Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal- 14 ta’ Settembru 2011
dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja [2],
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 147(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ impjieg billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u billi ssostni u, jekk ikun meħtieġ, tikkomplementa l-azzjoni tagħhom.
(2) Skont l-Artikolu 153(1) tat-TFUE, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijet tax-xogħol, l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, u tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.
(3) Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha, inter alia, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
(4) L-Artikolu 174 tat-TFUE jirrikonoxxi li ċerti reġjuni tal-Unjoni jbatu minn żbilanċi demografiċi severi u permanenti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal-livell tagħhom ta’ żvilupp u jeżiġu attenzjoni partikolari biex jinkiseb l-għan ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
(5) Skont l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-anzjani għal ħajja ta’ dinjità u indipendenza u għal parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali.
(6) It-tixjiħ huwa mingħajr dubbju sfida għas-soċjetà kollha kemm hi u għall-ġenerazzjonijiet kollha fl-Ewropa, u huwa wkoll fattur relattiv għas-solidarjetà interġenerazzjonali u għall-familja.
(7) Il-parti tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea magħmula minn persuni b'età li toqrob lejn is-sittin sena u iktar se tiżdied b'rata ħafna aktar mgħaġġla minn qatt qabel. Din hija ħaġa pożittiva ħafna billi hija konsegwenza loġika tat-titjib fil-kura tas-saħħa u fil-kwalità tal-għajxien. Madankollu, minħabba din il-bidla demografika, l-Unjoni qed tiffaċċa numru ta’ sfidi.
(8) Kunsilli Ewropej suċċessivi rrikonoxxew il-ħtieġa li jittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-mudelli soċjali Ewropej. Risposta prinċipali għal din il-bidla f'qasir żmien fl-istruttura tal-etajiet tikkonsisti fil-promozzjoni tal-ħolqien ta’ kultura tat-tixjiħ attiv bħala proċess tul il-ħajja kollha u b'dan il-mod ikun żgurat li l-popolazzjoni li qed tikbar malajr magħmula minn persuni b'età li toqrob lejn is-sittin sena u iktar, li huma, b'mod ġenerali, aktar f'saħħithom u b'livell ta’ edukazzjoni ogħla minn kwalunkwe tali grupp ta’ età ta’ qabilhom, ikollhom opportunitajiet tajbin għal impjieg u parteċipazzjoni attiva fil-ħajja soċjali u tal-familja, anke permezz tax-xogħol volontarju, it-tagħlim tul il-ħajja, l-espressjoni kulturali u l-isport.
(9) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis it-tixjiħ attiv bħala l-proċess li fih isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-saħħa, tal-parteċipazzjoni u tas-sigurtà sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni fil-proċess tat-tixjiħ. It-tixjiħ attiv jagħmilha possibbli li n-nies jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom għall-benessri fiżiku, soċjali u mentali matul ħajjithom u jipparteċipaw fis-soċjetà, filwaqt li jipprovdilhom protezzjoni, sikurezza u kura adegwati meta jkollhom bżonnhom. Konsegwentement, il-promozzjoni tat-tixjiħ attiv tirrikjedi approċċ ta’ natura multidimensjonali, u appartenenza u appoġġ dewwiem fost il-ġenerazzjonijiet kollha.
(10) Is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) għandha tibni fuq il-wirt tas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) u tas-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011), u, għalhekk, għandhom ikunu sostnuti s-sinerġiji bejn dawk is-Snin Ewropej u s-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) ("is-Sena Ewropea").
(11) Il-proporzjon dejjem akbar ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien fl-Ewropa u ż-żieda fil-kundizzjonijiet tas-saħħa kroniċi jagħmluha dejjem aktar importanti li jiġi promoss it-tixjiħ f'saħħtu tal-persuni kollha, u partikolarment tal-persuni iktar anzjani, filwaqt li jiġu appoġġati l-vitalità u d-dinjità tagħhom billi, inter alia, ikunu żgurati l-aċċess għal kura tas-saħħa xierqa u ta’ kwalità għolja, kura fit-tul u servizzi soċjali u żvilupp ta’ inizjattivi li jippromwovu l-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa assoċjati mat-tixjiħ. It-tixjiħ f'saħħtu jista' jikkontribwixxi biex tikber il-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien fis-suq tax-xogħol, biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom bħala individwi u biex jillimitaw il-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa, tal-kura soċjali u tal-pensjonijiet.
(12) Il-Kummissjoni preżentat il-fehmiet tagħha dwar l-isfidi demografiċi li qed tiffaċċa l-Unjoni u dwar l-opportunitajiet sabiex dawn jiġu ttrattati fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar "Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa – il-bidla ta’ sfida f'opportunità" tat- 12 ta’ Ottubru 2006, dwar "Il-promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet" tal- 10 ta’ Mejju 2007 u dwar "Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Rapport dwar it-Tixjiħ, 2009)" tad- 29 ta’ April 2009.
(13) Id-diversità tal-ġenerazzjonijiet aktar anzjani fl-Ewropa se tkompli tiżdied aktar. Jeħtieġ, għaldaqstant, li jkunu promossi b'mod attiv opportunitajiet ugwali u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni. Ċittadini attivi minn sfondi differenti għandhom funzjonijiet importanti ta’ tgħaqqid fis-soċjetà, jinkoraġġixxu l-integrazzjoni u jikkontribwixxu għall-ekonomija.
(14) Fit- 22 ta’ Frar 2007 l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottaw Riżoluzzjoni dwar "L-Opportunitajiet u sfidi tal-bidla demografika fl-Ewropa: il-kontribut ta’ persuni aktar avvanzati fl-età għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali", li enfasizzat kemm il-ħtieġa li jikbru l-possibbiltajiet għall-parteċipazzjoni attiva min-naħa ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien, inkluż f'forma ta’ xogħol volontarju, kif ukoll l-opportunitajiet ekonomiċi ġodda ("l-ekonomija tal-fidda") iġġenerati mit-talba dejjem tikber min-naħa tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien għal ċerti prodotti u servizzi, kif ukoll l-importanza ta’ idea pubblika pożittiva tal-persuni f'età aktar avvanzata.
(15) Fit- 8 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet dwar "Opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel: tixjiħ attiv u dinjituż", li jirrikonoxxu li fl-Unjoni l-irġiel u n-nisa f'età aktar avvanzata għandhom quddiem wiċċhom sfidi serji filwaqt li jippruvaw jgħixu ħajja attiva u jixjieħu b'dinjità, u jipproponu għadd ta’ miżuri għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni inkluż il-promozzjoni ta’ poltiki ta’ tixjiħ attiv, waqt li jieħdu inkonsiderazzjoni sitwazzjonijiet differenti fil-varji Stati Membri u l-isfidi differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-irġiel.
(16) Il-Kunsill adotta, fit- 30 ta’ Novembru 2009, il-Konklużjonijiet dwar "Tixjiħ f'saħħtu u dinjituż", fejn stieden lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, "biex tiżviluppa attivitajiet biex tikber il-kuxjenza u biex jiġi promoss it-tixjiħ attiv, inkluża l-possibbiltà ta’ Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet fl-2012".
(17) Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" tat- 3 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-Unjoni Ewropea li tippromwovi popolazzjoni li tixjieħ b'mod f'saħħitha u attiva fl-interessi tal-koeżjoni soċjali u ta’ produttività ogħla. Fit- 23 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat, bħala parti mill-istrateġija tal-Ewropa għall-2020, inizjattiva ewlenija intitolata "Aġenda għal ħiliet ġodda u impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi", li taħtha l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jippromwovu politika ta’ tixjiħ attiv. Fis- 16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat ukoll inizjattiva ewlenija dwar "Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali". Biex jinkisbu dawn l-għanijiet ta’ politika tinħtieġ azzjoni mil-livelli kollha ta’ gvern u bosta partijiet interessati mhux governattivi; dawk l-għanijiet konsegwentement jistgħu jkunu sostnuti, fil-livell tal-Unjoni, bl-attivitajiet tas-Sena Ewropea li mmiraw li jkabbru l-kuxjenza u li jippromwovu l-iskambju ta’ prattika tajba. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jaraw li jkunu koordinati l-azzjonijiet nazzjonali u li jkunu konsistenti mal-għanijiet tas-Sena Ewropea. Għandha tkun ippjanata wkoll il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet u partijiet interessati oħrajn.
(18) Il-Kunsill adotta, fis- 7 ta'Ġunju 2010, il-Konklużjonijiet dwar "It-Tixjiħ Attiv" filwaqt li stieden il-Kummissjoni "biex tkompli tħejji Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv fl-2012, li matulha jistgħu jiġu enfasizzati l-benefiċċji tat-tixjiħ attiv u l-kontribuzzjoni ta’ dan għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jiġu pubbliċizzati dawk l-inizjattivi promettenti li jsostnu lit-tixjiħ attiv fil-livelli kollha".
(19) Il-Parlament Ewropew adotta, fil- 11 ta’ Novembru 2010, Riżoluzzjoni intitolata: "L-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet", li ssejjaħ lill-Istati Membri biex jagħmlu t-tixjiħ attiv waħda mill-prijoritajiet għas-snin li ġejjin. Ir-riżoluzzjoni enfasizzat ukoll li s-Sena Ewropea għandha, b'mod partikolari, tenfasizza l-kontribut li l-persuni mdaħħlin fiż-żmien jagħtu lis-soċjetà u tipprovdi l-opportunitajiet biex jitħeġġu s-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-fehim bejn il-ġenerazzjonijiet u biex persuni żgħar u kbar jaħdmu flimkien.
(20) L-opinjonijiet imfassla mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni enfasizzaw ukoll l-importanza tat-tixjiħ attiv għall-Ewropa billi jenfasizzaw inter alia l-valur tal-kura tas-saħħa transġenerazzjonali.
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal- 21 ta’ Ottubru 2010 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar ix-xogħol tal-Istati Membri [3] issejjaħ, taħt il-Linji gwida 7 u 8, lill-Istati Membri sabiex iżidu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol permezz ta’ linji politiċi li jippromwovu t-tixjiħ attiv, li jgħollu r-rati tal-impjiegi ta’ ħaddiema ikbar fl-età permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol u biex iżidu l-kapaċità għall-impjieg ta’ ħaddiema ikbar fl-età billi dawn jakkwistaw ħiliet ta’ livell ogħla u jieħdu sehem fi skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-linja gwida 10 tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sistemi ta’ ħarsien soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-linji politiċi dwar l-inklużjoni soċjali bil-għan li jinħolqu opportunitajiet fi stadji differenti tal-ħajja tal-persuna, biex jitħarsu mir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà.
(22) Fil-Komunikazzjoni tagħha "Aġenda Diġitali għall-Ewropa", l-ewwel inizjattiva ewlenija Ewropa 2020, adottata fid- 19 ta'Mejju 2010, il-Kummissjoni saħqet dwar l-importanza tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi, bit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għal tixjiħ tajjeb, u b'mod partikolari pproponiet ir-rinfurzar tal-Programm Konġunt Ambient Assisted Living (AAL). L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa rrakkomandat ukoll li tittieħed azzjoni kkoordinata biex jikbru l-kompetenzi diġitali tal-Ewropej kollha, inklużi l-persuni mdaħħlin fiż-żmien, grupp li huwa rrappreżentat iż-żejjed fost dawk il-150 miljun ċittadin, jew madwar 30 % tan-numru totali taċ-ċittadini, li qatt ma użaw l-internet. Il-faċilitazzjoni tal-aċċess u l-għoti ta’ taħriġ fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda jtejbu iktar l-opportunitajiet għall-persuni akbar fl-età.
(23) Fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Ewropa 2020, il-Kummissjoni pproponiet t-tnedija ta’ Sħubija għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f'Saħħtu fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni". Is-Sħubija għal Innovazjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f'Saħħtu tfittex ukoll biex tiffaċilita ħajja indipendenti u b'saħħa tajba għal tul ta’ żmien itwal għaċ-ċittadini kif ukoll żieda b'żewġ snin f'saħħithom sal-2020.
(24) Il-Kummissjoni qed timplimenta l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010–2020 li, minħabba r-rabta frekewenti li hemm bejn id-diżabbiltà u t-tixjiħ, tinkludi azzjonijiet rilevanti għal nies imdaħħlin fiż-żmien. B'mod partikolari huma rilevanti azzjonijiet dwar l-aċċessibbiltà li jsegwu approċċi tat-tip "Design for all". L-azzjonijiet li jappoġġaw ħajja indipendenti u inklużjoni fil-komunità huma rilevanti, inklużi dawk diretti lejn persuni mdaħħla fiż-żmien li għandhom diżabbiltajiet li għandhom bżonn ta’ livell għoli ta’ appoġġ, li għandhom bżonnijiet kumplessi u li huma partikolarment vulnerabbli u suxxettibbli għall-esklużjoni soċjali. Barra minn dan, l-Unjoni u l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà li tinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li huma rilevanti għall-persuni mdaħħlin fiż-żmien.
(25) Il-Jum Ewropew għas-Solidarjetà Interġenerazzjonali jiġi ċċelebrat kull sena fid-29 ta’ April. Kull sena, din il-ġurnata tipprovdi opportunità tajba għall-Unjoni biex iġġedded l-impenn tagħha għat-tisħiħ tas-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet sabiex tiġi promossa soċjetà ġusta u sostenibbli.
(26) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju li għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja għall-awtorità baġitarja fi ħdan it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba [4].
(27) It-tixjiħ attiv ukoll jinsab fil-mira ta’ bosta fondi, programmi u pjanijiet ta’ azzjoni tal-Unjoni bħall-Fond Soċjali Ewropew [5], il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali [6], il-Programm Progress [7], il-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja [8] u, b'mod partikolari, il-Programm Grundtvig tiegħu, il-Programm tas-Saħħa [9], il-programmi speċifiċi dwar l-ICTs u dwar ix-xjenzi soċjoekonomiċi u x-xjenzi umanistiċi fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp [10], il-Pjan ta’ Azzjoni dwar "It-tixjiħ tajjeb fis-soċjetà tal-informatika", il-Programm Konġunt AAL [11], il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni [12] bi proġetti esperimentali prattiċi dwar l-ICT għat-Tixjiħ Tajjeb, l-Azzjoni Preparatorja Calypso dwar it-Turiżmu Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobbiltà urbana.
(28) Sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni ta’ sensiela diversifikata ta’ organizzazzjonijiet, għandhom ikunu faċilitati, kemm jista' jkun, avvenimenti u operazzjonijiet fuq skala iżgħar matul is-Sena Ewropea.
(29) Il-parteċipazzjoni ta’ netwerks rilevanti fil-livell tal-Unjoni fis-Sena Ewropea għandha titħeġġeġ u tiġi appoġġata b'riżorsi adegwati.
(30) Ladarba l-għanijiet tas-Sena Ewropea ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-bżonn ta’ skambju transnazzjonali ta’ informazzjoni u d-disseminazzjoni madwar l-Unjoni kollha ta’ prattika tajba, u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mall-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Is-sena 2012 għandha tiġi indikata bħala s-"Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet" ("is-Sena Ewropea"). Din għandha tippromwovi l-vitalità u d-dinjità ta’ kulħadd.
Artikolu 2
Għanijiet
L-għan ġenerali tas-Sena Ewropea għandu jkun li l-faċilitazzjoni tal-ħolqien ta’ kultura ta’ tixjiħ attiv fl-Ewropa fuq il-bażi ta’ soċjetà għall-etajiet kollha. F'dan il-qafas, is-Sena Ewropea għandha sservi ta’ inkoraġġiment u ta’ sostenn għall-isforzi tal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozjanti, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jiġi promoss it-tixjiħ attiv u biex isir iktar biex ikun mobilizzat il-potenzjal tal-popolazzjoni ta’ dawk b'età li toqrob lejn is-sittin sena u iktar. B'dan, din se ssaħħaħ is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, b'kont meħud tad-diversità u tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-promozzjoni tat-tixjiħ attiv tfisser li jinħolqu opportunitajiet aħjar biex b'hekk nisa u rġiel ikbar fl-età jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jkun kumbattut il-faqar, partikolarment fost in-nisa, u l-esklużjoni soċjali, li jitħeġġeġ il-volontarjat u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-familja u fis-soċjetà, u jiġi inkoraġġit it-tixjiħ f'saħħtu b'dinjità. Dan jinvolvi, inter alia, l-adattament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-ġlieda kontra l-isterjotipi negattivi dwar l-età u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, it-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-adattament tas-sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-ħtiġijiet ta’ forza tax-xogħol li qed tixjiħ u jkun żgurat li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jkunu adegwati u jipprovdu l-inċentivi adatti.
Fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu, l-għanijiet tas-Sena Ewropea għandhom ikunu:
(a) li titqajjem kuxjenza ġenerali dwar il-valur tat-tixjiħ attiv u d-diversi dimensjonijiet tiegħu u li jkun żgurat li dan jingħata pożizzjoni prominenti fuq l-aġendi politiċi tal-partijiet interessati fil-livelli kollha sabiex ikun enfasizzat il-kontribut utli li jagħmlu l-persuni mdaħħlin fiż-żmien lis-soċjetà u lill-ekonomija, jiżdied l-apprezzament tiegħu, jiġi promoss it-tixjiħ attiv, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-vitalità u d-dinjità tal-persuni kollha, u jsir aktar biex ikun mobilizzat il-potenzjal tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, u jkun possibbli għalihom li jkollhom ħajja indipendenti;
(b) li jiġi stimulat dibattitu, isir skambju ta’ informazzjoni u jiġi żviluppat tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati fil-livelli kollha sabiex jiġu promossi l-linji politiċi dwar it-tixjiħ attiv, tiġi identifikata u mifruxa prattika tajba u jkunu inkoraġġiti l-koperazzjoni u s-sinerġiji;
(с) li jiġi offrut qafas għall-impenn u għall-azzjoni konkreta li jippermetti lill-Unjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fil-livelli kollha, bl-involviment qawwi tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u n-negozji u b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-istrateġiji ta’ informazzjoni, jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi, linji politiċi u strateġiji għal terminu ta’ żmien twil, inklużi strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tal-età relatati mal-impjieg u x-xogħol, permezz ta’ attivitajiet speċifiċi u li jiġu segwiti l-għanijiet speċifiċi relatati mat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali;
(d) li jiġu promossi attivitajiet li jgħinu biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, jingħelbu l-istereotipi relatati mal-età u jitneħħew l-ostakli, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità għall-impjieg.
Artikolu 3
Il-kontenut tal-miżuri
1. Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jinkisbu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin fil-livell tal-Unjoni, fil-livell nazzjonali, fil-livell reġjonali jew lokali:
(a) konferenzi, avvenimenti u inizjattivi, bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati rilevanti kollha li jippromwovu d-dibattitu, sabiex iqajmu kuxjenza u jinkoraġġixxu l-impenn lejn għanijiet speċifiċi li jikkontribwixxu għal impatti sostenibbli u dewwiema;
(b) informazzjoni, promozzjoni u kampanji promozzjonali bl-użu tal-multimedia;
(с) skambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prattika tajba permezz, inter alia, tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni u ta’ netwerks ta’ partijiet interessati li jaħdmu biex jiksbu l-għanijiet tas-Sena Ewropea;
(d) riċerka u stħarriġ fuq l-iskala tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali, u t-tixrid tar-riżultati, li jiffokaw fuq l-impatt ekonomiku u soċjali tal-politika tat-tixjiħ attiv u dawk favur it-tixjiħ attiv.
2. Fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tingħata attenzjoni lill-involviment tal-ġenerazzjonijiet kollha fix-xogħol lejn l-għanijiet tas-Sena Ewropea, b'mod partikolari billi jitfittex li jiġi żviluppat approċċ inklużiv u billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-persuni li qed jixjieħu u ta’ min hu aktar żagħżugħ f'inizjattivi komuni.
3. Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħrajn li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-Sena Ewropea u jistgħu jippermettu li l-isem tas-Sena Ewropea jintuża fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet sakemm dawn ikunu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.
4. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneri fl-attivitajiet kollha tagħhom f'konnessjoni mal-organizzazzjoni tas-Sena Ewropea.
5. Il-Kummissjoni għandha tqis il-potenzjal ta’ attivitajiet transkonfinarji li jsiru fil-livell reġjonali jew lokali biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.
6. Għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha tas-Sena Ewropea li huma indirizzati lill-pubbliku akbar ikunu aċċessibbli faċilment għal kulħadd, inklużi persuni b'diżabbiltajiet.
Artikolu 4
Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea u għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dik il-ħatra.
2. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jaraw ukoll li l-attivitajiet nazzjonali tas-Sena Ewropea jkunu kkoordinati tajjeb u jistgħu wkoll jippromwovu u jiffaċilitaw attivitajiet lokali u reġjonali f'dan il-kuntest. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jippromwovu wkoll l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha inkluża s-soċjetà ċivili, fl-attivitajiet tas-Sena Ewropea.
3. Sal- 25 ta’ Novembru 2011, l-Istati Membri huma mistiedna jinformaw lill-Kummissjoni bil-programm ta’ ħidma tagħhom, li għandu jinkludi d-dettalji dwar l-attivitajiet nazzjonali ppjanati taħt is-Sena Ewropea.
Artikolu 5
Il-pajjiżi parteċipanti
Il-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea għandha tkun miftuħa għal:
(a) l-Istati Membri;
(b) il-pajjiżi kandidati;
(с) il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u
(d) l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li huma Partijiet għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.
Artikolu 6
Il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta s-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex ikun hemm il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni kif ukoll skambju tal-informazzjoni u konoxxenza, anke dwar impenji possibbli u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri.
3. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tappoġġa l-attivitajiet tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, anke billi tipproponi, fejn xieraq, toroq u għodod ġodda biex jinkisbu l-għanijiet tas-Sena Ewropea u l-evalwazzjoni tagħhom.
4. Il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandha wkoll tkun kwistjoni li jieħdu ħsiebha l-kumitati ta’ politika u l-gruppi konsultattivi eżistenti.
5. Il-Kummissjoni għandha wkoll issejjaħ laqgħat tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew korpi Ewropej li jaħdmu fil-qasam tat-tixjiħ attiv biex jgħinu fl-organizzazzjoni tas-Sena Ewropea.
6. It-tema tas-Sena Ewropea għandha ssir prijorità mill-Kummissjoni fl-attivitjiet tal-komunikazzjoni tar-rappreżentanzi tagħha fl-Istati Membri u min-netwerks ewlenin li huma rilevanti fil-livell tal-Unjoni u li jirċievu appoġġ mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-ispejjeż kurrenti tagħhom, fil-programmi ta’ ħidma tagħhom.
7. Il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni se jkunu assoċjati fl-attivitajiet tas-Sena Ewropea.
Artikolu 7
L-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju
1. L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), li jsiru fil-livell tal-Unjoni, jistgħu jwasslu għal kuntratt ta’ akkwist pubbliku ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. Fejn ikun il-każ, il-programmi u l-linji politiċi f'oqsma li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv, bħall-impjiegi, l-affarijiet soċjali u opportunitajiet indaqs, l-edukazzjoni u l-kultura, is-saħħa, ir-riċerka, is-soċjetà tal-informatika, il-politika reġjonali u dik tat-trasport, jistgħu jappoġġaw lis-Sena Ewropea skont ir-regoli applikabbli u fi ħdan il-possibbiltajiet eżistenti tagħhom għall-istabbiliment tal-prijoritajiet.
3. Appoġġ mhux finanzjarju jista' jingħata mill-Unjoni għal attivitajiet li jsiru minn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati skont l-Artikolu 3(3).
Artikolu 8
Il-baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ din id-Deċiżjoni, b’ mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għall-perjodu bejn l- 1 ta’ Jannar 2011 u l- 31 ta’ Diċembru 2012, għandu jkun ta’ EUR 5000000.
2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
Artikolu 9
Il-konsistenza
Il-Kummissjoni — flimkien mal-Istati Membri — għandha tiżgura li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jkunu konsistenti ma’ kull skema jew inizjattiva tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali li tgħin biex jinkisbu l-għanijiet tas-Sena Ewropea.
Artikolu 10
Il-kooperazzjoni internazzjonali
Għall-finijiet tas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni tista' tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li tiżgura l-viżibbiltà tal-isforzi tal-Unjoni fil-promozzjoni tat-tixjiħ attiv.
Artikolu 11
L-evalwazzjoni
1. Sat- 30 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jinkludi l-valutazzjoni kumplessiva tal-azzjonijiet previsti minn din id-Deċiżjoni b’ dettalji dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati sabiex dan iservi ta’ bażi għal linji politiċi, miżuri u azzjonijiet futuri tal-Unjoni f'dan il-qasam.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif l-ugwaljanza bejn is-sessi ġiet integrata fl-attivitajiet tas-Sena Ewropa u kif ġiet żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltajiet għal dawk l-attivitajiet.
3. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jenfasizza wkoll kif is-Sena Ewropea pproduċiet effetti dewwiema għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv fl-Unjoni kollha.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 13
Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, l- 14 ta’ Settembru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. Buzek
Għall-Kunsill
Il-President
M. Dowgielewicz
[1] ĠU C 51, 17.2.2011, p.55.
[2] Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Lulju 2011 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Lulju 2011
[3] ĠU L 308, 24.11.2010, p.46.
[4] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
[5] Regolament (KE) NRU 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12).
[6] Regolament (KE) NRU 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1).
[7] Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — Progress (ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1).
[8] Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45).
[9] Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarju fil-qasam tas-saħħa (2008–2013) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3).
[10] Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).
[11] Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta’ l-użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Ġodda (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 49).
[12] Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007–2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).
--------------------------------------------------
| Fuq |