Direttiva tal-Kummissjoni 2010/62/UE tat- 8 ta’ Settembru 2010 li temenda, għall-għan tal-adattament tad-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom, id-Direttivi tal-Kunsill 80/720/KEE u 86/297/KEE u d-Direttivi 2003/37/KE, 2009/60/KE u 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 238, 9.9.2010, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Direttiva tal-Kummissjoni 2010/62/UE
tat- 8 ta’ Settembru 2010
li temenda, għall-għan tal-adattament tad-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom, id-Direttivi tal-Kunsill 80/720/KEE u 86/297/KEE u d-Direttivi 2003/37/KE, 2009/60/KE u 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, it-trejlers tagħhom u makkinarju interskambjabbli tal-irmonk, flimkien mas-sistemi tagħhom, il-komponenti u l-unitajiet separati tekniċi u li tħassar id-Direttiva 74/150/KEE [1], u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 19(1) tagħha,
Billi:
(1) Il-progress tekniku jippermetti t il-kompletament tal-approvazzjoni tat-tip tal-vettura kollha għat-tratturi tal-kategorija T4.3 (tratturi baxxi), kif iddefinit fid-Direttiva 2003/37/KE. Għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill 80/720/KEE tal- 24 ta' Ġunju 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mal-ispazju operattiv, l-aċċess għall-pożizzjoni tas-sewwieq u l-bibien u t-twieqi tat-tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresterija bir-roti [2], id-Direttiva 2003/37/KE, id-Direttiva 2009/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 dwar il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija għat-tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija [3] u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija [4] għandhom jiġu emendati biex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tat-tratturi baxxi.
(2) Sabiex isir progress fit-kompletament tas-suq intern u sabiex jinkisbu livelli ogħla ta' sikurezza fuq ix-xogħol, ir-rekwiżiti għall-power take-offs ta' quddiem għall-kategoriji kollha tat-tratturi koperti mid-Direttiva 2003/37/KE għandhom jiġu inklużi fid-Direttiva tal-Kunsill 86/297/KEE tas- 26 ta' Mejju 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mal-power take-offs tat-tratturi agrikoli u forestali bir-roti u l-protezzjoni tagħhom [5].
(3) Iż-żoni ta' spazji ħielsa rikjesti u d-dimensjonijiet tal-irpar protettiv tal-power take-off stabbiliti fid-Direttiva 86/297/KEE għandhom jiġu emendati biex tinkiseb armonizzazzjoni mal-pajjiżi kollha tad-dinja li tiffaċilita l-kompetittività globali tal-produtturi tal-Unjoni.
(4) ISO 500-1:2004 flimkien mal-Corrigendum Tekniku 1:2005, ISO 500-2:2004, u ISO 8759-1:1998 fihom rekwiżiti rikonoxxuti globalment għall-power take-offs tat-tratturi kollha koperti bid-Direttiva 2003/37/KE. Huwa għalhekk xieraq li ssir referenza għal dawn l-istandards ISO fid-Direttiva 86/297/KEE.
(5) Id-Direttiva 2003/37/KE għandha tiġi emendata biex tirrifletti l-applikazzjoni tad-Direttiva 86/297/KEE għall-kategorija tat-tratturi T5. Bl-istess mod, id-Direttiva 2003/37/KE għandha tiġi emendata biex tirrifletti l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/60/KE u d-Direttiva 80/720/KEE għat-tratturi tal-kategorija T4.3.
(6) Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/37/KE,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 80/720/KEE hija emendata kif ġej:
1. L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:
"Artikolu 1
1. Għall-fini ta' din id-Direttiva, "trattur" tfisser trattur kif iddefinit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [******].
Għall-fini ta' din id-Direttiva, il-kategoriji ta' tratturi li japplikaw huma dawk iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kategoriji ta' tratturi T1, T2, T3 u T4 kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal tratturi tal-kategorija T4.3 fejn il-punt tal-indiċi tas-sit tas-sewwieq, kif misjub fl-Anness II tad-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [] huwa aktar minn 100 mm mill-wiċċ lonġitudinali medjan tat-trattur.
2. L-Annessi I u II huma sostitwiti bit-test fl-Anness II ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
Id-Direttiva 86/297/KEE hija emendata kif ġej:
1. It-titolu jinbidel b'dan li ġej:
"Id-Direttiva tal-Kunsill 86/297/KEE tas- 26 ta' Mejju 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-power take-offs tat-tratturi u l-protezzjoni tagħhom"
2. L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:
"Artikolu 1
1. Għall-fini ta' din id-Direttiva, "trattur" tfisser trattur kif iddefinit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill []
2. Għall-fini ta' din id-Direttiva, il-kategoriji tat-tratturi huma dawk iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
3. L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta' din id-Direttiva.
Artikolu 3
L-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE huwa emendat skont l-Anness III ta' din id-Direttiva.
Artikolu 4
Id-Direttiva 2009/60/KE hija emendata kif ġej:
1. L-Artikolu 1 jinbidel b'dan l-ġej:
"Artikolu 1
1. Għall-fini ta' din id-Direttiva, "trattur" tfisser trattur kif iddefinit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2003/37/KE.
2. Għall-fini ta' din id-Direttiva, il-kategoriji tat-trattur huma dawk iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika biss għat-tratturi mgħammra b'tajers tal-arja u li għandhom veloċità massima skont id-disinn ta' mhux aktar minn 40 km/h."
2. L-Anness I huwa emendat skont l-Anness IV ta' din id-Direttiva.
Artikolu 5
Id-Direttiva 2009/144/KE hija emendata kif ġej:
1. L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:
"Artikolu 1
1. Għall-fini ta' din id-Direttiva, "trattur" tfisser trattur kif iddefinit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2003/37/KE.
2. Għall-fini ta' din id-Direttiva, il-kategoriji ta' tratturi huma dawk iddefiniti fl-Anness II, tad-Direttiva 2003/37/KE.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika għal tratturi tal-kategoriji T1, T2, T3 u T4."
2. L-Anness II huwa emendata skont l-Anness V ta' din id-Direttiva.
Artikolu 6
1. Għall-kategoriji T1, T2 u T3 kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta' din id-Direttiva għal tipi ġodda ta' vetturi mid- 29 ta’ Settembru 2011 u għal vetturi ġodda mid- 29 ta’ Settembru 2012.
2. Għall-kategorija T4.3 kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta' din id-Direttiva għal tipi ġodda ta' vetturi mid- 29 ta’ Settembru 2013 u għall-vetturi ġodda mid- 29 ta’ Settembru 2016.
3. Għall-kategoriji T4.1, T4.2, T5, C, R u S kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta' din id-Direttiva għal tipi ġodda ta' vetturi u għal vetturi ġodda mid-dati stabbiliti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2003/37/KE.
Artikolu 7
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mid- 29 ta’ Settembru 2011. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom ir-referenza msemmija waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 8
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it- 8 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel Barroso
[1] ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.
[2] ĠU L 194, 28.7.1980, p. 1.
[3] ĠU L 198, 30.7.2009, p. 15.
[4] ĠU L 27, 30.1.2010, p 33.
[5] ĠU L 186, 8.7.1986, p. 19.
[******] ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.
[] ĠU L 27, 30.1.2010, p 33."
[] ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1."
--------------------------------------------------
ANNESS I
Il-punt I.2 tal-Anness I tad-Direttiva 80/720/KEE jinbidel b'dan li ġej:
"I.2. Għat-tratturi kollha għajr għal tratturi dojoq li għandhom ċinġa wiesgħa ≤ 1150 mm u tratturi li huma fil-kategorija T4.3, il-wisa' tal-ispazju operattiv għandha tkun tal-anqas 900 mm, minn 400 sa 900 mm 'il fuq mill-punt ta' referenza u fuq tul ta' 450 mm il quddiem minn dan il-punt (ara l-Figuri 1 u 3).
Għal tratturi tal-kategorija T4.3, l-ispazju operattiv irid ikollu, fuq iż-żona li testendi għal 450 mm quddiem il-punt ta' referenza, għoli ta' 400 mm 'il fuq mill-punt ta' referenza, wisa' totali ta' mill-inqas 700 mm, u fuq għoli ta' 900 mm 'il fuq mill-punt ta' referenza, wisa' totali ta' mill-inqas 600 mm."
--------------------------------------------------
ANNESS II
"
ANNESS I
Dispożizzjonijiet ġenerali u rekwiżiti għall-power take-offs
1. Definizzjoni u ambitu
1.1. "Power take-off" (PTO) tfisser xaft barrani tat-trattur li jipprovdi forza rotattiva lill-implimenti.
1.2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva japplikaw biss għal power take-offs kif ddefiniti f'1.1. u li jinsabu fuq in-naħa ta' wara jew ta' quddiem tat-trattur.
2. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip KE
2.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta' tip ta' trattur f'dak li għandu x'jaqsam mal-power take-off' u l-protezzjoni tiegħu trid tiġi ppreżentata mill-fabbrikant tat-trattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, bl-użu tad-dokument ta' informazzjoni, li mudell tiegħu jidher fl-Anness II parti 1.
2.2. Għandha tkun flimkien mad-disinni, fi tliet kopji, fi skala adatatta u ddettaljata b'mod xieraq, ta' dawk il-partijiet tat-trattur li huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ta' din id-Direttiva.
2.3. Trattur rappreżentattiv tat-tip ippreżentat għall-approvazzjoni jew dik/dawk il-parti/ijiet tat-trattur li huma kkunsidrati bħala essenzjali għat-twettiq tal-verifiki mitluba minn din id-Direttiva jridu jiġu pprovduti lis-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip.
3. Ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE
Ċertifikat li jikkonforma mal-mudell li jidher fl-Annes II Parti 2 irid jimtela għal kull approvazzjoni mogħtija jew miċħuda.
4. Dispożizzjonijiet ġenerali
Meta tratturi jkunu mgħammra bil-power take-offs, dawn iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness.
Għall-fini ta' din id-Direttiva, l-istandards imsemmija fit-taqsimiet 4.1 u 4.2 japplikaw.
4.1. Dispożizzjonijiet għal power take-offs ta' wara
L-ispeċifikazzjonijiet tal-ISO 500-1:2004 flimkien mal-Corrigendum Tekniku 1:2005 u l-ISO 500-2:2004 japplikaw għal tratturi li għandhom power take-offs ta' wara skont it-Tabella 1.
Tabella 1
Applikazzjoni ta' standards għal power take-offs tal-kategoriji differenti ta' tratturi
X L-istandard applikabbli
– Standard mhux applikabbli
X1) Standard applikabbli għal tratturi li għandhom ċinga wiesgħa aktar minn 1150 mm.
X2) Standard applikabbli għal tratturi li għandhom ċinga wiesgħa 1150 mm jew inqas
[*] [**] [***]
Standard applikabbli | T1 C1 | T2 C2 | T3 C3 | T4.1 C4.1 | T4.2 C4.2 | T4.3 C4.3 | T5 C5 |
ISO 500-1:2004 [1] [3] | X | – | X1) | X1) | X1) | X | X1) |
ISO 500-2:2004 [2] | – | X | X2) | X2) | X2) | – | X2) |
4.2. Dispożizzjonijiet għal power take-offs ta' quddiem
L-ispeċifikazzjonijiet tal-ISO 8759-1:1998 japplikaw għal tratturi b'power take-offs fuq quddiem skont it-Tabella 2.
Tabella 2
Applikazzjoni ta' standards għal power take-offs ta' quddiem tal-kategoriji differenti ta' tratturi
X Standard applikabbli
X3) Standard applikabbli meta t-trattur ikun mgħammar b'power take-offs kif speċifikat f'dan l-istandard
X4) Standard applikabbli, għajr għall-klawżola 4.2.
Standard applikabbli | T1 C1 | T2 C2 | T3 C3 | T4.1 C4.1 | T4.2 C4.2 | T4.3 C4.3 | T5 C5 |
ISO 8759-1:1998 | X | X | X3) | X4) | X | X4) | X |
ANNESS II
Parti 1
DOKUMENT TA’ INFORMAZZJONI Nru […]
skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/37/KE fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip KE tat-tratturi għal dak li huwa marbut mal-power take-offs tat-tratturi
It-tagħrif li ġej, jekk applikabbli, għandu jingħata fi tliet kopji u jinkludi werrej.
Kull disinn għandu jiġi pprovdut fl-iskala xierqa u f'dettall biżżejjed f'format A4. Jekk ikun hemm xi ritratti għandu jkun fihom dettalji suffiċjenti.
0. ĠENERALI
0.1. Għamla(iet) (trade-mark irreġistrata mill-manifattur):
0.2. Tip (speċifika xi varjanti u verżjonijiet):
0.3. Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq il-vettura:
0.3.1. Il-pjanċa tal-manifattur (fejn tinsab u metodu ta' twaħħil):
0.4. Kategorija ta' vettura [1]:
0.5. Isem u indirizz tal-manifattur:
0.8. Isem(ismijiet) u indirizz(i) tal-impjant(i) ta’ mmuntar:
4.12. Power take-offs (dawriet kull minuta u l-proporzjon ta' din iċ-ċifra ma' dik tal-magna) (numru, tip u pożizzjoni):
4.12.1. power take-off(s) ewlenin:
4.12.2. oħrajn:
4.12.3. Power take-off guard(s) (deskrizzjoni, daqsijiet, disinji, ritratti):
Parti 2
DOKUMENTAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP
MUDELL
(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))
ĊERTIFIKAT TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP KE
Timbru tal-amministrazzjoni
Komunikazzjoni dwar:
- l-approvazzjoni tat-tip [2]
- l-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip [2]
- iċ-ċaħda tal-approvazzjoni tat-tip [2]
- l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip [2]
ta’ tip ta’ trattur fir-rigward tad-Direttiva 86/297/KEE,
Numru tal-approvazzjoni tat-tip: …
Raġuni għall-estensjoni: …
Taqsima I
0.1. Il-marka (l-isem kummerċjali tal-manifattur):
0.2. It-tip ta' trattur:
0.3. Il-mezz ta' identifikazzjoni tat-tip tat-trattur jekk ikun immarkati fuq it-trattur [3]:
0.3.1. Fejn jinsab dan l-immarkar:
0.4. Il-Kategorija ta' vettura [4]:
0.5. L-Isem u l-indirizz tal-manifattur:
0.8. Isem(Ismijiet) u indirizz(i) tal-impjant(i) ta' mmuntar:
Taqsima II
1. Tagħrif addizzjonali (fejn applikabbli): Ara l-Addendum.
2. Servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet:
3. Data tar-rapport tat-test:
4. Numru tar-rapport tat-test:
5. Rimarki (jekk hemm): Ara l-Addendum.
6. Post:
7. Data:
8. Firma:
9. Qed jiġi mehmuż l-indiċi tal-pakkett ta' informazzjoni ddepożitat mal-awtorità ta' approvazzjoni, li tista' tintalab kopja tiegħu.
"
[*] Fl-istandard ISO 500-1:2004, l-aħħar sentenza fit-taqsima 6.2 mhix applikabbli.
[**] Għall-fini ta' din id-Direttiva, dan l-istandard japplika wkoll għal tratturi li għandhom power take-off li għandu forza li taqbeż 20 kW, imkejla skont l-ISO 789-1:1990.
[***] Għall-power take-offs tat-tielet tip (3) u meta hu possibbli li jitnaqqas id-daqs tal-fetħa tal-irpar protettiv biex tiġi adattata għall-elementi ta' ingranaġġ li jkunu se jintużaw, il-ktejjeb tal-utent irid ikun fih l-elementi li ġejjin:
- twissija tal-konsegwenzi u r-riskji kkawżati mid-daqs imnaqqas tal-irpar protettiv;
- istruzzjonijiet u twissijiet speċifiċi għall-ingranar u r-rilaxx tal-power take-offs;
- istruzzjonijiet u twissijiet speċifiċi għall-użu ta' għodda jew magni ingranati mal-power take-off ta' wara.
[1] Kif iddefinit fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
[2] Ħassar fejn ma japplikax.
[3] Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip ikun fih karattri li mhumiex rilevanti biex jiddeskrivu t-tipi ta' trattur koperti minn dan iċ-ċertikifat ta' approvazzjoni tat-tip dawn il-karattri għandhom jiġu rappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu "?" (jiġifieri ABC?123?).
[4] Kif iddefinit fl-Anness II tad-Direttiva 2003/37/KE.
--------------------------------------------------
ANNESS III
L-Anness II għad-Direttiva 2003/37/KE hija emendata kif ġej:
1. Fil- Kapitolu B, Parti I, fil-Lista tad-direttivi separati, fil-linja 18.1, kolonna T5, il-figura "(X)" tinbidel bil-figura "X";
2. Fil- Kapitolu B, Appendiċi 1, il-Parti II hija emendata kif ġej:
(a) fil-linja 2.2., fil-kolonna T4.3, il-figura "(X)" tinbidel bil-figura "X";
(b) fil-linja 17.1., fil-kolonna T4.3, il-figura "(X)" tinbidel bil-figura "X".
--------------------------------------------------
ANNESS IV
Fid-Direttiva 2009/60/KE, fl-Anness I, fil-punt 2.2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
"Fil-każ ta' tratturi tal-kategorija T4.3, it-tul tal-pjattaforma ma għandhiex taqbeż darbtejn u nofs il-wisa' massima ta' quddiem jew ta' wara tat-trattur, skont liema minnhom hija l-usa'."
--------------------------------------------------
ANNESS V
L-Anness II tad-Direttiva 2009/144/KE huwa emendat kif ġej:
1. Il-Punt 2.3.2.11. jinbidel b'dan li ġej:
"2.3.2.11. Tratturi biċ-ċinga dejqa u tratturi tal-kategorija T4.3.";
2. Il-Punt 2.3.2.11.1. jinbidel b'dan li ġej:
"2.3.2.11.1. Fil-każ ta' tratturi biċ-ċingi dojoq kif iddefinit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/402/KEE [*] u t-tratturi tal-kategorija T4.3 kif iddefinit fl-Anness II, Kapitolu B, Appendiċi 1, Parti I, tad-Direttiva 2003/37/KE r-rekwiżiti tal-punt 2.3.2.9 ma għandhomx japplikaw għaż-żona li tinsab taħt wiċċ inklinat fuq angolu ta' 45° lejn in-naħa ta' wara u trasversali mad-direzzjoni ta' moviment, u li jgħaddi minn punt li jinsab 230 mm wara l-punt tal-indiċi tas-sit (ara Figura 7). Jekk ikun hemm xi punti ta' periklu f’din iż-żona, jridu jitwaħħlu twissijiet korrispondenti mat-trattur.
[*] ĠU L 220, 8.8.1987, p. 1."
--------------------------------------------------
| Fuq |