32012R1025


Titolu u referenza

Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

 ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  GA  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 25 ta' Ottubru 2012

dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja [2],

Billi:

(1) L-għan ewlieni tal-istandardizzazzjoni hija d-definizzjoni ta' speċifikazzjonijiet volontarji tekniċi jew tal-kwalità li jistgħu jikkonformaw magħhom prodotti, proċessi tal-produzzjoni jew servizzi attwali jew fil-futur. L-istandardizzazzjoni tista' tkopri diversi suġġetti, bħall-istandardizzazzjoni ta’ livelli jew daqsijiet differenti ta’ prodott partikolari jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi fejn il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ma’ prodotti jew sistemi oħra huma essenzjali.

(2) L-istandardizzazzjoni Ewropea hija organizzata minn u għall-partijiet interessati kkonċernati fuq il-bażi tar-rappreżentanta nazzjonali (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-istandardazzjoni Elettroteknika (CENELEC)) u ta' parteċipazzjoni diretta (l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI)), u hija mibnija fuq il-prinċipji rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, jiġifieri l-koerenza, it-trasparenza, il-ftuħ, il-kunsens, l-applikazzjoni volontarja, l-indipendenza milal-interessi u l-effiċjenza ("il-prinċipji bażiċi"). Skont il-prinċipji bażiċi, hu importanti li l-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), ikunu involuti kif suppost fil-proċess nazzjonali u Ewropew ta' standardizzazzjoni. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom ukoll jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

(3) L-istandardizzazzjoni Ewropea tagħti spinta wkoll lill-kompetittività tal-intrapriżi speċjalment billi tiffaċilita l-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi, l-interoperabbiltà tan-netwerks, il-mezzi tal-komunikazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. L-istandardizzazzjoni Ewropea ssaħħaħ il-kompetittività globali tal-industrija Ewropea speċjalment meta tkun stabbilita f'koordinazzjoni mal-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, jiġifieri l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (ISO), il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU). L-standards ikollhom effett ekonomiku pożittiv, pereżempju billi jippromwovu interpenetrazzjoni ekonomika fis-suq intern u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ prodotti jew swieq ġodda u kundizzjonijiet tal-provvista mtejba. L-istandards b'hekk normalment iżidu l-kompetizzjoni u jbaxxu l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ, bir-riżultat li jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomiji b’mod ġenerali u għall-konsumaturi b'mod partikolari. L-istandards jistgħu jżommu u jtejbu l-kwalità, jipprovdu l-informazzjoni u jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kompatibilità, u b’hekk iżidu s-sikurezza u l-valur għall-konsumaturi.

(4) L-istandards Ewropej jiġu adottati mill-organizzazzjonijet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, jiġifieri l- CEN, CENELEC u ETSI.

(5) L-istandards Ewropej għandhom irwol importanti ħafna fis-suq intern, pereżempju permezz tal-użu ta' standards armonizzati fil-preżunzjoni tal-konformità tal-prodotti li jkunu se jitpoġġew fis-suq minħabba li r-rekwiżiti essenzjali relatati ma' dawk il-prodotti jkunu stipulati fil-leġislazzjoni relevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġi definiti b'mod preċiż sabiex tkun evitata l-interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

(6) L-istandardizzazzjoni għandha rwol dejjem aktar importanti fil-kummerċ internazzjonali u fil-ftuħ tas-swieq. L-Unjoni Ewropea għandha tipprova tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. L-Unjoni għandha tippromwovi wkoll approċċi bilaterali mal-pajjiżi terzi biex jiġu kkoordinati l-isforzi tal-istandardizzazzjoni u jiġu promossi l-istandards Ewropej, pereżempju meta jiġu negozjati ftehimiet jew billi jiġu ssekondati esperti tal-istandardizzazzjoni għal pajjiżi terzi. Barra minn hekk l-Unjoni għandha tħeġġeġ il-kuntatt bejn l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej u fora u konsorzji privati, filwaqt li żżomm l-importanza primarja tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

(7) L-istandardizzazzjoni Ewropea hija mmexxija permezz ta' qafas legali speċifiku li jikkonsisti minn tliet atti legali separati, jiġifieri d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi [3], id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Ottubru 2006 dwar il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea [4], u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat- 22 ta' Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni [5]. Iżda l-qafas legali kurrenti ma baqax aġġornat mal-iżviluppi fl-istandardizzazzjoni Ewropea f'dawn l-aħħar deċennji. Għalhekk, il-qafas legali kurrenti għandu jiġi ssimplifikat u addattat biex ikopri aspetti ġodda tal-istandardizzazzjoni sabiex jirrifletti dawk l-aħħar żviluppi fl-istandardizzazzjoni Ewropea u l-isfidi tal-ġejjieni. Dan jikkonċerna partikolarment l-iżviluppi li saru fl-istandards għas-servizzi u l-evoluzzjoni ta' strumenti ta' standardizzazzjoni barra l-istandards formali.

(8) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 21 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Istandardizzazzjoni Ewropea [6] kif ukoll ir-rapport tal-Panel ta' Esperti għar-Reviżjoni tas-Sistema ta' Standardizzazzjoni Ewropea (Express) ta' Frar 2010 bl-isem 'Standardazzjoni għal Ewropa kompetittiva u innovattiva: viżjoni għall-2020', stabbilew għadd importanti ta' rakkomandazzjonijiet strateġiċi rigward ir-rieżami tas-sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni.

(9) Biex tiġi żgurata l-effettività tal-istandards u l-istandardizzazzjoni bħala għodda politika tal-Unjoni, tinħtieġ sistema ta' standardizzazzjoni effikaċi u effiċjenti li tipprovdi politika flessibbli u trasparenti li trawwem kunsens fost il-parteċipanti kollha u li tkun finanzjarjament vijabbli.

(10) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern [7] tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jiffaċilitaw il-libertà tal-istabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi filwaqt li tinżamm il-kwalità għolja tas-servizzi. Din tobbliga lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' standards volontarji Ewropej bl-għan li jkunu ffaċilitati l-kompatibbiltà fost is-servizzi pprovduti minn fornituri fi Stati Membri differenti, il-forniment ta' informazzjoni lir-riċevitur tas-servizz, u l-kwalità tal-provvediment tas-servizz. Iżda d-Direttiva 98/34/KE tapplika biss għall-istandards tal-prodotti filwaqt li l-istandards tas-servizzi mhumiex espliċitament koperti minnha. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn servizzi u oġġetti qed issir inqas relevanti fir-realtà tas-suq intern. Fil-prattika mhuwiex dejjem possibbli li wieħed jaħmel distinzjoni ċara bejn l-istandards tal-prodotti u l-istandards tas-servizzi. Bosta standards għall-prodotti fihom komponent ta' servizz filwaqt li l-istandards tas-servizzi ta' sikwit ikunu marbutin b'xi mod mal-prodotti. Għalhekk, jeħtieġ li l-qafas legali kurrenti jiġi addattat għal dawn iċ-ċirkostanzi ġodda billi jitwessa' l-ambitu tiegħu biex ikopri l-istandards għas-servizzi.

(11) Bħal standards oħra, l-istandards għas-servizzi huma volontarji u għandhom jitmexxew mis-suq fejn jirbħu l-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi u tal-partijiet interessati li jkunu affettwati mill-istandard b'xi mod, dirett jew indirett, u jridu jqisu l-interess pubbliku u jkunu msejsa fuq il-prinċipji bażiċi, inkluż il-kunsens. Dawn għandhom jiffukaw primarjament fuq is-servizzi marbutin mal-prodotti u mal-proċessi.

(12) Il-qafas legali li jippermetti li l-Kummissjoni titlob li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew iktar jabbozzaw standard Ewropew jew standardizzazzjoni Ewropea li tkun tista' tiġi trażmessa għas-servizzi għandu jiġi applikat filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kif stipulat fit-Trattati. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-Artikoli 14, 151, 152, 153, 165, 166 u 168 TFUE u l-Protokoll (Nru 26) dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat- TFUE skont liema tibqa' kompetenza esklussiva tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sigurtà soċjali, it-taħriġ vokazzjonali u s-sistemi tas-saħħa tagħhom u li jifformaw il-kundizzjonijiet qafas għall-ġestjoni, il-finanzjament, l-organizzazzjoni u l-provvediment tas-servizzi provduti fi ħdan dawk is-sistemi, inkluża - bla ħsara għall-Artikolu 168(4) TFUE u għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta' Settembru 2005 dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali [8] - id-definizzjoni ta' rekwiżiti, kwalità u standards ta' sigurtà applikabbli għalihom. Il-Kummissjoni m’għandhiex, permezz ta’ tali talba, taffettwa d-dritt li jiġu negozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi u li tittieħed azzjoni industrijali skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali li josservaw id-dritt tal-Unjoni.

(13) L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni huma tant soġġetti għal-liġi tal-kompetizzjoni li jistgħu jitqiesu bħala intrapriża jew assoċjazzjoni ta' intrapriżi skont it-tifsira tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(14) Fl-Unjoni, l-istandards nazzjonali jiġu adottati minn korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, u dan jista' jwassal għal standards konfliġġenti u tfixkil tekniku fis-suq intern. Għaldaqstant jeħtieġ, fl-interess tas-suq intern u għall-effettività tal-istandardizzazzjoni fl-Unjoni, li jiġi kkonfermat l-iskambju regolari tal-informazzjoni preżenti fost il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-Kummissjoni, dwar l-attivitajiet kurrenti u tal-ġejjieni tagħhom fuq l-istandardizzazzjoni kif ukoll il-prinċipju rigward l-istatus quo applikabbli għall-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni li jipprevedi t-tneħħija tal-istandards nazzjonali wara l-pubblikazzjoni ta' standard ġdid Ewropew. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom josservaw ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni fl-Anness 3 għall-Ftehim dwar ix-Xkiel Tekniku għall-Kummerċ [9].

(15) L-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tagħhom m'għandux jirrikjedi l-adozzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali speċifika għall-iskopijiet tar-rikonoxximent ta' dawk il-korpi.

(16) L-iskambju regolari tal-informazzjoni fost il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-Kummissjoni ma għandux ifixkel lill-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali milli jikkonformaw ma' obbligi u impenji oħrajn, u b'mod partikolari mal-Anness 3 għall-Ftehim dwar ix-Xkiel Tekniku għall-Kummerċ.

(17) Ir-rappreżentanza tal-interessi tas-soċjetà u l-partijiet interessati tas-soċjetà fl-attivitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni tirreferi għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet u l-partijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' relevanza ikbar għas-soċjetà, pereżempju l-interessi ambjentali, tal-konsumatur jew tal-impjegati. Madankollu, ir-rappreżentanza tal-interessi soċjali u l-partijiet interessati soċjali fl-attivitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni tirreferi partikolarment għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet u l-partijiet li jirrappreżentaw id-drittijiet bażiċi tal-impjegati u l-ħaddiema, per eżempju t-trejdjunjins.

(18) Sabiex jitħaffef il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jiffaċilitaw l-informazzjoni aċċessibbli dwar l-attivitajiet tagħhom permezz tal-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fis-sistemi ta' standardizzazzjoni rispettivi, pereżempju billi jipprovdu lill-partijiet interessati relevanti kollha mekkaniżmu ta' konsultazzjoni onlajn ħafif biex jintuża għat-tressiq tal-kummenti dwar l-abbozz ta' standards u billi jorganizzaw laqgħat virtwali, anke permezz tal-konferenzi web jew il-konferenzi vidjo, tal-kumitati tekniċi.

(19) L-istandards jistgħu jgħinu lill-politika tal-Unjoni tindirizza l-isfidi l-kbar soċjali bħat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli tar-riżorsi, l-innovazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltajiet, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza tal-ħaddiema. Bit-tmexxija tal-iżvilupp ta' standards Ewropej jew internazzjonali għall-oġġetti u t-teknoloġiji fis-swieq li qegħdin jespandu f'dawk l-oqmsa, l-Unjoni tista' toħloq vantaġġ kompetittiv għall-intrapriżi tagħha u tiffaċilita l-kummerċ, b'mod partikolari għall-SMEs, li jirrappreżentaw il- parti kbira tal-intrapriżi Ewropej.

(20) L-istandards huma għodda importanti għall-kompetittività tal-intrapriżi u speċjalment għal dawk żgħar u ta' daqs medju, li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' standardizzazzjoni hija importanti għall-progress teknoloġiku fl-Unjoni. Għalhekk, jeħtieġ li l-qafas tal-istandardizzazzjoni jinkoraġġixxi lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jipparteċipaw u jipprovdu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi tagħhom għall-isforzi tal-istandardizzazzjoni. Dan jinkludi li titjieb il-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali fejn dawn jistgħu jkunu iktar effettivi minħabba inqas spejjeż u n-nuqqas ta' ostakli lingwistiċi. Konsegwentement dan ir-Regolament għandu jtejjeb ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kemm fil-kumitati tekniċi nazzjonali kif ukoll f'dawk Ewropej u għandu jiffaċilita l-aċċess effettiv tagħhom għall-istandards u l-għarfien tagħhom.

(21) L-istandards Ewropej huma ta' interess kruċjali għall-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li, madankollu, f'xi każijiet huma sottorappreżentati fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni. B'hekk, dan ir-Regolament għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita rappreżentanza u parteċipazzjoni xierqa tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċess Ewropew ta' standardizzazzjoni minn entità li għandha kuntatt effettiv u tirrapreżenta b'mod xieraq lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-organizzazzjonijiet li jirrapprezentawhom fil-livell nazzjonali.

(22) L-istandards jista' jkollhom impatt kbir fuq is-soċjetà b'mod partikolari fuq is-sikurezza u l-benessri taċ-ċittadini, fuq l-effiċjenza tan-netwerks, fuq l-ambjent, fuq is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, fuq l-aċċessibilità u fuq oqsma oħra tal-politika pubblika. Għalhekk, jeħtieġ li niżguraw li jissaħħu r-rwol u l-fehmiet tal-partijiet interessati tas-soċjetà fl-iżvilupp tal-istandards permezz tal-appoġġ imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi, tal-ambjent u tas-soċjetà.

(23) L-obbligu tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati relevanti kollha ma għandu jinkludi ebda dritt ta' votazzjoni għal dawn il-partijiet interessati sakemm tali drittjiet ta' votazzjoni ma jiġux preskritti mir-regoli interni ta' proċedura tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

(24) Is-sistemi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom iqisu bis-sħiħ ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà [10]. Għalhekk, hu importanti li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi jirrappreżentaw u jinkludu b'mod suffiċjenti u l-interessi tal-persuni b'diżabilità. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà fil-proċess ta' standardizzazzjoni għandu jkun iffaċilitat bil-mezzi kollha disponibbli.

(25) Minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni bħala għodda ta' appoġġ għal-leġislazzjoni u l-politika tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati l-oġġezzjonijiet ex post għall-istandardizzazzjoni ta' standards armonizzati u l-modifiki tagħhom, hu importanti li l-awtoritajiet pubbliċi jipparteċipaw fl-istandardizzazzjoni fl-istadji kollha tal-iżvilupp ta' dawk l-istandards meta jistgħu jkunu involuti u speċjalment fl-oqsma koperti mill-leġislazzjoni tal-Unjoni ta' armonizzazzjoni għall-prodotti.

(26) L-istandards għandhom iqisu l-impatti ambjentali tul il-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni żviluppa għodda importanti u disponibbli għall-pubbliku li permezz tagħhom issir valutazzjoni ta' dawn l-impatti tul il-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi. Dan ir-Regolament, għalhekk, għandu jiżgura li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jista' jkollu rwol attiv fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni.

(27) Il-vijabbiltà tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni tiddependi fuq l-attenzjoni li biha jiġu ppjanati talbiet futuri għall-iżvilupp ta' standards. Dan l-ippjanar jista' jittejjeb, partikolarment billi l-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq, jagħtu l-fehmiet tagħhom bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmi sabiex jinġabru l-opinjonijiet u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni fost il-partijiet interessati kollha. Peress li d-Direttiva 98/34/KE diġà tistipula dwar il-possibbiltà li l-organizzazzjoniet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jintalbu jiżviluppaw id-dettalji tal-istandards Ewropej, jixraq li jiġi stabbilit ippjanar aħjar u iktar trasparenti f'programm ta' ħidma annwali li jkun fih ħarsa ġenerali tat-talbiet kollha għall-istandards li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-oranizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament u l-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni u fit-tħejjija ta' talbiet għall-istandards sabiex jiġu analizzati r-relevanza għas-suq tas-suġġett propost, l-objettivi politiċi stipulati mil-leġislatur u sabiex ikun possibbli għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni li jirreaġixxi iktar malajr għall-attivitajiet mitluba tal-istandardizzazzjoni.

(28) Qabel ma kwistjoni dwar talbiet għal standards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropej, jew oġġezzjonijiet għal standard armonizzat jitressqu quddiem il-kumitat stabbilit b'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti tal-Istati membri, pereżempju permezz tal-involviment tal-kumitati stabbiliti mill-atti korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni jew permezz ta' forom oħra ta' konsultazzjoni tal-esperti settorjali, meta tali kumitati jkunu jeżistu.

(29) Bosta direttivi li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti jispeċifikaw li l-Kummissjoni tista' titlob l-adozzjoni, mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, ta' standards armonizzati li fuq il-bażi tagħhom tiġi preżunta l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli. Iżda ħafna minn dawk id-direttivi fihom varjetà kbira ta' dispożizzjonijiet dwar oġġezzjonijiet għal dawn l-istandards meta dawn tal-aħħar ma jkoprux jew, ma jkoprux għal kollox, ir-rekwiżiti applikabbli kollha. Dispożizzjonijiet diverġenti li jirriżultaw fl-inċertezza għall-operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni Ewropea jinsabu b'mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal- 21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv [11], id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal- 5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' splussivi għall-użu ċivili [12], id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplussivi [13], id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni [14], id-Direttiva 95/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-lifts [15], id-Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni [16], id-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Marzu 2004 dwar l-istrumenti tal-kejl [17], id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi [18], id-Direttiva 2009/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar strumenti tal-użin mhux awtomatiċi [19] u d-Direttiva 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Settembru 2009 marbuta ma’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni [20]. Għalhekk jeħtieġ li f'dan ir-Regolament tkun inkluża l-proċedura uniformi stipulata fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti [21], li jitħassru d-dispożizzjonijiet relevanti f'dawk id-Direttivi u jiġi estiż għall-Parlament Ewropew id-dritt li joġġezzjona għal standard armonizzat skont dan ir-Regolament.

(30) L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jużaw bis-sħiħ il-medda kollha tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relevanti meta jkunu qegħdin jixtru xi hardware, software u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, pereżempju billi jagħżlu speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jiġu implimentati mill-fornituri interessati kollha, billi dan jagħti lok għal iżjed kompetizzjoni u jitnaqqas ir-riskju ta' saturazzjoni. Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali [22], id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [23], id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà [24] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat- 23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [25]. jispeċifikaw li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fl-akkwist pubbliku għandhom jiġu fformulati b'referenza għal standards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi oħrajn ta' referenza teknika stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandards jew – fejn dawn ma jeżistux – għal standards nazzjonali, approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali marbutin mat-tfassil, il-kalkolu u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u l-użu tal-prodotti, jew l-ekwivalenti. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT, madankollu, spiss jiġu żviluppati minn organizzazzjonijiet oħra għall-iżvilupp tal-istandards u ma jidħlu f'ebda kategoriji ta' standards u approvazzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 2004/17/KE2004/18/KE jew 2009/81/KE jew fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Għalhekk jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà li l-ispeċifikazzjonijiet għall-akkwist pubbliku jkunu jistgħu jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT, sabiex jirreaġixxu għall-evoluzzjoni mgħaġġla fil-qasam tal-ICT, biex ikun iffaċilitat il-forniment ta' servizzi transkonfinali, biex titħeġġeġ il-kompetizzjoni u għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà u l-innovazzjoni.

(31) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mhux adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni m'għandhomx status ekwivalenti għall-Istandards Ewropej. Xi speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ma ġewx żviluppati skont il-prinċipji bażiċi. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi proċedura għall-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li tista' ssir referenza għaliha fl-akkwist pubbliku, li tinvolvi konsultazzjoni wiesgħa ma' firxa kbira tal-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Dan ir-Regolament għandu wkoll jistipula r-rekwiżiti, fil-forma ta' lista ta' kriterji, għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċessi ta' żvilupp marbutin magħhom. Ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT għandhom jiżguraw li jiġu rispettati l-objettivi tal-politika pubblika u l-bżonnijiet tas-soċjetà, u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji bażiċi.

(32) Biex l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni jingħataw spinta ikbar, l-identifikazzjoni ta' speċifikazzjoni teknika partikolari m'għandhiex tiskwalifika speċifikazzjoni teknika milli tkun identifikata f' konformita' mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe identifikazzjoni għandha tkun suġġetta għall-kriterji li jkunu qegħdin jiġu ssodisfati u għall-ispeċifikazzjoni teknika li tkun akkwistat livell sinifikanti ta' aċċettazzjoni fis-suq.

(33) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi identifikati tal-ICT jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) [26] li tistabbilixxi, għall-perjodu 2010-2015, programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u li jipprovdi soluzzjonijiet komuni u maqsuma għall-faċilitazzjoni tal-interoperabbiltà.

(34) Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-qasam tal-ICT fejn ikun xieraq li jitħeġġeġ l-użu tal-konformità mal-istandards relevanti fil-livell tal-Unjoni, jew li jkun hemm obbligu għal dan, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fis-suq uniku u biex ikun hemm iktar libertà tal-għażla għall-utenti. F'ċirkostanzi oħra, jista' jiġri wkoll li l-istandards Ewropej speċifikati ma jkunux għadhom jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi jew ikunu qed ifixklu l-iżvilupp teknoloġiku. Għal dawn ir-raġunijiet, id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [27] tipperemetti lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm bżonn, li titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex ifasslu standards, biex jistabbilixxu u jippubblikaw fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista ta' standards jew speċifikazzjonijiet bil-ħsieb li jħeġġu l-użu tagħhom, jew li jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom obbligatorja, jew li jneħħu standards jew speċifikazzjonijiet minn dik il-lista.

(35) Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni milli jkomplu jiżviluppaw l-istandards fil-qasam tal-ICT u milli jżidu l-kooperazzjoni tagħhom ma' korpi oħra li jiżviluppaw l-istandards, speċjalment fil-qasam tal-ICT, sabiex tiġi żgurata l-koerenza u tiġi evitata l-frammentazzjoni jew id-duplikazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet.

(36) Il-proċedura għall-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT prevista f'dan ir-Regolament m'għandhiex tippreġudika l-koerenza tas-sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu wkoll jistipula l-kundizzjonijiet li bihom jista' jitqies li speċifikazzjoni teknika ma tkunx ta' kunflitt ma' standards Ewropej oħra.

(37) Qabel jiġu identifikati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li jistgħu jkunu eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku, il-Pjattaforma b'Multipartijiet Interessati stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' Novembru 2011 [28] għandha tintuża bħala forum għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati Ewropej u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni u l-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-leġittimazzjoni tal-proċess.

(38) Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tistabbilixxi r-regoli dwar il-kontribut tal-Unjoni għall-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li l-istandards Ewropej u strumenti oħra ta' standardizzazzjoni Ewropea jiġu żviluppati u riveduti b'appoġġ tal-għanijiet, il-leġislazzjoni u l-politika tal-Unjoni. Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni amministrattiva u baġitarja, jixraq li f'dan ir-Regolament jiġu inkorporati d-dispożizzjonijiet ta' dik id-Deċiżjoni f'dan ir-Regolament u li meta jkun possibli jintużaw il-proċeduri l-inqas ta' piż.

(39) Fid-dawl tal-ambitu wiesa' ħafna tal-istandardizzazzjoni Ewropea fl-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika u tal-Unjoni u tat-tipi differenti ta’ attivitajiet tal-istandardizzazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm arranġamenti differenti għall-finanzjament. Dan jittratta prinċipalment għotjiet mingħajr sejħiet għall-proposti lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-korpi nazzjonali ta' istandardizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [29] u l-punt (d) tal-Artikolu 168(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Minbarra dan, l-istess dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-korpi li, filwaqt li mhumiex rikonoxxuti bħala korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni f'dan ir-Regolament, ingħataw mandat f'att bażiku u huma inkarigati bit-twettiq ta' xogħol preliminari b'appoġġ għall-istandardizzazzjoni Ewropea b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

(40) Billi l- organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jipprovdu għajnuna kontinwa lill-attivitajiet tal-Komunità, dawn għandu jkollhom segretarjati ċentrali effettivi u effiċjenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tagħti għotjiet lil dawk l-organizzazzjonijiet, li l-iskop tagħhom ikun wieħed ta’ interess ġenerali Ewropew, bla ma tapplika, fil-każ tal-għotjiet operattivi, il-prinċipju tat-tnaqqis annwali previst fl-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(41) Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) [30], id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) [31] u r-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) [32] diġà joffru l-possibbiltà li jingħata appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-konsumaturi u l-interessi ambjentali fl-istandardizzazzjoni, fil-waqt li għotjiet speċifiċi jingħataw lill-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw l-interessi soċjali fl-istandardizzazzjoni. Il-finanzjament skont id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE, id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u r-Regolament (KE) Nru 614/2007 se jispiċċa fil- 31 ta' Diċembru 2013. Huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-istandardizzazzjoni Ewropea li l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-konsumaturi u l-interessi ambjentali u soċjali tkompli tiġi mħeġġa. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom għan ta' interess Ewropew ġenerali u, minħabba l-mandat speċifiku tagħhom li tawhom l-organizzazzjonijiet nazzjonali bla profitt, jikkostitwixxu netwerk Ewropew li jirrappreżenta ll-organizzazzjonijiet bla profitt attivi fl-Istati Membri u li jippromwovu l-prinċipji u l-politika konsistenti mal-għanijiet tat-Trattati. Minħabba l-kuntest li joperaw fih u l-għanijiet statutorji tagħhom, l-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, lill-konsumaturi u l-interessi ambjentali u soċjali fl-istandardizzazzjoni Ewropea, għandhom rwol permanenti li huwa essenzjali għall-attivitajiet u l-politika tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tagħti għotjiet lil dawk l-organizzazzjonijiet bla ma tapplika, fil-każ tal-għotjiet operattivi, il-prinċipju tat-tnaqqis annwali previst fl-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(42) Il-finanzjament tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni għandu jkun ukoll kapaċi jkopri attivitajiet preliminari jew attivitajiet anċillari fir-rigward tat-twaqqif ta’ standards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropej għal prodotti u għal servizzi. Dan huwa meħtieġ b'mod partikolari għax-xogħol li jinvolvi r-riċerka, it-tħejjija ta’ dokumenti preliminari għal-leġislazzjoni, it-twettiq ta’ testijiet bejn laboratorji differenti u l-validazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-istandards. Il-promozzjoni tal-istandardizzazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali għandha tkompli permezz ta' programmi marbuta mal-kooperazzjoni u l-assistenza teknika lil pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni magħhom. Sabiex jittejjeb l-aċċess għas-swieq u tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi fl-Unjoni, għandu jkun hemm il-possibilità li jingħataw għotjiet lil korpi oħra permezz ta’ sejħiet għall-proposti jew, fejn ikun il-każ, bl-għoti ta' kuntratti.

(43) Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jipprova jistabbilixxi standards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropej għal prodotti u għal servizzi, jiffaċilita l-użu tagħhom mill-intrapriżi permezz tal-appoġġ imtejjeb għat-traduzzjoni tagħhom fid-diversi lingwi tal-Unjoni, sabiex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-fehim u l-applikazzjoni tal-istandards Ewropej, isaħħaħ il-koeżjoni tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiżgura aċċess ġust u trasparenti għall-istandards Ewropej għall-parteċipanti tas-suq kollha fl-Unjoni. Dan huwa importanti b'mod speċjali fir-rigward ta' każijiet fejn l-użu tal-istandards jagħmel possibbli l-konformità mal-leġislazzjoni relevanti tal-Unjoni.

(44) Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun hemm il-possibilità tal-użu tal-kompetenza neċessarja, partikolarment fil-qasam tal-verifika u tal-ġestjoni finanzjarja, kif ukoll tal-mezzi ta’ appoġġ amministrattiv li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni fuq bażi regolari r-relevanza tal-attivitajiet li jirċievu l-finanzjament mill-Unjoni biex jiġu żgurati l-utilità u l-impatt tagħhom.

(45) Jeħtieġ ukoll li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati l-frodi u l-irregolaritajiet, kif ukoll biex jiġu rkuprati fondi li jkunu tħallsu mingħajr ma kienu dovuti b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat- 18 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [33], mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal- 11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet fuq il-post immexxija mill-Kummissjoni għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u minn irregolaritajiet oħra [34], u mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) [35].

(46) Sabiex taġġorna l-listi tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u biex jiġu adattati l-kriterji għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs u l-partijiet soċjali interessati għal iktar żviluppi fir-rigward tan-natura tagħhom bħala organizzazzjonijiet mingħajr qligħ u r-rappreżentattività tagħhom, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 20 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni għall-emendi tal-Annessi ta' dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, waqt li tkun qed tipprepara u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(47) Il-kumitat stabbilit b'dan ir-Regolament għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-fehmiet tal-esperti settorjali.

(48) Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali rigward il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni [36].

(49) Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti implimentattivi fir-rigward tal-oġġezzjonijiet għall-istandards u meta r-referenzi għall-istandard armonizzat ikkonċernat ikunu għadhom ma ġewx ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-istandard relevanti ikun għadu ma wassalx għall-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fil-leġislazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.

(50) Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għal kull talba għal standardizzazzjoni imressqa lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-adozzjoni ta' atti implimentattivi fir-rigward tal-oġġezzjonijiet għall-istandards armonizzati u meta r-referenzi għall-istandard armonizzat ikkonċernat ikunu diġà ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi deċiżjoni bħal din ikollha l-konsegwenzi fuq il-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli.

(51) Sabiex jintlaħqu l-objettivi prinċipali ta' dan ir-Regolament u jiġu ffaċilitati proċeduri mħeffa ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin ġenerali ta' żvilupp għall-istandards, għandu jsir użu kemm jista' jkun mill-miżuri proċedurali previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011, li jagħmluha possibbli li l-president tal-kumitat relevanti jistabbilixxi limitu ta' żmien li fih l-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-urġenza tal-kwistjoni. Barra minn hekk, meta jkun ġustifikat, għandu jkun possibbli li l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, u s-silenzju min-naħa tal-membru tal-kumitat għandu jitqies bħala qbil taċitu.

(52) Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkunu żgurati l-effettività u l-effiċjenza tal-istandards u l-istandardizzazzjoni bħala għodod politiċi għall-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni bjen l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-istabbiliment ta' standards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea għal prodotti u għal servizzi li jappoġġjaw il-leġislazzjoni u l-politika tal-Unjoni, l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar, il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni Ewropea ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-effett tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f' konformita' mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F 'konformita' mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(53) Id-Direttivi 89/686/KEE, 93/15/KEE, 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(54) Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE u d-Deċiżjoni 87/95/KEE għandhom jiġu revokati.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn organizzazzjoni Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-istabbiliment ta' standards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea għal prodotti u servizzi li jappoġġaw il-leġislazzjoni u l-politika, l-identifikazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar, il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni Ewropea.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjoni li ġejjin:

(1) "standard" tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn korp azzjoni tal-istandardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja, u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

(a) "standard internazzjonali" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni;

(b) "standard Ewropew" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni;

(c) "standard armonizzat" tfisser standard Ewropew adottat fuq il-bażi ta' talba mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;

(d) "standard internazzjonali" tfisser standard adottat minn korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni;

(2) "strument ta' standardizzazzjoni Ewropea" tfisser kwalunkwe speċifikazzjoni teknika oħra li mhijiex standard Ewropew, adottata minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għall-applikazzjoni ripetuta u kontinwa u li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja;

(3) "abbozz ta’ standard" tfisser dokument li jkun fih it-test tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ suġġett partikolari, li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat għall-adozzjoni skont il-proċedura tal-istandards relevanti, kif dan id-dokument ikun jinsab wara x-xogħol ta’ tħejjija u kif ikun ġie ċċirkolat għall-kummenti jew l-iskrutinju tal-pubbliku;

(4) "speċifikazzjoni teknika" tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati minn prodott, proċess, servizz jew sistema u li jistipula wieħed jew iżjed minn dawn:

(a) il-karatteristiċi meħtieġa minn prodott, inkluż il-livelli tal-kwalità, ir-rendiment, l-interoperabbiltà, il-protezzjoni ambjentali, is-saħħa, is-sikurezza jew id-dimensjonijiet, u inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott fir-rigward tal-isem li jinbiegħ bih, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi tal-ittestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u l-ittikkettjar u l-proċeduri tal-evalwazzjoni tal-konformità;

(b) il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati għall-prodotti agrikoli kif definiti fl-Artikolu 38(1) TFUE, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali, kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

(c) il-karatteristiċi mitluba minn servizz inkluż il-livelli tal-kwalità, ir-rendiment, l-interoperabbiltà, il-protezzjoni ambjentali, is-saħħa jew is-sikurezza, u inklużi r-rekwiżiti applikabbli fuq il-fornitur fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lir-riċevitur, kif speċifikat fl-Artikolu 22(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123/KE;

(d) il-metodi u l-kriterji għall-evalwazzjoni tar-rendiment tal-prodotti tal-bini, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini [37], f'rabta mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

(5) "speċifikazzjoni teknika tal-ICT" tfisser speċifikazzjoni teknika fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

(6) "prodott" tfisser kwalunkwe prodott manifatturat b’mod industrijali u kwalunkwe prodott agrikolu, inklużi prodotti tal-ħut;

(7) "servizz" tfisser kwalunkwe attività ekonomika ta' impjieg awtonomu normalment ipprovdut b’rimunerazzjoni, kif definit fl-Artikolu 57 TFUE;

(8) "organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni" tfisser organizzazzjoni msemmija fl-Anness I;

(9) "korp internazzjonali tal-istandardizzazzjoni" tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (ISO), il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU);

(10) "korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni" tfisser korp notifikat lill-Kummissjoni minn Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Artikolu 3

It-trasparenza tal-programmi ta' ħidma tal-korpi tal-istandardizzazzjoni

1. Mill-inqas darba fis-sena, kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jistabbilixxu l-programm ta' ħidma tagħhom. Dak il-programm ta' ħidma għandu jkun fih informazzjoni dwar l-istandards u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jkollhom l-intenzjoni li jħejju jew jemendaw, li qed iħejju jew jemendaw u li adottaw fil-perjodu tal-programm ta' ħidma preċedenti, sakemm dawn ma jkunux traspożizzjonijiet identiċi jew ekwivalenti ta' standards internazzjonali jew Ewropej.

2. Fir-rigward ta' kull standard u prodott Ewropew tal-istandardizzazzjoni l-programm ta' ħidma għandu jindika:

(a) is-suġġett;

(b) l-istadju li fih jinsab l-iżvilupp tal-istandards u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea;

(c) ir-referenzi ta' kull standard internazzjonali meħud bħala bażi.

3. Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jagħmlu l-programm ta' ħidma tagħhom disponibbli fil-websajt tagħhom jew kwalunkwe websajt oħra disponibbli pubblikament, kif ukoll jagħmlu disponibbli avviż dwar l-eżistenza tal-programm ta' ħidma f'pubblikazzjoni nazzjonali jew, fejn xieraq, pubblikazzjoni Ewropea tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni.

4. Mhux iktar tard mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-programm ta' ħidma tiegħu, kull organizzazzjoni Ewropea ta' standarizzazzjoni jew korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni għandu jinnotifika l-eżistenza tal-programm lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-korpi nazzjonali ta' istandardizzazzjoni l-oħrajn u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22.

5. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni ma jistgħux joġġezzjonaw li suġġett għall-istandardizzazzjoni fil-programm ta' ħidma tagħhom li jkun qed jiġi kkunsidrat fil-livell Ewropew b'mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u ma jistgħu jieħdu ebda azzjoni li tista' tippreġudika deċiżjoni f'dan ir-rigward.

6. Matul it-tħejjija ta' standard armonizzat jew wara li l-approvazzjoni tiegħu, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni m'għandhom jieħdu ebda azzjoni li tista' tippreġudika l-armonizzazzjoni intiża u, b'mod partikolari, m'għandhomx jippubblikaw fil-qasam ikkonċernat standard nazzjonali ġdid jew rivedut li mhuwiex kompletament konformi ma' standard armonizzat eżistenti. Wara l-pubblikazzjoni ta' standard armonizzat ġdid, l-istandards nazzjonali kunfliġġenti kollha għandhom jiġu rtirati sa skadenza raġunata.

Artikolu 4

Trasparenza tal-istandards

1. Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandu jibgħat, tal-anqas f'forma elettronika, kwalunkwe abbozz ta' standards nazzjonali, standards Ewropej jew strument Ewropew tal-istandardizzazzjoni lill- organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni, korpi nazzjonali ta' istandardizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni jew lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom.

2. Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom fi żmien tliet xhur iwieġbu u jqisu kwalunkwe kumment li jaslilhom mingħand kwalunkwe organizzazzjoni Ewropea ta' standarizzazzjoni, korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni oħrajn jew mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe abbozz imsemmi fil-paragrafu 1.

3. Meta korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jirċievi kummenti li jindikaw li l-abbozz ta' standard se jkollu impatt negattiv fuq is-suq intern, dan għandu jikkonsulta lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u lill-Kummissjoni qabel ma jadottah.

4. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom:

(a) ji'guraw aċċess għall-abbozzi ta' standards nazzjonali b'tali mod li l-partijiet rilevanti kollha, b'mod partikolari dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra jkollhom l-opportunità jibagħtu l-kummenti tagħhom;

(b) jippermettu korpi nazzjonali oħra tal-istandardizzazzjoni sabiex ikunu involuti b'mod passiv jew attiv, billi jibagħtu osservatur, fl-attivitajiet ippjanati.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni Ewropea

1. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw rappreżentanza xierqa u parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati ambjentali u soċjali fl-attivitajiet tagħhom ta' standardizzazzjoni. Dawn għandhom, partikolarment iħeġġu u jiffaċilitaw tali rappreżentazzjoni u parteċipazzjoni permezz tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, fil-livell tal-iżvilupp tal-politika u fl-istadji li ġejjin tal-iżvilupp tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea:

(a) il-proposta u l-aċċettazzjoni ta' punti ġodda fl-aġenda ta' ħidma;

(b) id-diskussjoni teknika dwar il-proposti;

(c) it-tressiq ta' kummenti dwar l-abbozzi;

(d) ir-reviżjoni ta' standards Ewropej eżistenti jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea eżistenti;

(e) it-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea adottati, u l-promozzjoni tagħhom.

2. Barra l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza fis-suq fl-Istati Membri, il-faċilitajiet ta' riċerka tal-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, l-organizzazzjoni Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw rappreżentanza xierqa, fil-livell tekniku, tal-intrapriżi, iċ-ċentri tar-riċerka, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-universitajiet, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, is-sħab soċjali u entitajiet legali oħra, fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni f'qasam ġdid b'implikazzjonijiet politiċi jew tekniċi sinifikanti, jekk l-entitajiet legali kkonċernati jkunu pparteċipaw fi proġett marbut ma' dak il-qasam u li kien iffinanzjat mill-Unjoni fi programm ta' qafas multiannwali għal attivitajiet fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, adottat skont l-Artikolu 182 tat-TFUE.

Artikolu 6

L-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-istandards

1. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-istandards u l-proċess ta' żvilupp tal-istandards sabiex jilħqu livell ogħla ta' parteċipazzjoni fis-sistema ta' standardizzazzjoni, pereżempju billi:

(a) jidentifikaw, fil-programmi ta' ħidma annwali tagħhom, il-proġetti ta' standardizzazzjoni li huma ta' interess partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(b) jagħtu aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni mingħajr ma jobbligawhom isiru membru ta' korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni;

(c) jipprovdu aċċess ħieles jew rati speċjali għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni;

(d) jipprovdu aċċess ħieles għall-abbozzi ta’ standards;.

(e) jipprovdu mingħajr ħlas sommarji ta' standards fil-websajt tagħhom;

(f) japplikaw rati speċjali għall-provvista ta' standards jew il-provvista ta' ġabriet ta' standards bi prezz imraħħas;

2. Il-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali għandhom jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki, bil-għan li jtejbu l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni u biex iżidu u jiffaċilitaw l-użu tal-istandards mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

3. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jibagħtu rapporti annwali lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fil-paragrafi 1 u 2 u l-miżuri l-oħra kollha biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jużaw l-istandards u jipparteċipaw fil-proċess ta' żvilupp tal-istandards. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jippubblikaw dawk ir-rapporti fuq il-websajts tagħhom.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fl-istandardizzazzjoni Ewropea

L-Istati Membri, meta jkun xieraq, għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni nazzjonali, li għandhom l-objettivi li jiżviluppaw jew jirrevedu l-istandards mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10.

KAPITOLU III

L-ISTANDARDS EWROPEJ U STRUMENTI TA' STANDARDIZZAZZJONI EWROPEA B'APPOĠĠ TAL-LEĠISLAZZJONI U L-POLITIKA TAL-UNJONI

Artikolu 8

Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea li għandu jidentifika prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-istrateġiji għaż-żmien twil tal-Unjoni għat-tkabbir. Din għandha tindika l-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni titlob mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni f' konformita' mal-Artikolu 10.

2. Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu jiddefinixxi l-għanijiet u l-politika speċifiċi għall-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea l-oħra li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni titlob mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 10. F'każi ta' urġenza l-Kummissjoni tista' toħroġ it-talbiet mingħajr ebda avviż minn qabel.

3. Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu wkoll jinkludi objettivi għad-dimensjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni Ewropea, b'appoġġ għal-leġislazzjoni u l-politika tal-Unjoni.

4. Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu jiġi adottat wara li titwettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati relevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u l-Istati Membri permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament.

5. Wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea disponibbli fil-websajt tagħha.

Artikolu 9

Il-kooperazzjoni mal-faċilitajiet ta' riċerka

Il-faċilitajiet ta' riċerka tal-Kummissjoni għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 8 u jipprovdu lill -organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej bil-fehmiet xjentifiċi tagħhom, fl-oqsma tal-għarfien espert tagħhom, biex ikun żgurat li l-istandards Ewropej iqisu l-kompetittività ekonomika u l-ħtiġijiet tas-soċjetà, bħal dawk tas-sostenibbiltà ambjentali u t-tħassib dwar is-sikurezza u s-sigurtà.

Artikolu 10

It-talbiet tal-istandardizzazzjoni lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni

1. Il-Kummissjoni, fil-limitu tal-kompetenzi stipulati fit-Trattati, tista' titlob lil korp Ewropew tal-istandardizzazzjoni wieħed jew iktar biex jabbozza standard Ewropew jew strument Ewropew tal-istandardizzazzjoni qabel data ta' skadenza stabbilita. Standards Ewropej u strumenti Ewropej ta' standardizzazzjoni għandhom ikunu mmexxija mis-suq, iqisu l-interess pubbliku kif ukoll l-objettivi politiċi ddikkjarati b'mod ċar fit-talba tal-Kummissjoni u jkunu bbażati fuq il-kunsens. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina r-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut li għandhom jintlaħqu mid-dokument mitlub u skadenza għall-adozzjoni tiegħu.

2. Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f' konformita' mal-proċedura stipulata mill-Artikolu 22(3) wara konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament kif ukoll mal-kumitat stabbilit mill-att korrispondenti ta' leġislazzjoni tal-Unjoni, meta jkun jeżisti kumitat bħal dak, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni tal-esperti settorjali.

3. L-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni relevanti għandha tindika, fi żmien xahar wara li tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, jekk hiex se taċċettaha.

4. Meta ssir talba għal għoti ta' fondi, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzazzjonijietEwropej tal-istandardizzazzjoni rilevanti, fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-aċċettazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, dwar l-għoti ta' għotja għall-abbozzar ta' standard Ewropew jew strument Ewropew tal-istandardizzazzjoni.

5. L-orgagnizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet li jsiru għall-iżvilupp tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, għandha tevalwa l-konformità tad-dokumenti abbozzati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni mat-talba inizjali tagħha.

6. Meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta' tali standard armonizzat mingħajr dewmien f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta' mezzi oħra f' konformita' mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.

Artikolu 11

Oġġezzjonijiet formali kontra standards armonizzati

1. Meta Stat Membru jew il-Parlament Ewropew iqisu li standard armonizzat ma jissodisfax kompletament ir-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni relevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjni, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan bi spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-kumitat stabbilit mill-leġislazzjoni korrispondenti dwar l-armonizzazzjoni tal-Unjoni, jekk ikun jeżisti, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni tal-esperti settorjali, tiddeċiedi:

(a) li tippubblika, li ma tippubblikax jew li tippubblika b'restrizzjoni r-referenzi għall-istandard armonizzat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(b) li żżomm, li żżomm b'restrizzjoni jew li tirtira r-referenzi għall-istandard armonizzat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika informazzjoni fil-websajt tagħha dwar l-istandards armonizzati li kienu suġġetti għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun meħtieġ, titlob li jiġu riveduti l-istandards armonizzati kkonċernati.

4. Id-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2).

5. Id-deċiżjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

Artikolu 12

In-notifika ta’ organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ notifika għall-partijiet interessati kollha, inklużi l- organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata konsultazzjoni xierqa u r-rilevanza tas-suq qabel:

(a) l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 8(1);

(b) l-adozzjoni tat-talbiet għal standardizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10;

(c) it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet formali għal standards armonizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1);

(d) it-teħid ta' deċiżjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT msemmija fl-Artikolu 13;

(e) l-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20.

KAPITOLU IV

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-ICT

Artikolu 13

Idenitifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar

1. Jew fuq proposta minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li mhumiex standards nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali, iżda li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, li jistgħu jiġu referenzjati primarjament biex tkun tista' ssir l-interoperabilità fl-akkwist pubbliku.

2. Jew fuq proposta minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, meta speċifikazzjoni teknika tal-ICT identifikata f' konformita' mal-paragrafu 1 tiġi modifikata, irtirata jew ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjoni teknika modifikata tal-ICT jew li tirtira l-identifikazzjoni.

3. Id-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea b'Multipartijiet Interessati dwar l-istandardizzazjoni tal-ICT, li tinkludi organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit mil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni, jekk ikun jeżisti, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni mal-esperti settorjali, jekk tali kumitat ma jkunx jeżisti.

Artikolu 14

L-użu tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist pubbliku

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT imsemmija fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni msemmija fid-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

KAPITOLU V

IL-FINANZJAMENT TAL-ISTANDARDIZZAZZJONI EWROPEA

Artikolu 15

Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni mill-Unjoni

1. Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li ġejjin:

(a) l-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li huma meħtieġa u adatti għall-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni;

(b) il-verifika tal-kwalità u tal-konformità mal-legislazzjoni u mal-politika korrispondenti tal-Unjoni, tal-istandards Ewropej jew ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea;

(c) ir-rendiment tal-ħidma preliminari jew anċillari f'rabta mal-istandardizzazzjoni Ewropea, inkluż studji, attivitajiet ta' kooperazzjoni, li jinkludu l-kooperazzjoni internazzjonali, seminars, evalwazzjonijiet, analiżijiet komparattivi, ħidma ta' riċerka, xogħol fil-laboratorju, testijiet f'laboratorji differenti, xogħol ta' evalwazzjoni tal-konformità u miżuri li jiżguraw li l-perjodi għall-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea jitqassru bla ħsara għall-prinċipji bażiċi, speċjalment il-prinċipji tal-ftuħ, il-kwalità, it-trasparenza u l-kunsens fost il-partijiet interessati kollha;

(d) l-attivitajiet tas-segretarjati ċentrali tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-iżvilupp tal-politika, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet għall-istandardizzazzjoni, l-ipproċessar ta' xogħol tekniku u l-għoti ta' informazzjoni lill-partijiet interessati;

(e) it-traduzzjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea użati b'appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni barra l-lingwi operattivi tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jew, f'każijiet ġustifikati kif suppost, b'lingwi oħra barra l-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

(f) it-tfassil ta' informazzjoni biex tispjega, tinterpreta u tissimplifika l-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea, inkluż it-tfassil ta' gwidi għall-utenti, sommarji tal-istandards, informazzjoni tal-aħjar prassi u azzjonijiet ta' promozzjoni, strateġiji u programmi ta’ taħriġ;

(g) attivitajiet għat-twettiq ta' programmi ta' assistenza teknika, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni u tal-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea fost il-partijiet interessati fl-Unjoni u fil-livell internazzjonali.

2. Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lil:

(a) korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1, li jwettqu flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni;

(b) korpi oħrajn li ngħataw mandat biex jikkontribwixxu għall-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu jew biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punti (c) u (g) tal-paragrafu 1, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni.

Artikolu 16

Il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet Ewropej oħra mill-Unjoni

Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għall-attivitajiet li ġejjin:

(a) il-funzjonament ta' dawn l-organizzazzjonijiet u tal-attivitajiet tagħhom marbuta mal-istandardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali, inklużi l-ipproċessar tal-ħidma teknika u l-għoti tal-informazzjoni lill-membri u lil partijiet interessati oħra;

(b) il-provvista ta' għarfien espert legali u tekniku, inklużi studji, f'rabta mal-valutazzjoni tal-ħtieġa għal standards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħhom, u t-taħriġ tal-esperti;

(c) il-parteċipazzjoni f'xogħol tekniku fl-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li huma meħtieġa u adatti għall-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni;

(d) il-promozzjoni tal-istandards Ewropej u ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea, u l-informazzjoni dwar l-istandards, u dwar l-użu tagħhom, fost il-partijiet interessati, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-konsumaturi.

Artikolu 17

Arranġamenti finanzjarji

1. Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jingħata fl-għamla ta':

(a) għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti, jew kuntratti wara li jsiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku, lil:

(i) organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzjoni u korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 15(1);

(ii) korpi identifikati b'att bażiku, skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, biex iwettqu, f'kollaborazzjoni organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-attivitajiet msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1) ta' dan ir-Regolament;

(b) għotjiet wara sejħa għall-proposti, jew kuntratti wara li jsiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku, lil korpi oħrajn imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 15(2):

(i) biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1);

(ii) biex iwettqu l-ħidma preliminari jew anċillari msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1);

(iii) biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 15(1).

(c) għotjiet wara sejħa għall-proposti lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16.

2. L-attivitajiet tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta':

(a) għotjiet għall-azzjonijiet;

(b) għotjiet għall-finanzjament tal-ħidmiet għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Fil-każ tat-tiġdid, l-għotjiet operattivi m'għandhomx jitnaqqsu awtomatikament.

3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-arranġamenti għall-finanzjament imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dwar l-ammonti tal-għotjiet u, fejn ikun meħtieġ, dwar il-perċentwal massimu ta’ finanzjament skont it-tip ta’ attivita'.

4. Ħlief f'każi ġustifikati kif xieraq, l-għotjiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(1) li jingħataw għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni għandhom ikunu f'somma li titħallas f'darba li titħallas u għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) għandha titħallas meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) li l-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 jiġu adottati jew riveduti f'perjodu ta' żmien li mhux iktar mill-perjodu speċifikat fit-talba msemmija f'dak l-Artikolu;

(b) li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-partijiet interessati ambjentali u soċjali jkunu rappreżentati u jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet al-istandardizzazzjoni Ewropej, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1).

5. L-għanijiet komuni ta' kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji marbuta mal-għotjiet li jingħataw lill-organizzazzjnijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu definiti fil-ftehimiet ta' qafas ta' sħubija ffirmati bejn il-Kummissjoni u dawk l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni u tal-partijiet interessati, f' konformita' mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet.

Artikolu 18

Il-ġestjoni

L-approprjazzjonijiet determinati mill-awtorità tal-baġit għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni jistgħu jkopru wkoll l-ispejjeż amministrattivi marbuta mat-tħejjija, il-monitoraġġ, l-ispezzjoni, il-verifika u l-valutazzjoni, li jkunu direttament meħtieġa għall-iskopijiet tal-Artikoli 15, 16 u 17, inklużi l-istudji, il-laqgħat, l-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ pubblikazzjoni, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-informatika għall-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll kwalunkwe spiża oħra għall-assistenza amministrattiva u teknika li l-Kummissjoni tista' tuża għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni.

Artikolu 19

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, permezz ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE) Nru 1073/1999.

2. Għall-attivitajiet tal-Unjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament, il-kunċett ta' irregolarità ddefinit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe inadempjenza ta' xi obbligu kuntrattwali li jkunu r-riżultat ta' att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jkollhom, jew jista' jkollhom l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew baġits amministrati minnha b'nefqa mhux ġustifikata.

3. Kull ftehim u kull kuntratt li jsir bis-saħħa ta' dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-monitoraġġ u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew minn kwalunkwe rappreżentant li hija tawtorizza, u għall-verifiki mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jekk ikun meħtieġ, għandhom isiru fuq il-post.

KAPITOLU VI

ATTI DDELEGATI, IL-KUMITAT U R-RAPPURTAR

Artikolu 20

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 21 fir-rigward ta' emendi għall-Annessi, sabiex:

(a) taġġorna l-lista ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni stipulati fl-Anness I biex jiġu kkunsidrati tibdiliet f'isimhom jew fl-istruttura tagħhom;

(b) tadatta l-kriterji għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati stabbiliti l-Anness III ta' dan ir-Regolament għal iktar żviluppi fir-rigward tan-natura bla qligħ tagħhom u r-rappreżentattività tagħhom. Tali adattamenti m'għandhomx ikollhom l-effett li joħolqu xi kriterji ġodda jew jabolixxu xi kriterji eżisteni jew kategorija sħiħa ta' organizzazzjonijiet.

Artikolu 21

L-eżerċitar tad-delega

1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill- 1 ta' Jannar 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded taċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3. Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 20 tista’ tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. Din m'għandhiex teffettwa l-validità ta' ebda att delegat li diġà jkunu fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b'xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 22

Il-proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4. Meta l-opinjoni tal-kumitat trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi tterminata mingħajr riżultat meta, fil-perjodu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi ta' membri tal-kumitat jitolbu hekk.

Artikolu 23

Kooperazzjoni tal-kumitat ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni u ma'partijiet interessati

Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) għandu jaħdem f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u mal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Rapporti

1. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar dawn li ġejjin:

(a) l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5, 10, 15 u 17;

(b) ir-rappreżentanza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ambjent u partijiet interessati soċjali f'korpi għall-istandardizzazzjoni nazzjonali;

(c) ir-rappreżentanza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fuq il-bażi tar-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 6(3);

(d) l-użu tal-ICT fis-sistema tal-istandardizzazzjoni;

(e) il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

2. L-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jkunu irċevew finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament li rċivew finanzjament skont dan ir-Regolament għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom. Dan ir-rapport għandu b'mod partikolari jkun fih informazzjoni dettaljata dwar is-sħubija ta' dawn l-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 16.

3. Sal- 31 ta’ Diċembru 2015 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun fih analiżi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, evalwazzjoni tar-relevanza tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li qegħdin jieħdu finanzjament mill-Unjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni kif ukoll valutazzjoni ta' miżuri ġodda potenzjali li jissimplifikaw il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

Artikolu 25

Reviżjoni

Sat- 2 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament fuq il-qafas ta' żmien għall-ħruġ ta' talbiet ta' standardizzazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha f'rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta jkun xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikoli 26

Emendi

1. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin qed jitħassru:

(a) l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/686/KEE;

(b) L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/15/KEE;

(c) l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/9/KE;

(d) l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/25/KE;

(e) l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/16/KE;

(f) l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/23/KE;

(g) l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/22/KE;

(h) l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2007/23/KE;

(i) L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/23/KE;

(j) l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/105/KE.

Ir-referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

2. Id-Direttiva 98/34/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(a) fl-Artikolu 1, jitħassru l-paragrafu 6 sa 10;

(b) l-Artikoli 2, 3 u 4 jitħassru;

(c) fl-Artikolu 6(1), jitħassru l-kliem, "mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet għall-istandards imsemmijin fl-Annessi I u II";

(d) fl-Artikolu 6(3), jitħassar l-ewwel inċiż;

(e) fl-Artikolu 6(4) jitħassru l-punti (a), (b) u (e);

(f) L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1), it-talbiet kollha li jsiru lill-istituzzjonijiet tal-istandards biex ifasslu speċcifikazzjonijiet tekniċi jew standard għal prodotti speċifiċi bil-għan li jilleġislaw regolament tekniku għal tali prodotti bħala abbozz ta' regolamenti tekniċi, u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għal-leġislazzjoni tagħhom.";

(g) fl-Artikolu 11, it-tieni sentenza tinbidel bis-sentenza li ġejja:

"Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istatistiċi annwali dwar in-notifiki li tirċievi f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.";

(h) l-Annessi I u II jitħassru.

Referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jiġu miftiehma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jiġu maqruha skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Il-korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi tagħhom għall-istandardizzazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni u kull aġġorniment li jsir għal dik il-lista f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Dispożizzjonijiet tranżitorji

F'atti tal-Unjoni li jipprevedu preżunzjoni ta' konformità ma' rekwiżiti essenzjali permezz tal-applikazzjoni tal-istandards armonizzati adottati skont id-Direttiva 98/34/KE, ir-referenzi għad-Direttiva 98/34/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament, minbarra r-referenzi għall-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE dwar ir-regolamenti tekniċi.

Meta att tal-Unjoni jipprevedi proċedura għall-oġġezzjoni kontra standards armonizzati, l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament ma jkunx japplika għal dak l-att.

Artikolu 29

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE u d-Deċiżjoni 87/95/KEE huma b'dan imħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet revokati għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jiġu maqruha skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill- 1 ta' Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il- 25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. Schulz

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. Mavroyiannis

[1] ĠU C 376, 22.12.2011, p. 69.

[2] Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 4 ta' Ottubru 2012.

[3] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

[4] ĠU L 315, 15.11.2006, p. 9.

[5] ĠU L 36, 7.2.1987, p. 31.

[6] ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 56.

[7] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[8] ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

[9] Approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat- 22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994)(ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

[10] Approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas- 26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

[11] ĠU L 399, 7.2.1987, p. 18.

[12] ĠU L 121, 15.5.1993, p. 20.

[13] ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1.

[14] ĠU L 164, 30.6.1994, p. 15.

[15] ĠU L 213, 7.9.1995, p. 1.

[16] ĠU L 181, 9.7.1997, p. 1.

[17] ĠU L 135, 30.4.2004, p. 1.

[18] ĠU L 154, 14.6.2007, p. 1.

[19] ĠU L 122, 16.5.2009, p. 6.

[20] ĠU L 264, 8.10.2009, p. 12.

[21] ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

[22] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

[23] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

[24] ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

[25] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

[26] ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20.

[27] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

[28] ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4.

[29] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

[30] ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

[31] ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.

[32] ĠU L 149, 9.6.2007, p. 1.

[33] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[34] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[35] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[36] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[37] ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

ORGANIZZAZZJNIJIET EWROPEJ TAL-ISTANDARDIZZAZZJONI

1. CEN — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni

2. Cenelec — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika

3. ETSI — Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet

--------------------------------------------------

ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TA' SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-ICT

1. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew aċċettati fis-suq u l-implimentazzjoni tagħhom ma tfixkilx l-interoperabbiltà mal-implimentazzjoni ta' standards eżistenti Ewropej jew internazzjonali. L-aċċettazzjoni fis-suq tista' tintwera b'eżempji operazzjonali ta' implimentazzjonijiet konformi mingħand bejjiegħa differenti.

2. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma koerenti peress li ma joħolqux kunflitt mal-istandards Ewropej, jiġifieri jkopri oqsma fejn l-adozzjoni ta' standards Ewropej ġodda mhix prevista f'perjodu raġonevoli, fejn l-istandards eżistenti ma rnexxilhomx jiġu adottati fis-suq jew fejn dawn l-istandards m'għadhomx jintużaw, u fejn it-traspożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fi strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea mhix prevista f'perjodu raġonevoli.

3. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati minn organizzazzjoni bla skop ta' profitt li hija soċjetà professjonali, industrija jew assoċjazzjoni tal-kummerċ jew kwalunkwe organizzazzjoni ta' sħubija li fl-ambitu ta' għarfien tagħha tiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT u li mhijiex organizzazzjoni Ewropea, korp nazzjonali jew korp internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, permezz ta' proċessi li jissodisfaw il-kriterji li jmiss:

(a) ftuħ:

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati fuq il-bażi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet aċċessibli għall-partijiet interessati kollha fis-suq jew swieq affettwati minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(b) kunsens:

il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kien kollaborativ u bbażat fuq il-kunsens u ma kienx favur xi parti interessati partikolari. Il-kunsens ifisser ftehim ġenerali, li huwa kkaratterizzat mill-assenza ta’ oppożizzjoni sostnuta għal kwistjonijiet sostanzjali minn kwalunkwe parti importanti tal-interessi ikkonċernati u bi proċess li jinvolvi li jitfittex li jitqiesu l-fehmiet kollha tal-partijiet ikkonċernati u biex jiġu rrikonċiljati xi argumenti kunfliġġenti Il-kunsens ma jimplikax unanimità.

(c) trasparenza:

(i) l-informazzjoni kollha li tikkonċerna diskussjonijiet tekniċi u t-teħid tad-deċiżjonijiet ġiet arkivjata u identifikata;

(ii) l-informazzjoni dwar attivitajiet ta' standardizzazzjoni ġodda tħabbret pubblikament u f'firxa wiesgħa permezz ta' mezzi xierqa u aċċessibbli.

(iii) il-parteċipazzjoni tal-kategoriji kollha relevanti tal-partijiet interessati intalbet bil-għan li jinkiseb bilanċ;

(iv) il-kummenti mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u ngħataw risposta.

4. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) manutenzjoni: l-appoġġ u l-manutenzjoni kontinwi ta’ speċifikazzjonjiet pubblikati huma ggarantiti fuq perjodu twil.

(b) disponibilità: l-ispeċifikazzjonijiet huma disponibbli pubblikament għall-implimentazzjoni u għall-użu b'kundizzjonijiet raġonevoli (inkluż għal ħlas raġonevoli jew mingħajr ħlas).

(c) id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ speċifikazzjonjiet huma lliċenzjati lil applikanti fuq bażi raġjonevoli (ġusta) u mhux diskriminatorja ((F) RAND), li tinkludi, għad-diskrezzjoni tad-detentur tad-drittijiet intelletwali, l-għoti tal-proprjetà intellettwali essenzjali mingħajr kumpens.

(d) relevanza:

(i) l-ispeċifikazzjonijiet huma effettivi u relevanti;

(ii) jeħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet iwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq u r-rekwiżiti regolatorji;

(e) newtralità u stabbiltà:

(i) kulmeta jkun possibbli l-istandards għandhom ikunu diretti lejn ir-rendiment aktar milli bbażati fuq id-disinn jew karatteristiċi deskrittivi;

(ii) l-ispeċifikazzjonijiet ma jxekklux is-suq jew jillimitaw il-possibilitajiet għall-implimentaturi biex jiżviluppaw il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni bbażati fuqhom;

(iii) l-ispeċifikazzjonijiet huma bbażati fuq żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi avvanzati.

(f) kwalità:

(i) il-kwalità u l-livell ta' dettall huma biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp ta' varjetà ta' implimentazzjonijiet ta' prodotti u servizzi interoperabbli li qegħdin jikkompetu magħhom;

(ii) l-interfaċji standardizzati mhumiex moħbija jew ikkontrollati minn ħadd ħlief l-organizzazzjonijiet li adottaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

--------------------------------------------------

ANNESS III

ORGANIZZAZZJONIJIET EWROPEJ TAL-PARTIJIET INTERESSATI ELIĠIBBLI GĦALL-FINANZJAMENT TAL-UNJONI

1. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) hija mhux governattiva u ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt;

(b) tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew, li tqajjem l-għarfien tagħhom dwar l-istandardizzazzjoni u li timmotivahom biex jinvolvu ruħhom fil-proċess ta' standardizzazzjoni;

(c) tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet li ma jagħmlux profitt li jirrapreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f’għall-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

2. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-konsumaturi fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn;

(b) tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi tal-konsumaturi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet nazzjonali tal-konsumatur li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

3. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi ambjentali fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn,

(b) tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi ambjentali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet ambjentali nazzjonali li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi ambjentali fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

4. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi soċjali fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn;

(b) tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi soċjali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet soċjali nazzjonali li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi soċjali fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 98/34/KE | Dan ir-Regolament |

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (6) | Artikolu 2(1) |

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (7) | — |

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (8) | Artikolu 2(3) |

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (9) | Artikolu 2(8) |

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (10) | Artikolu 2(10) |

Artikolu 2(1) | Artikolu 3(1) |

Artikolu 2(2) | Artikolu 3(2) |

Artikolu 2(3) | Artikolu 3(3) u (4) |

Artikolu 2(4) | Artikolu 27 |

Artikolu 2(5) | Artikolu 20(a) |

Artikolu 3 | Artikolu 4(1) |

Artikolu 4(1) | Artikolu 3(3) u (5) u Artikolu 4(4) |

Artikolu 4(2) | — |

Artikolu 6(3), l-ewwel inċiż | — |

Artikolu 6(4)(a) | Artikolu 20(a) |

Artikolu 6(4)(b) | — |

Artikolu 6(4)(e) | Artikolu 10(2) |

Annex I | Annex I |

Annex II | Artikolu 27 |

Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE | Dan ir-Regolament |

Artikolu 1 | Artikolu 1 |

Artikoli 2 u 3 | Artikolu 15 |

Artikolu 4 | — |

Artikolu 5 | Artikolu 17 |

Artikolu 6(1) | Artikolu 18 |

Artikolu 6(2) | Artikolu 24(3) |

Artikolu 7 | Artikolu 19 |

Deċiżjoni 87/95/KEE | Dan ir-Regolament |

Artikolu 1 | Artikolu 2 |

Artikolu 2 | Artikolu 3 |

Artikolu 3 | Artikolu 13 |

Artikolu 4 | Artikolu 8 |

Artikolu 5 | Artikolu 14 |

Artikolu 6 | — |

Artikolu 7 | — |

Artikolu 8 | Artikolu 24(3) |

Artikolu 9 | — |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet