Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/2009 tas- 27 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet relatati magħhom, għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2010
ĠU L 347, 24.12.2009, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/2009
tas- 27 ta’ Novembru 2009
li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet relatati magħhom, għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2010
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal- 20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/1996 tas- 6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għat-tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jeżiġi li l-Kunsill jaddotta l-miżuri neċessarji li jirregolaw l-aċċess għal żoni u riżorsi u sabiex l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu jsiru b’mod sostenibbli, b'kont meħud tal-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.
(2) Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd relattivament għat-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet lill-Istati Membri.
(3) Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tal-opportunitajiet ta’ sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ sajd.
(4) L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd.
(5) Konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji previsti f’dan ir-Regolament.
(6) Sabiex isir kontribut għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, fl-2010 għandhom jiġu implimentati ċerti miżuri supplementari marbuta mal-kundizzjonijiet tekniċi tas-sajd.
(7) L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jintużaw skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, u b'mod partikolari mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat- 12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni [3] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat- 30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar [4].
(8) Sabiex jitnaqqas ir-rimi, huwa xieraq li tiġi stabbilita projbizzjoni fuq il-high-grading għal kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, jiġifieri projbizzjoni tar-rimi ta' speċijiet suġġetti għal kwota li jistgħu jinbiegħu u jinħattu legalment skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd.
(9) Sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Komunità, huwa importanti li dan it-tip ta’ sajd jinfetaħ fl- 1 ta’ Jannar 2010. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, huwa essenzjali li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi f'paragrafu I (3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,
ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2010 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed u l-kondizzjonijiet speċifiċi li taħthom jistgħu jintużaw tali opportunitajiet ta’ sajd.
Artikolu 2
Ambitu
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar l-Iswed.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa biss għal skopijiet ta' investigazzjoni xjentifika u li jsiru bil-permess u taħt l-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat u li dwaru ġew infurmati bil-quddiem il-Kummissjoni u l-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun qed issir ir-riċerka.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Addizzjonalment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) "GFCM" tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.
(b) "Il-Baħar l-Iswed" tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-reżoluzzjoni GFCM/33/2009/2;
(c) "qabda totali permissibbli (TAC – Total Allowable Catch)" tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;
(d) "kwota" tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.
KAPITOLU II
L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD U L-KUNDIZZJONIJIET ASSOĊJATI MAGĦHOM
Artikolu 4
Limiti tal-qbid u allokazzjonijiet
Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ dawk il-limiti fost l-Istati Membri, u l-kondizzjonijiet addizzjonali applikabbli konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stabbiliti fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet
L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stabbilit fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
a) skambji skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;
b) allokazzjonijiet mill-ġdid magħmula skont l-Artikoli 21(4) 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;
c) ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;
d) tnaqqis magħmul taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet għall-qabdiet u għall-qabdiet inċidentali
1. Ħut minn stokkijiet li għalihom hemm stabbiliti limiti ta’ qbid għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk jinqabdu minn bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita;
2. Il-ħatt l-art kollu għandu jittieħed mill-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, mis-sehem Komunitarju.
Artikolu 7
Projbizzjoni tal-high-grading
Kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, li tinqabad matul l-operazzjonijiet tas-sajd għandha tittella' abbord il-bastiment u sussegwentement tinħatt sakemm dan ma jmurx kontra l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd li tistabbilixxi miżuri tekniċi, ta' kontroll u ta' konservazzjoni, u b'mod partikolari dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 2371/2002.
Artikolu 8
Miżuri tekniċi tranżizzjonali
Il-miżuri tekniċi tranżizzjonali għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 9
It-trażmissjoni tad-data
Meta, taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ ħut maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill- 1 ta' Jannar 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is- 27 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
C. Bildt
[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
[2] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.
[3] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1
[4] ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1
--------------------------------------------------
ANNESS I
Il-limiti tal-qbid u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti tal-qbid applikabbli għall-bastimenti tal-Komunità f’żoni fejn ikunu ġew iffissati il-limiti tal-qbid
It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu it-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, l-allokazzjoni lill-Istati Membri u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni tal-kwoti minn sena għall-oħra.
F'kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dawn it-tabelli l-kodiċijiet użati għall-ispeċijiet differenti huma kif ġejjin:
Isem xjentifiku | Kodiċi Alpha-3 | Isem komuni |
Psetta maxima | TUR | Barbun imperjali |
Sprattus sprattus | SPR | Laċċa kaħla |
SpeċiBarbun imperjaliPsetta maxima | ŻonaIl-Baħar l-Iswed |
Il-Bulgarija | 48 [1] | TAC PrekawzjonarjuL-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika.L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |
Ir-Rumanija | 48 [1] |
KE | 96 [1] [2] |
TAC | Mhux rilevanti |
SpeċiLaċċa kaħlaSprattus sprattus | ŻonaIl-Baħar l-Iswed |
KE | 12750 [3] | TAC PrekawzjonarjuL-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika.L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |
TAC | Mhux rilevanti |
[1] Il-kwoti rispettivi sejrin jonqsu għal 38 tunellata, bi tnaqqis korrispondenti tat-TAC għal 76 tunellata, sakemm ma jiġux preżentati pjanijiet nazzjonali ta' kontroll sal- 15 ta' Frar 2010 mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti u li jiġu sussegwentement aċċettati mill-Kummissjoni.
[2] Sajd għall-Barbun imperjali m'huwiex awtorizzat qabel il- 15 ta' Frar 2010. Kwalunkwe qabda mhux intenzjonata ta' Barbun imperjali f'sajdiet oħra qabel il- 15 ta' Frar 2010 għandha tiġi żbarkata u mnaqqsa mill-kwoti nazzjonali.
[3] Jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew ir-Rumanija.
--------------------------------------------------
ANNESS II
Miżuri tekniċi tranżizzjonali
1. M’għandha ssir l-ebda attività tas-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju fl-ilmijiet tal-Komunità Ewropea tal-Baħar l-Iswed.
2. Id-daqs minimu tal-malji permess bil-liġi għal xbieki tal-qiegħ użati biex jinqabad il-barbun imperjali għandu jkun ta' 400 mm.
3. Id-daqs minimu ta’ barbun imperjali li jista’ jinħatt l-art m’għandux ikun inqas minn 45 cm tul, imkejjel konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 850/98.
--------------------------------------------------
| Fuq |