Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom
ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
HR.ES Chapter 05 Volume 002 P. 261 - 263
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal- 24 ta’ Novembru 2010
li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],
Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja [2],
Billi:
(1) Il-Parlament Ewropew [3], il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [4] sejħu għal integrazzjoni aħjar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri billi jingħatalhom sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ jkun simili dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni.
(2) Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal- 1 ta’ Diċembru 2005 saħaq li l-Unjoni għandha tiżgura trattament ġust lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li għandha tkun immirata politika ta’ integrazzjoni aktar enerġetika sabiex jingħatawlhom drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 [5] estenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kinux diġà koperti b’dawn id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.
(4) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment l-Artikolu 34(2) tagħha.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali [6] jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 [7] jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 574/72. Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 għandhom jitħassru b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 jaġġornaw u jissimplifikaw b’mod sinifikanti r-regoli ta’ koordinazzjoni għal persuni assigurati kif ukoll għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għal dawn tal-aħħar, r-regoli ta’ koordinazzjoni aġġornati jimmiraw lejn it-tħaffif u l-faċilitazzjoni tal-ipproċessar tad-data dwar id-drittijiet tal-persuni assigurati għal benefiċċji u lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi korrispondenti.
(7) Il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u t-titjib tal-istandard tal-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja fl-Istati Membri huma obbjettivi tal-Unjoni.
(8) Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn min iħaddem u l-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkollhom jitrattaw sitwazzjonijiet legali u amministrattivi kumplessi li jikkonċernaw biss grupp limitat ta’ persuni, huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali permezz tal-użu ta’ strument legali uniku ta’ koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009.
(9) Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi adottat strument legali li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 859/2003 bl-għan bażiku li jissostitwixxi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 flok ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 rispettivament.
(10) L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom ma għandha tagħtihom ebda dritt għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru jew li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirrifjuta li jagħti, jirtira jew jirrifjuta li jġedded permess għad-dħul, għas-soġġorn, għar-residenza jew għax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, skont il-liġi tal-Unjoni.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom ikunu, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, applikabbli biss sa fejn il-persuna kkonċernata tkun diġà residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, ir-residenza legali għandha tkun prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 ma għandhomx japplikaw f’sitwazzjoni li hija limitata, fl-aspetti kollha, għal Stat Membru wieħed. Dan huwa l-każ, fost l-oħrajn, fis-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu rabtiet biss ma’ pajjiż terz u ma’ Stat Membru wieħed.
(13) Il-kondizzjoni li wieħed ikun residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandhiex taffettwa d-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jikkonċernaw il-pensjonijiet tal-invalidità, tal-età jew ta’ superstiti, f’isem Stat Membru wieħed jew aktar, għal ċittadin ta’ pajjiż terz li preċedentement ikun issodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew is-superstiti ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, sa fejn huma jieħdu d-drittijiet tagħhom minn ħaddiem, meta jkun residenti f’pajjiż terz.
(14) Id-dritt kontinwat għall-benefiċċju tal-qgħad, kif stabbilit fl-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, huwa suġġett għall-kondizzjoni tar-reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impiegi ta’ kull Stat Membru li daħlet fih. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk japplikaw biss għal ċittadin ta’ pajjiż terz kemm-il darba dak l-individwu jkollu d-dritt, skont il-każ taħt il-permess tar-residenza tiegħu jew taħt l-istatus ta’ residenza għal perijodu fit-tul tiegħu, li jirreġistra bħala persuna li tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impjiegi tal-Istat Membru li daħal fih u sakemm ikollu d-dritt li jaħdem hemm legalment.
(15) Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li għalihom l-Unjoni hija Parti u li jagħtu benefiċċji f’termini ta’ sigurtà soċjali.
(16) Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba s-sitwazzjonijiet transkonfinali involuti u għalhekk, minħabba l-iskala madwar l-Unjoni tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell ta’ Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.
(17) Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra datata l- 24 ta’ Ottubru 2007, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(18) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih u lanqas ma hu suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.
(19) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed.
Artikolu 2
Ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 huwa b’dan imħassar bejn l-Istati Membri li huma marbutin b’dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, l- 24 ta’ Novembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. Buzek
Għall-Kunsill
Il-President
O. Chastel
[1] ĠU C 151, 17.6.2008, p. 50.
[2] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Lulju 2008 (ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 259) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas- 26 ta’ Lulju 2010 (ĠU C 253 E, 21.9.2010, p. 1), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
[3] Risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta’ Ottubru 1999 dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere (ĠU C 154, 5.6.2000, p. 63).
[4] Opinjoni tal-KESE tas- 26 ta’ Settembru 1991 dwar l-istatus ta’ ħaddiema migranti minn pajjiżi terzi (ĠU C 339, 31.12.1991, p. 82).
[5] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.
[6] ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
[7] ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
--------------------------------------------------
| Fuq |