Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 410/2011 tas- 27 ta’ April 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
ĠU L 108, 28.4.2011, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 410/2011
tas- 27 ta’ April 2011
li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 42, il-punt numru 8 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,
Billi:
(1) Fis-sentenza li ngħatat fil-kawżi konġunti C-92/09 u C-93/09 [2] dwar l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni marbuta mal-benefiċjarji tal-fondi agrikoli Ewropej, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet illi l-pubblikazzjoni tad-dettalji personali dwar il-persuni fiżiċi, mingħajr ma ssir distinzjoni skont kriterji pertinenti, bħal ma huma l-perjodi ta’ żmien li tulhom irċivew tali għajnuniet, il-frekwenza jew ukoll it-tip u l-importanza ta’ dawn mhijiex proporzjonata. Ukoll, il-Qorti ddikjarat invalidi d-dispożizzjonijiet marbuta ma’ dan. Filwaqt li jiġi kkunsidrat l-interess tal-persuni fiżiċi li jkollhom id-dettalji personali dwarhom protetti, tajjeb li jkun stipulat li dan l-obbligu ma japplikax għall-persuni fiżiċi, biex b’hekk issir konċiljazzjoni tal-għanijiet differenti segwiti mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hekk kif previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 [3].
(2) Jeħtieġ għalhekk, għal raġunijiet ta’ trasparenza, li r-Regolament (KE) Nru 259/2008 jiġi emendat formalment f’dan is-sens sakemm jiġu adottati regoli ġodda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jikkunsidraw l-oġġezzjonijiet espressi mill-Qorti.
(3) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 għar-Regolament (KE) Nru 259/2008 jiġi emendat kif ġej:
(1) Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) is-sentenza tal-bidu għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:
"1. Il-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 44a tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandha tinkludi t-tagħrif li ġej dwar il-benefiċjarji li jkunu persuni ġuridiċi:"
(b) il-punt (a) jitneħħa;
(c) il-punti (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:
"(b) l-isem legali sħiħ, hekk kif ġie rreġistrat, meta l-benefiċjarji jkunu persuni ġuridiċi li jkollhom personalità ġuridika awtonoma skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat;
(c) l-isem sħiħ tal-assoċjazzjoni kif ġie rreġistrat jew inkella rikonoxxut uffiċjalment meta l-benefiċjarji jkunu assoċjazzjonijiet ta’ persuni ġuridiċi li huma stess ma għandhomx personalità ġuridika;";
(2) Il-Paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
"2. Fil-każ tal-persuni ġuridiċi, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw tagħrif aktar iddettaljat minn kif stipulat fil-paragrafu 1.".
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is- 27 ta’ April 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel Barroso
[1] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.
[2] Sentenza tad- 9 ta’ Novembru 2010 fil-kawżi konġunti C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke GbR u Eifert/Land Hessen, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra.
[3] ĠU L 76, 19.3.2008, p. 28.
--------------------------------------------------
| Fuq |