EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0707

2010/707/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

OJ L 308, 24.11.2010, p. 46–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 008 P. 109 - 114

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/707/oj

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2010

dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

(2010/707/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (4),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula fl-Artikolu 145 li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza ta' xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li tadatta kif ukoll swieq ta' xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-għan li jiksbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri, wara li jikkunsidraw il-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal- ġestjoni u l-impjiegi, għandhom iqisu l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 148 tat-TFUE.

(2)

It-TFUE jistipula fl-Artikolu 3(3) li l-Unjoni għandha timmira lejn impjiegi għal kulħadd u għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni u jipprevedi inizjattivi tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-Istati Membri. L-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-Artikolu 9 tiegħu jipprevedi li fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tar-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(3)

It-TFUE jipprevedi li l-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika għandhom jiġu adottati mill-Kunsill sabiex ikunu ta' gwida għal-linji politiċi tal-Istati Membri.

(4)

L-Istrateġija ta' Lisbona, varata fl-2000, kienet ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-ħtieġa tal-UE li żżid l-impjiegi, il-produttività u l-kompetittività tagħha, filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, quddiem il-kompetizzjoni globali, it-tibdil teknoloġiku, l-isfidi ambjentali u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. L-Istrateġija ta' Lisbona ġiet imnedija mill-ġdid fl-2005, wara reviżjoni ta' nofs it-terminu li wasslet għal enfasi ikbar fuq it-tkabbir, u fuq iktar impjiegi u impjiegi aħjar.

(5)

L-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi għenet biex jinħoloq kunsens dwar id-direzzjoni ġenerali tal-politika ekonomika tal-UE u ta' dawk dwar l-impjiegi. Skont l-istrateġija, kemm il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika kif ukoll il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew adottati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE (5) u riveduti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE (6). L-24 linji gwida kienu l-bażijiet għall-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, li jispjegaw il-prijoritajiet prinċipali ta' riforma makroekonomiċi, mikroekonomiċi u tas-suq tax-xogħol għall-Unjoni komplessivament. Madankollu, l-esperjenza turi li l-linji gwida ma stabbilixxewx prijoritajiet ċari biżżejjed u li r-rabtiet bejniethom setgħu kienu iktar b’saħħithom. Dan illimita l-impatt tagħhom fuq it-tfassil ta' politika nazzjonali.

(6)

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008 rriżultat f’telf sinifikanti ta' impjiegi u produzzjoni potenzjali u wasslet għal deterjorament drammatiku fil-finanzi pubbliċi. Il-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku madankollu għen lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi, parzjalment permezz ta' stimolu fiskali kkoordinat, filwaqt li l-euro pprovdiet ankraġġ għall-istabbiltà makroekonomika. Għalhekk il-kriżi wriet li anke meta l-koordinazzjoni tal-linji politiċi tal-Unjoni tissaħħaħ u ssir iktar effettiva, hija tista’ tagħti riżultati sinifikanti. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-prestazzjoni ekonomika u tal-impjiegi tal-Istati Membri.

(7)

Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi strateġija ġdida għad-deċennju li jmiss, imsejħa l-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tippermetti lill-Unjoni toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi, u biex iddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien ma' livell għoli ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li jieħdu kont tal-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u li jiggwidaw ukoll l-azzjoni tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom, addizzjonalment, jagħmlu kull sforz biex jilħqu l-miri nazzjonali u biex jeliminaw l-ostakli li jillimitaw it-tkabbir.

(8)

Bħala parti mill-“istrateġiji ta' ħruġ” komprensivi għall-kriżi ekonomika, l-Istati Membri għandhom iwettqu riformi ambizzjużi biex jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika, il-promozzjoni ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, itejbu l-kompetittività u l-produttività, inaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi u jsaħħu l-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol. L-irtirar tal-istimolu fiskali għandu jiġi implimentat u kkoordinat fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jimplimentaw ir-riformi mmirati lejn “tkabbir intelliġenti”, jiġifieri tkabbir stimolat mill-għarfien u l-innovazzjoni. Ir-riformi għandhom jimmiraw lejn it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u li jiżguraw aċċess għal kulħadd, kif ukoll jimmiraw lejn it-tisħiħ tar-riċerka, il-prestazzjoni tan-negozju u aktar titjib tal-qafas regolatorju sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fl-Unjoni kollha. Ir-riformi għandhom iħeġġu l-intraprenditorija, l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u jgħinu biex jittraduċu ideat kreattivi fi prodotti, servizzi u proċessi innovattivi li jistgħu joħolqu tkabbir, impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, u jindirizzaw b’mod iktar effiċjenti l-isfidi relatati mas-soċjetà Ewropea u globali. Huwa essenzjali f’dan il-kuntest li jiġu sfruttati bi sħiħ it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

(10)

Il-linji politiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, anke permezz tal-programmi ta' riforma tagħhom, għandhom jimmiraw lejn “it-tkabbir sostenibbli”. It-tkabbir sostenibbli jfisser bini ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, li hi sostenibbli u kompetittiva, tqassim ġust tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-isfruttar tal-pożizzjoni ta' tmexxija tal-Ewropa fit-tellieqa għall-iżvilupp ta' proċessi u teknoloġiji ġodda, li jinkludu t-teknoloġiji ekoloġiċi. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra u jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti, li ser jgħinu wkoll fil-prevenzjoni mid-degradazzjoni ambjentali u t-telf tal-bijodiversità. Huma għandhom ukoll itejbu l-ambjent tan-negozju, jistimolaw il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u jgħinu lill-intrapriżi jimmodernizzaw il-bażi industrijali tagħhom.

(11)

Il-linji politiċi tal-Unjoni u l-programmi ta' riforma tal-Istati Membri għandhom ukoll ikunu mmirati lejn “tkabbir inklużiv” It-tkabbir inklużiv ifisser bini ta' soċjeta koeżiva li fiha n-nies jingħataw is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u konsegwentement jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Ir-riformi tal-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw aċċess u opportunitajiet għal kulħadd fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu, biex b’hekk jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol speċjalment għan-nisa, il-ħaddiema anżjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabbiltà u l-migranti legali. Huma għandhom ukoll jiżguraw li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jilħqu liċ-ċittadini u lir-reġjuni kollha u jrawmu tkabbir li jtejjeb l-impjiegi, abbażi ta' xogħol diċenti. Għalhekk, l-iżgurar tal-funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol permezz ta' investiment fi tranżizzjonijiet b’suċċess, fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fl-iżvilupp adattat tal-kapaċitajiet, f’titjib fil-kwalità tal-impjiegi, u fil-ġlieda kontra s-segmentazzjoni, il-qgħad strutturali, il-qgħad taż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' attività filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli u inklużjoni attiva biex jiġi evitat u jitnaqqas il-faqar, b’attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-faqar fost min jaħdem u għat-tnaqqis tal-faqar fost il-gruppi l-iktar f’riskju ta' esklużjoni soċjali, inklużi t-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li fl-istess ħin tiġi osservata l-konsolidazzjoni fiskali maqbula, għandhom ikunu fil-qalba tal-programmi ta' riforma tal-Istati Membri.

(12)

Il-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-forza tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Għalhekk, perspettiva viżibbli ta' ugwaljanza bejn is-sessi, integrata fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha, hija kruċjali għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-linji gwida tal-Istati Membri. Għandhom jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jiġi appoġġat il-forniment ta' servizzi tal-kura tat-tfal adegwati, bi prezz li jista’ jintlaħaq u ta' kwalità għolja għat-tfal li jkunu iżgħar mill-età tal-iskola obbligatorja. Il-prinċipju ta' ħlas ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jiġi applikat.

(13)

Ir-riformi strutturali tal-Unjoni u tal-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu effettivament għat-tkabbir u l-impjiegi jekk isaħħu l-kompetittività tal-UE fl-ekonomija globali, jiftħu opportunitajiet ġodda għall-esportaturi Ewropej u jipprovdu aċċess kompetittiv għall-importazzjonijiet vitali. Għalhekk ir-riformi għandhom iqisu l-implikazzjonijiet fuq il-kompetittività esterna tagħhom biex irawmu tkabbir u parteċipazzjoni Ewropej fi swieq miftuħa u ġusti fid-dinja kollha.

(14)

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun ibbażata fuq sett integrat ta' linji politiċi Ewropej u nazzjonali, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw bis-sħiħ u f’waqtu, sabiex jiksbu l-effetti mifruxin pożittivi ta' riformi strutturali kkoordinati u kontribut aktar konsistenti mil-linji politiċi Ewropej għall-objettivi tal-istrateġija. Il-linji gwida huma qafas għall-Istati Membri fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' linji politiċi nazzjonali fil-kuntest tal-istrateġija ġenerali tal-UE. Il-miri ewlenin ta' Ewropa 2020 elenkati taħt il-linji gwida rilevanti għandhom jiggwidaw lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom u kwalunkwe mira sekondarja, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali relattivi tagħhom, u f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom għat-teħid ta' deċiżjonijiet. Fejn jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-indikaturi żviluppati mill-Kumitat tal-Impjiegi jew mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, skont il-każ. Il-mira ewlenija tal-impjiegi tiġbed l-attenzjoni għat-tnaqqis tal-qgħad ta' gruppi vulnerabbli, inklużi ż-żgħażagħ.

(15)

Il-politika ta' koeżjoni u l-fondi strutturali tagħha huma fost numru ta' mekkaniżmi importanti għall-ksib tal-prijoritajiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri u r-reġjuni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li tiġi promossal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tikkontribwixxi għas-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020 il-ġdida.

(16)

Huma u jfasslu u jimplimentaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom b’kont meħud ta' dawn il-linji gwida, l-Istati Membri għandhom jiżguraw governanza effikaċi tal-politika tal-impjiegi. Filwaqt li dawn il-linji gwida huma indirizzati lejn l-Istati Membri, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata, immonitorjata u evalwata, kif adatt, fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-assoċjazzjoni mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tal-imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li għandhom jikkontribwixxu għall-elaborazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-komunikazzjoni ġenerali dwar l-istrateġija.

(17)

L-istrateġija Ewropa 2020 hija bbażata fuq sett iżgħar ta' linji gwida, li jissostitwixxi s-sett preċedenti ta' 24 u tindirizza kwistjonijiet ta' impjiegi u ta' politika ekonomika ġenerali b’mod koerenti. Il-linji gwida għall-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri, annessi ma' din id-Deċiżjoni, huma marbutin b’mod intrinsiku mal-linji gwida għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni, annessi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (7). Flimkien, huma jifformaw il-“Linji Gwida Integrati tal-istrateġija Ewropa 2020”.

(18)

Dawn il-linji gwida integrati ġodda huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u b’mod konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jifformaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat, sabiex jifforma pakkett koerenti ta' rakkomandazzjonijiet. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew.

(19)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jimmonitorjaw il-progress fir-rigward tal-aspetti tal-impjiegi u dawk soċjali tal-linji gwida dwar l-impjiegi, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. B’mod partikolari dan għandu jibni fuq l-attivitajiet tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fl-oqsma tal-impjiegi u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk il-Kumitat tal-Impjiegi għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-istanzi preparatorji rilevanti l-oħra tal-Kunsill, anke fil-qasam tal-edukazzjoni.

(20)

Għalkemm dawn għandhom jitfasslu kull sena, dawn il-linji gwida għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 biex ikun żgurat li l-attenzjoni tinżamm iċċentrata fuq l-implimentazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan adottati l-linji gwida, kif stabbiliti fl-Anness, għal-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

Artikolu 2

Il-linji gwida għandhom jitqiesu fil-linji politiċi tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li dwarhom għandhom isiru rapporti fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. MILQUET


(1)  Opinjoni tat-8 ta' Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-27 ta' Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-10 ta' Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Opinjoni tal-20 ta' Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(6)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.

(7)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.


ANNESS

LINJI GWIDA GĦAL-LINJI POLITIĊI TAL-ISTATI MEMBRI DWAR L-IMPJIEGI

Linja gwida 7:   Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, it-tnaqqis tal-qgħad strutturali u l-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol

L-attivazzjoni hija l-qofol biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-prinċipji ta' flessigurtà approvati mil-Kunsill Ewropew fil-linji politiċi dwar is-suq tax-xogħol tagħhom u japplikawhom, biex b’hekk jagħmlu użu adatt mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-appoġġ minn fondi oħrajn tal-UE bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiġu miġġielda s-segmentazzjoni, in-nuqqas ta' attività u l-inguwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li jitnaqqas il-qgħad strutturali. Il-miżuri li jsaħħu l-flessibbiltà u s-sigurtà għandhom ikunu kemm bilanċjati kif ukoll ta' tisħiħ reċiproku. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jintroduċu kombinazzjoni ta' arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabli, linji politiċi attivi dwar is-suq tax-xogħol, tagħlim effettiv tul il-ħajja, linji politiċi għall-promozzjoni tal-mobbiltà fix-xogħol, u sistemi adegwati ta' sigurtà soċjali biex jiġu żgurati t-transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol akkumpanjati minn drittijiet u responsabbiltajiet ċari sabiex in-nies bla xogħol ifittxu x-xogħol b’mod attiv. Flimkien mal-imsieħba soċjali, għandha tingħata wkoll attenzjoni adegwata lill-flessigurtà interna fil-post tax-xogħol.

L-Istati Membri għandhom iżidu d-djalogu soċjali u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol b’miżuri indirizzati lejn l-impjiegi prekarji, ir-rata baxxa ta' impjiegi u x-xogħol mhux iddikjarat. Il-mobbiltà professjonali għandha tiġi ppremjata. Il-kwalità tal-impjiegi u l-kondizzjonijiet tal-impjiegi għandhom ikunu indirizzati. L-Istati Membri għandhom jiġġieldu l-faqar fost il-ħaddiema u jippromwovu s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Għandha tiġi żgurata wkoll sigurtà soċjali adegwata għal dawk b’kuntratti b’terminu fiss u dawk li jaħdmu għal rashom. Is-servizzi tal-impjiegi għandhom rwol importanti fl-attivazzjoni u t-tlaqqigħ u għalhekk għandhom jissaħħu b’servizzi personalizzati u miżuri attivi u preventivi għas-suq tax-xogħol fi stadju bikri. Dawn is-servizzi u miżuri għandhom ikunu miftuħin għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ, dawk mhedda mill-qgħad, u dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol.

Il-linji politiċi għar-rendiment mix-xogħol għadhom importanti. Sabiex tiżdied il-kompetittività u jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni, b’mod partikolari għal dawk bi ftit kwalifiki, u f’konformità mal-linja gwida 2 tal-politika ekonomika, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kondizzjonijiet qafas tajbin għan-negozjar fil-pagi u l-evoluzzjoni tan-nefqa għall-impjiegi konsistenti mal-istabbiltà fil-prezzijiet u x-xejriet fil-produttività. L-Istati Membri għandhom jirrevedu s-sistemi tat-taxxi u l-benefiċċji, u l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu l-appoġġ meħtieġ, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol u tiġi stimolata d-domanda għax-xogħol. Huma għandhom jippromwovu t-tixjiħ attiv, l-ugwaljanza bejn is-sessi inklużi l-pagi ndaqs u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, ta' persuni b’diżabbiltajiet, ta' migranti legali u gruppi vulnerabbli oħrajn. Il-linji politiċi għal bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, bil-forniment ta' kura bi prezz li jintlaħaq u l-innovazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol, għandhom ikunu mmirati li jżidu r-rati tal-impjieg, partikolarment fost iż-żgħażagħ, il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u n-nisa. L-Istati Membri għandhom ukoll jneħħu l-ostakli għad-dħul fis-suq tax-xogħol għal min ikun ġdid, jippromwovu l-impjieg ta' min jaħdem għal rasu, l-intraprenditorija u l-ħolqien ta' impjiegi fl-oqsma kollha inklużi l-impjiegi ekoloġiċi u l-kura u jippromwovu l-innovazzjoni soċjali.

Il-mira ewlenija tal-UE, li abbażi tagħha l-Istati Membri ser jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali relattivi tagħhom, hija li sal-2020 jintlaħaq livell ta' 75 % tar-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel bejn 20-64 sena, anke permezz ta' parteċipazzjoni ikbar taż-żgħażagħ, il- ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki u t-titjib tal-integrazzjoni tal-migranti legali.

Linja gwida 8:   L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol b’ħiliet li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet li jaqblu mad-domanda attwali u dik futura fis-suq tax-xogħol. Edukazzjoni ta' kwalità inizjali u taħriġ vokazzjonali attraenti għandhom ikunu kkomplementati minn inċentivi effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja ta' dawk b’impjieg u dawk mingħajr impjieg, biex b’hekk jiġi żgurat li kull adult ikollu l-opportunità li jerġa’ jitħarreġ jew li jitla’ grad ‘il fuq fil-kwalifika tiegħu u jegħleb l-isterjotipi tal-ġeneru, kif ukoll permezz ta' opportunitajiet għal ċans ieħor għat-taħriġ u minn linji politiċi mmirati dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sistemi għar-rikonoxximent tal-kompetenzi miksuba, u għandhom ineħħu l-ostakli għall-mobbiltà professjonali u ġeografika tal-ħaddiema, jippromwovu l-kisba ta' kompetenzi trasversali b’appoġġ tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. B’mod partikolari, l-isforzi għandhom jiffokaw fuq l-appoġġ ta' dawk bi ftit ħiliet jew b’ħiliet obsoleti, li tiżdied il-kapaċità ta' impjieg tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, li jissaħħu t-taħriġ, il-ħiliet u l-esperjenza tal-ħaddiema bi kwalifiki ogħla, inklużi r-riċerkaturi u n-nisa f’oqsma xjentifiċi, matematiċi u teknoloġiċi.

F’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u n-negozji, l-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċess għat-taħriġ, isaħħu l-edukazzjoni u l-orjentament professjonali. Dan it-titjib għandu jsir flimkien mal-għoti ta' informazzjoni sistematika dwar possibbiltajiet u opportunitajiet ġodda ta' impjieg, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u antiċipazzjoni msaħħa tal-ħtiġijiet ta' ħiliet. Għandhom jiġu promossi l-investiment fl-iżvilupp ta' riżorsi umani, it-tisħiħ tal-kwalifiki u l-parteċipazzjoni fi skemi ta' tagħlim tul il-ħajja permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji konġunti minn gvernijiet, individwi u min iħaddem. Bħala appoġġ għaż-żgħażagħ u b’mod partikolari għal dawk li m’għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, l-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, għandhom iwaqqfu skemi biex jgħinu lil dawn il-persuni jsibu impjieg inizjali, esperjenza ta' xogħol, edukazzjoni avvanzata u opportunitajiet ta' taħriġ, inklużi l-apprendistati, u għandhom jintervjenu rapidament meta ż-żgħażagħ jitilfu l-impjieg.

Il-monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tal-linji politiċi għat-tisħiħ tal-kwalifiki u ta' antiċipazzjoni għandu jgħin fl-identifikazzjoni tal-oqsma għat-titjib u jżid il-kapaċità ta' rispons tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet attwali u emerġenti tas-suq tax-xogħol, bħall-ekonomija b’livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. L-FSE u fondi oħrajn tal-UE għandhom jiġu mmobbilizzati, fejn ikun il-każ, mill-Istati Membri b’appoġġ għal dawn l-objettivi. Il-linji politiċi li jistimolaw id-domanda għax-xogħol jistgħu jikkomplementaw l-investimenti fil-kapital uman.

Linja gwida 9:   Titjib tal-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti.

Sabiex jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għal kulħadd u biex jitjiebu l-eżiti edukattivi, l-Istati Membri għandhom jinvestu b’mod effiċjenti f’sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ b’mod partikolari biex jgħollu l-livell ta' ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-UE, sabiex din tkun tista’ tossodisfa l-ħtiġijiet li qed jinbidlu rapidament tas-swieq tax-xogħol moderni u tas-soċjetà inġenerali. F’konformità mal-prinċipji tat-tagħlim tul il-ħajja, l-azzjoni għandha tkopri s-setturi kollha (mill-edukazzjoni u l-iskejjel tat-tfulija bikrija sal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, kif ukoll it-tagħlim għall-adulti) filwaqt li jitqiesu wkoll il-kuntesti informali u dawk mhux formali. Ir-riformi għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li jinkisbu l-kompetenzi ewlenin li jeħtieġ kull individwu biex ikollu suċċess f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien, b’mod partikolari f’termini tal-kapaċità ta' impjieg tiegħu f’konformità mal-prijoritajiet imsemmija fil-linja gwida 4. Il-mobbiltà internazzjonali għal dawk li qegħdin jitgħallmu u għall-għalliema għandha tkun inkoraġġuta. Għandhom jittieħdu passi wkoll biex jiġi żgurat li l-mobbiltà tat-tagħlim għaż-żgħażagħ u l-għalliema ssir ir-regola. L-Istati Membri għandhom itejbu l-ftuħ u r-rilevanza tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali li jippermettu direzzjonijiet flessibbli ta' tagħlim u bl-iżvilupp ta' sħubiji bejn id-dinja tal-edukazzjoni/taħriġ u dik tax-xogħol. Il-professjoni tal-għalliema għandha ssir aktar attraenti u għandha tingħata attenzjoni lill-edukazzjoni inizjali u lill-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema. L-edukazzjoni għolja għandha ssir iktar miftuħa għal dawk li qegħdin jitgħallmu f’mod mhux tradizzjonali u għandha tiżdied il-parteċipazzjoni f’edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti. Bil-għan li jitnaqqas in-numru ta' żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, f’edukazzjoni jew f’taħriġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprevjenu t-tluq qabel iż-żmien mill-iskola.

Il-mira ewlenija tal-UE, li abbażi tagħha l-Istati Membri ser jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, b’kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali relattivi tagħhom, hija tnaqqas ir-rati ta' dawk li jieqfu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10 %, u żżid is-sehem ta' dawk bejn 30 u 34 sena b’edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti kkompletata għal mhux inqas minn 40 %. (1)

Linja gwida 10:   Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

L-estensjoni tal-opportunitajiet ta' impjieg hija aspett essenzjali tal-istrateġiji integrati tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u fl-ekonomija. Għandu jsir użu adatt tal-Fond Soċjali Ewropew u ta' fondi oħrajn tal-UE għal dak il-għan. L-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs, inkluż permezz ta' aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja, bi prezz li jista’ jintlaħaq, u sostenibbli għal kulħadd, b’mod partikolari fil-qasam soċjali. Is-servizzi pubbliċi (inklużi s-servizzi online, f’konformità mal-linja gwida 4) għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri antidiskriminatorji effettivi. Ir-responsabbilizzazzjoni tal-persuni u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol filwaqt li jiġi prevenut il-faqar fost il-ħaddiema ser jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Dan jeħtieġ it-tisħiħ tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, tat-taħriġ tul il-ħajja u tal-linji politiċi attivi u komprensivi dwar l-inklużjoni biex jinħolqu opportunitajiet fi stadji differenti tal-ħajja tal-persuni u biex jiġu protetti mir-riskju tal-esklużjoni, b’attenzjoni speċjali għan-nisa. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, għandhom ikunu modernizzati u użati kompletament biex jiġu żgurati l-appoġġ tad-dħul u s-servizzi adegwati — biex b’hekk tiġi pprovduta koeżjoni soċjali — filwaqt li tinżamm sostenibbiltà finanzjarja u tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.

Is-sistemi ta' benefiċċju għandhom jiffukaw fuq l-iżgurar ta' sigurtà ta' dħul matul it-transizzjonijiet u t-tnaqqis tal-faqar, b’mod partikolari fost il-gruppi li jinsabu fl-ikbar riskju ta' esklużjoni soċjali, bħall-familji b’ġenitur wieħed, il-minoranzi inklużi r-Rom, il-persuni b’diżabbiltà, it-tfal u ż-żgħażagħ, in-nisa u l-irġiel anzjani, il-migranti legali u l-persuni bla dar. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b’mod attiv l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali bl-appoġġ ta' dawk l-iktar vulnerabbli. Il-miżuri kollha għandu jkollhom ukoll l-għan li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-mira ewlenija tal-UE, li abbażi tagħha l-Istati Membri ser jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, b’kont meħud tal-kondizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali relattivi tagħhom, hija li ssir promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, permezz tat-tnaqqis tal-faqar billi għall-inqas 20 miljun persuna titneħħa mir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni (2).


(1)  Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddefinixxu u jimplimentaw miri kwantitattivi fil-qasam tal-edukazzjoni.

(2)  Il-popolazzjoni hija definita bħala n-numru ta' persuni li huma fir-riskju ta' faqar u esklużjoni skont tliet indikaturi (f’riskju ta' faqar; deprivazzjoni materjali; familji mingħajr impjieg), li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-iktar adatti, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.


Top