41995D0553



Official Journal L 314 , 28/12/1995 P. 0073 - 0076


Id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-istati membri li jiltaqgħu fi ħdan il-kunsill

tad-19 ta' Deċembru 1995

rigward il-protezzjoni ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea minn rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari

(95/553/KE)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI TA' L-UNJONI EWROPEA, LI JILTAQGĦU FI ĦDAN IL-KUNSILL,

Jirrissolvu li jkomplu jibnu Unjoni dejjem aktar mill-qrib taċ-ċittadini tagħhom,

Jieħdu akkont tal-kunċett taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni kif introdotta bit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, kunċett bħal dan ikun differenti mill-kunċett ta' ċittadinanza nazzjonali, u bl-ebda mod ma jissostittwixxih,

Mixtieqa li jwettqu l-obbligazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8ċ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi arranġamenti komuni bħal dawn ta' protezzjoni għandhom isaħħu l-identità ta' l-Unjoni kif mifhuma f'pajjiżi terzi;

Iżommu f'moħħhom li l-introduzzjoni ta' l-arranġamenti komuni tal-protezzjoni għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi għandha wkoll issaħħaħ l-idea ta' solidarjetà Ewropea kif mifhumha miċ-ċittadini f'dan il-każ,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea huwa ntitolat għall-protezzjoni konsulari mingħand ir-rappreżentazzjoni diplomatika jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru jekk, fil-post li fih huwa lokalizzat, l-Istat Membru tiegħu jew xi Stat ieħor li jirrappreżentah fuq bażi permanenti ma jkollux:

- rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli, jew

- Konslu Onorarju kompetenti aċċessibbli għal materji bħal dawn.

Artikolu 2

1. Ir-rappreżentazzjoni diplomatika u konsulari li tkun avviċinata għandha twieġeb għat-talba għall-protezzjoni mill-persuna kkonċernata basta jkun stabbilit li din ta' l-aħħar tkun ċittadin ta' Stat Membru ta' l-Unjoni bil-produzzjoni ta' passaport jew il-karta ta' l-identità tagħha.

2. Fil-każ ta' telf jew serq ta' dawk id-dokumenti, kwalunkwe prova oħra taċ-ċittadinanza tista' tkun aċċettata, jekk meħtieġ wara verifika ma' l-awtoritajiet ċentrali ta' l-Istat Membru li tiegħu l-persuna jkollha l-pretenzjoni li hija ċittadina, jew ma' l-eqreb rappreżentazzjoni diplomatika jew konsulari ta' dak l-Istat.

Artikolu 3

Rappreżentazzjonijiet diplomatika jew konsulari li jagħtu protezzjoni għandhom jittrattaw persuna li titlob l-għajnuna bħallikieku din kienet ċittadin ta' l-Istat Membru li lilu huma jirrappreżentaw.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1, rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari jistgħu jaqblu fuq arranġamenti prattiċi għall-amministrazzjoni effettiva ta' l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni.

Artikolu 5

1. Il-protezzjoni riferuta fl-Artikolu 1 għandha tinkludi:

(a) għajnuna fil-każi ta' mewt;

(b) għajnuna fil-każi ta' inċident serju jew ta' mard serju;

(ċ) għajnuna fil-każi ta' arrest jew ta' detenzjoni;

(d) għajnuna lill-vittmi ta' atti kriminali vjolenti;

(e) ir-riljev u r-repatriazzjoni ta' ċittadini mnikkta ta' l-Unjoni.

2. B'żieda ma dan, l-aġenti tar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari ta' l-Istati Membri li jservu fi Stat li mhux membru jistgħu, sal-limitu li jkun fil-poteri tagħhom, li wkoll jagħtu l-għajnuna lil xi ċittadin ta' l-Unjoni li hekk jitlob f'ċirkostanzi oħrajn.

Artikolu 6

1. Minkejja l-Artikolu 3 u apparti milli f'każi ta' urġenza estrema, l-ebda avvanz finanzjarju jew għajnuna ma' tista' tingħata, jew spiża tkun minfuqa f'isem ċittadin ta' l-Unjoni, mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li tiegħu dak iċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza, li tingħata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jew mill-eqreb missjoni diplomatika.

2. Sakemm l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta' l-applikant espressament iwarrbu din il-ħtieġa, l-applikant għandu jintrabat li jirrifondi l-valur sħiħ ta' avvanz finanzjarju jew għajnuna u spiża nvoluta flimkien, meta applikabbli, miżata konsulari nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti.

3. L-impenn li jirrifondi għandu jkollu l-għamla ta' dokument li jeħtieġ lill-dak iċ-ċittadin imnikket li jirrifondi lill-Gvern ta' l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza b'xi spejjeż involuti f'ismu jew il-flus imħallsa lilu, flimkien ma' xi miżata applikabbli.

4. Il-Gvern ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant għandu ċ-ċittadinanza għandu jirrifondi l-ispejjeż kollha, fuq talba, lejn il-Gvern ta' l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna.

5. Il-formati komuni ta' l-impenji li jwettqu r-rifondi huma mogħtija fl-Annessi I u II.

Artikolu 7

Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ, din id-Deċiżjoni għandha tkun riveduta fid-dawl ta' l-esperjenza akvwistata u l-oġġettiv ta' l-Artikolu 8ċ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ meta l-Istati Membri kollha jkunu nnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li l-proċeduri meħtieġa bis-sistemi legali tagħhom għal Deċiżjoni li tkun applikabbli jkunu ġew imwettqa.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Atienza Serna

--------------------------------------------------

ANNESS I

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet