32009R0473


Titolu u referenza

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u r-Regolament 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

 ĠU L 144, 9.6.2009, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009

tal- 25 ta’ Mejju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u r-Regolament 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu fil- 11 u t- 12 ta’ Diċembru 2008, approva Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (PEIE), li jipprevedi l-bidu ta’ azzjonijiet prijoritarji biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw b’rata aktar mgħaġġla għall-isfidi attwali. Il-PEIE huwa bbażat fuq sforz ekwivalenti totalment għal madwar 1,5 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea, ċifra li tammonta għal madwar EUR 200 biljun.

(2) Minn dan l-ammont, EUR 1020 miljun għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) bil-għan li jiġi żviluppat l-Internet tal-broadband f’żoni rurali u li jissaħħu l-operazzjonijiet marbuta mal-prijoritajiet stabbiliti fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 [2] (minn hawn ‘il quddiem "sfidi ġodda").

(3) Huma meħtieġa diversi emendi għar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, sabiex jiġi stabbilit il-qafas legali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-ammont ta’ EUR 1020 miljun, f’kontinwità mal-emendi introdotti bir-Regolament (KE) Nru 74/2009 [3] li jippermetti l-użu mill-Istati Membri ta’ ammonti li jirriżultaw minn modulazzjoni obbligatorja miżjuda u fondi mhux użati ġġenerati skont l-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad- 19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa [4] dwar operazzjonijiet marbuta mal-isfidi ġodda.

(4) Minħabba l-piż partikolari fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej tar-riżorsi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, l-Euratom tas- 7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej [5], huwa adatt li jkompli jiġi previst, b’mod eċċezzjonali, li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummisjoni, jadotta d-deċiżjoni meħtieġa dwar l-ammont tal-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu kif ukoll l-ammont minimu li għandu jkun ikkonċentrat fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza.

(5) Minħabba r-riżorsi addizzjonali li għandhom isiru disponibbli bħala appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali taħt il-PEIE, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jirrivedu l-Pjan Strateġiku Nazzjonali (NSP) tagħhom. Peress li l-Istati Membri kollha ser jirċievu fondi addizzjonali mill-2009, kollha għandhom ikunu meħtieġa li jirrivedu l-NSP tagħhom sal- 15 ta’ Lulju 2009.

(6) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat- 12 ta’ Diċembru 2008 jfakkru l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew għall-PEIE, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-Internet tal-broadband, inkluż f’żoni li mhumiex moqdija tajjeb. Minħabba li ż-żoni rurali kemm-il darba jbatu minn nuqqasijiet fl-aċċess għall-Internet, l-appoġġ għall-infrastrutturi tal-broadband fiż-żoni rurali għandu jissaħħaħ bl-appoġġ tal-FAEŻR. Minħabba l-importanza ta’ din il-prijorità, l-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet tagħhom, fil-programmi tagħhom għandhom jipprevedu l-operazzjonijiet marbuta ma’ din il-prijorità sa tmiem l-2009. Lista tat-tipi ta’ operazzjonijiet marbuta mal-infrastrutturi tal-broadband għandha tiġi stabbilita sabiex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw l-operazzjonijiet rilevanti fil-kuntest tal-qafas legali għall-iżvilupp rurali.

(7) Peress li l-fondi addizzjonali mill-PEIE ser isiru disponibbli għall-Istati Membri kollha fl-2009 u l-2010, l-Istati Membri kollha fil-programmi tagħhom tal-iżvilupp rurali għandhom jipprevedu tipi ta’ operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda diġà mill-2009.

(8) L-obbligu li sal- 15 ta’ Lulju 2009 għandom jiġu ppreżentati programmi riveduti tal-iżvilupp rurali għandu, għalhekk, japplika għall-Istati Membri kollha.

(9) Minħabba l-użu addizzjonali, speċifiku u vinkolanti tar-riżorsi finanzjarji, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja skont ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, tal-ammonti ġġenerati skont l-Artikolu 136 ta’ dak ir-Regolament u tal-ammonti li għandhom isiru disponibbli bħala appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali skont il-PEIE, il-bilanċ stabbilit bejn l-objettivi ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali m’għandux ikun affettwat minn dawk ir-riżorsi finanzjarji.

(10) Iż-żoni rurali ta’ spiss tonqoshom l-infrastruttura tal-broadband, kemm fuq skala żgħira kif ukoll fuq skala akbar. Din tal-aħħar tista’ tkun kruċjali biex jinqdew żoni rurali anqas aċċessibbli. Sabiex jiġi żgurat l-użu l-aktar effikaċi tar-riżorsi disponibbli u sabiex ikun jista’ jseħħ l-iżvilupp sostantiv tal-Internet tal-broadband fiż-żoni rurali, l-operazzjonijiet pertinenti għandhom jitqiesu bħala eliġibbli mingħajr limitu fid-daqs tal-infrastruttura relatata. Għalhekk, il-limitu li jeżisti fid-daqs għall-infrastruttura tas-servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali m’għandux japplika għall-operazzjonijiet relatati mal-infrastrutturi tal-broadband.

(11) Sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi ta’ politika li jissaħħu l-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda u li jiġu żviluppati l-infrastrutturi tal-Internet tal-broadband, huwa meħtieġ li jkun ipprovdut li r-riżorsi finanzjarji li jsiru disponibbli bħala appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali taħt il-PEIE, għandhom jintużaw għal ċerti għanijiet speċifiċi u li dan l-obbligu għandu jiġi kkombinat mal-obbligu eżistenti għall-ammonti li jirriżultaw mill-modulazzjoni obbligatorja u l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

(12) Minħabba l-importanza tal-operazzjonijiet tal-broadband fil-livell Komunitarju, iż-żieda tal-kontribut tal-FAEŻR previst fir-Regolament (KE) Nru 74/2009 għandha tapplika wkoll għal tali tipi ta’ operazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom.

(13) Sabiex jiġu faċilitati l-Istati Membri li huma partikolarment affettwati mill-kriżi ekonomika u li għandhom diffikultajiet biex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji nazzjonali biex jintużaw il-fondi disponibbli tal-FAEŻR, għandhom ikunu permessi rati ogħla ta’ kofinanzjament eċċezzjonalment fl-2009.

(14) Ladarba l-miżuri previsti fl-emendi proposti ma jippreġudikawx l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u għandhom ikopru l-2009, dan ir-Regolament għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2009.

(15) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(16) Sabiex ikun żgurat li jittieħed kont tal-PEIE għad-dixxipplina baġitarja, hu meħtieġ li jiġu adatti d-dispożizzjonijiet dwar il-livell massimu tal-baġit għan-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 [6] billi jittieħed ukoll kont tas-somom iffissatti skont l-Intestatura 2 għall-iżvilupp rurali taħt il-pakkett ta’ rkupru skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/434/KE tal- 25 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/493/KE li tistabbilixxi l-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu u l-ammont minimu li għandu jiġi kkonċentrat f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza [7] u l-ammont għal proġetti fil-qasam tal-enerġija li jista’ jiġi deċiż skont il-proċedura stabbilita fid-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija u l-Internet tal-broadband kif ukoll il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku [8]. Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1) l-Artikolu 12a jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 12a

Reviżjoni

1. L-Istati Membri għandhom jirrivedu, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(1), il-pjani ta’ strateġija nazzjonali tagħhom skont ir-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji kif imsemmija fl-Artikolu 10.

2. Il-pjan ta’ strateġija nazzjonali rivedut imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mil- 15 ta’ Lulju 2009.";

(2) l-Artikolu 16a jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 16a

Operazzjonijiet speċifiċi relatati ma’ ċerti prijoritajiet

1. Sal- 31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, għandhom jipprevedu tipi ta’ operazzjonijiet li għandhom il-prijoritajiet li ġejjin kif deskritti fil-linji gwida strateġiċi Komunitarji u speċifikati aktar fil-pjani ta’ strateġija nazzjonali:

(a) tibdil fil-klima,

(b) enerġiji rinovvabbli,

(c) ġestjoni tal-ilma,

(d) bijodiversità,

(e) miżuri anċillari għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib,

(f) innovazzjoni marbuta mal-prijoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d),

(g) infrastruttura tal-Internet tal-broadband fiż-żoni rurali.

It-tipi ta’ operazzjonijiet li għandhom jintrabtu mal-prijoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mmirati lejn il-kisba ta’ effetti bħall-effetti potenzjali msemmija fl-Anness II. Lista indikattiva ta’ tali tipi ta’ operazzjonijiet u l-effetti potenzjali tagħhom tinsab fl-Anness II. Lista ta’ tipi ta’ operazzjonijiet marbuta mal-prijorità msemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tinsab fl-Anness III.

Il-programmi riveduti tal-iżvilupp rurali, relatata mal-operazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mil- 15 ta’ Lulju 2009.

2. Mill- 1 ta’ Jannar 2009, għal tipi ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1, ir-rati tal-intensità tal-għajnuna ffissati fl-Anness I jistgħu jiżdiedu b’10 punti perċentwali.

3. Sal- 31 ta’ Diċembru 2009, kull programm tal-iżvilupp rurali għandu jinkludi wkoll:

(a) il-lista tat-tipi ta’ operazzjonijiet u l-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 16(c) dwar it-tipi speċifiċi ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b) tabella li tistabbilixxi, għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, bil-miżura l-kontribut totali tal-Komunità għal tipi ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 u l-kontribut Komunitarju għal tipi ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1.";

(3) fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

"3. L-ammonti ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 69(5a) u mill-2011, flimkien mal-ammonti ġġenerati skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tad- 19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa [] u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 69(2a) ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jitqiesu fil-kontribut totali tal-FAEŻR li minnu l-kontribut finanzjarju Komunitarju minimu għal kull assi jiġi kkalkulat kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

(4) fl-Artikolu 56 tinżied is-sentenza li ġejja:

"Il-limitazzjoni fid-daqs għall-infrastruttura m’għandhiex tapplika għall-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 16a(1).";

(5) l-Artikolu 69 huwa b’dan emendat kif ġej:

(a) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a. Il-parti tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 li tirriżulta miż-żieda tal-impenji globali kif stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/493/KE tat- 13 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu u l-ammont minimu li għandu jiġi kkonċentrat f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza [] kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/434/KE [] għandha tkun allokata għal tipi ta’ operazzjonijiet relatati mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 16a(1) ta’ dan ir-Regolament.

(b) il-paragrafi 5a u 5b jinbidlu b’dan li ġej:

"5a. Ammont ekwivalenti għall-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 flimkien ma’, mill-2011, l-ammonti ġġenerati skont l-Artikolu 136 ta’ dak ir-Regolament għandu jintnefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2010 sal- 31 ta’ Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi attwali tal-iżvilupp rurali għal operazzjonijiet tat-tipi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a(1) ta’ dan ir-Regolament.

Għall-Istati Membri l-ġodda, kif definit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mill- 1 ta’ Jannar 2013 sal- 31 ta’ Diċembru 2015.

L-ewwel żewġ subparagrafi m’għandhomx japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija.

Is-sehem tal-Istati Membri tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2a għandu jintefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi attwali tal-iżvilupp rurali għal-operazzjonijiet tat-tipi msemmija fl-Artikolu 16a(1).

5b. Jekk fl-għeluq tal-programm, l-ammont reali tal-kontribuzzjoni Komunitarja li jkun intefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16a(1), jkun anqas mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 5a ta’ dan l-Artikolu, id-differenza għandha tkun rimborżata mill-Istat Membru lill-baġit ġenerali tal-Komunitjiet Ewropej sal-ammont li bih l-allokazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 16a (1) jkunu nqabżu.

Barra minn hekk, jekk, fl-għeluq tal-programm, l-ammont reali tal-kontribuzzjoni Komunitarja li jkun intefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a (1), ikun anqas mill-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5a ta’ dan l-Artikolu, id-differenza għandha tkun rimburżata mill-Istat Membru lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej sal-ammont li bih l-ammont tal-kontribuzzjoni Komunitarja li ntefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 16a (1) ikunu qabeż l-allokazzjonijiet disponibbli skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 5a ta’ dan l-Artikolu. Madankollu, jekk l-ammont reali tal-kontribuzzjoni Komunitarja li jintefaq fuq operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 16a(1) ikun anqas mill-allokazzjonijiet disponibbli għal dawk it-tipi ta’ operazzjonijiet, l-ammont li għandu jkun rimburżat għandu jitnaqqas b’dik id-differenza.";

(6) l-Artikolu 70 jinbidel kif ġej:

(a) fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

"Minkejja l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3, il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tista’ tiżdied sa 90 % għar-reġjuni ta’ konverġenza u għal 75 % għar-reġjuni mhux ta’ konverġenza għall-operazzjonijiet tat-tipi msemmija fl-Artikolu 16a(1), sal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-ammont imsemmi fl-Artikolu 69(2a) ta’ dan ir-Regolament u, mill-2011, l-ammonti ġġenerati skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.";

(b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4b. B’deroga mil-limiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4, ir-rata tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tista’ tiżdied b’massimu ta’ 10 punti perċentwali addizzjonali għal nefqa li għandha titħallas mill-Istati Membri fis-sena 2009. Il-limiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 għandhom, madankollu, jkunu rispettati għan-nefqa pubblika totali li ssir matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.";

(7) fl-Anness II, it-titolu jinbidel b’ dan li ġej:

"Lista indikattiva b’tipi ta’ operazzjonijiet u l-effetti potenzjali relatati mal-prijoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a(1).";

(8) jiżdied Anness, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 huwa b’dan emendat kif ġej:

Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1. Il-limitu annwali għan-nefqa tal-FAEG għandu jkun kostitwit bl-ammonti massimi stabbiliti għalih skont il-qafas finanzjarju pluriennali previst fil-Ftehim Interistituzzjonali, nieqes l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2, u:

(a) nieqes l-ammont miżjud għall-Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/434/KE tal- 25 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/493/KE li tistabbilixxi l-ammont ta’ appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, it-tqassim annwali tiegħu u l-ammont minimu li għandu jiġi kkonċentrat f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza [] li mhijiex koperta bil-marġni taħt l-Intestatura 2 tal-qafas finanzjarju tal-Ftehim Interistituzzjonali li jeżisti barra s-sublimitu għan-nefqa tal-FAEG

(b) nieqes kwalunkwe tnaqqis possibbli tal-limitu tal-Intestatura 2 fir-rigward tal-finanzjament tal-proġetti fil-qasam tal-enerġija, li jista’ jiġi deċiż skont il-proċedura stabbilita fid-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta’ dwar il-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija u l-Internet tal-broadband kif ukoll il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku [].

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il- 25 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Šebesta

[1] L-Opinjoni tas- 6.5.2009 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

[3] ĠU L 30, 31.1.2009, p. 100.

[4] ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

[5] ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

[6] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

[7] Ara paġna 25 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] ĠU C 108, 12.5.2009, p. 1.

[] ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.";

[] ĠU L 195, 15.7.2006, p. 22 (MT: ĠU L 335 M, 13.12.2008, p. 370).

[] ĠU L 144, 9.6.2009, p. 25.";

[] ĠU L 144, 9.6.2009, p. 25.

[] ĠU C 108, 12.5.2009, p. 1.".

--------------------------------------------------

ANNESS

"ANNESS III

Lista bit-tipi ta’ operazzjonijiet relatati mal-prijorità msemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 16a(1)

Prijorità: Infrastruttura tal-broadband fiż-żoni rurali |

Tipi ta’ operazzjonijiet | Artikoli u miżuri |

Il-ħolqien ta’ u l-kapaċità għall-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband li tinkludi faċilitajiet għat-twassil tas-servizzi (backhaul) u ta’ tagħmir tal-art (eż. teknoloġiji fissi, teknoloġiċi terrestri bla fili, ibbażati fuq is-satelliti jew kombinazzjoni ta’ teknoloġiji) | Artikolu 56: servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali |

Titjib tal-infrastruttura tal-broadband eżistenti | Artikolu 56: servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali |

Installazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband passiva (pereżempju: xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili bħal kanali, u elementi ta’ netwerk oħrajn bħal fibra skura eċċ) ukoll f’sinerġija ma’ infrastrutturi oħrajn (netwerks ta’ enerġija, trasport, ilma, dranaġġ eċċ). | Artikolu 56: servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali" |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet