32012R1024


Titolu u referenza

Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE ( “ir-Regolament tal-IMI” ) Test b’relevanza għaż-ŻEE

 ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  GA  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 25 ta' Ottubru 2012

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE ("ir-Regolament tal-IMI")

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li aġixxew skont il-proċedura leġislattiva ordinarja [2],

Billi:

(1) L-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni li jirregolaw il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital fis-suq intern teħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw b'mod aktar effettiv u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. Minħabba li ħafna drabi l-mezzi prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ tali informazzjoni mhumiex speċifikati f’dawk l-atti, għandhom isiru arranġamenti prattiċi xierqa.

(2) Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ("IMI") hija software aċċessibbli permezz tal-Internet, żviluppat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni. L-IMI tipprovdi mekkaniżmu ċentrali ta’ komunikazzjoni biex jiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka. B’mod partikolari, l-IMI tgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw il-kontroparti tagħhom fi Stat Membru ieħor, biex jiġġestixxu l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż id-data personali, fuq il-bażi ta’ proċeduri sempliċi u unifikati u biex jegħlbu l-ostakoli tal-lingwa fuq il-bażi ta’ flussi ta’ xogħol pre-definiti u tradotti minn qabel. Fejn disponibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-utenti tal-IMI bi kwalunkwe funzjonalità ta' traduzzjoni addizzjonali eżistenti li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom, hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità għall-iskambju ta' informazzjoni fl-IMI u tista' tiġi offruta bi spiża raġonevoli.

(3) Sabiex jiġu megħluba l-ostakoli tal-lingwa, l-IMI għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fil-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni.

(4) L-għan tal-IMI għandu jkun li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tipprovdi strument effettiv u faċli biex jintuża mill-utent għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u b’hekk tiffaċilita l-applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(5) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal- 21 ta' Frar 2011 bl-isem "Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ("IMI")" tistabbilixxi pjanijiet għall-espansjoni possibbli tal-IMI lejn atti oħra tal-Unjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta' April 2011"Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"" tisħaq fuq l-importanza tal-IMI għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-atturi involuti, inkluż fuq livell lokali, u b’hekk tikkontribwixxi għal governanza aħjar tas-suq uniku. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas legali b’saħħtu għall-IMI kif ukoll sett ta’ regoli komuni biex jiżguraw li l-IMI tiffunzjona b’mod effiċjenti.

(6) Fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni titlob li l-Istati Membri jiskambjaw id-data personali u tipprovdi għall-għan ta' dan l-ipproċessar, tali dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala bażi legali adegwata għall-ipproċessar ta’ data personali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-IMI għandha titqies primarjament bħala strument użat għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż data personali, liema skambju kieku jseħħ permezz ta’ mezzi oħra, inkluż posta regolari, fax jew posta elettronika fuq il-bażi ta’ obbligu legali impost fuq l-awtoritajiet u l-korpi tal-Istati Membri fl-atti tal-Unjoni. Id-data personali skambjata permezz tal-IMI għandha tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża biss għal finijiet konformi ma' dawk li għalihom hija kienet oriġinarjament inġabret u għandha tkun, soġġetta għas-salvagwardji rilevanti kollha.

(7) Fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ privatezza permezz tad-disinn, l-IMI ġiet żviluppata bir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data f’moħħ id-disinjatur u ilha favur il-protezzjoni tad-data sa mill-bidu tagħha, b’mod partikolari minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għal data personali skambjata fl-IMI. Għalhekk, l-IMI toffri livell ferm għoli ta’ protezzjoni u sigurtà minn metodi oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni bħall-posta regolari, telefon, fax jew posta elettronika.

(8) Il-kooperazzjoni amministrattiva permezz ta’ mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali stabbilti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [3] u f’Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [4]. Id-definizzjonijiet użati fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(9) Il-Kummissjoni tforni u tiġġestixxi s-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI, tiżgura s-sigurtà tal-IMI, tiġġestixxi n-network tal-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u hi involuta fit-taħriġ tal-utenti tal-IMI u l-assistenza teknika għalihom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għal tali data personali li tkun strettament meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha skont ir-responsabbiltajiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, bħar-reġistrazzjoni tal-koordinaturi nazzjonali tal-IMI. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għal data personali meta tkun qed tikseb, fuq talba ta' attur ieħor tal-IMI, tali data li tkun ġiet imblukkata fl-IMI u li talab aċċess għaliha s-suġġett tad-data. Il-Kummissjoni m'għandhiex ikollha aċċess għal data personali skambjata bħala parti minn kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI, dment li att tal-Unjoni ma jipprevedix rwol għall-Kummissjoni f'tali kooperazzjoni.

(10) Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, b’mod partikolari għas-suġġetti tad-data, id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni li għalihom għandha tintuża l-IMI, għandhom jiġu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(11) Fil-futur l-IMI tista' tiġi estiza għal oqsma ġodda, fejn tista' tgħin tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' att tal-Unjoni f'mod kosteffiċjenti u faċli għall-utent, b'kont meħud tal-fattibbiltà teknika u l-impatt globali fuq l-IMI. Il-Kummissjoni għandha twettaq it-testijiet meħtieġa biex tivverifika t-tħejjija teknika tal-IMI għal kwalunkwe espansjoni prevista. Id-deċiżjonijiet biex l-IMI tiġi estiza għal aktar atti tal-Unjoni għandhom jittieħdu permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

(12) Il-proġetti pilota huma strument utli biex jiġi vverifikat jekk l-espansjoni tal-IMI hijiex ġustifikata u biex il-funzjonalità teknika u l-arranġamenti tekniċi jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-utenti tal-IMI qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-espansjoni tal-IMI. L-Istati Membri għandhom jiġu involuti b'mod sħiħ fid-deċiżjoni dwar liema atti tal-Unjoni għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota u dwar il-modalitajiet ta' dak il-proġett pilota, sabiex jiżguraw li l-proġett pilota jirrifletti l-ħtiġijiet tal-utenti tal-IMI u li d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali jkunu sodisfatti b'mod sħiħ. Tali modalitajiet għandhom jiġu definiti separatament għal kull proġett pilota.

(13) Ma hemm xejn f’dan ir-Regolament li għandu jipprekludi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni milli jiddeċiedu li jużaw l-IMI għall-iskambju ta’ informazzjoni li ma jinvolvix l-ipproċessar ta’ data personali.

(14) Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li jistgħu jkopru inter alia l-iskambju wieħed għal wieħed ta’ informazzjoni, proċeduri ta’ notifika, mekkaniżmi ta’ twissija, arranġamenti ta’ assistenza reċiproka u s-soluzzjoni ta’ problemi.

(15) Id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għandu jibqa' mhux affettwat b'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jaddattaw il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet fir-rigward tal-IMI għall-istrutturi amministrattivi interni tagħhom, kif ukoll li jimplimentaw il-ħtiġijiet ta' fluss tax-xogħol tal-IMI speċifiku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru koordinaturi addizzjonali tal-IMI biex iwettqu l-kompiti tal-koordinaturi nazzjonali tal/IMI, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, għal qasam partikolari tas-suq intern, diviżjoni tal-amministrazzjoni, reġjun ġeografiku, jew skont kriterju ieħor. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-koordinaturi tal-IMI li jkunu ħatru, iżda m'għandhomx ikunu obbligati jindikaw koordinaturi tal-IMI addizzjonali fl-IMI, fejn dan mhux meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tagħha.

(16) Sabiex tintlaħaq il-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti permezz tal-IMI, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-atturi tal-IMI tagħhom għandhom ir-riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

(17) Filwaqt li l-IMI hija essenzjalment strument ta’ komunikazzjoni għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti, li mhijiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġu żviluppati mezzi tekniċi li jippermettu lil atturi esterni bħaċ-ċittadini, intrapriżi u organizzazzjonijiet sabiex jinteraġixxu mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdu informazzjoni jew jiksbu data, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data. Mezzi tekniċi bħal dawn għandhom jinkludu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà, kwalunkwe interfaċċja pubblika għandha tkun teknikament żviluppata b'mod separat mill-IMI li għaliha l-utenti tal-IMI biss għandu jkollhom aċċess.

(18) L-użu tal-IMI għall-appoġġ tekniku tan-network SOLVIT għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-karattru informali tal-proċedura SOLVIT li hija bbażata fuq impenn volontarju tal-Istati Membri, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Diċembru 2001 dwar il-prinċipji għall-użu tas-"SOLVIT" — in-Network għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern [5] ("ir-Rakkomandazzjoni SOLVIT"). Sabiex jitkompla l-funzjonament tan-network SOLVIT abbażi ta' arranġamenti ta' ħidma eżistenti, wieħed jew aktar mill-kompiti tal-koordinatur nazzjonali tal-IMI jistgħu jiġu assenjati liċ-ċentri SOLVIT fl-ambitu tal-ħidma tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw indipendentement mill-koordinatur nazzjonali tal-IMI. L-ipproċessar tad-data personali u tal-informazzjoni kunfidenzjali bħala parti mill-proċeduri SOLVIT għandu jibbenefika mill-garanziji kollha li jinsabu f'dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-karattru mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjoni SOLVIT.

(19) Filwaqt li l-IMI tinkludi interface ibbażata fuq l-internet għall-utenti tagħha, f'ċerti każijiet u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jista' jkun adatt li jitqiesu soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment dirett ta' data minn sistemi nazzjonali għall-IMI, fejn tali sistemi nazzjonali diġà jkunu żviluppaw, partikolarment għall-proċeduri ta' notifika. L-implimentazzjoni ta' tali soluzzjonijiet tekniċi għandha tiddependi mill-eżitu ta' valutazzjoni tal-fattibbiltà, l-ispejjeż u l-benefiċċji mistennijin tagħhom. Dawk is-soluzzjonijiet m'għandhomx jaffettwaw l-istrutturi eżistenti u l-ordni nazzjonali tal-kompetenzi.

(20) Fejn l-Istati Membri jkunu ssodisfaw l-obbligu li jinnotifikaw skont l-Artikolu 15(7) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern [6] bl-użu tal-proċedura skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [7], huma m'għandhomx jintalbu wkoll jagħmlu l-istess notifika permezz tal-IMI.

(21) L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI jirriżulta mill-obbligu legali fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jipprovdu assistenza reċiproka. Biex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona sew, l-informazzjoni li tkun waslet minn awtorità kompetenti permezz tal-IMI minn Stat Membru ieħor ma għandhiex tiċċaħħad mill-valur tagħha bħala evidenza fi proċeduri amministrattivi sempliċiment għaliex oriġinat fi Stat Membru ieħor jew għaliex tkun waslet b’mezzi elettroniċi, u għandha tiġi ttrattata minn dik l-awtorità kompetenti bl-istess mod bħal dokumenti simili li joriġinaw fl-Istat Membru tagħha.

(22) Sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, għandhom jiġu stabbiliti l-perijodi massimi għaż-żamma ta’ data personali fl-IMI. Madankollu, dawk il-perijodi għandhom ikunu bilanċjati tajjeb filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-IMI tiffunzjona tajjeb, kif ukoll id-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, pereżempju billi jiksbu evidenza li seħħ skambju ta’ informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni. B'mod partikolari, il-perijodi taż-żamma m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

(23) Għandu jkun possibbli li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tal-IMI jiġu pproċessati għal raġunijiet kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-monitoraġġ tal-użu tas-sistema mill-koordinaturi tal-IMI u l-Kummissjoni, komunikazzjoni, taħriġ u inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar kooperazzjoni amministrattiva jew assistenza reċiproka fis-suq intern.

(24) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jinżammu kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, inkluż id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-sigurtà tad-data.

(25) Sabiex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv ta', u r-rapportar dwar, il-funzjonament tal-IMI u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

(26) Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-IMI u bil-fatt li huma għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-data relatata magħhom u d-dritt li d-data mhux eżatta tiġi kkoreġuta u d-data pproċessata b’mod illegali titħassar, skont dan ir-Regolament u l-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE.

(27) Sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet legali għall-kooperazzjoni amministrattiva u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti permezz tal-IMI, jista' jkun meħtieġ li jsiru arranġamenti prattiċi għal dan l-iskambju. Dawk l-arranġamenti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta' att ta' implimentazzjoni separat għal kull att tal-Unjoni elenkat fl-Anness jew għal kull tip ta' proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva u għandhom ikopru l-funzjonalità teknika essenzjali u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jiġu implimentati l-proċeduri amministrattivi ta’ kooperazzjoni rilevanti permezz tal-IMI. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-manteniment u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI.

(28) Sabiex tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti għas-suġġetti tad-data, il-flussi tax-xogħol predefiniti, settijiet ta' mistoqsijiet u tweġibiet, formoli u arranġamenti oħra relatati ma’ proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI għandhom isiru pubbliċi.

(29) Meta l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, japplikaw xi limitazzjonijiet fuq jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-informazzjoni dwar limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet bħal dawn għandha ssir pubblika biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa għas-suġġetti tad-data. Dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan maħsub u soġġetti għal salvagwardji xierqa.

(30) Fejn jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jkopru wkoll l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li jiġu inklużi l-kontropartijiet tal-atturi tal-IMI f'tali pajjiżi terzi fil-proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva appoġġati mill-IMI, dment li jkun ġie stabbilit li l-pajjiż terz konċernat joffri livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

(31) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE tat- 12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali [8] għandha tiġi revokata. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/739/KE tat- 2 ta’ Ottubru 2009 li tistipula l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri taħt il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern [9] għandha tkompli tapplika għal kwistjonijiet relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2006/123/KE.

(32) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni [10]

(33) Il-prestazzjoni tal-Istati Membri rigward l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ssorveljata fir-rapport annwali dwar il-funzjonament tal-IMI ibbażat fuq data statistika mis-sistema tal-IMI u kwalunkwe data rilevanti oħra. Il-prestazzjoni tal-Istati Membri għandha tiġi evalwata, inter alia, abbażi tal-medja tad-dewmien qabel ma tingħata tweġiba bl-għan li jiġu zgurati tweġibiet rapidi ta' kwalità tajba.

(34) Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti r-regoli għall-użu tal-IMI fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà li jinsabu fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(35) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit- 22 ta' Novembru 2011 [11],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ("IMI") għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali, fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 2

L-Istabbiliment tal-IMI

L-IMI hija b'dan stabbilita formalment.

Artikolu 3

Ambitu

1. L-IMI għandha tintuża għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Intern skont it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jipprovdi għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iskambju ta’ data personali, bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawk l-atti tal-Unjoni huma elenkati fl-Anness.

2. L-ebda ħaġa f'dan ir-Regolament m'għandu jkollha l-effett li twassal sabiex id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni li m'għandhomx saħħa vinkolanti jsiru mandatorji.

Artikolu 4

L-espansjoni tal-IMI

1. Il-Kummissjoni tista' twettaq proġetti pilota sabiex tivvaluta jekk l-IMI tkunx strument effettiv fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni biex tiddetermina liema dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta' kull proġett, b'mod partikolari l-funzjonalità teknika bażika u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota, inklużi kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u funzjonalitajiet ta' traduzzjoni effettivi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn adatt, dik l-evalwazzjoni tista' tiġi akkumpanjata minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat l-Anness biex jespandi l-użu tal-IMI għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni.

Artikolu 5

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw.

Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin sejrin japplikaw ukoll:

(a) "IMI" tfisser l-istrument elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni biex jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(b) "kooperazzjoni amministrattiva" tfisser li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu f’kollaborazzjoni, billi jiskambjaw u jipproċessaw informazzjoni, inkluż permezz ta’ notifiki u allerti, jew billi jipprovdu assistenza reċiproka, inkluż biex jiġu riżolti problemi, għall-fini ta' applikazzjoni aqwa tal-liġi tal-Unjoni;

(c) "qasam tas-suq intern" tfisser qasam leġislattiv jew funzjonali tas-suq, fis-sens tal-Artikolu 26(2) TFUE, li fih l-IMI tintuża f'konformità mal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

(d) "proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva" tfisser fluss tax-xogħol predefinit previst fl-IMI li jippermetti lill-atturi tal-IMI sabiex jikkomunikaw u jinteraġġixxu ma’ xulxin b’mod strutturat;

(e) "koordinatur tal-IMI" tfisser korp maħtur minn Stat Membru biex iwettaq kompiti ta’ appoġġ meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tal-IMI f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(f) "awtorità kompetenti" tfisser kull korp stabbilit jew fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u li jkun irreġistrat fl-IMI li għandu responsabbiltajiet speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali jew atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness f’qasam wieħed jew aktar tas-suq intern;

(g) "atturi tal-IMI" tfisser l-awtoritajiet kompetenti, il-koordinaturi tal-IMI u l-Kummissjoni;

(h) "utent tal-IMI" tfisser persuna fiżika li taħdem taħt l-awtorità ta' attur tal-IMI u rreġistrata fl-IMI f’isem dak l-attur tal-IMI;

(i) "atturi esterni" tfisser persuni fiżiċi jew legali minbarra l-utenti tal-IMI li jistgħu jinteraġixxu mal-IMI biss permezz ta’ mezzi tekniċi separati u skont fluss tax-xogħol speċifiku predefinit previst għal dak il-għan;

(j) "imblukkar" tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi li permezz tagħhom id-data personali ssir inaċċessibbli għall-utenti tal-IMI permezz tal-interfaċċja normali tal-IMI;

(k) "għeluq formali" tfisser l-applikazzjoni tal-faċilità teknika prevista mill-IMI sabiex tingħalaq proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva.

KAPITOLU II

FUNZJONIJIET U RESPONSABBILTAJIET FIR-RIGWARD TAL-IMI

Artikolu 6

Il-Koordinaturi tal-IMI

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom jinkludu:

(a) li jirreġistra jew li jivvalida r-reġistrazzjoni tal-Koordinaturi tal-IMI u tal-awtoritajiet kompetenti;

(b) li jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż, l-għoti ta' informazzjoni dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament;

(c) li jaġixxi bħala interlokutur tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż l-għoti ta' informazzjoni rigward aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament;

(d) li jipprovdi għarfien, taħriġ u appoġġ, inkluż assistenza teknika bażika, lill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri;

(e) li jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-IMI sakemm din tkun taħt il-kontroll tagħhom, inkluż l-għoti ta' tweġibiet f’waqthom u adegwati mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva.

2. Kull Stat Membru jista’ jaħtar, barra minn dan, koordinatur wieħed jew aktar tal-IMIs sabiex iwettaq jew iwettqu kwalunkwe kompitu elenkat fil-paragrafu 1, skont l-istruttura amministrattiva interna tiegħu.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-koordinaturi tal-IMI maħturin f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 u bil-kompiti li għalihom huma responsabbli. Il-Kummissjoni għandha taqsam dik l-informazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn.

4. Il-koordinaturi kollha tal-IMI jistgħu jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti. F’każijiet bħal dawn, koordinatur tal-IMI għandu jkollu l-istess drittijiet ta’ aċċess bħal awtorità kompetenti. Kull koordinatur tal-IMI għandu jkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu tal-ipproċessar ta’ data bħala attur tal-IMI.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1. Meta jikkooperaw permezz tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jaġixxu permezz tal-utenti tal-IMI f'konformità mal-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għandhom jiżguraw li, f'konformità mal-att applikabbli tal-Unjoni, tingħata tweġiba adegwata fl-iqsar perijodu ta' żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fid-data ta’ skadenza stabbilita minn dak l-att.

2. Awtorità kompetenti tistà tinvoka bħala evidenza kull informazzjoni, dokument, sejba, stqarrija jew kopja ċċertifikata bħala vera li tkun irċeviet b'mod elettroniku permezz tal-IMI, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ informazzjoni simili li nkisbet mill-pajjiż tagħha stess, għal finijiet kompatibbli mal-iskopijiet li għalihom id-data kienet oriġinarjament inġabret.

3. Kull awtorità kompetenti għandha tkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data tagħha stess imwettaq minn utent tal-IMI taħt l-awtorità tagħha u għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'konformità mal-Kapitoli III u IV, fejn meħtieġ, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

(a) tiżgura s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manteniment u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI ;

(b) tipprovdi sistema multilingwi, inklużi funzjonalitajiet ta' traduzzjoni eżistenti, taħriġ fil-kooperazzjoni mal-Istati Membri, u uffiċċju ta’ informazzjoni (helpdesk) biex tassisti lill-Istati Membri fl-użu tal-IMI;

(c) tirreġistra l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u tagħtihom aċċess għall-IMI;

(d) twettaq operazzjonijiet ta' pproċessar fuq dejta personali fl-IMI, fejn previst f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-finijiet iddeterminati mill-atti tal-Unjoni applikabbli elenkati fl-Anness;

(e) tissorvelja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 25.

2. Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-ewwel paragrafu u biex tipproduċi rapporti ta' statistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fl-IMI.

3. Il-Kummissjoni m'għandhiex tipparteċipa fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali ħlief fejn meħtieġ minn att tal-Unjoni elenkat fl-Anness.

Artikolu 9

Id-drittijiet ta’ aċċess tal-atturi u l-utenti tal-IMI

1. Utenti tal-IMI biss għandu jkollhom aċċess għall-IMI.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-koordinaturi tal-IMI u l-awtoritajiet kompetenti u l-oqsma tas-suq intern li fihom huma għandhom kompetenza. Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol konsultattiv f'dak il-proċess.

3. Kull attur tal-IMI għandu jagħti u jirrevoka, kif meħtieġ, id-drittijiet xierqa ta’ aċċess lill-utenti tiegħu tal-IMI fil-qasam tas-suq intern li għalih huwa jkun kompetenti.

4. Għandhom jiġu implimentati mezzi adatti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-utenti tal-IMI jkunu permessi jaċċessaw data personali pproċessata fl-IMI biss fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien u fil-qasam jew l-oqsma tas-suq intern li għalihom ingħataw id-drittijiet ta’ aċċess skont il-paragrafu 3.

5. L-użu ta’ data personali pproċessata fl-IMI għal raġuni speċifika b’mod li huwa inkompatibbli ma’ dik tar-raġuni oriġinali għandu jiġi pprojbit, sakemm dan ma jkunx espliċitament previst mil-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

6. Fil-każ ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, l-atturi tal-IMI biss li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’dik il-proċedura għandu jkollhom aċċess għal data personali bħal din.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

1. Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu dwar is-sigriet professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità lill-atturi tal-IMI u lill-utenti tal-IMI tiegħu, skont il-leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

2. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li t-talbiet minn atturi oħrajn tal-IMI għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jiġu rispettati mill-utenti kollha tal-IMI li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

Artikolu 11

Proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva

L-IMI għandha tkun ibbażata fuq proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni rilevanti elenkati fl-Anness. Fejn adatt, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni għal att tal-Unjoni speċifiku elenkat fl-Anness jew għal tip ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li jistabbilixxu l-funzjonalità teknika essenzjali u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jippermettu l-operazzjoni tal-proċeduri rilevanti ta' kooperazzjoni amministrattiva, inkluż fejn applikabbli l-interazzjoni bejn atturi esterni u l-IMI kif imsemmi fl-Artikoli 12. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 12

Atturi esterni

Jistgħu jiġu pprovduti mezzi tekniċi biex jippermettu lill-atturi esterni jinteraġixxu mal-IMI meta tali interazzjoni tkun:

(a) prevista minn att tal-Unjoni;

(b) prevista f'att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 11 sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness; jew

(c) meħtieġa biex iresqu talbiet sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data skont l-Artikolu 19.

Kwalunkwe mezz tekniku bħal dan għandu jiġi sseparat mill-IMI u m'għandux jippermetti lill-atturi esterni li jaċċessaw l-IMI.

KAPITOLU III

L-IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI U S-SIGURTÀ

Artikolu 13

Limitazzjoni tal-użu

L-atturi tal-IMI għandhom jiskambjaw u jipproċessaw data personali biss għall-iskopijiet iddefiniti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness.

Id-data mibgħuta lill-IMI mis-suġġetti tad-data għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom id-data ntbagħtet.

Artikolu 14

Żamma ta’ data personali

1. Id-data personali pproċessata fl-IMI għandha tiġi mblukkata fl-IMI hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għaliha kienet inġabret, skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull tip ta' kooperazzjoni amministrattiva u, bħala regola ġenerali, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Madankollu, jekk f'att tal-Unjoni applikabbli elenkat fl-Anness huwa previst perijodu itwal, id-data personali pproċessata fl-IMI tista' tinżamm għal massimu ta' 18-il xahar wara l-għeluq formali ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva .

2. Fejn repożitorju ta’ informazzjoni għal referenza fil-futur mill-atturi tal-IMI ikun meħtieġ skont att tal-Unjoni vinkolanti elenkat fl-Anness, id-data personali inkluża f’tali repożitorju tista’ tiġi pproċessata sakemm dan ikun meħtieġ għal dan l-għan jew bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew fejn dan ikun previst f'dak l-att tal-Unjoni.

3. Id-data personali mblukkata skont dan l-Artikolu għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi pproċessata biss għall-fini ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI bil-kunsens tas-suġġett tad-data, sakemm ma jintalabx l-ipproċessar minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

4. Id-data mblukkata għandha titħassar awtomatikament fl-IMI tliet snin wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

5. Fuq talba espliċita ta' awtorità kompetenti f'każ speċifiku u bil-kunsens tas-suġġett tad-data, id-data personali tista' titħassar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żamma applikabbli.

6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-imblukkar u t-tħassir ta’ data personali u tal-irkupru tagħha permezz ta’ mezzi tekniċi skont il-paragrafu 3.

7. Għandhom jiġu stabbiliti mezzi tekniċi biex l-atturi tal-IMI jitħeġġu jagħlqu formalment il-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva malajr kemm jista' jkun wara li l-iskambju ta' informazzjoni jkun ġie kkompletat u biex l-atturi tal-IMI jiġu permessi jinvolvu lill-koordinaturi tal-IMI responsabbli fi kwalunkwe proċedura li tkun ilha inattiva mingħajr ġustifikazzjoni għal aktar minn xahrejn.

Artikolu 15

Żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI

1. B’deroga mill-Artikolu 14, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għaż-żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI. Dik id-data personali għandha tinkludi l-isem sħiħ u l-mezzi elettroniċi kollha u oħrajn ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. Id-data personali relatata mal-utenti tal-IMI għandha tinħażen fl-IMI sakemm jibqgħu jkunu utenti tal-IMI u tista’ tibqa’ tiġi pproċessata għal finijiet kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

3. Meta persuna fiżika ma tibqax utent tal-IMI, id-data personali relatata ma' dik il-persuna għandha tiġi mblukkata permezz ta’ mezzi tekniċi għal perijodu ta’ tliet snin. Dik id-data għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi biss ipproċessata għal raġunijiet ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI u għandha titħassar fit-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin.

Artikolu 16

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data

1. L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 permezz tal-IMI għandu jsir biss abbażi ta’ raġuni speċifika msemmija fl-Artikolu 8(2) u (4) ta' dik id-Direttiva u l-Artikolu 10(2) ta' dak ir-Regolament u soġġett għal salvagwardji adatti previsti f'dawk l-Artikoli biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-individwi li tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.

2. L-IMI tista’ tintuża għall-ipproċessar ta’ data relatata ma’ reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, soġġett għal salvagwardji previsti f'dawk l-Artikoli, inkluż informazzjoni dwar miżuri restrittivi dixxiplinarji, amministrattivi jew kriminali jew informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tajba ta’ individwu jew ta’ persuna ġuridika, fejn l-ipproċessar ta’ data bħal din huwa previst f’att tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-bażi għall-ipproċessar jew bil-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data, soġġett għal salvagwardji speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 17

Sigurtà

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-IMI tkun konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tad-data adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà ta’ data personali pproċessata fl-IMI, inkluż kontroll adegwat tal-aċċess għad-data u pjan ta’ sigurtà li għandu jinżamm aġġornat.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-każ ta’ inċident relatat mas-sigurtà, huwa possibbli li jiġi vverifikat liema data personali ġiet ipproċessata fl-IMI, meta, minn min u għal liema raġuni.

4. L-atturi tal-IMI għandhom jieħdu l-miżuri proċedurali u organizzattivi kollha meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tad-data personali pproċessata minnhom fl-IMI skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE.

KAPITOLU IV

ID-DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA U S-SORVELJANZA

Artikolu 18

Informazzjoni lis-suġġetti tad-data u t-trasparenza

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-IMI malajr kemm jista' jkun u li huma jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom, inklużi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrullur u r-rappreżentant tal-kontrollur, jekk ikun hemm, skont l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 95/46/KE u l-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi ma’ dik id-Direttiva.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod li huwa faċilment aċċessibbli:

(a) informazzjoni li tirrigwarda l-IMI skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, f’forma ċara u li tiftiehem;

(b) informazzjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tad-data ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI kif imsemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;

(c) informazzjoni dwar eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data’ kif imsemmija fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament;

(d) it-tipi ta' proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-funzjonalitajiet u l-kategoriji ta' data essenzjali tal-IMI li jistgħu jiġu pproċessati fl-IMI;

(e) lista komprensiva tal-atti kollha ta' implimentazzjoni u ddelegati rigward l-IMI, adottati skont dan ir-Regolament jew att ieħor tal-Unjoni, u verżjoni kkonsolidata tal-Anness għal dan ir-Regolament u l-emendi sussegwenti tiegħu minn atti oħrajn tal-Unjoni.

Artikolu 19

Id-drittijiet tal-aċċess, korrezzjoni u tħassir

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal data relatata magħhom fl-IMI, u d-dritt li jkollu data mhux eżatta jew mhux sħiħa kkoreġuta, u data pproċessata b’mod illegali mħassra, skont il-leġislazzjoni nazzjonali. Il-korrezzjoni jew it-tħassir tad-data għandhom isiru malajr kemm jista' jkun, u l-aktar tard fi żmien 30 jum wara li t-talba tas-suġġett tad-data tasal għand l-attur tal-IMI responsabbli.

2. Meta l-preċiżjoni jew il-legalità ta’ data mblukkata skont l-Artikolu 14(1) tiġi kkuntestata mis-suġġett tad-data, dan il-fatt għandu jiġi rreġistrat kif ukoll l-informazzjoni preċiża, ikkoreġġuta.

Artikolu 20

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jipprovdu għal eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu fil-leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 21

Sorveljanza

1. L-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura f’kull Stat Membru u mogħtija s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE (l-"Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali") għandhom jissorveljaw b'mod indipendenti l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri tagħhom u, b’mod partikolari, għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu jiġu protetti skont dan ir-Regolament.

2. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jfittex li jiżgura li l-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali tal-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala attur tal-IMI, jitwettqu skont dan ir-Regolament. Id-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

3. L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jiżguraw kontroll ikkoordinat tal-IMI u l-użu tagħha mill-atturi tal-IMI.

4. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jistieden lill-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali biex jiltaqgħu, meta jkun meħtieġ, sabiex jiżguraw superviżjoni kkordinata tal-IMI u l-użu tagħha minn atturi tal-IMI, kif imsemmi fil-paragrafu 3. L-ispiża ta’ tali laqgħat għandha tiġġarrab mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Metodi ulterjuri ta’ ħidma għal dan il-għan, inkluż regoli ta’ proċedura, jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt kif meħtieġ. Rapport konġunt tal-attivitajiet għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-inqas kull tliet snin.

KAPITOLU V

IL-KAMP TAL-APPLIKAZZJONI ĠEOGRAFIKU TAL-IMI

Artikolu 22

Użu nazzjonali tal-IMI

1. Stat Membru jista’ juża biss l-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tiegħu skont il-liġi nazzjonali meta dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) ma jkun meħtieġ l-ebda tibdil sostanzjali għall-proċeduri eżistenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva;

(b) tkun ġiet sottomessa notifika tal-użu mbassar tal-IMI lill-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali; u

(c) dan m'għandux impatt negattiv fuq il-funzjonament effiċjenti tal-IMI għall-utenti tal-IMI.

2. Fejn Stat Membru jkun biħsiebu jagħmel użu sistematiku mill-IMI għal finijiet nazzjonali, għandu javża lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu u għandu jfittex l-approvazzjoni tagħha minn qabel. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex sodisfatti. Fejn meħtieġ, u skont dan ir-Regolament, għandu jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi, inter alia, l-arranġamenti tekniċi, finanzjarji u organizzattivi għall-użu nazzjonali, inkluż ir-responsabbiltajiet tal-atturi tal-IMI, bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

Artikolu 23

Skambju ta' tagħrif ma' pajjiżi terzi

1. Skont dan ir-Regolament, informazzjoni, inkluż data personali, tista’ tiġi skambjata fl-IMI bejn l-atturi tal-IMI fl-Unjoni u l-kontropartijiet tagħhom f’pajjiż terz biss fejn il-kondizzjonijiet segwenti huma sodisfatti:

(a) l-informazzjoni hija pproċessata skont dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness u dispożizzjoni ekwivalenti fil-liġi tal-pajjiż terz;

(b) L-informazzjoni tiġi skambjata jew tkun disponibbli skont ftehim internazzjonali li jipprevedi:

(i) l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness mill-pajjiż terz,

(ii) l-użu tal-IMI, kif ukoll

(iii) il-prinċipji u l-modalitajiet ta' dak l-iskambju; kif ukoll

(c) il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura protezzjoni adegwata tad-data personali skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, inkluż salvagwardji xierqa li d-data pproċessata fl-IMI għandha tintuża biss għall-fini li għaliha ġiet inizjalment skambjata, u l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.

2. Meta l-Kummissjoni hija attur tal-IMI, l-Artikolu 9(1) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għal kull skambju ta’ data personali pproċessata fl-IMI mal-kontropartijiet tagħha f’pajjiż terz.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jiskambjaw l-informazzjoni, li tinkludi data personali, skont il-paragrafu 1 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Proċedura ta’ kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Monitoraġġ u Rapportar

1. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-IMI fuq bażi annwali.

2. Permezz ta' 5 Diċembru 2017 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali fl-IMI, inkluża s-sigurtà tad-data.

3. Għall-finijiet tal-produzzjoni tar-rapporti msemmija f’paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Spejjeż

1. L-ispejjeż imġarrba għall-iżvilupp, il-promozzjoni, it-tħaddim u l-manteniment tal-IMI għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti skont l-Artikolu 22(2).

2. Sakemm ma jkunx stipulat b’mod ieħor f’att tal-Unjoni, l-ispejjeż għall-operazzjonijiet tal-IMI fuq livell ta’ Stat Membru, inklużi r-riżorsi umani meħtieġa għat-taħriġ, attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ assistenza teknika (helpdesk), kif ukoll għall-amministrazzjoni tal-IMI fuq livell nazzjonali, għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru.

Artikolu 27

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/49/KE hija mħassra.

Artikolu 28

Applikazzjoni effettiva

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament mill-atturi tal-IMI tagħhom.

Artikolu 29

Eċċezzjonijiet

1. Minkejja l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, il-proġett pilota tal-IMI imniedi fis- 16 ta' Mejju 2011 biex tiġi ttestjata l-adattezza tal-IMI għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi [12] jista' jibqa' jitħaddem abbażi tal-arranġamenti li kienu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2. Minkejja l-Artikolu 8(3), u l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT permezz tal-IMI, l-involviment tal-Kummissjoni fil proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva u l-faċilità eżistenti għal atturi esterni jistgħu jkomplu abbażi tal-arranġamenti li kienu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-perijodu kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkun ta' 18-il xahar għal data personali pproċessata fl-IMI għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT.

3. Minkejja l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tniedi proġett pilota biex tivvaluta jekk l-IMI hijiex għodda effiċjenti, kosteffettiva u faċli għall-utent biex jiġi implimentat l-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar kummerċ elettroniku) [13]. Mhux aktar tard minn sentejn wara t-tnedija ta' dak il-proġett pilota, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, li għandha wkoll tkopri l-interazzjoni bejn il-kooperazzjoni amministrattiva fis-sistema ta' kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi [14] u fl-IMI.

4. Minkejja l-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe perijodu sa massimu ta' 18-il xahar deċiż abbażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont il-Kapitolu VI tiegħu, għandu jibqa' japplika f'dak il-qasam.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il- 25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. Schulz

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. Mavroyiannis

[1] ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14.

[2] Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 4 ta' Ottubru 2012.

[3] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[4] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[5] ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

[6] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[7] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

[8] ĠU L 13, 16.1.2008, p. 18.

[9] ĠU L 263, 7.10.2009, p. 32.

[10] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[11] ĠU C 48, 18.2.2012, p. 2.

[12] ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

[13] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

[14] ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA FL-ATTI TAL-UNJONI LI HUMA IMPLIMENTATI PERMEZZ TAL-IMI, IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 3

1. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern [1]: il-Kapitolu VI, l-Artikolu 39(5), kif ukoll l-Artikolu 15(7), sakemm ma ssirx notifika, kif previst f'dak l-aħħar artikolu, skont id-Direttiva 98/34/KE.

2. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali [2]: L-Artikolu 8, l-Artikolu 50(1), (2) u (3), u l-Artikolu 56.

3. Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali [3]: l-Artikolu 10(4).

4. Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro [4]: l-Artikolu 11(2).

5. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-"SOLVIT" — in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern [5]: Kapitoli I u II.

[1] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[2] ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

[3] ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

[4] ĠU L 316, 29.11.2011, p. 1.

[5] ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet