2012/283/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 24 ta’ April 2012 dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma
ĠU L 141, 31.5.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Deċiżjoni tal-Kunsill
tal- 24 ta’ April 2012
dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma
(2012/283/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Wara sensiela ta’ negozjati, fl- 14 ta’ Lulju 2011 il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma ("il-Grupp") qablu dwar it-test tal-emendi fil-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp.
(2) L-Unjoni hija parti mill-Grupp.
(3) Dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li kienu membri tal-Grupp ressqu avviżi formali ta’ rtirar u rtiraw mill-Grupp mill- 1 ta’ Lulju 2011.
(4) L-adozzjoni tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp hija indispensabbli sabiex ikunu kkonfermati l-Kwartieri Ġenerali l-ġodda tal-Grupp u sabiex isiru dispożizzjonijiet espliċiti dwar l-istatus tal-Unjoni ġewwa l-Grupp, kif ukoll biex jiġu allinjati mill-ġdid l-istruttura organizzattiva, il-kontribuzzjonijiet baġitarji u l-proċeduri deċiżjonali.
(5) L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp ġie awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/664/UE [1] li tipprevedi wkoll għall-applikazzjoni tagħhom fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom.
(6) Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp għandhom jiġu approvati,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma ("il-Grupp") huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.
It-testi tal-Kostituzzjoni u tar-Regoli ta’ Proċedura emendati ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [2].
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jagħżel il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jikkonfermaw bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp il-qbil tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati.
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Grupp kif stabbilit bl-Artikolu IX tal-Kostituzzjoni emendata.
L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l- 24 ta’ April 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
N. Wammen
[1] ĠU L 264, 8.10.2011, p. 12.
[2] ĠU L 264, 8.10.2011, p. 14.
--------------------------------------------------
| Fuq |