32012R0029


Titolu u referenza

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat- 13 ta’ Jannar 2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

 ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012

tat- 13 ta’ Jannar 2012

dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

(kodifikazzjoni)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 113(1)(a) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 tat- 13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa [2] ġie emendat kemm-il darba [3] b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2) Iż-żejt taż-żebbuġa għandu ċerti kwalitajiet, b’mod partikolari kwalitajiet organolettiċi u ta’ nutriment, li, waqt li jingħata kont tan-nefqa tal-produzzjoni, jippermetti d-dħul tiegħu f’suq fejn il-prezzijiet huma relattivament għolja meta mqabbla mal-parti l-kbira tax-xaħmijiet veġetali l-oħra. Meħud kont ta’ din is-sitwazzjoni tas-suq, għandhom jiġu stabbiliti standards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa li jkun fihom, b’mod partikolari, regoli speċifiċi ta’ tikkettar li jisupplimentaw dawk stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel [4] u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha.

(3) Biex tiġi ggarantita l-awtentiċità taż-żjut taż-żebbuġa mibjugħa, l-ippakkeġġjar għall-bejgħ bl-imnut għandu jkun żgħir u jkollu sistema adegwata kif jingħalaq. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw pakkeġġjar akbar għal stabbilimenti kollettivi.

(4) Minbarra d-deskrizzjonijiet obbligatorji għall-kategoriji varji ta’ żejt taż-żebbuġa previsti fl-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar it-tipi ta’ żejt taż-żebbuġa offruti.

(5) Bħala riżultat tat-tradizzjonijiet agrikoli u l-prattiċi lokali ta’ estrazzjoni u taħlit, żjut verġni taż-żebbuġa introdotti direttament fis-suq jistgħu jkunu ta’ togħma u kwalità pjuttost differenti skont l-oriġini ġeografika tagħhom. Dan jista’ jwassal għal differenzi fil-prezz fl-istess kategorija li jfixklu s-suq. M’hemm ebda differenzi sostanzjali marbuta mal-oriġini f’kategoriji oħrajn ta’ żejt taż-żebbuġa li jista’ jittiekel, u għalhekk jekk jiġi indikat il-post tal-oriġini fuq l-ippakkeġġjar immedjat ta’ żejt bħal dak dan jista’ jwassal lill-konsumatur li jaħseb li jeżistu xi differenzi fil-kwalità. Biex ma jkunx hemm distorsjoni fis-suq taż-żjut taż-żebbuġa li jittieklu, għandha għalhekk tiġi stabbilita sistema obbligatorja tal-Unjoni għall-indikazzjoni tal-oriġini, li tkun ristretta għaż-żjut extra verġni u ż-żjut verġni taż-żebbuġa li jissodisfaw kondizzjonijiet preċiżi. L-arranġamenti fakultattivi li ġew implimentati sal-2009 urew li ma kinux biżżejjed biex jevitaw li l-konsumatur jiġi mqarraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi reali taż-żjut verġni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat- 28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel [5] stabbilixxa regoli dwar it-traċċabilità li ilhom japplikaw mill- 1 ta’ Jannar 2005. L-esperjenza miksuba minn operaturi u amministrazzjonjiet f’din il-kwistjoni ppermettiet li t-tikkettar tal-oriġini jsir obbligatorju għaż-żejt extra verġni u verġni taż-żebbuġa.

(6) Trade marks eżistenti li jinkludu referenzi ġeografiċi jistgħu jibqgħu jintużaw basta kienu ġew irreġistrati uffiċjalment fil-passat skont l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal- 21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [6], jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas- 26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja [7].

(7) Indikazzjoni ta’ oriġini reġjonali tista’ tkun koperta b’denominazzjoni tal-oriġini protetta (PDO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (PGI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal- 20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel [8]. Indikazzjonijiet li juru oriġini reġjonali għandhom ikunu riżervati għall-PDOs jew il-PGIs biex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi li tista’ twassal għal tfixkil fis-suq. Fil-każ ta’ żjut taż-żebbuġa importati, ir-regoli dwar oriġini mhux preferenzjali previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat- 12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità [9] għandhom jiġu mħarsa.

(8) Jekk l-indikazzjoni tal-oriġini taż-żejt verġni taż-żebbuġa tkun tirreferi għall-Unjoni jew għal Stat Membru, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux biss iż-żebbuġ użat iżda wkoll it-tekniki u l-prattiċi tal-estrazzjoni jaffettwaw il-kwalità u t-togħma taż-żejt. L-indikazzjoni tal-oriġini għandha għalhekk tkun tirreferi għaż-żona ġeografika li minnha ż-żejt taż-żebbuġa kien miksub, li hija ġeneralment iż-żona li fiha ż-żejt kien estratt miż-żebbuġ. Madankollu, f’ċerti każijiet iż-żejt jiġi estratt f’lok li ma jkunx l-istess bħal dak fejn ikun sar il-qtugħ taż-żebbuġ u dan it-tagħrif għandu jiġi ddikjarat fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketti mwaħħla mal-ippakkeġġjar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux ingannati u s-suq fiż-żejt taż-żebbuġa ma jiġix imfixkel.

(9) Fl-Unjoni, parti sinifikanti taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa hija magħmula minn taħlitiet ta’ żjut li joriġinaw minn diversi Stati Membri u pajjiżi terzi. Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet sempliċi għat-tikkettar tal-oriġini ta’ taħlitiet bħal dawn.

(10) Taħt id-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet murija fuq it-tikketti ma jistgħux iqarrqu bix-xerrej, partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat, jew billi jattribwixxu lilu kwalitajiet li ma jkollux, jew billi jissuġġerixxu li jkun fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt il-parti l-kbira taż-żjut ikollhom dawk il-karatteristiċi. Ċerti indikazzjonijiet fakultattivi użati komunement li huma speċifiċi għaż-żejt taż-żebbuġa jeħtieġu wkoll regoli armonizzati biex jiddefinixxu eżatt dikjarazzjonijiet bħal dawk u jiżguraw li dak li qiegħed jingħad dwarhom ikun jista’ jiġi vverifikat. Għalhekk, il-kunċetti ta’ "tagħsir kiesaħ" u "estrazzjoni kiesħa" għandhom jikkorrispondu għal metodu teknikament definit ta’ produzzjoni tradizzjonali. Ċerti termini li jiddeskrivu l-karatteristiċi organolettiċi relatati mat-togħma u/jew mar-riħa taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa ġew definiti mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fil-metodu rivedut tiegħu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa. L-użu ta’ termini bħal dawn fit-tikkettar taż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa għandhom jinżammu għal żjut li ġew ivvalutati skont il-metodu korrispondenti ta’ analiżi. Arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa għal ċerti operaturi li bħalissa jużaw it-termini riżervati. Ir-referenza għall-aċidità fl-iżolament tissuġġerixxi skorrettament skala ta’ kwalità assoluta li tqarraq bil-konsumatur billi dan il-fattur jirrappreżenta valur kwalitattiv biss b’relazzjoni mal-karatteristiċi l-oħra taż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat. Konsegwentement, minħabba l-proliferazzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u s-sinjifikat ekonomiku tagħhom, kriterji oġġettivi għall-użu tagħhom għandhom jiġu stabbiliti sabiex tiġi introdotta ċ-ċarezza fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa.

(11) Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li oġġetti tal-ikel li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa ma jqarrqux bil-konsumaturi billi jenfasizzaw ir-reputazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mingħajr ma jispeċifikaw b’mod ċar il-kompożizzjoni reali tal-prodott. Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa u ċerti indikazzjonijiet speċifiċi għall-prodotti li jkunu jikkonsistu esklużivament minn taħlita ta’ żjut veġetali għandhom għalhekk ikunu jidhru b’mod ċar fuq it-tikketta. Barra minn hekk, għandu jingħata kont tad-dispożizzjonijiet speċjali mniżżla f’ċerti regolamenti speċifiċi għall-prodotti miż-żejt taż-żebbuġa.

(12) L-ismijiet tal-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa jikkorrispondu għal karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi li huma mniżżla fl-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal- 11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti [10]. L-indikazzjonijiet l-oħra kollha li jidhru fuq it-tikketta għandhom ikunu kkorroborati minn elementi oġġettivi sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa u li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq taż-żjut ikkonċernati.

(13) Fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ verifiki stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-evidenza li għandha tiġi pprovduta u l-penalitajiet finanzjarji inkorsi fil-każ tat-termini differenti li jistgħu jintużaw fuq it-tikketti. Mingħajr ma jiġu skartati xi possibiltajiet a priori, evidenza bħal dik tista’ tinkludi fatti stabbiliti, ir-riżultati ta’ analiżi jew reġistrazzjonijiet ta’ min jorbot fuqhom, u informazzjoni amministrattiva jew ta’ kontabilità.

(14) Billi l-verifiki fuq l-impriżi responsabbli għall-ittikkettar għandhom isiru fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, għandu jkun hemm proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fejn iż-żejt ikun għall-bejgħ fis-suq.

(15) Sabiex jiġu vvalutati l-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrapportaw dwar iċ-ċirkostanzi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

(16) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE u r-Regolament (KE) Nru 510/2006, dan ir-Regolament jistabbilixxi standards speċifiċi għall-marketing fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ imsemmija fil-punti 1(a) u (b), 3 u 6 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-istadju tal-"bejgħ bl-imnut" tfisser il-bejgħ lill-konsumatur finali taż-żejt kif imsemmi fil-paragrafu 1, ippreżentat fl-istat naturali tiegħu jew inkorporat f’oġġett tal-ikel.

Artikolu 2

Żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiġu ppreżentati lill-konsumatur finali f’pakkeġġjar ta’ kapaċità massima ta’ ħames litri. Ippakkeġġjar bħal dak għandu jkun iffittjat b’sistema ta’ ftuħ li ma tistax terġa’ tiġi ssiġillata wara li tinfetaħ l-ewwel darba u għandu jkun ittikkettat skont l-Artikoli 3 sa 6.

Madankollu, fil-każ ta’ żjut maħsuba għall-konsum f’ristoranti, sptarijiet, canteens u stabbilimenti kollettivi oħra simili, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw kapaċità massima li teċċedi l-ħames litri għall-ippakkeġġjar skont it-tip ta’ stabbiliment kkonċernat.

Artikolu 3

Deskrizzjonijiet skont l-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jitqiesu bħala l-isem li bih jinbiegħ il-prodott kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(1) tad-Direttiva 2000/13/KE.

It-tikkettar taż-żjut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkollu, b’ittri ċari u li ma jitħassrux, minbarra d-deskrizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, iżda mhux neċessarjament viċin tagħha, l-informazzjoni li ġejja dwar il-kategorija taż-żejt:

(a) żejt extra verġni taż-żebbuġa:

"żejt taż-żebbuġa ta’ kategorija superjuri miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi";

(b) żejt verġni taż-żebbuġa:

"żejt taż-żebbuġa miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi";

(c) żejt taż-żebbuġ magħmul minn żjut raffinati taż-żebbuġa u żjut verġni taż-żebbuġa:

"żejt magħmul esklużivament minn żjut taż-żebbuġa li jkunu għaddew minn proċess ta’ raffinar u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ";

(d) żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ:

"żejt magħmul esklużivament minn żjut miksuba bit-trattament tal-prodott miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ",

jew

"żejt magħmul esklużivament minn żjut miksuba bl-ipproċessar ta’ lbieba taż-żebbuġa u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ".

Artikolu 4

1. Żejt extra verġni u żejt verġni taż-żebbuġa kif definiti fil-punti 1(a) u (b) tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkollhom indikazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.

Il-prodotti definiti fil-punti 3 u 6 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandu jkollhom l-ebda indikazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament "indikazzjoni tal-oriġini" tfisser referenza għaż-żona ġeografika fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketta mwaħħla mal-ippakkeġġjar.

2. L-indikazzjonijiet tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu biss minn:

(a) fil-każ taż-żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, referenza għall-Istat Membru, jew għall-Unjoni jew għall-pajjiż terz, kif xieraq;

(b) fil-każ ta’ taħlitiet ta’ żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, waħda minn dawn it-tismijiet li ġejjin, kif xieraq:

(i) "taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea" jew referenza għall- Unjoni;

(ii) "taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa li ma joriġinawx mill-Unjoni Ewropea", jew referenza għal oriġini barra mill-Unjoni;

(iii) "taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea u li ma joriġinawx mill-Unjoni", jew referenza għal oriġini fl-Unjoni u għal oriġini barra mill-Unjoni, jew

(c) denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta msemmija fir-Regolament (KE) Nru 510/2006 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kkonċernat.

3. L-ismijiet ta’ brands jew ditti li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet saret mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 1998 taħt id-Direttiva 89/104/KEE jew mhux aktar tard mill- 31 ta’ Mejju 2002 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 [11] m’għandhomx jitqiesu li jkunu indikazzjonijiet tal-oriġini koperti b’dan ir-Regolament.

4. Fil-każ ta’ importazzjoni minn pajjiż terz, l-indikazzjoni tal-oriġini għandha tiġi stabbilita skont l-Artikoli 22 sa 26 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

5. L-indikazzjoni tal-oriġini li ssemmi Stat Membru jew l-Unjoni għandha tikkorrispondi għaż-żona ġeografika li fiha nqata’ ż-żebbuġ inkwistjoni jew li fiha kienet tinsab il-mitħna fejn kien estratt iż-żejt miż-żebbuġ.

Jekk iż-żebbuġ kien maqtugħ fi Stat Membru jew pajjiż terz ħlief għal dak li fih kienet tinsab il-mitħna li fiha ġie estratt iż-żejt miż-żebbuġ, l-indikazzjoni tal-oriġini għandu jkun fiha l-kliem li ġej: "żejt (extra) verġni taż-żebbuġa miksub (fl- Unjoni jew l-isem tal-Istat Membru jew il-pajjiż ikkonċernat) minn żebbuġ maqtugħ fl-(Unjoni jew l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż ikkonċernat)".

Artikolu 5

Fost l-indikazzjonijiet obbligatorji li jistgħu jidhru fuq it-tikketti taż-żejt kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), dawk stabbiliti b’dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rispettivi li ġejjin:

(a) l-indikazzjoni "l-ewwel tagħsir kiesaħ" tista’ tidher biss għal żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C mill-ewwel tagħsir mekkaniku tal-pasta taż-żebbuġ minn sistema tradizzjonali ta’ estrazzjoni bl-użu ta’ mgħasar idrawliċi;

(b) l-indikazzjoni "estrazzjoni kiesħa" tista’ tidher biss għal żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C permezz ta’ perkolazzjoni jew ċentrifugazzjoni tal-pasta taż-żebbuġ;

(c) indikazzjonijiet ta’ kwalitajiet organolettiċi marbuta ma’ togħma u/jew ma’ riħa jistgħu jidhru biss fil-każ taż-żjut extra verġni jew verġni taż-żebbuġa; it-termini msemmija fil-punt 3.3 tal-Anness XII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 jistgħu jidhru fuq it-tikketta biss jekk ikunu bbażati fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni li tkun saret permezz tal-metodu previst fl-imsemmi Anness;

(d) l-indikazzjoni tal-aċidità jew tal-aċidità massima tista’ tidher biss jekk tkun akkumpanjata b’indikazzjoni, b’ittri tal-istess daqs u fl-istess firxa viżwali, tal-valur tal-peroxide, il-kontenut ta’ xemgħa u l-assorbiment ultraviolet, stabbiliti skont ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

Prodotti mibjugħa taħt trade marks li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tkun saret mhux aktar tard mill- 1 ta’ Marzu 2008 u li fihom tal-anqas wieħed mit-termini msemmija fil-punt 3.3 tal-Anness XII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament sal- 1 ta’ Novembru 2012.

Artikolu 6

1. Fejn il-preżenza ta’ żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) f’taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa u żjut oħra veġetali tkun enfasizzata fuq it-tikketta f’banda’oħra li ma tkunx fil-lista tal-ingredjenti, bl-użu ta’ kliem, stampi jew grafika, it-taħlita kkonċernata għandha ġġorr id-deskrizzjoni kummerċjali li ġejja: "Taħlita ta’ żjut veġetali (jew l-ismijiet speċifiċi taż-żjut veġetali kkonċernati) u żejt taż-żebbuġa", direttament segwita bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa fit-taħlita.

Il-preżenza ta’ żejt taż-żebbuġa tista’ tiġi enfasizzata permezz ta’ stampi jew grafika fuq it-tikketta tat-taħlita kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu biss fejn tkun tirrappreżenta aktar minn 50 % tat-taħlita kkonċernata.

L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet ta’ żejt taż-żebbuġa u żjut veġetali oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-konsum intern. Madankollu, ma jistgħux jipprojbixxu l-marketing fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet bħal dawn minn pajjiżi oħra u ma jistgħux jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ tali taħlitiet għal marketing fi Stat Membru ieħor jew għall-esportazzjoni.

2. Ħlief għat-tonn fiż-żejt taż-żebbuġa msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 [12] u s-sardin fiż-żejt taż-żebbuġa msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 [13], meta bl-użu ta’ kliem, immaġnijiet jew grafiċi, tkun enfasizzata fuq it-tikketta l-preżenza ta’ żjut kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament f’oġġett tal-ikel, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’post ieħor minbarra fejn ikun hemm il-lista tal-ingredjenti, id-deskrizzjoni kummerċjali tal-oġġett tal-ikel għandha tkun segwita immedjatament bil-persentaġġ taż-żjut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament skont il-piż nett totali tal-oġġett tal-ikel.

Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż nett totali tal-oġġett tal-ikel jista’ jiġi sostitwit bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż totali ta’ xaħmijiet, billi jiżdied il-kliem "persentaġġ ta’ xaħmijiet".

3. Id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jistgħu jinbidlu bil-kliem "żejt taż-żebbuġa" fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Madankollu, meta jkun hemm il-preżenza tal-ilbieba taż-żebbuġ, il-kliem "żejt taż-żebbuġa" għandhom jinbidlu bil-kliem "żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ".

4. L-informazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 mhijiex meħtieġa fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Fuq talba tal-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, ta’ dak li jippakkja jew tal-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta, il-parti kkonċernata għandha tipprovdi dokumentazzjoni li ssostni l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, u 6, ibbażata fuq element wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) elementi fattwali jew fatti stabbiliti b’mod xjentifiku;

(b) ir-riżultati ta’ analiżi jew ir-reġistrazzjonijiet awtomatiċi meħuda fuq kampjuni rappreżentattivi;

(c) tagħrif amministrattiv jew ta’ kontabilità miżmum skont ir-regoli tal- Unjoni u/jew dawk nazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jippermetti tolleranza bejn l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 u li jidhru fuq it-tikketta, u l-konkluzjonijiet milħuqa abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn ippreżentata u/jew l-opinjonijiet komparattivi tal-esperti, waqt li jingħata kont tal-akkuratezza u r-"repetibilità" tal-metodi u tad-dokumentazzjoni kkonċernata, kif ukoll, fejn ikun applikabbli, l-akkuratezza u r-"repetibilità" tal-opinjonijiet komparattivi tal-esperti.

Artikolu 8

1. Kull Stat Membru għandu jibgħat l-isem u l-indirizz tal-korp jew korpi responsabbli għall-immonitorjar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lil kull parti interessata li hekk titlob.

2. L-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, ta’ dak li jippakkja jew tal-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta għandu, wara talba ghal verifika, jieħu kampjuni qabel l-aħħar tax-xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba u jivverifika l-verità tal-indikazzjonijiet fuq it-tikketta kkonċernata. Din it-talba tista’ tintbagħat minn:

(a) id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni;

(b) organizzazzjoni ta’ operaturi f’dak l-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 125 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(c) il-korp ta’ kontroll ta’ Stat Membru ieħor.

3. It-talbiet kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu akkumpanjati bit-tagħrif kollu meħtieġ għall-verifika mitluba, u b’mod partikolari:

(a) id-data tat-teħid tal-kampjun jew dik tax-xiri taż-żejt inkwistjoni;

(b) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-impriża fejn ikun ittieħed il-kampjun jew fejn kien inxtara ż-żejt ikkonċernat;

(c) in-numru tal-lottijiet ikkonċernati;

(d) kopja tat-tabelli kollha li jidhru fuq l-ippakkeġġjar taż-żejt ikkonċernat;

(e) ir-riżultati tal-analiżi jew tal-opinjonijiet komparattivi l-oħra tal-esperti li jindikaw il-metodi użati u l-isem u l-indirizz tal-laboratorju jew tal-espert ikkonċernat;

(f) fejn japplika, l-isem tal-persuna li tagħmel il-provvista taż-żejt inkwistjoni kif iddikjarat mill-istabbiliment li jqiegħdu fis-suq.

4. Qabel l-aħħar tat-tielet xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lil min jagħmel it-talba bin-numru tar-referenza allokat lilu u l-azzjoni meħuda.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk fir-rigward tas-sistema tal-penalitajiet biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda għal dak il-għan mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2002, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.

Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja għandhom jikkomunikaw lill-Kummisjoni l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2004, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.

Il-Bulgarija u r-Rumanija jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2010, u l-emendi għal dawk il-miżuri qabel it-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew adottati.

2. Għall-għan tal-verifika tal-indikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jintroduċu arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li l-faċilitajiet tal-ippakkjar tagħhom jinsabu fit-territorju tagħhom.

L-approvazzjoni għandha tingħata u identifikazzjoni alfanumerika tingħata lil kull stabbiliment li hekk jitlob li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikollu faċilitajiet tal-ippakkeġġjar;

(b) jintrabat li jiġbor u jżomm id-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa mill-Istat Membru skont l-Artikolu 7;

(c) ikollu sistema ta’ ħażna li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza taż-żjut li jkunu jġorru indikazzjoni ta’ oriġini, għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru kkonċernat.

It-tikketta għandha, fejn japplika, iġġorr l-identifikazzjoni alfanumerika tal-impjant approvat ta’ ppakkeġġjar.

Artikolu 10

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport li jkun fih it-tagħrif li ġej dwar is-sena ta’ qabel:

(a) talbiet għall-verifiki rċevuti skont l-Artikolu 8(2);

(b) il-verifiki magħmula u dawk mibdija fis-snin tas-suq ta’ qabel u li għadhom ma ġewx mitmuma;

(c) l-insegwiment tal-verifiki magħmula u l-penalitajiet applikati.

Ir-rapport għandu jippreżenta dan it-tagħrif skont is-sena li fiha tkun saret il-verifika u skont il-kategorija tal-ksur tal-liġi. Fejn huwa applikabbli, għandu jelenka xi diffikultajiet speċifiċi li wieħed ikun iltaqa’ magħhom u proposti għal titjib tal-kontrolli.

Artikolu 11

Ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 12

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Il-prodotti li jkunu ġew immanifatturati legalment u tikkettati fl- Unjoni jew importati legalment fl-Unjoni u jkunu tqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera qabel l- 1 ta’ Lulju 2012 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm il-ħażniet jintużaw kollha.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it- 13 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel Barroso

[1] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

[2] ĠU L 155, 14.6.2002, p. 27.

[3] Ara l-Anness I.

[4] ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

[5] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

[6] ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1.

[7] ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

[8] ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

[9] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[10] ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1.

[11] ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1.

[12] ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1.

[13] ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 (ĠU L 155, 14.6.2002, p. 27) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2002 (ĠU L 300, 5.11.2002, p. 3) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1176/2003 (ĠU L 164, 2.7.2003, p. 12) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 406/2004 (ĠU L 67, 5.3.2004, p. 10) | Artikolu 3 biss |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1750/2004 (ĠU L 312, 9.10.2004, p. 7) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1044/2006 (ĠU L 187, 8.7.2006, p. 20) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 632/2008 (ĠU L 173, 3.7.2008, p. 16) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1183/2008 (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 51) | |

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 182/2009 (ĠU L 63, 7.3.2009, p. 6) | |

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 596/2010 (ĠU L 173, 8.7.2010, p. 27) | |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1019/2002 | Dan ir-Regolament |

Artikoli 1 sa 8 | Artikoli 1 sa 8 |

Artikolu 9, paragrafu 1 | Artikolu 9, paragrafu 1 |

Artikolu 9, paragrafu 2 | Artikolu 9, paragrafu 2 |

Artikolu 9, paragrafu 3 | — |

Artikolu 10 | Artikolu 10 |

Artikolu 11 | — |

— | Article 11 |

Artikolu 12, paragrafu 1 | Artikolu 12, paragrafu 1 |

Artikolu 12, paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu | — |

Artikolu 12, paragrafu 2, it-tieni subparagrafu | — |

Artikolu 12, paragrafu 2, it-tielet subparagrafu | — |

Artikolu 12, paragrafu 2, ir-raba’ subparagrafu | — |

Artikolu 12, paragrafu 2, il-ħames subparagrafu | Artikolu 12, paragrafu 2 |

— | Anness I |

— | Anness II |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet