Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/52/UE tal- 11 ta’ Awwissu 2010 li temenda, għall-għanijiet tal-adattament tal-provvedimenti tekniċi tagħhom id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE dwar sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 213, 13.8.2010, p. 37–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
HR.ES Chapter 13 Volume 031 P. 289 - 294
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/52/UE
tal- 11 ta’ Awwissu 2010
li temenda, għall-għanijiet tal-adattament tal-provvedimenti tekniċi tagħhom id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE dwar sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresterija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju li jingibed u li jista’ jinbidel, flimkien mas-sistemi tiegħu, il-komponenti u l-unijajiet separati teknici u li tħassar id-Direttiva 74/150/KEE [1], u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 19(1) tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/763/KEE tas- 27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ sedili għall-passiġġieri għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija [2] u d-Direttiva 2009/144/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija [3] huma tnejn fost id-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE għat-tratturi għall-agrikoltura jew il-foresterija skont id-Direttiva 2003/37/KE.
(2) Is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol hija waħda mill-pilastri li fuqhom tissejjes id-Direttiva 2003/37/KE. Biex tittejjeb il-protezzjoni tal-operaturi jixraq li jitkomplew ir-rekwiżiti applikabbli skont dik id-Direttiva ħalli jkunu koperti l-perikli kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-makkinarju [4] li għadhom mhumiex koperti mid-Direttivi separati skont id-Direttiva 2003/37/KE.
(3) Permezz ta’ din l-emenda, id-Direttiva 2006/42/KE ma tibqax tapplika aktar għal tratturi approvati għat-tip abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip għal tratturi bir-roti għall-agrikoltura u l-foresterija emendata, billi bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ta’ emenda r-riskji koperti mid-Direttiva 2003/37/KE se jikkonsistu fir-riskji kollha koperti mid-Direttiva 2006/42/KE.
(4) Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni CEN ifformula standards armonizzati dwar protezzjoni kontra l-qlib għall-passiġġieri u kontra sustanzi perikolużi. Dawk l-istandards ġew adottati u ppubblikati u issa għandhom għalhekk jiġu inkorporati f’din id-Direttiva.
(5) Id-Direttiva 76/763/KEE timponi rekwiżiti fir-rigward tad-disinn u l-istallazzjoni tas-sedili tal-passiġġieri fuq tratturi agrikoli; jixraq li dik id-Direttiva tiġi emendata ħalli tiżdied din il-protezzjoni billi jiġu inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jipprovdu protezzjoni li tkopri r-riskji ta’ korriment tal-passiġġieri kif deskritt fid-Direttiva 2006/42/KE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ qlib u l-ankraġġ taċ-ċinturin tas-sedili tal-passiġġieri.
(6) Id-Direttiva 2009/144/KE timponi rekwiżiti tekniċi marbuta ma’ ċerti komponenti u karatteristiċi tat-tratturi agrikoli bir-roti; jixraq li dik id-Direttiva tiġi emendata ħalli tiżdied din il-protezzjoni billi jiddaħħlu speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jipprovdu protezzjoni kontra oġġetti li jaqgħu, kontra il-penetrazzjoni ta’ oġġetti fil-kabina u kontra sustanzi perikolużi; barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-manwal tal-operatur.
(7) Biex tinkiseb tmexxija mingħajr intoppi tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip, u b’mod partikolari sabiex tittejjeb is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, għandu jiġi definit kontenut minimu għall-manwal tal-operatur. Dan għandu jiżgura li l-operaturi jkollhom it-tagħrif meħtieġ sabiex jevalwaw kemm huma xierqa t-tratturi għall-użu maħsub għalihom, kif ukoll għat-twettiq tal-manutenzjoni li tixraq.
(8) Għandhom jiġu rekwiżiti skont l-aktar żviluppi teknoloġiċi avvanzati dispożizzjonijiet għal Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu, jekk it-trattur ikun fornit b’dawn l-istrutturi, Strutturi Protettivi għall-Operaturi, jekk it-trattur ikun fornit b’dawn l-istrutturi, u għall-prevenzjoni ta’ kuntatt ma’ sustanzi perikolużi.
(9) Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku – Tratturi Agrikoli,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 76/763/KEE hija emendata skont l-Anness I ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
Id-Direttiva 2009/144/KE hija emendata skont l-Anness II ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
1. B’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:
(a) jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali; jew
(b) jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz tat-tali vetturi,
2. B’effett minn sena (1) mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ vetturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KEE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:
(a) jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE; u
(b) jistgħu jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali.
3. B’effett minn sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ, fir-rigward ta’ vetturi ġodda li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 76/763/KEE u d-Direttiva 2009/144/KE kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet marbuta mas-suġġett ta’ dawn id-Direttivi:
(a) jikkunsidraw ċertifikati tal-konformità li jakkumpanjaw il-vetturi ġodda skont id-Direttiva 2003/37/KE li ma jibqgħux aktar validi għall-għanijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37/KE; u
(b) jistgħu jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew it-tħaddim ta’ dawn il-vetturi.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill- 1 ta’ Marzu 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit- 2 ta’ Marzu 2011.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 5
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il- 11 ta’ Awwissu 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel Barroso
[1] ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.
[2] ĠU L 262, 27.9.1976, p. 1.
[3] ĠU L 27, 30.1.2010, p. 33.
[4] ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.
--------------------------------------------------
ANNESS I
L-Anness tad-Direttiva 76/763/KEE jeħodlu postu l-Anness li ġej:
"ANNESS
Is-sedili tal-passiġġieri, jekk jiġu pprovduti, għandhom ikunu konformi ma’ EN 15694:2009."
--------------------------------------------------
ANNESS II
Id-Direttiva 2009/144/KE hija emendata kif ġej:
1. It-titolu tal-Anness II fil-lista tal-annessi huwa emendat biex jinqara hekk:
"Il-kontrollur tal-veloċità u l-protezzjoni tal-komponenti tas-sewqan, tal-partijiet sporġuti u tar-roti, rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, il-manwal tal-operatur".
2. It-titolu tal-Anness II huwa emendat biex jiġi jinqara hekk:
"Il-kontrollur tal-veloċità u l-protezzjoni tal-komponenti tas-sewqan, tal-partijiet sporġuti u tar-roti, rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, il-manwal tal-operatur".
3. Fl-Anness II huma miżjuda l-punti li ġejjin:
"3. REKWIŻITI TAS-SIKUREZZA ADDIZZJONALI GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET SPEĊJALI
3.1. Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu
L-Istrutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu (FOPS), jekk ipprovduti, għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi 10 tal-OECD [1].
3.2. Strutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi
3.2.1. L-Istrutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi (OPS), jekk jiġu pprovduti, għandhom ikunu konformi ma’ ISO 8084:2003 [2].
3.2.2. Għal applikazzjonijiet oħra minbarra dawk tal-foresterija u bla ħsara għall-punt 3.2.1, it-tratturi bil-ħġieġ skont il-punt 1.1.3 tal-Anness III A għandhom jitqiesu li huma attrezzati bi Strutturi ta’ Protezzjoni għall-Operaturi (OPS).
3.3. Il-prevenzjoni tal-kuntatt ma’ Sustanzi Perikolużi
Ir-rekwiżiti ta’ EN 15695-1:2009 għandhom japplikaw għat-tratturi kollha mfissra fil-punt (j) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/37/KE, jekk dawn ikunu qed jintużaw f’kundizzjonijiet li jistgħu jikkawżaw ir-riskju ta’ kuntatt ma’ sustanzi perikolużi; f’każ hekk il-kabina għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-livell 2, 3 jew 4 ta’ dan l-istandard. Il-kriterji għall-għażla bejn il-livelli jridu jitfissru u jkunu konformi ma’ dawk indikati fil-manwal tal-operatur. Għall-bexx bil-pestiċidi l-kabina trid tkun tal-livell 4.
4. MANWAL GĦALL-OPERATUR
Il-manwal għall-operatur għandu jikkonforma mal-ISO 3600:1996 [3] bl-eċċezzjoni tat-taqsima 4.3. ("Identifikazzjoni tal-magna").
4.1. Partikolarment, jew flimkien mar-rekwiżiti fl-istandard ISO 3600:1996, il-manwal għall-operatur għandu jkopri dan li ġej:
(a) aġġustament tas-sedil u tas-sospensjoni b’rabta mal-pożizzjoni ergonomika tal-operatur fir-rigward tal-kontrolli u biex jiġu minimizzati r-riskji minn vibrazzjoni tal-ġisem kollu;
(b) l-użu u l-aġġustament tas-sistema għas-sħana, il-ventilazzjoni u l-arja kondizzjonata, meta jkunu provduti;
(c) l-istartjar u t-twaqqif tal-magna;
(d) il-pożizzjoni tal-ħruġ ta’ emerġenza u l-metodu tal-ftuħ tagħhom;
(e) it-tlugħ fit-trattur u l-inżul minnu;
(f) iż-żona ta’ periklu qrib l-assi pivotali ta’ trattur artikolat;
(g) l-użu ta’ għodod speċjali, jekk xi wħud minn dawn jiġu pprovduti;
(h) metodi sikuri użati għas-servis u għall-manutenzjoni;
(i) informazzjoni dwar il-perjodu bejn spezzjoni u oħra tal-pajpijiet tal-ħajdrolik;
(j) struzzjonijiet dwar kif għandu jiġi rmunkat it-trattur;
(k) struzzjonijiet dwar l-użu sikur ta’ ġakkijiet u punti rakkomandati ta’ ġġakkjar;
(l) perikli marbuta mal-batteriji u t-tank tal-fjuwil;
(m) l-użu projbit tat-trattur, fejn jeżistu perikli li jinqaleb u jissemma wkoll li l-lista mhix waħda li tinkludi kull possibbiltà eżistenti;
(n) riskji reżidwi, marbuta ma’ partijiet jaħarqu, bħal ma huma l-mili taż-żejt jew tas-sustanza għat-tkessiħ f’magni jew f’gerboksis jaħarqu;
(o) il-livell ta’ protezzjoni ta’ Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li jaqgħu, jekk applikabbli;
(p) il-livell ta’ protezzjoni kontra sustanzi perikolużi, jekk applikabbli;
(q) il-livell ta’ protezzjoni ta’ Strutturi Protettivi għall-Operaturi, jekk applikabbli.
4.2. It-twaħħil, l-iżmuntar u x-xogħol b’makkinarju armat, trejlers u makkinarju rmunkat li jista’ jinbidel
Il-manwal għall-operatur għandu jinkludi dan li ġej:
(a) twissjia sabiex jiġu segwiti bir-reqqa l-istruzzjonijiet elenkati fil-manwal għall-operatur tal-makkinarju jew it-trejler armat jew irmunkat, u sabiex il-kombinazzjoni trattur - makkinarju jew trattur-trejler ma jitħaddmux sakemm l-istruzzjonijiet kollha ma jiġux segwiti;
(b) twissija sabiex wieħed iżomm lura miż-żona tat-"three-point linkage" waqt li din tkun qed tiġi kkontrollata;
(c) twissija li l-makkinarju armat irid jitbaxxa mal-art qabel ma t-trattur jitħalla waħdu;
(d) il-veloċità tal-"power take-off drive shafts" waqt it-tħaddim tal-makkinarju armat jew tal-vettura rmunkata;
(e) rekwiżit li jintużaw biss "power take-off drive shafts" bi protezzjoni adegwata;
(f) informazzjoni dwar tagħmir għall-irbit li jaħdem bil-ħajdrolik u l-funzjoni tiegħu;
(g) informazzjoni dwar il-kapaċità massima ta’ rfigħ tat-"three-point linkage";
(h) informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-massa totali, it-tagħbija fuq il-fusien, il-kapaċità ta’ tagħbija tat-tajers u s-saborra minima meħtieġa;
(i) informazzjoni dwar is-sistemi ta’ bbrejkjar disponibbli għat-trejlers u l-kompatibbiltà tagħhom ma’ vetturi rmunkati;
(j) it-tagħbija vertikali massima fuq l-irbit ta’ wara, f’relazzjoni mad-daqs tat-tajers ta’ wara u t-tip ta’ rbit;
(k) informazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir b’"power take-off drive shafts" u li l-inklinazzjoni possibbli teknika tax-xaftijiet tiddependi fuq il-forma u d-daqs tal-"master shield" u/jew il-"clearance zone", inkluża l-informazzjoni speċifika rekwiżita fil-każ ta’ PTO tip 3 b’dimensjoni ridotta;
(l) repetizzjoni tad-dejta fuq il-pjanċa mandatorja dwar mases irkmunkati massimi permissibbli;
(m) twissija biex ħadd ma jidħol bejn it-trattur u l-vettura rmunkata.
4.3. Dikjarazzjoni ta’ storbju
Il-manwal għall-operatur għandu jispeċifika l-livell ta’ ħoss f’widnejn l-operatur, imkejjel skont id-Direttiva 2009/76/KE [4] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-ħoss tat-trattur hu u miexi, imkejjel skont l-Anness VI tad-Direttiva 2009/63/KE [5] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
4.4. Dikjarazzjoni dwar il-vibrazzjonijiet
Il-manwal għall-operatur għandu jistipula l-livell ta’ vibrazzjonijiet imkejjel skont id-Direttiva tal-Kunsill 78/764/KEE [6].
4.5. Il-modi ta’ tħaddim rilevanti ta’ trattur li wieħed jista’ raġonevolment jistennihom u li huma identifikati bħala ta’ periklu partikolari huma dawn li ġejjin:
(a) xogħol b’tagħmir li jgħabbi minn quddiem (riskju minn oġġetti li jaqgħu);
(b) applikazzjoni forestali (riskju minn oġġetti li jaqgħu/penetranti);
(c) xogħol b’tagħmir għall-bexx tal-uċuħ tar-raba’, armat jew irmunkat (riskju minn sustanzi perikolużi).
Għandu jingħata każ partikolari fil-manwal għall-operatur għall-użu tat-trattur flimkien mat-tagħmir imsemmi hawn fuq.
4.5.1. Tagħmir għat-tagħbija minn quddiem
4.5.1.1. Il-manwal għall-operatur għandu jagħti sinteżi tal-perikli assoċjati max-xogħol ta’ tagħmir għat-tagħbija minn quddiem, u jispjega kif jistgħu jiġu evitati dawk il-perikli.
4.5.1.2. Il-manwal għall-operatur għandu jindika l-punti ta’ rbit fuq il-bodi tat-trattur fejn irid jitwaħħal it-tagħmir għat-tagħbija minn quddiem, flimkien mad-daqs u l-kwalità tat-tagħmir li għandu jintuża għat-twaħħil. Jekk ma jkunu previsti l-ebda punti ta’ twaħħil bħal dawn, il-manwal tal-operatur għandu jipprojbixxi l-istallazzjoni ta’ tagħmir għat-tagħbija minn quddiem.
4.5.1.3. It-tratturi attrezzati b’funzjonijiet programmabbli ta’ sekwenzar idrawliku għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif jitqabbdu l-idrawliċi tal-loader ħalli din il-funzjoni tkun inoperabbli.
4.5.2. Applikazzjoni forestali
4.5.2.1. F’każ ta’ użu ta’ trattur agrikolu f’applikazzjoni forestali, il-perikli identifikati huma dawn li ġejjin:
(a) siġar li jaqgħu, l-aktar fil-każ ta’ krejn li jaqbad mat-trattur billi jitwaħħal fuq in-naħa ta’ wara tat-trattur;
(b) oġġetti li jippenetraw il-kabina tal-operatur, l-aktar fil-każ li jitwaħħal mutur għall-ġbid fuq in-naħa ta’ wara tat-trattur.
4.5.2.2. Il-manwal għall-operatur għandu jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:
(a) l-eżistenza tal-perikli mfissra fil-punt 4.5.2.1.;
(b) kull tagħmir mhux mandatorju li jista’ jkun disponibbli, kontra dawk il-perikli;
(c) punti ta’ twaħħil fuq it-trattur fejn strutturi protettivi jistgħu jitwaħħlu, flimkien mad-daqs u l-kwalità tal-ħardwer li għandu jintuża; meta ma jeżistu l-ebda mezzi previsti sabiex jitwaħħlu strutturi adegwati ta’ protezzjoni, dan għandu jissemma;
(d) strutturi protettivi jistgħu jikkonsistu minn qafas li jipproteġi l-istazzjon ta’ tħaddim kontra siġar li jaqgħu jew xbieki (bil-malji) quddiem il-bibien tal-kabina, is-saqaf u t-twieqi;
(e) il-livell tas-Sistema ta’ Protezzjoni kontra Oġġetti li Jaqgħu, jekk din tkun ipprovduta.
4.5.3. Xogħol b’tagħmir għall-bexx tal-uċuħ tar-raba’ (riskju minn sustanzi perikolużi)
Il-livell ta’ protezzjoni kontra sustanzi perikolużi, skont l-EN 15695-1:2009, għandhom jitfissru fil-manwal tal-operatur."
4. It-titolu tal-Appendiċi għall-Anness II huwa emendat hekk:
"ANNESS MAĊ-ĊERTIFIKAT TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE GĦAL TIP TA’ TRATTUR FIR-RIGWARD TAL-KONTROLLUR TAL-VELOĊITÀ U L-PROTEZZJONI TAL-KOMPONENTI TAS-SEWQAN, PROJEZZJONIJIET U ROTI, REKWIŻITI ADDIZZJONALI TAS-SIKUREZZA GĦAL APPLIKAZZJONIJIET SPEĊJALI, MANWAL TAL-OPERATUR"
5. Il-Punt 1 tal-Appendiċi għall-Anness II ikun komplut bil-linji li ġejjin wara l-punt 1.2.:
"1.3. Rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għall-applikazzjonijiet speċjali, jekk applikabbli:
1.3.1. Strutturi Protettivi kontra Oġġetti li Jaqgħu
1.3.2. Strutturi għall-Protezzjoni tal-Operaturi
1.3.3. Il-prevenzjoni tal-kuntatt ma’ Sustanzi Perikolużi".
6. Il-Punt 15 tal-Appendiċi għall-Anness II (lista ta’ dokumenti) ikun komplut permezz ta’ dan li ġej:
"… manwal tal-operatur."
[1] Il-kodiċi standard tal-OECD għall-ittestjar uffiċjali ta’ strutturi protettivi kontra oġġetti li jaqgħu fuq tratturi agrikoli u forestarji Kodiċi 10 - Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD C(2008) 128 ta’ Ottubru 2008.
[2] Dan id-dokument jista’ jinstab fuq il-paġna tal-Internet: http://www.iso.org/iso/en/CatalogueDetailPage.CatalogueDetail?CSNUMBER = 9021&ICS1 = 65&ICS2 = 60&ICS3 = 1
[3] Dan id-dokument jista’ jinstab fuq il-paġna tal-Internet: http://www.iso.org/iso/en/CatalogueDetailPage.CatalogueDetail?CSNUMBER = 9021&ICS1 = 65&ICS2 = 60&ICS3 = 1
[4] ĠU L 201, 1.8.2009, p. 18.
[5] ĠU L 214, 19.8.2009, p. 23.
[6] ĠU L 255, 18.9.1978, p. 1.
--------------------------------------------------
| Fuq |