32009R1064


Titolu u referenza

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1064/2009 tal- 4 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tax-xgħir tal-maltu minn pajjiżi terzi

 ĠU L 291, 7.11.2009, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1064/2009

tal- 4 ta’ Novembru 2009

li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tax-xgħir tal-maltu minn pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 144(1) u l-Artikolu 148 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1) F'konformità mal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV(6), u tal-Artikolu XXVII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 rigward il-modifika ta’ konċessjonijiet fil-listi ta’ impenn tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, fil-qafas tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea [2], approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/333/KE [3], u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-gvern tal-Kanada dwar il-konklużjoni tan-negozjati skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu XXIV tal-GATT [4], approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/444/KE [5], impenjat ruħha li tiftaħ kwota tal-importazzjoni ta’ 50000 tunnellata xgħir tal-maltu kull sena.

(2) Attwalment, ir-regoli dwar l-implimentazzjoni għall-ġestjoni ta' din il-kwota huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1215/2008 tal- 5 ta’ Diċembru 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwota tariffarja tal-Komunità għax-xgħir tal-maltu minn pajjiżi terzi u li jieħu d-deroga minn Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 [6].

(3) L-użu tal-prinċipju "min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel" irriżulta pożittiv f'setturi agrikoli oħra, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li din il-kwota tiġi amministrata skont il-metodu indikat fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat- 2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarji [7].

(4) Fid-dawl tal-partikularitajiet marbutin mat-trasferiment minn sistema ta’ ġestjoni għall-oħra, ikun xieraq li l-Artikolu 308c (2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93ma jkunx applikabbli għal perjodu ta' kwota li jibda mill- 1 ta' Jannar 2010 sal- 31 ta' Diċembru 2010.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) [8] jipprovdi, fl-Artikolu 166 tiegħu, superviżjoni doganali għall-merkanzija rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa b'dazju mnaqqas minħabba l-użu tagħha għal skopijiet partikulari. Għandu jiġi żgurat li x-xgħir tal-maltu importat skont il-kwota tariffarja jkun maħsub għall-manifattura ta’ birra staġjonata fil-bittijiet li fihom il-fagu, f'konformità mal-impenji internazzjonali Komunitarji.

(6) Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta garanzija ta' livell għoli sabiex tkun żgurata ġestjoni adegwata tal-kwota u li din il-garanzija tkun tapplika matul il-perjodu kollu tal-ipproċessar.

(7) Fid-dawl tal-kwalità speċifika tax-xgħir importat mill-Istati Uniti tal-Amerika fil-qafas ta’ din il-kwota, huwa xieraq li jitnaqqas l-ammont tal-garanzija għall-importazzjonijiet li jkunu akkumpanjati b'ċertifikat ta' konformità li dwaru ntlaħaq ftehim mal-Gvern tal-Istati Uniti, skont il-proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva pprovduta fl-Artikoli 63, 64 u 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(8) Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1215/2008 għandu jitħassar u jinbidel b'Regolament ġdid. Madankollu huwa xieraq li r-Regolament imsemmi jinżamm applikabbli għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa għall-perjodi tal-kwota tal-importazzjoni ta’ qabel dawk koperti b’dan ir-Regolament.

(9) Il-miżuri pprovduti b'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jiftaħ kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta' 50000 tunnellata ta' xgħir tal-maltu li taqà taħt kodiċi NM 100300 maħsuba għall-manifattura ta' birra staġjonata fil-bittijiet li fihom il-fagu. In-numru tas-serje tal-kwota għandu jkun 09.0076.

2. Il-kwota msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi amministrata skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308c(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ma għandux japplika għal perjodu ta' kwota li jibda mill- 1 ta' Jannar 2010 sal- 31 ta' Diċembru 2010.

3. Il-kwota msemmija fil-paragrafu 1 hija miftuħa fuq bażi annwali, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ("perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni"). Id-dazju fuq importazzjoni li taqa' taħt il-kwota tariffarja għandu jiġi impost bir-rata ta' EUR 8 għal kull tunnellata.

Artikolu 2

Għal finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

a) "żerriegħa mħassra" tfisser żerriegħa ta' xgħir, ċereali oħra jew ħafur li jidher imħassar u li juri deterjorament ikkawżat minn mard, ġlata, sħana, insetti jew fungus, maltemp u kull xorta oħra ta' ħsara fiżika;

b) "xgħir negozjabbli b'saħħtu u sabiħ" ifisser żerriegħa tax-xgħir jew biċċiet ta' żerriegħa li mhumiex imħassra kif imfisser f'(a), bl-eċċezzjoni ta' żerriegħa mħassra minn ġlata jew fungus.

Artikolu 3

1. Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja għandu jingħata jekk ix-xgħir importat jissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:

(a) piż speċifiku: 60,5 kg/hl jew iktar;

(b) żerriegħa mħassra: 1 % jew inqas;

(c) kontenut ta' umdità: 13.5 % jew inqas;

(d) xgħir negozjabbli b’saħħtu u sabiħ: 96 % jew iktar.

2. Konformità mal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għandha tiġi ċċertifikata permezz ta' wieħed minn dawn id-dokumenti li ġejjin:

(a) ċertifikat ta' analiżi magħmul wara talba tal-impurtatur mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa; jew

(b) ċertifikat ta' konformità għax-xgħir importat maħruġ minn awtorità governattiva tal-pajjiż ta' oriġini u rikonoxxut mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

1. F'konformità mal-Artikolu 166 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, ix-xgħir importat taħt din it-tariffa għandu jkun soġġett għal sorveljanza doganali, sabiex jiġi żgurat li:

(a) ix-xgħir importat għandu jkun konvertit f'maltu fi żmien sitt xhur mid-data tal-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa; u

(b) il-maltu li jirriżulta jrid jintuża fil-manifattura ta' birra staġjonata fil-bittijiet li fihom il-fagu f’mhux aktar minn mija u ħamsin ġurnata mid-data li fiha x-xgħir jiġi pproċessat f'maltu.

L-ipproċessar tax-xgħir importat f'maltu għandu jkun meqjus li sar meta x-xgħir konvertit f'maltu jkun għadda mill-proċess ta' steeping (jiġi mgħaddas fil-likwidu).

2. Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll li jinġabru d-dazji mhux imħallsa fil-każ li dan l-obbligu ma jiġix rispettat, l-importaturi għandhom jiddepożitaw garanzija mal-awtoritajiet kompetenti tad-dwana. Din il-garanzija għandha tammonta għal EUR 85 għal kull tunellata. F'każ li l-kunsinni ta' xgħir tal-maltu huma akkumpanjati minn ċertifikat ta' konformità maħruġ mill-Federal Grain Inspection Service (Servizzi ta' Inspettorat Federali fuq Iż-Żerriegħa) minn issa ’l quddiem imsejjaħ (FGIS), il-garanzija hi mnaqqsa għal EUR 10 kull tunnellata.

3. Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 titħallas lura malli tiġi pprovduta l-evidenza li ġejja lill-awtoritajiet doganali kkonċernati:

(a) il-kwalità tax-xgħir, stabbilita abbażi taċ-ċertifikat ta' konformità jew ċertifikat ta' analiżi, tissodisfa il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1); u

(b) l-obbligu tal-ipproċessar imsemmi fil-paragrafu 1 twettaq fiż-żmien stipulat.

Artikolu 5

Iċ-ċertifikati maħruġa mill-FGIS għal xgħir tal-maltu destinat li jkun użat fil-manifattura ta' birra staġjonata fil-bittijiet li fihom il-fagu, u li mudell tagħhom jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament, għandhom ikunu uffiċjalment rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont il-proċeduri amministrattivi ta' kooperazzjoni kif speċifikat fl-Artikoli 63, 64 u 65 ta' Regolament (KEE) Nru 2454/93. Meta l-parametri analitiċi mdaħħlin fiċ-ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-FGIS juri konformità mal-istandards ta’ kwalità tax-xgħir tal-maltu stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandhom jittieħdu mill-anqas kampjuni ta’ 3 % tat-tagħbijiet li jaslu f’kull port ta’ dħul matul is-sena tas-suq. Ir-riproduzzjoni tat-timbri awtorizzati mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha tiġi provduta lill-Istati Membri bl-iktar modi xierqa.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2008 għandu jitħassar. Madankollu, ikompli japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġin għas-sena 2009 u sal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill- 1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l- 4 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann Fischer Boel

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

[2] ĠU L 124, 11.5.2006, p. 15.

[3] ĠU L 124, 11.5.2006, p. 13.

[4] ĠU L 169, 29.6.2007, p. 55.

[5] ĠU L 169, 29.6.2007, p. 53.

[6] ĠU L 328, 6.12.2008, p. 20.

[7] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

[8] ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Ċertifikat vojt ta’ konformità maħruġ mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika għax-xgħir tal-maltu destinat għall-manifattura ta’ birra staġjonata fil-bittijiet li fihom il-fagu.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet