32010R1013


Titolu u referenza

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010 tal- 10 ta’ Novembru 2010 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002

 ĠU L 293, 11.11.2010, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010

tal- 10 ta’ Novembru 2010

li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002

(kodifikazzjoni)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal- 20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 11(7), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 tat- 12 ta’ Awwissu 2003 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 [2] ġie emendat kemm-il darba [3] b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2) L-aġġustament tal-kapaċità għas-sajd tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni għandu jkun monitorjat sew biex ikun imqabbel mar-riżorsi disponibbli. Għal dak il-għan, il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jippreskrivi numru ta’ miżuri speċifiċi.

(3) Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 mill-Istati Membri, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri rilevanti kollha dwar il-maniġġjar tal-kapaċità tal-flotta, f’termini ta’ tunnellaġġ (GT) u potenza (kW), previsti f’dak ir-Regolament kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas- 17 ta’ Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd [4]. Dan ir-Regolament irid jieħu inkunsiderazzjoni l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fl- 1 ta’ Mejju 2004 u tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl- 1 ta’ Jannar 2007.

(4) Livelli ta’ referenza għall-kapaċità tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti fl- 1 ta’ Jannar 2003 għall-flotta ta’ kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, bl-eċċezzjoni tal-flotot tagħhom reġistrati fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod.

(5) L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 jippermetti lill-Istati Membri jibnu mill-ġdid 4 % tal-medja annwali ta’ tunnellaġġ skreppjat b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 u 4 % tat-tunnellaġġ skreppjat bl-għajnuna pubblika mill- 1 ta’ Jannar 2007.

(6) L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit, kif attwalment stipulat fl-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas- 27 ta’ Lulju 2006 fuq il-Fond Ewropew għas-Sajd [5], li l-potenza ta’ magna li tkun ġiet mibdula b’għajnuna pubblika titnaqqas b’mill-anqas 20 %, għajr fil-każ ta’ bdil ta’ magni li jintużaw f’sajd kostali fuq skala żgħira kif definit f’dak ir-Regolament.

(7) Hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-aġġustament tal-livelli ta’ referenza biex jitqiesu l-Artikolu 11(4), (5) u (6), u, għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u tal-kejl mill-ġdid tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni. Wara li jiġu mkejla l-bastimenti tas-sajd kollha, l-applikazzjoni tar-regola ta’ aġġustament għandha tinżamm għall-applikazzjoni stretta tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ f’termini ta’ tunnellaġġ.

(8) Talbiet mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti A mibgħuta lill-Kummissjoni qabel il- 31 ta’ Diċembru 2002 biex iżidu l-objettivi tagħhom fir-Raba’ Programm ta’ Gwida Multiannwali (MAGP IV), kif kien previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, u l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE [6], għandhom jitqiesu meta approprjat fid-determinazzjoni ta’ livelli ta’ referenza.

(9) Hu meħtieġ li jkun stabbilit metodu ta’ kalkolu biex issir stima dwar jekk Stati Membri jamministraw l-entrati dwar dħul u ħruġ mill-flotot tas-sajd tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(10) L-eżenzjoni mis-sistema tad-dħul u l-ħruġ għal bastimenti li ngħaqdu mal-flotta mill- 1 ta’ Jannar 2003 jew, għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, mid-data ta’ adeżjoni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjoni amministrattiva adottata rispettivament qabel l- 1 ta’ Jannar 2003 jew qabel id-data ta’ adeżjoni. Biex tiġi kkalkolata l-kapaċità kollha tal-flotta tas-sajd fl- 1 ta’ Jannar 2003 għandu jingħata trattament speċjali lid-dħul fil-flotta ta’ bastimenti li għalihom ittieħdu tali deċiżjonijiet amministrattivi, basta li dawk il-bastimenti daħlu fil-flotta mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni amministrattiva tal-Istat Membru konċernat.

(11) Regoli ta’ implimentazzjoni huma meħtieġa għal deċiżjonijiet mill-Istati Membri dwar l-eliġibilità ta’ xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni biex itejbu s-sigurtà, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-kwalità tal-prodott u l-iġjene fuq il-bastimenti kif imsemmi fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, biex tkun żgurata stima trasparenti u trattament ugwali għat-talbiet, waqt li jiġi evitat kull sforz akbar fis-sajd b’riżultat ta’ xogħlijiet bħal dawn.

(12) Żidiet fil-volum magħluq fuq il-gverta prinċipali ma jaffettwawx it-tunnellaġġ ta’ bastimenti taħt il-15-il metru fit-tul kollu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat- 22 ta’ Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd [7]. Għalhekk, il-modernizzazzjoni ta’ dawn il-bastimenti ‘l fuq mill-gverta prinċipali ma tiġix meqjusa fl-adattament tal-livelli ta’ referenza skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(13) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu żieda limitata fit-tunnellaġġ għal bastimenti ġodda jew diġà eżistenti sabiex itejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodott abbord, sakemm dan ma jżidx il-kapaċità li l-bastimenti jaqbdu l-ħut u sakemm jagħti l-prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Dik iż-żieda għandha tkun marbuta mal-isforzi tagħhom li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 jew l- 1 ta’ Mejju 2004 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 u mill- 1 ta’ Jannar 2007 ‘l quddiem.

(14) Hu meħtieġ li jiġu preskritti regoli ta’ implimentazzjoni biex ikun żgurat li regoli u proċeduri ċari jkunu stabbiliti għall-mod kif data jiġu trasmessi mill-Istati Membri għal ġor-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u jkunu meħtieġa regoli ġodda ta’ validazzjoni biex jiggarantixxu l-kwalità u l-kredibilità ta’ dawn id-data.

(15) Ir-rapporti annwali u s-sommarju tagħhom magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandhom jagħtu stampa ċara tal-ekwilibriju bejn il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u l-opportunitajiet għas-sajd.

(16) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Għandu japplika għall-kapaċità għas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ħlief dawk il-bastimenti li huma:

(a) użati esklużivament għall-akwakultura kif imfisser fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, jew

(b) reġistrati fl-iktar reġjuni mbiegħda ta’ Franza, il-Portugall u Spanja kif indikat fil-punt 1 tal-Artikolu 355 tat-Trattat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1) "GTa1" jew "it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza fit-tunnellaġġ fl-Artikolu 4, dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li kien eċċeda t-tnaqqis ta’ tunnellaġġ meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, "GTa1" jew "it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn id-data tal-adeżjoni u l- 31 ta’ Diċembru 2006;

(2) "GTS" jew "iż-żidiet fit-tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002" tfisser iż-żidiet fit-tunnellaġġ totali mogħtija skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u rreġistrati qabel id-data li għaliha ġie kkalkolat il-GTt;

(3) "GTa2" jew "it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2006" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2007 u d-data li l-GTt jiġi kkalkulat għaliha. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza fit-tunnellaġġ fl-Artikolu 4, dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li kien eċċeda t-tnaqqis ta’ tunnellaġġ meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(4) "GT100" jew "it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha ġie kkalkolat il-GTt, u li dwaru deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru konċernat biex tingħata l-għajnuna kienet ittieħdet wara l- 31 ta’ Diċembru 2002.

Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B "GT100" jew "it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l- 1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jiġi kalkolat il-GTt, u li dwaru kienet ittieħdet deċiżjoni amministrattiva mill-Istati Membri konċernati biex tingħata għajnuna wara t- 30 ta’ April 2004;

(5) "kWa" jew "il-potenza totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2002" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha jkun ikkalkolat il-kWt. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza f’potenza fl-Artikolu 4 dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li tkun eċċediet it-tnaqqis ta’ potenza meħtieġa għall-konformità mal-livelli ta’ referenza skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B "kWa" jew "il-potenza totali ta’ bastimenti li jħallu l-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li ħallew il-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jkun kalkolat il-kWt;

(6) "kW100" jew "il-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha ġie kkalkolat il-kWt, u li għaliha deċiżjoni amministrattiva biex tingħata għajnuna kienet ittieħdet wara l- 31 ta’ Diċembru 2002.

Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B "kW100" jew "il-potenza totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2002" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l- 1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jiġi kalkolat il-kWt, u li dwaru ttieħdet deċiżjoni amministrattiva mill-Istati Membri biex tingħata l-għajnuna wara t- 30 ta’ April 2004;

(7) "GTt" tfisser it-tunnellaġġ totali tal-flotta, ikkalkolat f’data speċifika wara l- 1 ta’ Jannar 2003;

(8) "Δ(GT-GRT)" jew "ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta" tfisser id-differenza bejn il-kapaċità totali f’termini ta’ tunnellaġġ tal-flotta fl- 1 ta’ Jannar 2003 u l-istess valur li jkun reġa’ ġie kkalkolat darba li l-kejl mill-ġdid tal-flotta kien kompletat skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86;

(9) "kWt" tfisser il-potenza totali tal-flotta kkalkolata fi kwalunkwe data wara l- 1 ta’ Jannar 2003;

(10) "gverta prinċipali" tfisser il-"gverta ta’ fuq" kif definita fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, 1969;

(11) "kWr" jew "il-potenza totali tal-magni mibdula b’għanjuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza" tfisser il-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2006 skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

KAPITOLU II

LIVELLI TA’ REFERENZA GĦAL FLOTOT TAS-SAJD

Artikolu 3

L-Iffissar ta’ livelli ta’ referenza

Għall kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A l-livelli ta’ referenza f’tunnellaġġ (GT) u potenza (kW) fl- 1 ta’ Jannar 2003 kif imsemmijin fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, ħlief dawk għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, huma preskritti fl-Anness I, Parti A.

Artikolu 4

Monitoraġġ ta’ livelli ta’ referenza

1. Għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, il-livell ta’ referenza f’tunnellaġġ fi kwalunkwe data wara l- 1 ta’ Jannar 2003 (R(GT)t) għandu jkun ugwali għal-livell ta’ referenza għal dak l-Istat Membru preskritt fl-Anness I, Parti A fl- 1 ta’ Jannar 2003 (R(GT)03) aġġustat:

(a) billi jitnaqqsu:

(i) 99 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

(ii) 96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

(b) u billi jiżdiedu ż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS).

Dawn il-livelli ta’ referenza għandhom jiġu determinati skont il-formola li ġejja:

R(GT)t = R(GT)03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 + GTS

Meta kapaċità ġdida għas-sajd tidħol fil-flotta skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 il-livelli ta’ referenza msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitnaqqsu b’35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (GT100) skont il-formola li ġejja:

R(GT)t = R(GT)03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS

2. Għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, il-livell ta’ referenza ta’ potenza fi kwalunkwe data wara l- 1 ta’ Jannar 2003 (R(kW)t) għandu jkun ugwali għal-livell ta’ referenza għal dak l-Istat Membru preskritt fl-Anness I, Parti A fl- 1 ta’ Jannar 2003 (R(kW)03) kif aġġustat bit-tnaqqis tal-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (kWa) u 20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr).

Dawn il-livelli ta’ referenza għandhom jiġu determinati skont il-formola li ġejja:

R(kW)t = R(kW)03 – kWa – 0,2 kWr

Meta kapaċità ġdida għas-sajd tidħol fil-flotta skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-livelli ta’ referenza msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitnaqqsu b’35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (kW100) skont il-formola li ġejja:

R(kW)t = R(kW)03 – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

KAPITOLU III

AMMINISTRAZZJONI TA’ DĦUL U ĦRUĠ

Artikolu 5

Kapaċità għas-sajd tal-flotta fl- 1 ta’ Jannar 2003

Għajr għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, għall-finijiet tal-Artikolu 7 l-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GT03) u potenza (kW03) fl- 1 ta’ Jannar 2003 għandha tkun determinata waqt li jitqies, skont l-Anness II, id-dħul ta’ bastimenti li jkun ibbażat fuq deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru kkonċernat li tkun ittieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002 f’konformità mal-leġislazzjoni applikabbli dak iż-żmien, u b’mod partikolari skont is-sistema nazzjonali ta’ dħul/ħruġ notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 97/413/KE, u li jseħħ mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva.

Artikolu 6

Kapaċità għas-sajd tal-flotta tal-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B fid-data tal-adeżjoni

Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, għall-finijiet tal-Artikolu 8 il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTacc) u potenza (kWacc) fid-data tal-adeżjoni għandha tkun determinata waqt li jitqies, skont l-Anness III, id-dħul ta’ bastimenti li jkun ibbażat fuq deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru kkonċernat li tkun ittieħdet sa ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni, liema dħul ma jseħħx aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva.

Artikolu 7

Monitoraġġ ta’ dħul u ħruġ

1. Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A ta’ dan ir-Regolament, għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’tunnellaġġ (GTt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fl- 1 ta’ Jannar 2003 (GT03) kif aġġustata:

(a) billi jitnaqqsu:

(i) 99 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

(ii) 96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

(iii) 35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (GT100);

(b) u billi jiżdiedu:

(i) iż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS);

(ii) ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta (Δ(GT-GRT)).

Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

GTt ≤ GT03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS + Δ(GT-GRT)

2. Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A ta’ dan ir-Regolament, għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ potenza (kWt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fl- 1 ta’ Jannar 2003 (kW03) kif aġġustata billi jitnaqqsu:

(a) il-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (kWa);

(b) 20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr);

(c) 35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 (kW100).

Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

kWt ≤ kW03 – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

Artikolu 8

Monitoraġġ tad-dħul u ħruġ fl-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B

1. Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B ta’ dan ir-Regolament għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fid-data tal-adeżjoni, (GTacc) kif aġġustata:

(a) billi jitnaqqsu:

(i) għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B li l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni seħħet fl- 1 ta’ Mejju 2004, 98,5 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn dik id-data u l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

(ii) għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B, 96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l- 31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

(iii) għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B, 35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija fid-data tal-adeżjoni jew wara (GT100);

(b) u billi jiżdiedu:

(i) iż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS);

(ii) ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta (Δ(GT-GRT)).

Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

GTt ≤ GTacc – 0,985 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS + Δ(GT-GRT)

2. Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B ta’ dan ir-Regolament għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ potenza (kWt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fid-data tal-adeżjoni, (kWacc) kif aġġustata billi jitnaqqsu:

(a) il-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika fid-data tal-adeżjoni jew wara (kWa);

(b) 20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr);

(c) 35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija fid-data tal-adeżjoni jew wara (kW100).

Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

kWt ≤ kWacc – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

KAPITOLU IV

ŻIEDA FIT-TUNNELLAĠĠ BIEX TIŻDIED IS-SIGURTÀ ABBORD, IL-KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL, L-IĠJENE U L-KWALITÀ TAL-PRODOTT

Artikolu 9

Eliġibilità ta’ talbiet għal żieda fit-tunnellaġġ

Talba għal żieda fit-tunnellaġġ ta’ bastiment skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandha tiġi kunsidrata eliġibbli bla ħsara għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-bastiment ma jkunx diġà ġie mogħti żieda fit-tunnellaġġ skont dawk id-dispożizzjonijiet;

(b) il-bastiment għandu tul totali ta’ 15 m jew aktar;

(c) l-età tal-bastiment, ikkalkolata bħala d-differenza bejn id-data li tkun waslet l-applikazzjoni u d-data li jkun daħal fis-servizz kif imfisser fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2930/86, hi għall-inqas ħames snin;

(d) iż-żieda fit-tunnellaġġ tkun ir-riżultat ta’ xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni li jridu jsiru bl-għan li jittejbu s-sigurtà abbord, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene jew il-kwalità tal-prodott;

(e) ix-xogħlijiet imsemmija fil-punt (d) ma jżidux il-volum taħt il-gverta prinċipali;

(f) ix-xogħlijiet imsemmija fil-punt (d) ma jirriżultawx f’volum miżjud fl-istivi tal-ħut jew fit-tagħmir tas-sajd.

Artikolu 10

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu stima tat-talbiet għal żieda fit-tunnellaġġ u jiddeċiedu jekk humiex eliġibbli skont il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9.

2. L-Istati Membri għandhom iżommu inkartament għal kull bastiment li dwaru deċiżjoni dwar żieda fit-tunnellaġġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 tkun ittieħdet. Dak l-inkartament għandu jinkludi l-informazzjoni teknika kollha użata fl-istima tat-talba mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu dawn l-inkartamenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba tagħha bla telf ta’ żmien.

KAPITOLU V

ĠBIR TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 11

Ġbir ta’ informazzjoni mill-Istat Membru u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni

1. Kull Stat Membru għandu jiġbor informazzjoni dwar:

(a) kull dħul jew ħruġ mill-flotta;

(b) kull modernizzazzjoni ta’ xi bastiment li taffettwa l-kapaċità għas-sajd.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw għall-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a) in-numru intern u l-isem tal-bastiment;

(b) il-kapaċità għas-sajd tal-bastiment f’GT u kW;

(c) il-port ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;

(d) in-natura u d-dati tal-ġrajjiet li ġejjin:

(i) il-ħruġ (eż. skreppjar, esportazzjoni, trasferiment lil Stat Membru ieħor, intrapriża konġunta, trasferiment għal xi attività oħra);

(ii) id-dħul (eż. kostruzzjoni, importazzjoni, trasferiment minn Stat Membru ieħor, trasferiment minn xi attività oħra), jew

(iii) modernizzazzjoni, li tgħid jekk hijiex għal raġunijiet ta’ sigurtà skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(e) jekk il-ġrajja hijiex sostnuta b’għajnuna pubblika;

(f) jekk approprjat, id-data tad-deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru biex jagħti dik l-għajnuna;

(g) fil-każ ta’ modernizzazzjoni, il-modifika tal-potenza (f’kW), il-modifika fit-tunnellaġġ (f’GT) ‘il fuq u ‘l isfel mill-gverta prinċipali.

KAPITOLU VI

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI U RAPPORT ANNWALI

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni li għandha x’taqsam mal-politika dwar il-flotta u li tinkludi li ġej:

(a) regoli u istrumenti nazzjonali ta’ implimentazzjoni li jiżguraw konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(b) proċeduri amministrattivi dwar monitoraġġ u sorveljanza tal-flotta u informazzjoni li tinvolvi lill-awtoritajiet;

(c) informazzjoni dwar żvilupp fil-kapaċità tal-flotta, partikolarment dwar irtirar u tiġdid b’għajnuna pubblika;

(d) pjanijiet għal tnaqqis tal-flotta biex ikun hemm konformità mal-livelli ta’ referenza meta approprjat;

(e) informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċità tal-flotta fl-iżjed reġjuni imbiegħda fejn għandhom x’jaqsmu trasferimenti ta’ bastimenti bejn il-medda l-kbira tal-pajjiż u r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

(f) informazzjoni dwar l-impatt fuq il-kapaċità tal-flotta ta’ skemi ta’ limitazzjoni ta’ sforzi, partikolarment meta jkunu jiffurmaw parti minn pjan ta’ rkupru jew pjan ta’ tmexxija għal numru ta’ snin;

(g) kull informazzjoni oħra meqjusa rilevanti u siewja għall-iskop ta’ skambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri.

Artikolu 13

Rapport annwali

1. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena, f’forma elettronika, rapport dwar l-isforzi tiegħu fis-sena ta’ qabel biex jikseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet għas-sajd.

2. Fuq il-bażi tad-data fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u informazzjoni fir-rapporti riċevuti skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tħejji sommarju u tippreżentah lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura stabbilit skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, qabel il-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.

Dawk iż-żewġ kumitati għandhom jgħaddu l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

3. Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat is-sommarju flimkien mar-rapporti mehmużin miegħu tal-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-opinjonijiet tal-kumitati msemmijin fil-paragrafu 2.

Artikolu 14

Informazzjoni li għandu jkun hemm fir-Rapporti Annwali

1. Ir-rapporti mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 13 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) deskrizzjoni tal-flotot tas-sajd f’relazzjoni mas-sajd: żvilupp(i) matul is-sena ta’ qabel, inkluż sajd kopert minn pjanijiet ta’ tmexxija jew irkupru għal numru ta’ snin;

(b) l-impatt fuq il-kapaċità għas-sajd ta’ skemi għal tnaqqis ta’ sforzi fis-sajd adottati skont pjanijiet ta’ tmexxija jew ta’ rkupru għal numru ta’ snin jew, jekk approprjat, skont skemi nazzjonali;

(c) informazzjoni dwar il-konformità mal-iskema dwar dħul/ħruġ u mal-livell ta’ referenza;

(d) rapport fil-qosor dwar il-punti ta’ dgħufija u saħħa fis-sistema tal-immaniġġjar tal-flotta flimkien ma’ pjan dwar titjib u informazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ konformità ma’ strumenti ta’ politika dwar il-flotta;

(e) kull informazzjoni dwar tibdil fil-proċeduri amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-immaniġġjar tal-flotta.

2. Ir-rapporti mill-Istati Membri m’għandhomx ikunu itwal minn 10 paġni.

Artikolu 15

Ir-Regolament (KE) Nru 1438/2003 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l- 10 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel Barroso

[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[2] ĠU L 204, 13.8.2003, p. 21.

[3] Ara l-Anness IV.

[4] ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10.

[5] ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

[6] ĠU L 175, 3.7.1997, p. 27.

[7] ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

PARTI A

Livelli ta’ referenza minn Stat Membru [1]

Stat Membru | Livelli ta’ Referenza l- 1 ta’ Jannar 2003 |

R(TG)03 | R(kW)03 |

Il-Belġju | 23372 | 67857 |

Id-Danimarka | 132706 | 459526 |

Il-Ġermanja | 84262 | 175927 |

L-Irlanda | 88700 | 244834 |

Il-Greċja | 119910 | 653497 |

Spanja (eskluża l-kapaċità rreġistrata fil-Gżejjer Kanarji fil- 31 ta’ Diċembru 2002) | 728344 | 1671739 |

Franza (esklużi l-għanijiet tal-MAGP IV għas-segmenti tad-Dipartimenti Barranin Franċiżi) | 230257 | 920969 |

L-Italja | 229862 | 1338971 |

L-Olanda | 197599 | 487809 |

Il-Portugall (esklużi l-għanijiet tal-MAGP IV għas-segmenti tal-Azores u Madeira) | 171502 | 412025 |

Il-Finlandja | 23203 | 216195 |

L-Iżvezja | 51993 | 261028 |

Ir-Renju Unit | 286120 | 1129194 |

Total | 2367830 | 8039571 |

PARTI B

Lista tal-Istati Membri li ssieħbu wara l- 1 ta’ jannar 2003

Il-Bulgarija

Ir-Repubblika Ċeka

L-Estonja

Ċipru

Il-Latvja

Il-Litwanja

L-Ungerija

Malta

Il-Polonja

Ir-Rumanija

Is-Slovenja

Is-Slovakkja

[1] Il-livelli ta’ referenza jistgħu jiġu riveduti biex jitqiesu bastimenti li kienu jeżistu fil- 31 ta’ Diċembru 2002 iżda li ma kinux koperti mill-MAGP IV jew li ma kinux irreġistrati fid-data meta tlestiet din it-tabella.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GT03) u potenza (kW03) fl- 1 ta’ Jannar 2003

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

1. "GTFR" tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fl- 1 ta’ Jannar 2003 f’termini ta’ tunnellaġġ kif ikkalkolata fuq il-bażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

2. "GT1" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002;

3. "GT2" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 2002 u t- 30 ta’ Ġunju 2002 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtira kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l- 31 ta’ Diċembru 2002;

4. "GT3" tfisser, it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002;

5. "GT4" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrttiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 2000 u l- 31 ta’ Diċembru 2001 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtira kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l- 31 ta’ Diċembru 2002;

6. "kWFR" tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fl- 1 ta’ Jannar 2003 f’termini ta’ potenza kif kalkolata fuq il-bażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

7. "kW1" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002;

8. "kW2" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 2002 u t- 30 ta’ Ġunju 2002 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtirar ta’ kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l- 31 ta’ Diċembru 2002;

9. "kW3" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 1998 u l- 31 ta’ Diċembru 2002;

10. "kW4" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l- 31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l- 1 ta’ Jannar 2000 u l- 31 ta’ Diċembru 2001 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtirar ta’ kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l- 31 ta’ Diċembru 2002.

Il-kapaċità għas-sajd tal-flotta espressa f’termini ta’ tunnellaġġ GT03 u potenza kW03, kif definita fl-Artikolu 6, għandha tiġi kkalkolata skont il-formoli li ġejjin:

GT03 = GTFR + GT1 – 0,35 GT2 + GT3 – 0,30 GT4

kW03 = kWFR + kW1 – 0,35 kW2 + kW3 – 0,30 kW4

--------------------------------------------------

ANNESS III

Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTacc) u potenza (kWacc) għall-Istati Membri ġodda elenkati fl-anness I, parti B fid-data tal-adeżjoni

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

1. "GTFR" tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fid-data tal-adeżjoni f’termini ta’ tunnellaġġ kif ikkalkulata abbażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

2. "GT1" tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara d-data tal-adeżjoni abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet sa minn ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni;

3. "kWFR" tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fid-data tal-adeżjoni f’termini ta’ potenza kif ikkalkulata abbażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

4. "kW1" tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara d-data tal-adeżjoni abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet sa minn ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni;

Il-kapaċità għas-sajd tal-flotta espressa f’termini ta’ tunnellaġġ GTacc u potenza kWacc, kif definita fl-Artikolu 6, għandha tiġi kkalkolata skont il-formoli li ġejjin:

GTacc = GTFR + GT1

kWacc = kWFR + kW1

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Ir-Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 | (ĠU L 204, 13.8.2003, p. 21) |

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 916/2004 | (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 81) |

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2007 | (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 14) |

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1086/2008 | (ĠU L 297, 6.11.2008, p. 9) |

--------------------------------------------------

ANNESS V

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1438/2003 | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2, punti 1 sa 10 | L-Artikolu 2, punti 1 sa 10 |

L-Artikolu 2, punt 11 | — |

L-Artikolu 2, punt 12 | L-Artikolu 2, punt 11 |

L-Artikoli 3 u 4 | L-Artikoli 3 u 4 |

L-Artikolu 6 | L-Artikolu 5 |

L-Artikolu 6a | L-Artikolu 6 |

L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 |

L-Artikolu 7a | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 8 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 9 | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 10(1) u (2) | L-Artikolu 11(1) u (2) |

L-Artikolu 10(3) | — |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 12 |

L-Artikolu 12 | L-Artikolu 13 |

L-Artikolu 13 | L-Artikolu 14 |

— | L-Artikolu 15 |

L-Artikolu 14, l-ewwel paragrafu | L-Artikolu 16 |

L-Artikolu 14, it-tieni paragrafu | — |

L-Anness I | L-Anness I, Parti A |

— | L-Anness I, Parti B |

L-Annessi II u III | L-Annessi II u III |

— | L-Anness IV |

— | L-Anness V |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet