32009R0754


Titolu u referenza

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 754/2009 tas- 27 ta' Lulju 2009 li jeskludi ċerti gruppi ta’ bastimenti mir-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008

 ĠU L 214, 19.8.2009, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 754/2009

tas- 27 ta' Lulju 2009

li jeskludi ċerti gruppi ta’ bastimenti mir-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jistabbilixxi reġim tal-isforz tas-sajd fejn l-opportunitajiet ta’ sajd f’termini ta’ sforz tas-sajd jingħataw lill-Istati Membri fuq bażi annwali. Skont l-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), jeskludi ċerti gruppi ta’ bastimenti mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz dment li tkun disponibbli daqta xierqa dwar qabdiet u rimi ta’ merluzz tal-bastimenti involuti, li l-persentaġġ ta’ qabdiet ta’ merluzz ma jeċċedix 1,5 % tal-qabdiet totali għal kull grupp ta’ bastimenti u li l-inklużjoni tal-grupp fir-reġim tal-isforz ikun jikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat għall-impatt ġenerali fuq l-istokkijiet ta’ merluzz.

(2) L-Iżvezja pprovdiet informazzjoni dwar il-qabdiet tal-merluzz minn grupp ta’ bastiment tas-sajd fis-Skagerrak u l-Kattegat għall-awwista tan-Norveġja bi gradilja selettiva ta’ tqassim kif definita fl-Appendiċi 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009 [2]. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, kif valutata mill-STECF, jista’ jkun stabbilit li l-qabdiet tal-merluzz, inkluż ir-rimi, ta’ dak il-grupp ta’ bastimenti matul il-perjodu fejn huma jużaw dak l-irkaptu selettiv tas-sajd, ma jeċċedix il-1,5 % tal-qabdiet totali ta’ dak il-grupp ta’ bastimenti matul l-istess perjodu. Barra minn dan, b’kunsiderazzjoni lejn il-programm ta’ kontroll Żvediż għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u Kattegat u b’kunsiderazzjoni lejn il-fatt li l-inklużjoni ta’ dak il-grupp isarraf f’piż amministrattiv sproporzjonat mal-impatt ġenerali fuq l-istokkijiet tal-merluzz, huwa xieraq li dak il-grupp ta’ bastimenti jkun eskluż, għall-perjodu meta huma jużaw l-irkaptu in kwistjoni biss, mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008.

(3) Spanja pprovdiet informazzjoni dwar il-qabdiet ta’ merluzz minn grupp ta’ bastiment bit-tkarkir tal-qiegħ fil-Punent tal-Iskozja, l-aktar għall-marlozz. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, kif valutata mill-STECF, jista’ jkun stabbilit li l-qabdiet tal-merluzz, inkluż ir-rimi, ta’ dak il-grupp ta’ bastimenti, ma jeċċedix il-1,5 % tal-qabdiet totali ta’ dak il-grupp ta’ bastimenti matul l-istess perjodu. Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni lejn il-miżuri attwali li jiżguraw il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd ta’ dak il-grupp ta’ bastimenti u b’kunsiderazzjoni lejn il-fatt li l-inklużjoni ta’ dak il-grupp isarraf f’piż amministrattiv sproporzjonat mal-impatt ġenerali fuq l-istokkijiet tal-merluzz, huwa xieraq li dak il-grupp ta’ bastimenti jkun eskluż mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz stipulat fill-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008.

(4) B’kunsiderazzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri qed jimmaniġjaw l-isforz u l-konformità mal-limitazzjonijiet tal-isforz fuq il-bażi tal-istaġun tas-sajd li huwa bejn l- 1 ta’ Frar 2009 u l- 31 ta’ Jannar 2010 u b’kunsiderazzjoni lejn il-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 ġie adottat ftit biss qabel il-bidu ta dak l-istaġun, huwa xieraq li dawn l-eżenzjonijiet ikunu applikabbli għall-istaġun tas-sajd kollu u għalhekk, li huma jibdew japplikaw mill- 1 ta’ Frar 2009,

(5) Sabiex tiġi żgurata ċertezza għas-sajjieda kkonċernati u sabiex dawn ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom għall-istaġun attwali tas-sajd, malajr kemm jista’ jkun, hija importanti ħafna li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-Kapitolu I, Artikolu 3, tal-Protokoll dwar l-irwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Esklużjoni mir-reġim tal-isforz skont ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008

Il-gruppi ta’ bastimenti li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008:

(a) il-grupp ta’ bastiment bil-bandiera tal-Iżvezja, parteċipanti fis-sajd indikat fit-talba tal-Iżvezja tas- 26 ta’ Frar 2009 kif kompletata mill-ittra li ġġib id-data tat- 8 ta’ April 2009, li jistadu fi Skagerrak u l-Kattegat matul il-perjodu li fih dawn il-bastimenti jistadu biss bi gradilja selettiva kif definita fl-Appendiċi 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009 għall-awwista tan-Norveġja;

(b) il-grupp ta’ bastiment li jtajru l-bandiera ta’ Spanja, parteċipanti fis-sajd indikat fit-talba ta’ Spanja tat- 2 ta’ Diċembru 2008 kif kompletata minn ittri li jġibu d-dati tas- 6 u l- 14 ta’ Marzu 2009, li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’malji ta’ 100 mm jew akbar fuq il-blata inklinata ‘l barra mill-Punent tal-Iskozja f’fond ta’ bejn 200 u 1000 metru u li jistadu prinċiparjament għall-ispeċijiet tal-baħar fond u għall-merluzz.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill- 1 ta’ Frar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is- 27 ta’ Lulju 2009.

F’isem il-Kunsill

Il-President

C. Bildt

[1] ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 tas- 16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid (ĠU L 22, 26.1.2009, p. 1).

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet