Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat- 18 ta’ Ġunju 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 [4] stabbilixxa l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("EGF") biex jippermetti lill-Komunità tipprovdi sostenn u turi solidarjetà mal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol bħala riżultat tal-bidliet strutturali maġġuri fis-sistemi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni.
(2) Fil-Komunikazzjoni tagħha tat- 2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat, taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-ewwel rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa kunsiljabbli li ssaħħaħ mill-ġdid l-impatt tal-EGF fuq il-ħolqien ta’ impjiegi u l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Ewropa.
(3) Kemm il-"Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà" endorsjati mill-Kunsill Ewropew fl- 14 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda: L-antiċipazzjoni u l-kollokazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-kapaċitajiet" jenfasizzaw l-għanijiet ta’ trawwim tal-adattabilità u l-impjegabilità kontinwa tal-ħaddiema permezz ta’ opportunitajiet aqwa ta’ tagħlim fil-livelli kollha u permezz ta’ strateġiji ta’ żvilupp ta’ ħiliet li kapaċi jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija inklużi, pereżempju, il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell ta’ karbonju baxx u bbażata fuq il-konoxxenza.
(4) Fis- 26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku bbażat fuq il-prinċipji fundamentali ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali. Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, ir-regoli tal-EGF jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex tiġi prevista deroga li permezz tagħha temporanjament jitwessa’ l-ambitu tal-EGF u sabiex ikun kapaċi jirreaġixxi b’mod aktar effikaċi. L-Istati Membri li japplikaw għal kontribuzzjoni tal-EGF taħt din id-deroga għandhom jistabbilixxu rabta diretta u li tista’ tintwera bejn it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-kriżi finanzjarja u ekonomika.
(5) Sabiex jiġi żgurat li l-kriterji ta’ intervent japplikaw b’mod trasparenti, għandha tiġi introdotta definizzjoni tal-okkorrenza li tikkostitwixxi telfa ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol. Bl-għan li tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri li jippreżentaw l-applikazzjonijiet u biex jiġi sodisfatt aħjar l-għan ta’ solidarjetà, għandu jonqos il-limitu massimu ta’ telf ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol.
(6) Konformement mal-għan ta’ trattament ġust u mhux diskriminatorju l-ħaddiema kollha li t-telf ta’ impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol jista’ jiġi konness b’mod evidenti mal-istess okkorrenza ta’ telf ta’ impjieg għandhom ikunu intitolati biex jibbenefikaw mill-pakkett ta’ servizzi personalizzati preżentati għal kontribuzzjoni tal-EGF.
(7) Għandha tintuża għajnuna teknika b’inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-EGF.
(8) Sabiex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali mill-EGF matul il-perijodu tal-kriżi finanzjarju u ekonomika, ir-rata ta’ ko-finanzjament għandha tiżdied temporanjament.
(9) Biex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet u jitħalla biżżejjed żmien biex il-miżuri jkunu effettivi fir-riintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli, il-perjodu li fih iridu jsiru l-azzjonijiet eliġibbli għandu jiġi estiż u ċċarat.
(10) Huwa xieraq li jiġi rivedut il-funzjonament tal-EGF, inkluża d-deroga temporanja għall-appoġġ tal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 għalhekk għandu jiġi emendat kif meħtieġ,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:
1. fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"1a. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-EGF għandu wkoll jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, sakemm l-applikazzjonijiet jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(a), (b) jew (c). L-Istati Membri li japplikaw għal kontribuzzjoni tal-EGF taħt din id-deroga għandhom jistabbilixxu rabta diretta u li tista’ tintwera bejn it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-kriżi finanzjarja u ekonomika.
Din id-deroga għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha ppreżentati qabel il- 31 ta’ Diċembru 2011.";
2. l-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:
"Artikolu 2
Il-kriterji ta’ intervent
Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF meta bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija jwasslu għal disturb ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, id-deklin rapidu tas-sehem mis-suq tal-UE f’settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw:
(a) f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol fil-fornituri tagħha jew fil-produtturi downstream, jew
(b) f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ disa’ xhur, b’mod partikolari f’intrapriżi ta’ daqs żgħir jew medju, f’diviżjoni NACE 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II.
(ċ) Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn debitament motivati mill-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista’ tiġi kkunsidrata ammissibbli wkoll jekk il-kriterji ta’ intervjent stabbiliti fil-punti (a) jew (b) ma jiġux sodisfatti kompletament, meta it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol jkollu impatt serju fuq l-impjieg u l-ekonomija lokali. L-Istat Membru għandu jispeċifika li l-applikazzjoni tiegħu ma tissodisfax kompletament il-kriterji ta’ intervent stabbiliti fil-punt (a) jew (b). L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet f’ċirkustanzi eċċezzjonali ma jistax jaqbeż il-15 % tal-ammont massimu tal-EGF kull sena.
Sabiex jiġi kkalkulat in-numru ta’ impjiegi mitlufa minħabba nuqqas ta’ xogħol kif hemm previst fil-punti (a), (b) u (c) hawn fuq, telfa ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol għandha tingħadd
- mid-data tan-notifika individwali ta’ min iħaddem ta’ twaqqif mix-xogħol jew ta’ tmiem tal-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem,
- mid-data ta’ meta jintemm de facto l-kuntratt tax-xogħol qabel l-għeluq taż-żmien tiegħu, jew
- mid-data ta’ meta min iħaddem, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59/KE, tal-Kunsill tal- 20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-sensji kollettivi [*****], jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar is-sensji kollettivi ppjanati; f’dan il-każ, l-Istat(i) Membru(i) applikant(i) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar in-numru preċiż ta’ telf ta’ impjiegi li jsir taħt il-punti (a), (b) jew (c) hawn fuq, u l-ispejjeż stmati tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati, qabel ma titlesta l-evalwazzjoni stipulata fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.
Għal kull intrapriża konċernata, l-Istat(i) Membru(i) għandhom jispeċifikaw fl-applikazzjoni kif qed jingħaddu t-telfiet ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol.
3. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 3a
Persuni eliġibbli
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu servizzi personalizzati ko-finanzjati mill-EGF lill-ħaddiema affettwati, li jistgħu jinkludu:
(a) ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol fi ħdan il-perjodu previst fl-Artikoli 2(a), (b) jew (c) u
(b) il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol qabel jew wara l-perjodu stipulat fl-Artikolu 2(a) jew fl-Artikolu 2(c) fil-każ li applikazzjoni li taqa’ taħt dan imsemmi l-aħħar tidderoga mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 (a), sakemm it-telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol ġraw wara t-tħabbira ġenerali tat-telfiet ippjanati ta’ impjieg u tkun tista’ tiġi stabbilita konnessjoni kawżali ċara mal-avveniment li wassal għat-telfiet ta’ impjieg matul il-perjodu ta’ riferenza.";
4. l-Artikolu 5(2)(a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:
"(a) analiżi motivata tal-konnessjoni bejn it-telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-bidliet strutturali maġġuri fis-sistemi kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika, prova tal-għadd ta’ telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol, u spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk it-telfiet ta’ impjieg.";
5. l-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:
"Artikolu 8
L-għajnuna teknika b’inizjattiva tal-Kummissjoni
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, suġġett għal limitu massimu ta’ 0,35 % tal-ammont massimu annwali tal-EGF, l-EGF jista’ jintuża biex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-kreazzjoni ta’ bażi ta’ konoxxenza rilevanti għall-implimentazzjoni tal-EGF. Huwa jista’ jintuża wkoll sabiex jiffinanzja l-appoġġ amministrattiv u tekniku, kif ukoll l-attivitajiet ta’ verifika, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex ikun implimentat dan ir-Regolament.
2. Suġġett għal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1, l-awtorità baġitarja għandha tagħmel ammont disponibbli għall-għajnuna teknika fil-bidu ta’ kull sena fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.
3. Il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jsiru skont ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll ir-regoli ta’ implimentazzjoni applikabbli għal din il-forma ta’ implimentazzjoni tal-baġit.
4. L-għajnuna teknika tal-Kummissjoni għandha tinkludi l-provvista ta’ informazzjoni u gwida għall-Istati Membri fl-użu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-EGF. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-użu tal-EGF lill-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali.";
6. l-Artikolu 10(1) jinbidel b’dan li ġej:
"1. Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5(5), b’mod partikolari wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ ħaddiema li jridu jingħataw sostenn, l-azzjonijiet proposti u l-istima tal-ispejjeż, tivvaluta u tipproponi malajr kemm jista’ jkun l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jekk teżisti, li tista’ ssir fi ħdan il-limiti tar-riżorsi disponibbli. L-ammont ma jistax jaqbeż il-50 % tat-total tal-prezz stmat imsemmi fl-Artikolu 5(2)(d). Għal applikazzjonijiet imressqa qabel id-data msemmija fl-Artikolu 1(1a), l-ammont ma jistax jaqbeż il-65 %.";
7. fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"F’każ ta’ għotjiet, l-ispejjeż indiretti, iddikjarati fuq bażi ta’ rata fissa, għandhom ikunu nfiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-EGF sa 20 % tal-ispejjeż diretti ta’ operazzjoni, sakemm l-ispejjeż indiretti jsiru b’konformità mar-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabilità.";
8. l-Artikolu 13(2) jinbidel b’dan li ġej:
"2. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom iwettqu l-azzjonijiet eliġibbli kollha inklużi fil-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 5, jew wara d-data tal-bidu ta’ dawn il-miżuri sakemm din id-data tal-aħħar ma tkunx aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni.";
9. fl-Artikolu 20, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:
"Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrevedu dan ir-Regolament, inkluża d-deroga temporanja prevista fl-Artikolu 1(1a).".
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna mill-EGF mogħtija mill- 1 ta’ Mejju 2009. Rigward l-applikazzjonijiet imressqa qabel dik id-data, ir-regoli fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għandhom jibqgħu japplikaw matul iż-żmien kollu li fih tingħata l-għajnuna tal-EGF.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell 18 ta’ Ġunju 2009
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. Pöttering
Għall-Kunsill
Il-President
Š. Füle
[1] Opinjoni tal- 24 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
[2] Opinjoni tat- 22 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 11 ta’ Ġunju 2009
[4] ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82.
[*****] ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.";
--------------------------------------------------
| Fuq |