2010/9/UE: Dċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 3, 7.1.2010, p. 23–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Dċiżjoni tal-Kummissjoni
tas- 6 ta’ Jannar 2010
dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/9/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [1], u partikolarment l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2001/95/KE tipprevedi l-istandards Ewropej li għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Dawn l-istandards għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva.
(2) Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.
(3) Fl-2006 l-Kummissjoni kkummissjonat studju [2] biex tivverifika s-sikurezza ta’ bosta oġġetti ta’ kura tat-tfal li jintużaw spiss għall-kura tat-trabi u t-tfal iż-żgħar li għandhom bejn żero u ħames snin, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, organizzazzjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti, operaturi ekonomiċi u laboratorji ta’ ttestjar.
(4) Għal dawn il-prodotti, l-istudju ġabar statistika rilevanti fuq aċċidenti u korrimenti fl-UE u madwar id-dinja kollha u wettaq stima kompluta tar-riskju, abbażi ta’ identifikazzjoni tal-perikli ewlenin u valutazzjoni tax-xenarji ta’ espożizzjoni.
(5) Sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet, kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom, huma fost il-prodotti vvalutati mill-istudju. Dawn il-prodotti jintużaw biex jinħaslu t-trabi u t-tfal iż-żgħar u ġew identifikati li għandhom riskji serji, fil-biċċa l-kbira ta’ aċċidenti ta’ għarqa li spiss iwasslu għal mewt, minħabba l-età żgħira tal-utenti.
(6) L-evidenza u l-istatistika miġbura mill-aċċidenti konsistentement urew li r-riskju ta’ għarqa huwa dovut għal twissijiet u struzzjonijiet insuffiċjenti, inkonklussivi u li ma jagħtux fil-għajn dwar l-użu bla periklu ta’ prodotti u minħabba l-integrità u r-reżistenza strutturali dgħajfa. Aċċidenti u l-istatistika żvelaw ukoll riskji ta’ waqgħat, korrimenti u inġestjoni ta’ partijiet żgħar assoċjati mal-użu ta’ dawn il-prodotti kif ukoll superviżjoni mhux adattata min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom.
(7) Għalkemm teżisti informazzjoni estensiva madwar id-dinja dwar l-aċċidenti ta’ għarqa fil-banju fit-tfulija bikrija, korrelazzjoni diretta bejn l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju u l-imwiet u l-aċċidenti fil-banju mhijiex konfermata. Ir-riċerkaturi u l-letteratura xjentifika mad-dinja kollha jaqblu li ma hemm l-ebda evidenza deċisiva li turi r-rabta bejn iż-żieda tal-għadd ta’ aċċidenti u l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju. [3] Uħud mir-riċerkaturi, waqt li kienu qed jeżaminaw l-aħħar xejriet taż-żieda fil-bejgħ ta’ sedili tal-banju u t-tnaqqis fl-aċċidenti relatati mal-banjijiet u l-għarqa, saħansitra sostnew "effett protettiv ċkejken" minħabba l-użu tas-sedili tal-banju. [4]
(8) Ma jeżisti l-ebda standard Ewropew għal dawn it-tliet tipi ta’ prodotti. Għalhekk jeħtieġ li jiġu determinati r-rekwiżiti speċifiċi skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, bil-ħsieb li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jintalbu jiżviluppaw standards biex inaqqsu r-riskji assoċjati mal-użu tas-sedili tal-banjijiet, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk għandhom is-saqajn kif ukoll jekk ma għandhomx) waqt li t-trabi jew it-tfal iż-żgħar ikunu qed jingħataw banju. L-istandards għandhom jiġu żviluppati skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. [5] Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE.
(9) Meta l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom) manifatturati b’konformità ma’ standards bħal dawn għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE, sal-punt fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandards.
(10) Biex jittejbu l-livelli attwali ta’ sikurezza waqt l-użu ta’ dawn il-prodotti jeħtieġ, kemm li tittieħed azzjoni fuq standards u tingħata informazzjoni lill-ġenituri u lill-adulti inkarigati mit-tfal dwar l-iskop u l-użu bla periklu ta’ dawn il-prodotti.
(11) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
- "sedili għat-trabi" ("siġġu għall-banju") tfisser prodotti li jżommu lit-tfal f’pożizzjoni sedentarja waqt li jkunu qed jinħaslu. Dawn il-prodotti huma maħsuba għall-użu biss fil-każ ta’ tfal li kapaċi joqogħdu bilqiegħda b’mod wieqaf mingħajr għajnuna u ma għandhomx jintużaw meta t-tfal jibdew jistiraw biex iqumu bilwieqfa.
- "strumenti awżiljari tal-banju għat-trabi" tfisser prodotti li jippermettu li t-tfal jinżammu f’pożizzjoni inklinata jew mimdudin waqt li qed jieħdu l-banju. Dawn il-prodotti maħsuba għall-użu mit-twelid sakemm it-tfal ikunu kapaċi joqogħdu bilqiegħda f’mod wieqaf mingħajr għajnuna.
- "banjijiet għat-trabi u t-tfal iż-żgħar" tfisser prodotti mfassla biex jinħaslu t-tfal mit-twelid sa 12-il xahar. Dawn il-prodotti jistgħu jintużaw bħala prodotti separati, imqiegħda fix-xoffa ta’ banju regolari jew fuqha inkella mal-art, jew inkella jitwaħħlu bis-saqajn.
Artikolu 2
Ir-rekwiżiti
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, is- 6 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kummissjoni
José Manuel Barroso
Il-President
[1] ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.
[2] http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm#project_results
[3] "Drowning of babies in bath seats: do they provide false reassurance?" fir-Royal Society for the Prevention of Accidents (UK). Frar 2005.http://www.rospa.com/productsafety/info/bathseats_drowning.pdf
[4] Comments to CPSC on Advance Notice of Proposed Rulemaking on baths seats and rings by Harvard School of Public Health — Department of Health Policy and Management. Mejju 2001. http://www.cpsc.gov/LIBRARY/FOIA/foia01/pubcom/commenta.pdf
[5] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
--------------------------------------------------
ANNESS
Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għas-sedili tal-banju
IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.
1. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt l-għaxar xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
Is-sedili tal-banju għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/ikollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu:
- Kemm jista jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’,
- Il-qbid f’nassa tas-saqajn li jżommu t-tifel/it-tifla taħt l-ilma f’fetħa li minnha t-tifel/it-tifla rnexxielu/rnexxielha jgħaddi/tgħaddi.
Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu
Oġġetti mfassla biex jinqaflu għandu jkollhom mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra (bejn il-bażi tas-sedil u l-banju) għandu jiġi evitat u ma għandux jikkawża pressjoni kbira perikoluża. Bażijiet li jduru tas-sedili għandhom jitfasslu kemm jista’ jkun b’tali mod li jevitaw laċerazzjonijiet u pressjoni kbira fuq it-tifel/tifla meta jitħaddmu.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jitnaqqs ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa; l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tas-sedil tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq (saqajn li jeħlu bil-vaku ma’ superfiċje jew mezzi oħra) li huwa essenzjali biex il-prodott joqgħod f’postu għandu jikkonserva l-prestazzjoni kemm għandu ħajja l-prodott.
Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjoni mekkanika li jirċievu meta jintużaw.
Il-funzjoni protettiva
Biex jipprevjenu soffokazzjoni permezz ta’ għarqa, l-oġġetti għandhom jitfasslu biex jakkomodaw it-tfal f’pożizzjoni ta’ bilqiegħda biss. Id-disinn għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dejta antropometriċi rilevanti għall-firxa tal-età. Il-funzjoni protettiva trid tippermetti li t-tfal jitneħħew b’mod faċli f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Il-perikli li jirriżultaw minn azzjoni tat-tfal fuq it-tagħmir li jżomm l-oġġetti milli jiċċaqilqu
Biex jipprevjeni l-perikli ta’ għarqa, it-tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq ma għandux ikun jista’ jiġi attivat mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
- il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,
- it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),
- l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tas-sedili tal-banjijiet.
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fis-sedil tal-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (minn ħames sa għaxar xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
L-iġjene
Is-sedili tal-banjijiet għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu.
Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għall-istrumenti awżiljari tal-banju
IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.
2. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal li għandhom inqas minn disa’ xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
L-istrumenti awżiljari tal-banju għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu l-qbid f’nassa tas-swaba’.
L-istrangolazzjoni
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa, l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw, jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tal-istrument awżiljari tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ inġestjoni, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet mekkaniċi li jirċievu meta jintużaw.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
- il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,
- it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),
- il-livell massimu tal-ilma biex jiġi evitat li t-tfal jibilgħu l-ilma,
- l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tal-istrumenti awżiljari tal-banju.
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fl-istrumenti awżiljari tal-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (mit-twelid sa 9 xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
L-iġjene
L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jitnaddfu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għal banjijiet għat-trabi u s-saqajn tal-banjijiet
IR-RISKJI: Ir-riskji ewlienin assoċjati mal-prodott huwa ta’ għarqa u ta’ waqgħa meta l-banju tat-tarbija jaqa’ mis-saqajn jew l-appoġġ tiegħu.
3. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt it-12-il xhar. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
Il-banjijiet tat-trabi u s-saqajn tagħhom għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati b’tali mod li jevitaw kemm jista’ jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’.
L-istrangolazzjoni
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni
Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu
Oġġetti mfassla biex jintwew għandu jkollhom mekkaniżmu li jitwi l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra għandu għandu jkun ipprojbit biex jipprevjeni pressjoni kbira.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jevita stabilita inadegwata, il-banju u s-saqajn tiegħu għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex ikunu jifilħu kemm il-piż tat-tarbija kif ukoll il-piż tal-ilma ta’ ġewwa l-banju. Il-banju u s-saqajn tiegħu ma għandhomx jinqalbu mill-pressjoni li toriġina miċ-ċaqliq tat-tarbija jew minn moviment mhux intenzjonat ta’ min qed jieħu ħsiebha. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jew jippruvaw iqumu bilwieqfa.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Biex jiġi evitat li jiddiżintegraw jew jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġett għandu jkunu kapaċi jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jirċievi meta jintuża. Biex tiġi evitata d-deterjorazzjoni ta’ komponenti li probabbli jikkawżaw ħsara, il-materjal użat għall-manifattura tal-banjijiet u s-saqajn għandu jkollu karatteristiċi li jippreżervaw il-prestazzjoni matul il-ħajja tal-prodott, partikolarment filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet termali.
Il-perikli minħabba l-kombinazzjoni ta’ żewġ oġġetti differenti
It-tagħmir li jżomm il-banju mwaħħal mas-saqajn għandu jkun jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jkunu soġġetti għaliha meta jintużaw. Għas-saqajn u l-banjijiet li jinbiegħu separatament, it-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jindikaw ir-referenzi ta’ prodotti li jistgħu jintużaw magħhom bla periklu.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
- il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla,
- it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm),
- l-oġġetti ma jagħtu l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq fil-banjijiet.
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fil-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (inqas minn 12-il xahar) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
Il-banjijiet għandu jkollhom twissija biex min jieħu ħsieb it-tfal ma jqiegħedx il-banjijiet f’pożizzjoni elevata flimkien ma’ oġġetti bħal ma huma mwejjed.
L-iġjene
L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.
--------------------------------------------------
| Fuq |