Direttiva 2011/87/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Direttiva 2000/25/KE għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-istadji tal-emissjonijiet għal tratturi b’karreġġjata dejqa Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 301, 18.11.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Direttiva 2011/87/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas- 16 ta’ Novembru 2011
li temenda d-Direttiva 2000/25/KE għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-istadji tal-emissjonijiet għal tratturi b’karreġġjata dejqa
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja [2],
Billi:
(1) Id-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2000 dwar l-azzjoni li għandha tittieħed kontra l-emissjonijiet ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni għat-tmexxija intenzjonati biex iħaddmu tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija [3] tirregola l-emissjonijiet tal-egżost minn magni installati fit-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, bil-ħsieb li aktar jisalvagwardjaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Id-Direttiva 2000/25/KE pprovdiet li l-limiti tal-emissjonijiet applikabbli fl-2010 għall-approvazzjoni tat-tip tal-maġġoranza tal-magni bit-tqabbid bil-kompressjoni, imsejħa limiti tal- Istadju III A, kellhom jiġu sostitwiti bil-limiti aktar stretti tal-Istadju III B, li jidħlu fis-seħħ b’mod gradwali mill- 1 ta’ Jannar 2010 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip, u mill- 1 ta’ Jannar 2011 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq, għal dawk il-magni. L-Istadju IV, li jipprevedi limiti tal-emissjonijiet aktar stretti mill-Istadju III B, ser jidħol fis-seħħ b’mod gradwali mill- 1 ta’ Jannar 2013 fir-rigward tal- approvazzjoni tat-tip għal dawk il-magni u mill- 1 ta’ Jannar 2014 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq.
(2) Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2004/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva 97/68/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq [4] jipprovdi li l-Kummissjoni tikkonsidra t-teknoloġija disponibbli, inklużi l-beneficċji mqabbla mal-ispiża, bil-għan li tikkonferma valuri tal-limiti tal-Istadju III B u IV u l-evalwazzjoni tal-ħtieġa possibbli għal flessibbiltà addizzjonali, eżenzjonijiet jew dati ta’ introduzzjoni aktar tard għal ċerti tipi ta’ apparat jew magni waqt li tittieħed konsiderazzjoni ta’ magni installati fil-makkinarju mobbli mhux tat-triq użati f’apparati staġjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2000/25/KE jipprovdi għal klawżola ta’ reviżjoni sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tratturi fil-kategoriji T2, T4.1 u C.2.
(3) Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5] kienet is-suġġett ta’ studji tekniċi diversi. Bħala riżultat ta’ dawk l-istudji tekniċi li twettqu fl-2007, fl-2009 u fl-2010 u kkonfermat mill-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni, kien ġie stabbilit li mhux teknikament vijabbli għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-Istadji III B u IV sad-dati previsti f’dik id-Direttiva.
(4) Sabiex jiġi evitat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistipula ħtiġijiet tekniċi li għadhom ma jistgħux jiġu milħuqa u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha t-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 ma jkunux jistgħu jiksbu aktar l-approvazzjoni tat-tip u jitqiegħdu fis-suq jew fis-servizz, hu meħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, li fih tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 ikunu xorta jistgħu jiksbu l-approvazzjoni tat-tip u jitqiegħdu fis-suq jew fis-servizz.
(5) Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi għal teknoloġiji konformi mal-Istadju IV.
(6) Għalhekk, id-Direttiva 2000/25/KE għandha tiġi emendata kif inhu meħtieġ,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2000/25/KE
Fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/25/KE, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:
"9. Permezz ta’ deroga, id-dati mniżżla fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3 għandhom, għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2, kif definiti rispettivament fit-tieni inċiż tal-punt A.1 tal-Kapitolu A, fil-punt 1.1 tal-Parti I tal-Appendiċi I tal-Kapitolu B u fil-punt A.2 tal-Kapitolu A tal-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE u mgħammra b’magni tal-kategoriji minn L sa R, għandhom jiġu posposti għal tliet snin. Sa dawn id-dati, għandhom ikomplu japplikaw il-ħtiġijiet tal-Istadju III A f’din id-Direttiva.".
Artikolu 2
Disponibbilta’ ta’ teknoloġija kompatibbli
Il-Kummissjoni għandha, sal- 31 ta’ Diċembru 2014, tikkunsidra liema teknoloġija hija disponibbli li hi kapaċi tilħaq ir-rekwiżiti tal-Istadju IV u li hi kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-kategoriji T2, T4.1 u C2, u tippreżenta, fejn xieraq, proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 3
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mid- 9 ta’ Diċembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza trid issir.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is- 16 ta’ Novembru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. Buzek
Għall-Kunsill
Il-President
W. Szczuka
[1] ĠU C 132, 3.5.2011, p. 53.
[2] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Novembru 2011.
[3] ĠU L 173, 12.7.2000, p. 1.
[4] ĠU L 146, 30.4.2004, p. 1.
[5] ĠU L 59, 27.2.1998, p.1.
--------------------------------------------------
| Fuq |