqt li ssir l-eżaminazzjoni, il-prinċipju tat-trattament indaqs irid jiġi applikat b'mod konsistenti fir-rapporti suċċessivi u għandu jiġi eżerċitat ġudizzju tajjeb fil-wasla għall-konklużjonijiet dwar konformità mal-kriterji. Fl-istima ta' ċerti kriterji ta' konverġenza għandhom jitqiesu żviluppi ġodda bħall-introduzzjoni tal-euro, li bidlet il-qafas ta' referenza għall-kriterju dwar ir-rata tal-kambju.

(i) Trid tkun garantita l-kompatibilità tal-leġislazzjoni nazzjonali, inkluż l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. F'dan ir-rigward, ħadd mill-ħdax-il Stat Membru li qed jiġu eżaminati ma huwa konformi.

(ii) L-istima tal-kriterju ta' l-istabbilità tal-prezz hija bbażata fuq l-osservanza ta' rata ta' inflazzjoni medja matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 punti ta' persentaġġ dik, l-aktar l-aktar, tat-tliet Stati Membri li jiksbu l-aħjar riżultati fir-rigward ta' stabbilità tal-prezzijiet. Il-valur ta' referenza kien ikkalkulat bħala 2.4% f'Awissu 2004, bil-Finlandja, id-Danimarka u l-Isvezja jkunu l-Istati Membri li jiksbu l-aħjar riżultati. Mill-ħdax-il Stat Membru analizzati f'dan ir-rapport, ħamsa josservaw dan il-kriterju, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Litwanja, u l-Isvezja.

(iii) Il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern huwa konness mad-deċiżjonijiet meħuda skond il-proċedura dwar id-deficit eċċessiv fl-Artikolu 104 tat-Trattat. Fil-preżent, ħamsa mill-ħdax-il Stat Membru eżaminati m'humiex is-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv, jiġifieri l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Isvezja, li għalhekk josservaw il-kriterju.

(iv) Il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju jeħtieġ l-osservanza tal-marġni ta' ċaqliq normali tal-mekkaniżmu li jirregola r-rati tal-kambju (ERM II) għal mill-inqas sentejn mingħajr pressjonijiet serji. Fit-28 ta' Ġunju 2004, il-kroon Estonjan, il-litas Litwan u t-tolar Sloven issieħbu fl-ERM II. Il-koruna Ċeka, il-forint Ungeriż, il-pound Ċiprijott, il-lats Latvjan, il-Lira Maltija, iż-zloty Pollakk, il-koruna Slovakka u l-krona Svediża għadhom ma ssieħbux ma' l-ERM II. Billi ebda wieħed mill-ħdax-il pajjiż eżaminat ma ħa sehem fl-ERM II għall-perjodu meħtieġ, ebda wieħed minnhom ma jaderixxi mal-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

(v) Il-kriterju tar-rata ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien huwa bbażat fuq l-osservanza, fuq medda ta' sena qabel l-eżami, ta' rata ta' imgħax medja nominali li ma teċċedix b'aktar minn 2 punti ta' persentaġġ, l-aktar l-aktar, dik tat-tliet Stati Membri li jiksbu l-aħjar riżultati f'termini ta' stabbilità tal-prezzijiet. F'Awissu ta' l-2004, il-valur ta' referenza kien ikkalkulat li huwa 6.4%. Ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien kienu inqas mill-valur ta' referenza fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja (ibbażata fuq indikatur tar-rati ta' l-imgħax), Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Isvezja. Dawn id-disa' pajjiżi nstabu li qegħdin jaderixxu mal-kriterju tar-rata ta' l-imgħax.

+++++ TABLE +++++

STIMA SKOND L-I STAT MEMBRU

Ir-Repubblika Ċeka

Il-leġislazzjoni fir-Repubblika Ċeka, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tar-Repubblika Ċeka, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ Għandhom isiru ukoll aktar adattamenti fil-qasam istituzzjonali u l-indipendenza personali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fir-Repubblika Ċeka matul it-tnax-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 1.8%. Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Ir-Repubblika Ċeka bħalissa hija s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 12.6% tal-GDP fl-2003, filwaqt li d-dejn tal-gvern kien ta' 37.8 % tal-Prodott Gross Domestiku. Ir-Repubblika Ċeka ma tosservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Il-koruna Ċeka mhux qiegħda tipparteċipa fl-ERM II u hija soġġetta għal reġim fejn il-valur tagħha jitħalla jvarja b'mod immaniġġjat skond il-valuri tal-muniti l-oħra b'interventi okkażjonali mill-bank ċentrali. Ir-Repubblika Ċeka ma' tissodisfax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata ta' l-imgħax fit-tul medja fir-Repubblika Ċeka fuq perjodu ta' sena sa Awissu 2004 kienet 4.7% u r-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju ta' konverġenza tar-rati ta' l-imgħax fit-tul. Fl-isfond ta' pressjonijiet baxxi fuq l-inflazzjoni, ir-rati ta' l-imgħax fit-tul fir-Repubblika Ċeka waqgħu temporanjament taħt il-livelli taż-żona tal-euro bejn nofs l-2002 u nofs l-2003, iżda minn dak iż-żmien s'issa, il-firxa fir-rati ta' l-imgħax fit-tul saret pożittiva.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus tar-Repubblika Ċeka bħala "Stat Membru b'deroga".

L-Estonja

Il-leġislazzjoni fl-Estonja, b'mod partikolari l-Att dwar l-Eesti Pank, il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' l-Estonja kif ukoll il-liġi dwar il-muniti u l-liġi dwar is-sigurtà għall-kroon Estonjan, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Għandhom isiru ukoll aktar adattamenti fir-rigward ta' l-oġġettivi ta' l-Eesti Pank kif ukoll fil-qasam ta' l-indipendenza personali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fl-Estonja matul it-tnax-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 2.0%. L-Estonja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzjijiet.

L-Estonja m'hijiex is-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv. Is-surplus ġenerali tal-gvern kien ta' 3.1% tal-Prodott Gross Domestiku u d-dejn tal-gvern kien ta' 5.3% tal-Prodott Gross Domestiku. L-Estonja tosserva l-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Sa mit-28 ta' Ġunju 2004, l-Estonja pparteċipat fl-ERM II u l-awtoritajiet ta' l-Estonja intrabtu li unilateralment jibqgħu jżommu l-arranġament dwar il-bord tal-muniti barranin fi ħdan l-ERM II. Il-kroon Estonjan ma ddevjax mill-parità ċentrali tiegħu. Fil-ħin ta' dan l-eżami, il-parteċipazzjoni fl-ERM II kienet ta' inqas minn sentejn. L-Estonja ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Minħabba n-nuqqas, parzjalment kaġun tal-livell baxx tad-dejn tal-gvern, ta' bonds tal-gvern għal perjodu twil ta' żmien li jintuża bħala benchmark armonizzat kif ukoll minħabba nuqqas ta' sigurtà komparabbli, ġie identifikat indikatur tar-rati ta' l-imgħax, ibbażat fuq ir-rati ta' self tal-bank . Il-medja ta' dan l-indikatur tar-rati ta' l-imgħax fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 4.6%. Meta wieħed jibbaża fuq l-iżviluppi fl-indikatur tar-rati ta' l-imgħax u meta wieħed iqis, inter alia, il-livell baxx tad-dejn tal-gvern, m'hemm ebda raġuni biex twassal għall-konklużjoni li l-Estonja ma tilħaqx il-kriterju dwar l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus ta' l-Estonja bħala "Stat Membru b'deroga".

Ċipru

Il-leġislazzjoni f'Ċipru, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Ċipru, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Għandhom isiru ukoll aktar adattamenti fil-Liġi fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank Ċentrali, kif ukoll fil-Kostituzzjoni ta' Ċipru fil-qasam ta' l-indipendenza personali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni f'Ċipru matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 2.1%. Ċipru josserva l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Ċipru bħalissa huwa s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 6.4% tal-GDP fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 70.9% tal-Prodott Gross Domestiku. Ċipru ma josservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Il-pound ta' Ċipru mhux qiegħed jipparteċipa fl-ERM II u huwa marbut mal-euro b'marġni ta' varjazzjoni ta' ( 15%. Ċipru ma josservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien f'Ċipru fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 5.2% u Ċipru josserva l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien ikkonverġew b'mod konsiderevoli lejn il-livelli taż-żona tal-euro kmieni fis-sena 2002 u l-firxa baqgħet ġewwa punt wieħed ta' persentaġġ għall-biċċa l-kbira ta' l-2003. Dan l-aħħar, ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien żdiedu biċċa sew `l fuq mill-livelli taż-żona ta' l-euro.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus ta' Ċipru bħala "Stat Membru b'deroga".

Il-Latvja

Il-leġislazzjoni fil-Latvja, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank tal-Latvja, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom ukoll isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank kif ukoll fil-qasam ta' l-indipendenza personali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fil-Latvja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 4.9%. Il-Latvja ma tosservax il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Il-Latvja m'hijiex is-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv. Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 1.5% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 14.4% tal-Prodott Gross Domestiku. Il-Latvja tosserva l-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Il-lats tal-Latvja mhux qiegħed jipparteċipa fl-ERM II u huwa marbut mal-basket tal-muniti ta' l-SDR b'marġni normali ta' ċaqliq ta' ( 1%. Il-Latvja ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 5.0% u l-Latvja tosserva l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Min-nofs l-2002 id-differenzi fir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien maż-żona tal-euro żdiedu ftit fil-Latvja għal ½-1punti ta' persentaġġ.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatustal-Latvja bħala "Stat Membru b'deroga".

Il-Litwanja

Il-leġislazzjoni fil-Litwanja, b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Litwanja, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ, fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ Aktar adattamenti għandhom isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fil-Litwanja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' -0.2%. Il-Litwanja tosserva l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Il-Litwanja m'hijiex is-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv. Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 1.9% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 21.4% tal-Prodott Gross Domestiku. Il-Litwanja tosserva l-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Mit-28 ta' Ġunju 2004, il-Litwanja pparteċipat fl-ERM II u l-awtoritajiet tal-Litwanja intrabtu li unilateralment jibqgħu jżommu l-arranġament dwar il-bord tal-muniti barranin fi ħdan l-ERM II. Il-litas ma ddevjax mill-parità ċentrali tiegħu. Fil-ħin ta' dan l-eżami, il-parteċipazzjoni fl-ERM II kienet ta' inqas minn sentejn. Il-Litwanja ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 4.7% u l-Litwanja tosserva l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fil-Litwanja, li kienu għadhom 10% fil-bidu ta' l-2001, naqsu konsiderevolment u d-differenza fir-rata ta' l-imgħax maż-żona tal-euro naqset għal 0.4 punti ta' persentaġġ fil-perjodu Jannar-Awissu 2004.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatustal-Litwanja bħala "Stat Membru b'deroga".

L-Ungerija

Il-Leġislazzjoni fl-Ungerija, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Magyar Nemzeti u l-Att dwar il-Kostituzzjoni, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank kif ukoll fil-qasam ta' l-indipendenza istituzzjonali u personali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fl-Ungerija matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 6.5%. L-Ungerija ma tosservax il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

L-Ungerija bħalissa hija s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 6.2% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003, filwaqt li d-dejn tal-gvern kien ta' 59.1% tal-Prodott Gross Domestiku. L-Ungerija ma tosservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-Gvern.

Il-forint Ungeriż, li huwa marbut mal-euro b'marġni ta' differenza ta' ( 15%, mhux qiegħed jipparteċipa fl-ERM II. L-Ungerija ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax fl-Ungerija fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 8.1% u l-Ungerija ma tosservax il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fl-Ungerija tbiegħdu mill-iżviluppi fiż-żona tal-euro li jista' jkun assoċjat ma' żieda fil-premium tar-riskju tal-kambju tal-muniti u stennija ta' żieda fl-inflazzjoni.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus ta' l-Ungerija bħala "Stat Membru b'deroga".

Malta

Il-Leġislazzjoni f'Malta, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank Ċentrali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni f'Malta matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 2.6%. Malta ma tosservax il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Malta hija bħalissa s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 9.7% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 71.1% tal-Prodott Gross Domestiku. Malta ma tosservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-Gvern.

Il-Lira Maltija, li hija marbuta ma' basket ta' muniti li fihom il-euro għandu piż ta' 70%, mhux qiegħda tipparteċipa fl-ERM II. Malta ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien f'Malta fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 4.7% u Malta tosserva l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Id-differenzi fir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien maż-żona tal-euro kienu ta' madwar 0.4 punti ta' persentaġġ fil-perjodu Jannar - Awissu 2004.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus ta' Malta bħala "Stat Membru b'deroga".

Il-Polonja

Il-Leġislazzjoni fil-Polonja, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tal-Polonja, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward l-integrazzjoni tagħha fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank, kif ukoll fl-oqsma ta' l-indipendenza istituzzjonali, finanzjarja u personali. Il-Kostituzzjoni tal-Polonja mhix kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE minħabba l-integrazzjoni tal-NBP fis-SEBĊ u fiha nuqqas fil-qasam ta' l-indipendenza personali tal-President tal-NBP.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fil-Polonja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 2.5%. Il-Polonja ma tosservax l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Il-Polonja hija bħalissa s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 3.9% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003, filwaqt li d-dejn tal-gvern kien ta' 45.4% tal-Prodott Gross Domestiku. Il-Polonja ma tosservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Iż-zloty Pollakk mhux qiegħed jipparteċipa fl-ERM II u l-valur tiegħu qed jitħalla jitla' u jinżel fis-suq monetarju bil-bank ċentrali jastjeni milli jintervjeni. Il-Polonja ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fil-Polonja fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 6.9% u l-Polonja ma tosservax il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fil-Polonja tbiegħdu mill-iżviluppi fiż-żona tal-euro li jista' jkun assoċjat ma' tħassib dwar il-politika fiskali u l-inflazzjoni.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatustal-Polonja bħala "Stat Membru b'deroga".

L-Islovenja

Il-Leġislazzjoni fis-Slovenja, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank tas-Slovenja, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqas fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom isiru wkoll fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank kif ukoll fil-qasam ta' l-indipendenza personali u istituzzjonali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fis-Slovenja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 4.1%. Is-Slovenja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Is-Slovenja m'hijiex is-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv. Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 2.0% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 29.4% tal-Prodott Gross Domestiku. Is-Slovenja tissodisfa l-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Mit-28 ta' Ġunju 2004, it-tolar Sloven ipparteċipa fl-ERM II u ilu jaghmel negozju qrib il-parità ċentrali minn dik id-data. Fil-ħin ta' din l-eżaminazzjoni, il-parteċipazzjoni fl-ERM II kienet ta' inqas minn sentejn. Is-Slovenja ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-Slovenja fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 5.2% u s-Slovenja tosserva l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Min-nofs l-2002, ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-Slovenja niżlu b'mod drastiku lejn il-livell taż-żona tal-euro bid-differenzi jersqu lejn il- 0.6 punti ta' persentaġġ fil-perjodu bejn Jannar u Awissu ta' l-2004.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatustas-Slovenja bħala "Stat Membru b'deroga.

L-Islovakkja

Il-Leġislazzjoni fis-Slovakkja, b'mod partikolari l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja, m'hijiex kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-Bank fis-SEBĊ. Aktar adattamenti għandhom isiru fir-rigward ta' l-oġġettivi tal-Bank, kif ukoll fil-qasam ta' l-indipendenza personali u istituzzjonali.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fis-Slovakkja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kienet ta' 8.4%. Is-Slovakkja ma tosservax il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

Is-Slovakkja hija bħalissa s-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv (Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004). Id-deficit ġenerali tal-gvern kien ta' 3.7% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003, filwaqt li d-dejn tal-gvern kien ta' 42.6 % tal-Prodott Gross Domestiku. Is-Slovakkja ma tosservax il-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Il-koruna Slovakka mhux qiegħda tipparteċipa fl-ERM II u hija soġġetta għal reġim fejn il-valur tagħha jitħalla jvarja b'mod immaniġġjat skond il-valuri tal-muniti l-oħra. Is-Slovakkja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-Slovakkja fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 5.1% u s-Slovakkja tosserva l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien. Mill-2002, ir-rati ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fis-Slovakkja niżlu drastikament lejn iż-żona tal-euro b'differenzi jersqu lejn iż-0.9 punti ta' persentaġġ fil-perjodu Jannar-Awissu 2004.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus tas-Slovakkja bħala "Stat Membru b'deroga".

L-Isvezja

Fir-rapport ta' konverġenza tas-sena 2002, l-istima tal-Kummissjoni kienet li l-Isvezja kienet diġà qed tosserva tlieta mill-kriterji ta' konverġenza (dwar stabbilità tal-prezzijiet, il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern u l-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax), imma li ma kienetx tosserva l-kriterju dwar ir-rati tal-kambju. Ir-rapport ikkonkluda wkoll illi l-leġislazzjoni fl-Isvezja ma kienetx kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE.

Il-leġislazzjoni fl-Isvezja, b'mod partikolari l-Att dwar is-Sveriges Riksbank u l-Att dwar il-Gvern (il-Kostituzzjoni tal-pajjiż), għadha mhix kompatibbli mat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u fiha nuqqasijiet fir-rigward ta' l-għanijiet tal-Bank, l-indipendenza istituzzjonali u finanzjarja tiegħu, kif ukoll fl-integrazzjoni tiegħu fis-SEBĊ.

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fl-Isvezja matul it-12-il xahar sa Awissu 2004 kien ta' 1.3%. L-Isvezja kompliet tosserva l-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet.

L-Isvezja m'hijiex is-suġġett tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv. Is-surplus ġenerali tal-gvern kien ta' 0.3% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2003 u d-dejn tal-gvern kien ta' 52.0% tal-Prodott Gross Domestiku. L-Isvezja kompliet tosserva l-kriterju dwar il-posizzjoni fl-estimi tal-gvern.

Il-krona Svediża mhux qed tipparteċipa fl-ERM II u l-valur tiegħu jitħalla jvarja. L-Isvezja kompliet ma tosservax il-kriterju dwar ir-rati tal-kambju.

Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil ta' żmien fl-Isvezja fis-sena sa Awissu 2004 kienet ta' 4.7% u l-Isvezja tkompli tosseva l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-kambju għal perjodu twil ta' żmien. Ir-rati ta' l-imgħax Svediżi għal perjodu twil ta' żmien kienu qrib il-livelli taż-żona tal-euro u xi kultant taħthom.

Fid-dawl ta' din l-istima l-Kummissjoni tikkonkludi li m'għandux ikun hemm tibdil fl-istatus ta' l-Isvezja bħala "Stat Membru b'deroga".

[1] Id-Danimarku u r-Renju Unit għandhom status speċjali billi għandhom arranġamenti li jippermettulhom joħorġu mill-ftehim. Huma ma jiġux eżaminati billi ma indikawx li jixtiequ jadottaw il-euro (l-Artikolu 4 dwar il-Protokoll fuq ċerti disposizzjonijiet li jirrigwardaw lid-Danimarku u l-Artikolu 10(a) tal-Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet li jirrigwardaw lir-Renju Unit.).

[2] Rapport ta' Konverġenza 2002 dwar il-Greċja, KUM(2002) 243 finali, it-22 ta' Mejju 2002; Rapport ta' Konverġenza 2000 dwar l-Isvezja u l-Greċja, KUM(2000) 277 finali, it-3 ta' Mejju 2000; Rapport ta' Konverġenza 1998 dwar il-ħmistax-il Stat Membru kollha f'dak il-mument, KUM(1998) 1999 finali, il-25 ta' Marzu 1998; Rapport ta' Konverġenza 1996, KUM(1996) 560 finali, is-6 ta' Novembru 1996.

[3] Dawn il-fatturi addizzjonali m'humiex meqjusa bħala kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun adottat il-euro u għalhekk mhux qed ikunu eżaminati hawnhekk. Għal analiżi teknika tal-fatturi kollha li jaffettwaw il-konverġenza, ara SEC(2004) XXX.


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet