Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 tal- 10 ta’ Settembru 2009 li jistpula r-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni għas-snin tas-suq 2009/2010 sal-2014/2015 għall-importazzjoni u r-raffinar tal-prodotti taz-zokkor li jinsabu taħt l-intestatura tariffarja 1701 taħt ftehimiet preferenzjali.
ĠU L 240, 11.9.2009, p. 14–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009
tal- 10 ta’ Settembru 2009
li jistpula r-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni għas-snin tas-suq 2009/2010 sal-2014/2015 għall-importazzjoni u r-raffinar tal-prodotti taz-zokkor li jinsabu taħt l-intestatura tariffarja 1701 taħt ftehimiet preferenzjali.
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 156 tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal- 20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat- 22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u Nru 964/2007 [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 11(7) tiegħu,
Billi:
(1) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ineħħi, mill- 1 ta’ Ottubru 2009, id-dazji tal-importazzjoni tal-prodotti taħt l-intestatura tariffarja nru 1701 għar-reġjuni u l-istati elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Madankollu, jekk l-importazzjonijiet jilħqu l-livell doppju speċifikat fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, din il-preferenza tista’ tiġi sospiża għar-reġjuni jew l-istati elenkati fl-Anness I tiegħu u li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati li huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008. Skont l-Artikolu 9(2), għandu jiġi ffissat livell reġjonali ta’ salvagwardja.
(2) L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jissospendi għal kollox, mill- 1 ta’ Ottubru 2009, id-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni fuq il-prodotti taħt l-intestatura tariffarja nru 1701 għall-pajjiżi li skont l-Anness I għal dak ir-Regolament jibbenefikaw minn arranġamenti speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati.
(3) Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008, għall-perjodu mill- 1 ta’ Ottubru 2009 sat- 30 ta’ Settembru 2015, l-importazzjonijiet tal-prodotti taħt l-intestatura tariffarja nru 1701 jeħtieġu liċenzja tal-importazzjoni.
(4) Sabiex tissimplifika l-proċedura tal-għoti tal-liċenzja, kull numru ta’ referenza għandu jkun marbut ma’ pajjiż li jkun elenkat taħt l-Anness I għal dan ir-Regolament. Sabiex ikunu evitati l-applikazzjonijiet qarrieqa, din il-lista għandha tkun limitata għal dawk il-pajjiżi li bħalissa huma identifikati bħala esportaturi jew li għandhom potenzjal li jsiru esportaturi tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe pajjiż li bħalissa ma jinsabx elenkat fl-Anness I għal dan ir-Regolament imma huwa elenkat fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jew fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 huwa eliġibbli li jkun inkluż fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Għalhekk, dan il-pajjiż għandu jitlob lill-Kummissjoni sabiex jiġi elenkat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.
(5) Għandu japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli [4], għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa taħt dan ir-Regolament, għajr fejn dan ir-Regolament jistipula mod ieħor.
(6) Sabiex tiżgura trattament uniformi u ugwali għall-operaturi kollha, għandu jkun iddeterminat il-perjodu li fih jistgħu jintefgħu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-perjodu ta’ meta jinħarġu dawn il-liċenzji.
(7) Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal- 31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni [5], l-operaturi għandhom jibagħtu lill-Istati Membri fejn huma rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, prova li huma nnegozjaw dwar iz-zokkor tul perjodu partikolari. Madankollu, l-operaturi li huma approvati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 tad- 29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti [6] għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fin-negozjar taz-zokkor preferenzjali.
(8) L-Istati Membri jeħtieġu jimmonitorjaw iz-zokkor importat għar-raffinar. Għalhekk, minn meta japplikaw għal-liċenzja tal-importazzjoni, l-operaturi għandhom jispeċifikaw jekk hemmx il-ħsieb li z-zokkor impurtat jiġi raffinat jew le.
(9) Sabiex ikunu evitati l-ispekulazzjonijiet jew il-bejgħ ta’ liċenzji tal-importazzjoni u sabiex ikun żgurat li l-applikant għandu kuntatti kummerċjali mal-pajjiż terz li jesporta, l-applikazzjonijiet tal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jintbagħtu flimkien ma’ dokument tal-esportazzjoni maħruġ minn awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ esportazzjoni għal kwantità li hi daqs il-kwantità msemmija fl-applikazzjoni tal-liċenzja tal-importazzjoni.
(10) Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, l-importatur għandu jagħmel kuntratt li jixtri l-prodotti li jinsabu taħt il-kodiċi tan-NM 1701 għal prezz mhux inqas minn 90 % tal-prezz ta’ referenza (fuq bażi c.i.f.) stipulat fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1, il-punt c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
(11) Meta l-kwantitajiet li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet tal-liċenzji tal-importazzjonijiet jaqbżu l-kwantitajiet speċifikati fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, il-ħruġ tal-liċenzji mill-Istati Membri għandu jkunu suġġett għall-koeffiċjent tal-allokazzjoni li għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni l-istess bħal dak li kien ipprovdut mir-Regolament (KE) Nru 1301/2006. Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, dak il-koeffiċjent għandu jiġi kkalkulat fuq livell reġjonali.
(12) L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 iżid il-possibbiltà li jinqabżu l-kwantitajiet speċifikati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tranżizzjonali ta’ salvagwardja għaz-zokkor u, jekk hu neċessarju, tagħmel proposti xierqa. Dan ir-rapport għandu jinkludi ħarsa ġenerali fuq l-influssi tal-importazzjoni waqt l-ewwel snin tas-suq tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, janalizza l-iżviluppi għall-ġejjieni tal-kummerċ u jevalwa kwalunwe riskju possibbli ta’ qabża f’daqqa ‘l fuq u l-kwantitajiet involuti.
(13) Il-livelli għall-immaniġġjar tal-mekkaniżmu tranżizzjonali ta’ salvagwardja għaz-zokkor huma msejsa fuq importazzjonijiet li jsiru waqt sena speċifika tas-suq. Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom għalhekk ikunu validi bejn l-1 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Settembru.
(14) L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jillimita l-benefiċċju tal-eliminazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet għal dawk l-importaturi li jħallsu prezz mhux inqas minn 90 % tal-prezz ta’ referenza fuq il-bażi ta’ c.i.f. Fil-kummerċ internazzjonali, dawn il-kuntratti jimplikaw li l-importatur ikollu jġorr ir-responsabbiltà kollha taz-zokkor mid-data meta dan jitgħabba. Fil-każ tal-liċenzji validi sat-30 ta’ Settembru li għalihom iz-zokkor tgħabba sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru, xi dewmien fil-katina tal-loġistika għajr għall-force majeure seta’ jwassal għall-importazzjonijiet li fil-verità jsiru wara t-30 ta’ Settembru. Sabiex tevita r-riskju li tħallas id-dazju kollu fuq l-importazzjoni li jammonta għal EUR 419 għal kull tunnellata u għas-sekwestru tal-garanzija, l-importaturi għandhom jingħataw il-possibbiltà li jimportaw dak iz-zokkor li jkun tgħabba sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru tas-sena tas-suq imsejsa fuq liċenzja tal-importazzjoni maħruġa għal dik is-sena tas-suq. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jestendu l-validità tal-liċenzja tal-importazzjoni jekk l-importatur jibgħat prova li z-zokkor tgħabba sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru.
(15) Id-distinzjoni bejn "zokkor maħsub biex jiġi raffinat" u "z-zokkor li mhux maħsub biex jiġi raffinat" mhijiex marbuta mad-distinzjoni li ssir bejn iz-zokkor l-abjad u dak nhux raffinat kif imfisser fil-punti 1 u 2 tal-Parti II tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk għandhom ikunu identifikati l-kodiċijiet tan-NM li huma awtorizzati għall-importazzjonijiet taħt kull grupp ta’ liċenzji tal-importazzjoni.
(16) Għall-fini ta’ tmexxija mill-aqwa tal-ftehimiet, il-Kummissjoni għandha tirċievi t-tagħrif rilevanti fil-ħin.
(17) L-Artikolu 153(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jillimita, waqt l-ewwel tliet xhur ta’ kull sena tas-suq u fil-limitu msemmi fl-Artikolu 153(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni għal dawk li x-xogħol ewlieni tagħhom hu li jirraffinaw iz-zokkor. Waqt dak il-perjodu, dawk biss li x-xogħol ewlieni tagħhom hu li jirraffinaw iz-zokkor jistgħu japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni taz-zokkor sabiex jiġi raffinat. Dawn il-liċenzji għandhom ikunu validi sa tmiem is-sena tas-suq li fiha jkunu nħarġu.
(18) L-Istati Membri għandhom jivverifikaw l-obbligu li jiġi raffinat iz-zokkor. Għandha titħallas penali, f’każ li d-detentur oriġinali tal-liċenzja tal-importazzjoni ma jistax jagħti prova.
(19) Iz-zokkor kollu raffinat importat minn operatur approvat għandu jkun imsejjes fuq liċenzja tal-importazzjoni taz-zokkor għar-raffinar. Il-kwantitajiet li għalihom ma tistax tingħata din il-prova għandha titħallas penali fuqhom.
(20) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Ambitu
(1) Dan ir-Regolament jiffissa regoli ddettaljati sa 2014/2015 li japplikaw għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-intestatura tariffarja 1701 għas-snin tas-suq 2009/2010 li huma msemmija fl-
(a) Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007;
(b) Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008.
(2) L-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi li huma l-inqas żviluppati (LDC) li huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008, li jagħmlu parti mill-grupp ta’ pajjiżi Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) jew li ma ma jagħmlux parti mill-grupp (pajjiżi NON-ACP), għandhom ikunu eżentati mid-dazju u ma jkollhomx limiti tal-kwota u għandhom juru n-numru tar-referenza kif muri fil-Parti I tal-Anness I għal dan ir-Regolament.
(3) L-importazzjonijiet mill-pajjiżi ACP li mhumiex il-pajjiżi l-inqas żviluppati (NON-LDC) huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandhom ikunu eżentati mid-dazji suġġett għall-mekkaniżmu tranżizzjonali ta’ salvagwardja għaz-zokkor skont id-dispożizzjonijiet li huma msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u għandhom juru n-numri ta’ referenza kif muri fil-Parti II tal-Anness I għal dan ir-Regolament.
Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, livell reġjonali ta’ salvagwardja huwa stipuat fil-Parti II tal-Anness I għal dan ir-Regolament għal kull sena tas-suq.
(4) Pajjiż li huwa elenkat fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jew fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 huwa eliġibbli sabiex jiżdied mal-Anness I għal dan ir-Regolament. Għalhekk, dan il-pajjiż għandu jitlob lill-Kummissjoni sabiex jiġi elenkat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) "il-piż tel. quel" tfisser il-piż taz-zokkor fl-istat naturali;
(b) "raffinar" tfisser l-ipproċessar taz-zokkor mhux raffinat f’zokkor abjad kif imfisser fil-punti 1 u 2 tal-Parti II tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u kwalunkwe ħidma teknika ekwivalenti li hija applikata għaz-zokkor l-abjad bil-massa.
KAPITOLU II
IL-LIĊENZJI TAL-IMPORTAZZJONI
Artikolu 3
Applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 376/2008
Ir-Regolament (KE) Nru 376/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Applikazzjonijet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-esportazzjoni
(1) L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jintbagħtu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-tieni Tnejn tax-xahar ta’ Settembru qabel is-sena tas-suq li japplikaw għaliha.
L-ebda applikazzjoni ma għandha tasal bejn il-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru 2009 fis-1:00 p.m. (ħin ta’ Brussell) sal-Ġimgħa l- 1 ta’ Jannar 2010 fis-1:00p.m. (ħin ta’ Brussell).
(2) L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandu japplika mutatis mutandis. Madankollu, jista’ jkun li għall-operaturi approvati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, ma jkunx meħtieġ li titressaq il-prova pprovduta f’dak l-Artikolu.
(3) L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni għandu jkollhom l-annotazzjonijiet li ġejjin:
(a) fil-kaxxa nru 8: il-pajjiż tal-oriġini (wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament).
Il-kelma "iva" mmarkata b’salib;
(b) fil-kaxxa nru 16, kodiċi tan-NM bi tmien numri;
(c) fil-kaxxi nri 17 u 18: il-kwantità ta’ zokkor espressa bħala l-ekwivalenti taz-zokkor abjad;
(d) fil-kaxxa nru 20:
(i) "zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat" jew "zokkor mhux bil-ħsieb li jiġi raffinat";
(ii) għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet elenkati fil-parti A tal-Anness V;
(iii) is-sena tas-suq li l-liċenzji għandhom x’jaqsmu magħha;
(e) fil-kaxxa nru 24: għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet elenkati f’parti B tal-Anness V.
(4) L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jintbagħtu flimkien ma’:
(a) il-prova li l-applikant għamel garanzija ta’ EUR 20 għal kull tunnellata tal-kwantità taz-zokkor indikata fil-kaxxa nru 17 tal-liċenzja;
(b) l-oriġinali tal-liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li jesporta skont il-mudell stipulat fl-Anness III għall-kwantità daqs dik imsemmija fl-applikazzjoni għal-liċenzja.
(c) fil-każ taz-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat, l-impriża tal-applikant li se tirraffina l-kwantitajiet ta’ zokkor in kwistjoni qabel it-tmiem tat-tielet xahar wara dak li fih tiskadi l-liċenzja tal-importazzjoni kkonċernata.
(d) għas-snin tas-suq 2009/2010, 2010/2011, 2011/2012, l-impenn tal-applikant sabiex jixtri z-zokkor għal prezz mhux inqas minn 90 % tal-prezz ta’ referenza (fuq il-bażi c.i.f.) stipulat fl-Artikolu 8(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għas-sena tas-suq rilevanti kif ukoll bħala dokument li jorbot u li għandu x’jaqsam mat-tranżazzjoni u ffirmat kemm mix-xerrej u kemm mill-fornitur.
Il-liċenzji tal-esportazzjoni msemmijin fil-punt (b) jistgħu jinbidlu b’kopji ċċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz tal-esportazzjoni, tal-prova tal-oriġini pprovduta fl-Artikolu 14 tal-Anness II għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jew fl-Artikoli 67 sa 97 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 [7] għall-pajjiżi mhux elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 imma li huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008.
(5) L-oriġinali tal-liċenzji tal-esportazzjoni msemmijin fil-paragrafu 4, il-punt (b) jew il-kopji ċċertifikati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandhom jinżammu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.
(6) Fejn jinstab li dokument mibgħut minn applikant skont il-paragrafu 4 jipprovdi tagħrif falz u fejn dan it-tagħrif huwa deċiżiv għall-attribut tal-liċenzji tal-importazzjoni preferenzjali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jeskludu l-applikant mis-sistema tal-applikazzjoni tal-liċenzja għas-sena tas-suq li qegħdin fiha u li jmiss, sakemm l-applikant ma japprovax, għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti, li dan mhuwiex dovut għan-negliġenza kbira min-naħa tiegħu jew huwa dovut għall-force majeure jew xi żball ċar.
Artikolu 5
Mekkaniżmu Tranżizzjonali ta’ Salvagwardja għaz-zokkor
(1) Meta l-kwantità kollha li tirriżulta mill-applikazzjonijiet tal-liċenzja għan-numri ta’ referenza 09.4231 sa 09.4247 taqbeż it-3,5 miljun tunnellata u l-kwantità totali tirriżulta mill-applikazzjonijiet tal-liċenzja għan-numri ta’ referenza 09.4241 sa 09.4247 taqbeż il-kwantità msemmija fl-Anness II għas-sena tas-suq ikkonċernata, il-Kummissjoni għandha tiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni għan-numri ta’ referenza 09.4241 sa 09.4247 li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal dawn in-numri ta’ referenza.
Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għal numru ta’ referenza huwa kkalkulat skont il-kwantità disponibbli tal-livell reġjonali ta’ salvagwardja għal dak in-numru ta’ referenza u s-sena tas-suq ikkonċernata.
Jekk, wara li jiġu applikati l-koeffiċjenti tal-allokazzjoni għall-applikazzjonijiet li jintbagħtu kull ġimgħa, il-kwantità li tirriżulta mill-applikazzjonijiet tal-liċenzja għan-numri ta’ referenza 09.4231 sa 09.4247 hija inqas minn 3.5 miljun tunnellata jew il-kwantità li tirriżulta mill-applikazzjonijiet tal-liċenzja għan-numri ta’ referenza 09.4241 sa 09.4247 hija inqas mill-kwantità msemmija fl-Anness II għas-sena tas-suq ikkonċernata, id-differenza ikbar hija mqassma bejn in-numri ta’ referenza 09.4241 sa 09.4247 b’koeffiċjent tal-allokazzjoni inqas minn 100 % skont il-kwantità ta’ kull ġimgħa li ma tkunx allokata għan-numru ta’ referenza. Għal dawk in-numri ta’ referenza, il-koeffiċjent tal-allokazzjoni huwa kkalkulat mill-ġdid meta titqies l-allokazzjoni miżjuda.
L-algoritmu użat sabiex ikun ikkalkulat il-koeffiċjent tal-allokazzjoni huwa ffissat fl-Anness IV.
(2) Fil-każ li l-koeffiċjenti tal-allokazzjoni huma ffissati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji sal-aħħar tas-sena tas-suq għan-numri ta’ referenza li għalihom ikun intlaħaq il-livell reġjonali ta’ salvagwardja. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tirtira s-sospensjoni u terġa’ tilqa’ l-applikazzjonijiet meta l-kwantitajiet li jkunu disponibbli għal darba oħra skont in-notifiki msemmija fl-Artikolu 9(3).
(3) Qabel il- 31 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu tranżizzjonali ta’ salvagwardja għaz-zokkor u, jekk hu neċessarju, tagħmel proposti xierqa. Ir-rapport għandu jqis l-influssi fil-kummerċ taz-zokkor mill-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Il-ħruġ tal-liċenzja tal-importazzjoni
(1) Kull nhar ta’ Ħamis jew l-iktar tard il-Ġimgħa ta’ kull ġimgħa, l-Istati Membri għandhom joħorġu l-liċenzji għall-applikazzjonijiet li jkunu ntbagħtu fil-ġimgħa ta’ qabel u nnotifikati kif ipprovdut fl-Artikolu 9(1), skont il-każ waqt li jitqies il-koeffiċjent tal-allokazzjoni ffissat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(1).
Ma jistgħux jinħarġu liċenzji tal-esportazzjoni għal kwantitajiet li ma jkunux ġew innotifikati.
(2) Il-liċenzji għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ jew mill-1 ta’ Ottubru tas-sena tas-suq li jkunu nħarġu fiha skont liema minnhom hija l-iktar tard.
Il-liċenzji għandhom ikunu validi sal-aħħar tat-tielet xahar wara d-data tagħhom ta’ validità mingħajr ma jaqbżu t-30 ta’ Settembru tas-sena tas-suq li jkunu nħarġu fiha.
Artikolu 7
L-estensjoni tal-validità tal-liċenzji tal-importazzjoni
Għal-liċenzji tal-importazzjoni li ma jibqgħux validi wara t-30 ta’ Settembru tas-sena tas-suq u fuq talba tad-detentur tal-liċenzja tal-importazzjoni, l-entità kompetenti tal-Istat Membru li toħroġ il-liċenzji għandha testendi l-perjodu tal-validità tal-liċenzja tal-importazzjoni sal-31 ta’ Ottubru jekk id-detentur titulari jibgħat prova, bħal ngħidu aħna il-polza ta’ kargu; li tkun aċċettata minn dik l-entità kompetenti tal-Istat Membru li joħroġha, li tgħid li z-zokkor ikun tgħabba sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru tas-sena tas-suq. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dan lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa wara l-estensjoni tal-validità.
Artikolu 8
Ir-Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera
Il-liċenzji tal-importazzjoni li fil-kaxxa nru 20 hemm l-annotazzjoni "zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat" jistgħu jintużaw għall-importazzjoni tal-kodiċijiet tan-NM 17011110, 17019100, 17019910 jew 17019990.
Il-liċenzji tal-importazzjoni li fil-kaxxa nru 20 hemm l-annotazzjoni "zokkor mhux bil-ħsieb li jiġi raffinat" jistgħu jintużaw għall-importazzjoni tal-kodiċi tan-NM 17011190, 17019100, 17019910 jew 17019990.
Artikolu 9
Notifikazzjonijiet lill-Kummissjoni
(1) L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, bejn il-Ġimgħa fis-1:00 p.m. (ħin ta’ Brussell) u t-Tnejn ta’ wara fis-6:00 p.m. (ħin ta’ Brussell), bil-kwantitajiet taz-zokkor, inkluż prospetti nulli, li għalihom l-applikazzjonijiet tal-liċenzja tal-importazzjoni jkunu ntbagħtu skont l-Artikolu 4.
(2) L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, bejn il-Ġimgħa fis-1:00 p.m. (ħin ta’ Brussell) u t-Tnejn ta’ wara fis-6:00 p.m. (ħin ta’ Brussell), bil-kwantitajiet taz-zokkor, inkluż prospetti nulli, li għalihom l-applikazzjonijiet tal-liċenzja tal-importazzjoni jkunu ntbagħtu mill-Ħamis ta’ qabel skont l-Artikolu 6.
(3) L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, bejn il-Ġimgħa fis-1:00p.m. (ħin ta’ Brussell) u t-Tnejn ta’ wara fis-6:00 p.m. (ħin ta’ Brussell), bil-kwantitajiet, inklużi prospetti nulli, koperti b’liċenzji tal-importazzjoni li ma ntużawx jew li ntużaw biss parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq in-naħa ta’ wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.
(4) Il-kwantitajiet imsemmija taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jinqasmu skont in-numru ta’ referenza, il-pajjiż tal-oriġini, il-kodiċi tan-NM bi tmien numri, is-sena tas-suq ikkonċernata u jekk jinvolvux jew le z-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat. Għandhom jiġu espressi fi kwantitajiet ekwivalenti ta’ kilogrammi ta’ zokkor abjad.
(5) L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Marzu u għas-sena tas-suq ta’ qabel bil-kwantitajiet ta’ zokkor li ġie raffinat fil-verità, imqassmin skont in-numru ta’ referenza u l-pajjiż tal-oriġini u espressi fi kwantitajiet ta’ kilogrammi ta’ piż "tel. quel" u f’zokkor abjad.
(6) In-notifiki għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku skont il-mudelli u l-metodi li l-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
(7) L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dettalji tal-kwantitajiet tal-prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.
KAPITOLU III
BŻONNIJIET TA’ PROVVISTA TRADIZZJONALI
Artikolu 10
Is-sistema għal dawk li x-xogħol ewlieni tagħhom huwa r-raffinar taz-zokkor
(1) Dawk biss li x-xogħol ewlieni tagħhom huwa r-raffinar jistgħu japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat li l-validità tagħhom tibda waqt l-ewwel tliet xhur ta’ kull sena tas-suq. Permezz ta’ deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) dawn il-liċenzji għandhom ikunu validi sal-aħħar tas-sena tas-suq li jkunu nħarġu fiha.
(2) Jekk, qabel l-1 ta’ Jannar ta’ kull sena tas-suq, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni taz-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat għal dik is-sena tas-suq huma daqs jew iktar mit-total tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 153(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri li l-limitu tal-bżonnijiet ta’ provvista tradizzjonali għal dik is-sena tas-suq intlaħaq fil-livell tal-Komunità.
Mid-data tan-notifika, il-paragrafu 1 mhux se japplika għas-sena tas-suq ikkonċernata.
Artikolu 11
Prova tar-raffinar u l-penali
(1) Kull detentur oriġinali ta’ liċenzja tal-importazzjoni taz-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat, għandu fi żmien sitt xhur wara li tiskadi l-liċenzja tal-importazzjoni kkonċernata, jipprovdi lill-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja bi prova aċċettabbli għalih li r-raffinar sar fil-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(4)(c).
Fejn ma tkunx ipprovduta prova bħal din, l-applikant għandu jħallas, qabel l-1 ta’ Ġunju wara s-sena tas-suq ikkonċernata, ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata għall-kwantitajiet taz-zokkor ikkonċernati, għajr għal raġunijiet eċċezzjonali ta’ force majeure.
(2) Il-produtturi taz-zokkor approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom qabel l-1 ta’ Marzu wara s-sena tas-suq ikkonċernata jiddikjaraw lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-kwantitajiet ta’ zokkor li jkunu rraffinaw f’dik is-sena tas-suq, billi jgħidu:
(a) il-kwantitajiet ta’ zokkor li jikkorrispondu għal-liċenzji tal-importazzjoni għaz-zokkor bil-ħsieb li jiġi raffinat,
(b) il-kwantitajiet ta’ zokkor prodotti fil-Komunità, billi jingħataw ir-referenzi tal-impriża approvata li pproduċiet dak iz-zokkor;
(c) kwantitajiet oħra ta’ zokkor, billi tiġi ddikjata l-oriġini tagħhom.
Il-produtturi għandhom iħallsu, qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ wara s-sena tas-suq ikkonċernata, ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata għall-kwantitajiet ta’ zokkor li huma msemmijin fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu li għaliha ma jistgħux jipprovdu prova li tkun tista’ tiġi aċċettata mill-Istat Membru tal-kwantitajiet ta’ zokkor li ġew raffinati, għajr għal raġunijiet eċċezzjonali ta’ force majeure.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 12
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sat- 30 ta’ Settembru 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l- 10 ta’ Settembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann Fischer Boel
Membru tal-Kummissjoni
[1] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
[2] ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
[3] ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.
[4] ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.
[5] ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.
[6] ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.
[7] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.
--------------------------------------------------
ANNESS I
NUMRI TA’ REFERENZA
Parti I: Il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati
Titlu tal-grupp | Pajjiż terz | Numru ta’ referenza |
NON-ACP-LDC | Il-Bangladexx Il-Kambodja Il-Laos In-Nepal | 09.4221 |
ACP-LDC | Il-Benin Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo L-Etjopja Il-Madagaskar Il-Malawi Il-Możambik Is-Senegal Is-Sjerra Leone Is-Sudan It-Tanzanija It-Togo Iż-Żambja | 09.4231 |
Parti II: Mhumiex Pajjiżi l-Inqas Żviluppati
Reġjun | Pajjiż terz | Numru ta’ riferenza | Livell reġjonali ta’ salvagwardja 2009/2010 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) | Livell reġjonali ta’ salvagwardja 2010/2011 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) | Livell reġjonali ta’ salvagwardja 2011/2012 2012/2013 2013/2014 2014/2015 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) |
L-Afrika Ċentrali – NON-LDC | | 09.4241 | 10186,1 | 10186,1 | 10186,1 |
L-Afrikatal-Punent – NON-LDC | Il-Côte d’Ivoire | 09.4242 | 10186,1 | 10186,1 | 10186,1 |
SADC-NON-LDC | Is-Sważiland | 09.4243 | 166081,2 | 174631,9 | 192954,5 |
EAC-NON-LDC | Il-Kenja | 09.4244 | 12907,9 | 13572,4 | 14996,5 |
ESA-NON-LDC | Il-Mawrizju Iż-Żimbabwe | 09.4245 | 544711,6 | 572755,9 | 632850,9 |
Il-PAĊIFIKU-NON-LDC | Il-Fiġi | 09.4246 | 181570,5 | 190918,6 | 210950,3 |
CARIFORUM-NON-LDC | Il-Barbados Il-Beliże Ir-Repubblika Dominikana Il-Gujana Il-Ġamajka It-Trinidad u t-Tobago | 09.4247 | 454356,6 | 477749,0 | 527875,6 |
--------------------------------------------------
ANNESS II
2009/2010 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) | 2010/2011 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) | 2011/2012 2012/2013 2013/2014 2014/2015 (ekwivalenti għall-kwantità f’tunnellati ta’ zokkor abjad) |
1380000 | 1450000 | 1600000 |
--------------------------------------------------
ANNESS III
Il-liċenzja tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4)(b)
1. Esportatur (isem, indirizz sħiħ, pajjiż)
ORIĠINAL
2.
NO
3. Is-sena tas-suq
4. Importatur (isem, indirizz sħiħ, pajjiż)
(mhux obbligatorju)
LIĊENZJA GĦAZ-ZOKKOR PREFERENZJALI
ESPORTAZZJONI LEJN L-UE
5. Post u d-data tat-tagħbija - mezzi tat-trasport
(mhux obbligatorju)
6. Pajjiż tal-oriġini
7. Pajjiż / grupp ta' pajjiżi jew it-territorju tad-destinazzjoni
8. Dettalji oħra
9. Deskrizzjoni tal-oġġetti
10. Kodiċi tan-NM
(8-numri)
11. Kwantità
(f'kg)
12. ĊERTIFIKAZZJONI MILL-AWTORITÀ KOMPETENTI
13. Awtorità kompetenti (isem, indirizz sħiħ, pajjiż)
F'/Fi: …
Nhar: …
(firma)
(timbru)
+++++ TIFF +++++
--------------------------------------------------
ANNESS IV
I. Definizzjonijiet:
TACPLDC = It-total tal-kwantitajiet li ġew akkumulati (f’tunnellati) tal-applikazzjonijiet mill-pajjiżi tal-ACP_LDC (numru ta’ referenza 09.4231)
N = numru ta’ referenza għall-pajjiżi tal-ACP-NON-LDC (09.4241 sa 09.4247)
RSTN = Il-Livell Reġjonali ta’ Salvagwardja għan-numru ta’ referenza N;
WAN = Applikazzjoni fil-ġimgħa hija l-kwantitajiet (f’tunnellati) li ġew applikati f’ġimgħa
CWAN = Applikazzjonijiet li jakkumulaw fuq ġimgħa għan-numru ta’ referenza N mingħajr ma tkun inkluża l-aħħar komunikazzjoni
ACN = Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għan-numru ta’ referenza N
RESQ = Kwantità residwa li għandha titqassam wara li jkun applikat l-ACN
RESQN = Il-kwantità residwa attribwita għan-numru ta’ referenza N
II. Il-kalkolu tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1)
II.1: Għal kull N:
ACN = ((RSTN – CWAN)/WAN * 100) %
Jekk l-ACN ikun fin-negattiv, l-ACN huwa stmat 0 %
Jekk l-ACN ikun 100 % jew iktar, l-ACN huwa stmat 100 %
II.2: Jekk
(TACPLDC + Σ (CWAN + ACN * WAN) għar-reġjuni kollha li jkollhom RST) huwa inqas minn 3,5 miljun tunnellata
JEW
Σ ((CWAN + ACN * WAN) għar-reġjuni kollha li jkollhom RST) huwa inqas minn RST
Allura:
RESQ = Massimu ta’
3,5 Miljun tunnellata – (TACPDLC + Σ ((CWAN + ACN * WAN) għar-reġjuni kollha li jkollhom RST)
u
RST – Σ ((CWAN + ACN * WAN) għar-reġjuni kollha li jkollhom RST)
Meta l-ACN ikun inqas minn 100 %:
RESQN = RESQ * (((1-ACN) * WAN)/(Σ (((1-ACN) * WAN) għan-numri ta’ referenza li jkollhom ACN < 100 %)))
"CAN ġdid" = (("ACN ta’ qabel" * WAN) + RESQN)/WAN
--------------------------------------------------
ANNESS V
A. Annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3)(d)(ii)
— bil-Bulgaru : Прилагане на Регламент (ЕО) № 828/2009, ВОО/СИП. Референтен номер [вписва се референтен номер в съответствие с приложение I]
— bl-Ispanjol : Aplicación del Reglamento (CE) no 828/2009, TMA/AAE. Número de referencia [el número de referencia se incluirá conforme a lo dispuesto en el anexo I]
— biċ-Ċek : Použití nařízení (ES) č. 828/2009, EBA/EPA. Referenční číslo (vloží se referenční číslo v souladu s přílohou I)
— bid-Daniż : Anvendelse af forordning (EF) nr. 828/2009 EBA/EPA. Referencenummer [referencenummer skal indsættes i overensstemmelse med bilag I]
— bil-Ġermaniż : Anwendung der Verordnung (EG) Nr. 828/2009, EBA/EPA. Referenznummer [Referenznummer gemäß Anhang I einfügen]
— bl-Estonjan : Kohaldatakse määrust (EÜ) nr 828/2009, EBA/EPA. Viitenumber [lisatakse vastavalt I lisale]
— bil-Grieg : Εφαρμογή του κανονισμού (ΕΚ) αριθ. 828/2009, EB A/ΕΡΑ. Αύξων αριθμός (να συμπληρώνεται ο αύξων αριθμός σύμφωνα με το παράρτημα Ι)
— bl-Ingliż : Application of Regulation (EC) No 828/2009, EBA/EPA. Reference number [reference number to be inserted in accordance with Annex I]
— bil-Franċiż : Application du règlement (CE) no 828/2009, EBA/APE. Numéro de référence (numéro de référence à insérer conformément à l’annexe I)
— bit-Taljan : Applicazione del regolamento (CE) n. 828/2009, EBA/APE. Numero di riferimento (inserire in base all’allegato I)
— bil-Latvjan : Regulas (EK) Nr. 828/2009 piemērošana, EBA/EPA. Atsauces numurs [jāieraksta atsauces numurs saskaņā ar I pielikumu]
— bil-Litwan : Taikomas reglamentas (EB) Nr. 828/2009, EBA/EPS. Eilės Nr. (eilės numeris įrašytinas pagal I priedą)
— bl-Ungeriż : A(z) 828/2009/EK rendelet alkalmazása, EBA/GPM. Hivatkozási szám [hivatkozási szám az I. melléklet szerint]
— bil-Malti : Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 828/2009, EBA/EPA. Numru ta’ referenza [in-numru ta’ referenza għandu jiddaħħal skont l-Anness I]
— bl-Olandiż : Toepassing van Verordening (EG) nr. 828/2009, EBA/EPO. Referentienummer [zie bijlage I]
— bil-Pollakk : Zastosowanie rozporządzenia (WE) nr 828/2009, EBA/EPA. Numer referencyjny [numer referencyjny należy wstawić zgodnie z załącznikiem I]
— bil-Portugiż : Aplicação do Regulamento (CE) n.o 828/2009, TMA/APE. Número de referência [número de referência a inserir em conformidade com o anexo I]
— bir-Rumen : Aplicarea Regulamentului (CE) nr. 828/2009, EBA/EPA. Număr de referință [a se introduce numărul de referință în conformitate cu anexa I]
— bis-Slovakk : Uplatňovanie nariadenia (ES) č. 828/2009, EBA/EPA. Referenčné číslo (referenčné číslo sa vloží podľa prílohy I)
— bis-Sloven : Uporaba Uredbe (ES) št. 828/2009, EBA/EPA. Zaporedna številka [vstaviti zaporedno številko v skladu s Prilogo I].
— bil-Finlandiż : Asetuksen (EY) N:o 828/2009 soveltaminen, kaikki paitsi aseet/talouskumppanuussopimus. Viitenumero [viitenumero lisätään liitteen I mukaisesti]
— bl-Iżvediż : Tillämpning av förordning (EG) nr 828/2009, EBA/EPA. Referensnummer [referensnumret ska anges i enlighet med bilaga I]
B. Annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3)(e)
— bil-Bulgaru : Мито "0" — Регламент (ЕО) № 828/2009
— bl-Ispanjol : Derecho de aduana "0" — Reglamento (CE) no 828/2009,
— biċ-Ċek : Clo "0" – nařízení (ES) č. 828/2009
— bid-Daniż : Toldsats "0" — Forordning (EF) nr. 828/2009
— bil-Ġermaniż : Zollsatz "0" — Verordnung (EG) Nr. 828/2009
— bl-Estonjan : Tollimaks "0" – määrus (EÜ) nr 828/2009
— bil-Grieg : Τελωνειακός δασμός "0" — Κανονισμός (ΕΚ) αριθ. 828/2009 της ΕΕ
— bl-Ingliż : Customs duty "0" — Regulation (EC) No 828/2009
— bil-Franċiż : Droit de douane "0" — règlement (CE) no 828/2009
— bit-Taljan : Dazio doganale nullo — Regolamento (CE) n. 828/2009
— bil-Latvjan : Muitas nodoklis ar "0" likmi – Regula (EK) Nr. 828/2009
— bil-Litwan : Muito mokestis "0" – Reglamentas (EB) Nr. 828/2009
— bl-Ungeriż : "0" vámtétel – 828/2009/EK rendelet
— bil-Malti : Id-dazju tad-dwana "0" – Ir-Regolament (KE) Nru 828/2009
— bl-Olandiż : Douanerecht "0" — Verordening (EG) nr. 828/2009
— bil-Pollakk : Stawka celna "0" – rozporządzenie (WE) nr 828/2009
— bil-Portugiż : Direito aduaneiro nulo — Regulamento (CE) n.o 828/2009
— bir-Rumen : Taxă vamală "0" – Regulamentul (CE) nr. 828/2009
— bis-Slovakk : Clo "0" – nariadenie (ES) č. 828/2009
— bis-Sloven : Carina "0" – Uredba (ES) št. 828/2009
— bil-Finlandiż : Tulli "0" – Asetus (EY) N:o 828/2009
— bl-Iżvediż : Tullsats "0" – Förordning (EG) nr 828/2009
--------------------------------------------------
| Fuq |