32010R0437


Titolu u referenza

Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati

 ĠU L 132, 29.5.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
 HR.ES Chapter 14 Volume 001 P. 251 - 252

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  GA  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad- 19 ta’ Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 178 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja [2],

Billi,

(1) Bil-għan li tittejjeb il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Unjoni, jeħtieġ li jkunu appoġġati l-interventi limitati għar-restawr tal-bini eżistenti li jintuża għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl- 1 ta’ Mejju 2004 jew wara tali data. Dawn l-interventi jistgħu jsiru skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali [3].

(2) L-infiq għandu jiġi pprogrammat fil-qafas ta’ operazzjoni ta’ żvilupp urban integrata jew ta’ assi prijoritarju għal żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali. Għall-finijiet taċ-ċarezza, jeħtieġ li jiġu simplifikati l-kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti biex isiru l-interventi għall-akkomodazzjoni f’żoni urbani. Għal dan il-għan, l-infiq fl-interventi għall-akkomodazzjoni għandhom ikunu pprogrammati skont parametri differenti, irrispettivament mis-sors tal-finanzjament. Barra minn hekk, għandu jkun ikkunsidrat bħala infiq eliġibbli biss l-infiq fl-interventi fuq binjiet li diġà jeżistu.

(3) F’diversi Stati Membri, għall-komunitajiet emarġinati li jgħixu f’żoni urbani jew rurali, l-akkomodazzjoni hija fattur deċiżiv għall-integrazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-eliġibbiltà tal-infiq tkun estiża għall-interventi għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri kollha lill-komunitajiet li jgħixu f’żoni urbani jew f’żoni rurali.

(4) Jeħtieġ ukoll li l-infiq għar-restawr u t-tiġdid ta’ djar ġodda ta’ akkomodazzjoni, anke permezz tal-bini ta’ djar ġodda, ukoll ikun ikkunsidrat bħala infiq eliġibbli, kemm jekk il-komunitajiet jinsabu f’żoni urbani kif ukoll jekk jinsabu f’żoni rurali, u dan minħabba l-kwalità ferm fqira ta’ djarhom.

(5) Konformement mal-Prinċipju Nru 2 tal-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma li tenna l-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar l-Inklużjoni tar-Roma tat- 8 ta’ Ġunju 2009, l-interventi għall-akkomodazzjoni li jiffukaw fuq grupp speċifiku ma għandhomx jeskludu lil nies oħra li qegħdin f’ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili.

(6) Konformement mal-Prinċipju Nru 1 ta’ dawn il-Prinċipji Bażiċi Komuni, sabiex ikun limitat ir-riskju ta’ segregazzjoni, l-interventi għall-akkomodazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati għandhom isiru fil-qafas ta’ approċċ integrat li jinkludi, partikolarment, miżuri fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-kwistjonijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà u miżuri ta’ desegregazzjoni.

(7) Għandu jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni għall-adozzjoni tal-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu ddeterminati ż-żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali, u għall-adozzjoni tal-lista ta’ interventi eliġibbli. L-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li r-regoli u l-prinċipji ġenerali relatati mal-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi tagħha jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sa meta jiġi adottat tali regolament u sabiex jiġi evitat li jkun hemm tfixkil tal-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni, għandhom jibqgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [4].

(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b’dan sostitwit b’li ġej:

"2. L-infiq fuq l-akkomodazzjoni, minbarra dak li jsir għall-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu tal-enerġija rinnovabbli kif stipulat fil-paragrafu 1a, għandu jkun infiq eliġibbli fil-każijiet li ġejjin:

(a) għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl- 1 ta’ Mejju 2004 jew wara u fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp urban integrat għal żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali;

(b) għall-Istati Membri kollha unikament fil-qafas ta’ approċċ integrat għal komunitajiet emarġinati.

L-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun jew ta’ massimu ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi kkonċernati jew ta’ 2 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

2a. Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, iżda mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-infiq għandu jkun limitat għall-interventi li ġejjin:

(a) ir-restawr tal-partijiet komuni fil-bini preżenti fejn joqogħdu iżjed minn familja waħda,

(b) ir-restawr u l-bidla fl-użu ta’ bini li jkun il-proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ operaturi li joperaw mingħajr skop ta’ profitt għall-użu bħala akkomodazzjoni maħsub għal familji bi dħul baxx jew għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 2, l-interventi jistgħu jinkludu r-restawr u t-tiġdid ta’ djar eżistenti ta’ akkomodazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu determinati ż-żoni msemmijin taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2 u l-lista ta’ interventi eliġibbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id- 19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Buzek

Għall-Kunsill

Il-President

D. López Garrido

[1] L-Opinjoni tal- 5 ta’ Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ April 2010.

[3] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

[4] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet