Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas- 7 ta’ April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel
ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009
tas- 7 ta’ April 2009
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 103h(f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 13/2009 [2] emenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sabiex jipprovdi għal għajnuna Komunitarja taħt Skema tal-Frott għall-Iskejjel għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal li jattendu b’mod regolari wieħed mill-istabbilimenti edukattivi amministrati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.
(2) Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. Sabiex jiżguraw il-valur miżjud tal-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel stabbiliti taħt dan ir-Regolament, fl-istrateġija tagħhom l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif se jiggarantixxu l-valur miżjud tal-iskema tagħhom, speċjalment meta l-ikliet regolari tal-iskola jiġu kkunsmati fl-istess ħin bħall-prodotti ffinanzjati taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw aktar minn Skema waħda, għandhom ifasslu strateġija għal kull waħda mit-tali Skemi.
(3) L-istrateġija ta’ Stat Membru għandu jkun fiha l-elementi prinċipali msemmija fl-Artikolu 103ga(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jiġifieri l-baġit tal-iskema tiegħu, inkluża l-kontribuzzjoni Komunitarja u dik nazzjonali, it-tul ta’ żmien tagħha, il-grupp fil-mira, il-prodotti eliġibbli u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti, bħall-awtoritajiet edukattivi u dawk tas-saħħa, is-settur privat u l-ġenituri tat-tfal. L-istrateġija ta’ Stat Membru għandha wkoll tiddeskrivi l-miżuri ta’ akkumpanjament li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Iskema.
(4) Skont l-Artikolu 152(1) tat-Trattat, irid jiġi żgurat livell għoli tas-saħħa fit-tifsira u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-Komunità. Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti eliġibbli għall-għajnuna joffru livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa għat-tfal u sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ drawwiet tajbin fil-konsum tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jeskludu mill-istrateġija tagħhom prodotti miżjudin biz-zokkor, bix-xaħam, bil-melħ jew b’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, għajr fejn, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, l-Istati Membri jipprovdu fl-istrateġija tagħhom li t-tali prodotti jistgħu jkunu eliġibbli taħt l-iskema tagħhom. Fil-każijiet kollha, il-lista ta’ Stat Membru tal-prodotti eliġibbli għandha tiġi approvata mill-awtorità tas-saħħa nazzjonali kompetenti.
(5) L-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel jirrikjedu miżuri ta’ akkumpanjament sabiex ikunu effettivi. Il-miżuri ta’ akkumpanjament m’għandhomx ikunu limitati għal ċerti żoni ġeografiċi jew ċerti stabbilimenti edukattivi, u b’hekk jeskludu lil ċerti tfal mill-ambitu tagħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jagħtu aċċess għall-miżuri ta’ akkumpanjament lill-biċċa l-kbira tat-tfal li huma fil-grupp fil-mira tal-iskema tagħhom.
(6) Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-gestjoni tal-baġit, l-Istati Membri li jimplimentaw Skema tal-Frott għall-Iskejjel għandhom japplikaw għall-għajnuna Komunitarja fuq bażi annwali.
(7) Għal skopijiet tat-trasparenza, għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi demografiċi, il-Kummissjoni għandha tevalwa tal-anqas darba kull tliet snin jekk dik l-allokazzjoni tkunx għadha aġġornata.
(8) Sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tal-fondi disponibbli, l-għajnuna Komunitarja li tkun ġiet attribwita b’mod indikattiv lill-Istati Membri li ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni bl-istrateġija tagħhom fil-ħin għandhom jiġu allokati mill-ġdid bejn l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw u li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjoni inizjali tagħhom tal-għajnuna Komunitarja.
(9) Mhux biss spejjeż imġarrba għax-xiri tal-frott u l-ħaxix, tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u tal-prodotti tal-banana għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja, jekk dan ikun ipprovdut fl-istrateġija ta’ Stat Membru, iżda wkoll xi spejjeż relatati magħhom li huma direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel. Madankollu, sabiex titħares l-effettività tal-Iskema, perċentwal żgħir biss ta’ għajnuna għandu jiġi allokat għal dawn l-ispejjeż relatati. Għall-finijiet tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kontroll, dawn l-ispejjeż għandhom jirrappreżentaw ammonti fissi, ikkalkulati fuq bażi pro rata.
(10) Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-ġestjoni u s-superviżjoni baġitarja, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna u l-kundizzjonijiet għal applikazzjoni valida għall-għajnuna għandhom jiġu speċifikati. Fdak li għandu x’jaqsam mal-ħlas tal-għajnuna, ir-rekwiżiti li jridu jintlaħqu mill-applikanti għandhom jiġu speċifikati u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, għall-verifiki u għas-sanzjonijiet li jridu jsiru mill-awtoritajiet kompetenti u r-regoli dwar il-proċedura tal-ħlas.
(11) Biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u kontra l-frodi. Dawn il-miżuri ta’ kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva sħiħa ssupplementata b’verifiki fuq il-post. L-ambitu, il-kontenut, l-iskeda taż-żmien u r-rappurtar ta’ miżuri ta’ kontroll bħal dawn għandhom jiġu speċifikati biex jiżguraw approċċ ġust u uniformi bejn l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni differenti tagħhom tal-iskema.
(12) Ammonti mħallsa b’mod mhux dovut għandhom jiġu rkuprati u għandhom jiġu ddeterminati sanzjonijiet sabiex iżommu lill-applikanti minn imġiba ta’ frodi u ta’ negliġenza serja.
(13) Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, u biex jippermettu r-reviżjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prassi, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel fuq bażi regolari u jibagħtu r-riżultati u s-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni. Meta frott u ħaxix, frott u ħaxix proċessati u prodotti tal-banana ma jitqassmux mingħajr ħlas lill-grupp fil-mira tal-iskema tagħhom, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-ġenituri fuq l-effettività tal-Iskema tagħhom.
(14) L-esperjenza wriet li l-benefiċjarji tal-proġetti kkofinanzjati mill-għajnuna Komunitarja mhumiex dejjem konxji biżżejjed mir-rwol tal-Komunità fil-proġett rilevanti. Ir-rwol tal-Komunità fl-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel għandu għalhekk ikun indikat b’mod ċar f’kull stabbiliment edukattiv li jkun qed jipparteċipa fiha.
(15) Sabiex tippermetti lill-Istati Membri biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, jew biex jallinjaw l-iskema eżistenti tagħhom mad-dispożizzjonijiet il-ġodda, l-Istati Membri jistgħu jelaboraw strateġija li jkun fiha biss l-element prinċipali ewlieni għall-perjodu inizjali ta’ bejn l- 1 ta’ Awwissu 2009 u l- 31 ta’ Lulju 2010. Għandhom ikunu jistgħu jipposponu wkoll l-adozzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament matul dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
(16) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ambitu u l-użu tat-termini
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u għal ċerti spejjeż relatati.
2. It-termini wżati f’dan ir-Regolament għandhom ikollhom l-istess tifsira li għandhom fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.
Artikolu 2
Il-grupp fil-mira
L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tiġi mmirata lejn it-tfal li jattendu b’mod regolari fi kwalunkwe wieħed mill-istabbilimenti edukattivi amministrati jew irrikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.
Artikolu 3
L-istrateġija
1. L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu Skema tal-Frott għall-Iskejjel għandhom ifasslu l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 103ga(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
2. L-istrateġija ta’ Stat Membru ma għandhiex tkopri prodotti li huma elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Madankollu, f’każijiet iġġustifikati b’mod dovut, bħal meta Stat Membru jixtieq jiżgura firxa wiesgħa ta’ prodotti taħt l-iskema tiegħu jew jixtieq jagħmel l-iskema tiegħu aktar attraenti, strateġija tista’ tipprovdi li t-tali prodotti jistgħu jsiru eliġibbli, jekk jiżdiedu biss ammonti limitati tas-sustanzi msemmija f’dak l-Anness.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tagħhom japprovaw il-lista tal-prodotti li għandhom ikunu eliġibbli taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel.
3. L-Istati Membri għandhom jispjegaw, fl-istrateġija tagħhom, kif se jiggarantixxu l-valur miżjud tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel, speċjalment fejn l-istrateġija tagħhom tippermetti l-konsum tal-ikliet regolari tal-iskola fl-istess ħin mal-prodotti ffinanzjati taħt l-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel. Għandhom jiddeskrivu l-miżuri ta’ kontroll tagħhom fl-istrateġija tagħhom.
4. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fl-istrateġija tagħhom liema miżuri ta’ akkumpanjament se jadottaw biex jiżguraw l-implimentazzjoni b’suċċess tal-iskema tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jiffokaw fuq it-titjib tal-għarfien tal-grupp fil-mira dwar is-settur tal-frott u tal-ħaxix jew dwar drawwiet tajbin fil-konsum tal-ikel, bħall-iżvilupp ta’ siti tal-internet jew l-organizzazzjoni ta’ żjarat fl-irziezet jew ta’ sessjonijiet dwar il-ġardinaġġ.
5. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-livell ġeografiku u amministrattiv xieraq li fih jixtiequ jimplimentaw "Skema tal-Frott għall-Iskejjel". Jekk jagħżlu li jimplimentaw aktar minn skema waħda, għandhom jipprovdu strateġija għal kull skema. Stat Membru li jimplimenta diversi skemi jista’ jistabbilixxi qafas ta’ koordinazzjoni.
Artikolu 4
Għajnuna għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal
1. L-Istati Membri li jistabbilixxu Skema tal-Frott għall-Iskejjel jistgħu japplikaw għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal perjodu li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju ta’ sena jew aktar, billi sal-31 ta’ Jannar tas-sena meta jibda dak il-perjodu jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri li diġà għandhom skema tal-frott għall-iskejjel, jew skemi oħrajn ta’ distribuzzjoni fl-iskejjel li jinkludu l-frott, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkwalifikaw għall-għajnuna Komunitarja soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 103ga(6) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għandhom jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza pprovduta fil-paragrafu 1.
3. L-Anness II għal dan ir-Regolament jipprovdi għall-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta tal-anqas darba kull tliet snin jekk l-Anness II għadux konsistenti ma’ dak il-kriterju tal-allokazzjoni.
4. L-allokazzjonijiet tal-għajnuna Komunitarja riżervati għall-Istati Membri li sal-31 ta’ Jannar ta’ dik is-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni, jewinkella li jkunu talbu għal parti biss mill-allokazzjoni inizjali tagħhom, għandhom jiġu allokati mill-ġdid bejn l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw u li, sad-data tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjoni inizjali tagħhom tal-għajnuna Komunitarja.
L-allokazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi implimentata skont id-daqs tal-allokazzjoni inizjali tal-Istati Membri, ikkalkulata abbażi tal-kriterju tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 103ga(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
Sal-31 ta’ Marzu tas-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja lill-Istati Membri.
Artikolu 5
L-ispejjeż eliġibbli
1. L-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 103ga tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007:
(a) spejjeż għall-frott u l-ħaxix, għall-frott u l-ħaxix ipproċessat u għall-prodotti tal-banana koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel imsemmija fl-Artikolu 3(1) u mwassla lill-istabbiliment edukattiv.
(b) l-ispejjeż relatati, li huma l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel u għandhom jinkludu biss:
(i) l-ispejjeż tax-xiri, ir-renta, il-kiri u x-xiri bin-nifs ta’ tagħmir, jekk l-istrateġija tipprovdi għal dan;
(ii) l-ispejjeż tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, li għandhom ikunu marbuta direttament mal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel;
(iii) l-ispejjeż tal-komunikazzjoni, li għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-powster imsemmi fl-Artikolu 14(1).
Fejn l-ispejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-prodotti koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel tinħarġilhom fattura separata, it-tali spejjeż ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-ispejjeż tal-prodotti.
Meta l-prodotti jingħataw lill-istabbilimenti edukattivi bla ħlas, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw fatturi għat-trasport u d-distribuzzjoni, soġġetti għal limitu stabbilit fl-istrateġija tal-Istat Membru.
L-ispejjeż tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt (b)(iii) tal-ewwel subparagrafu ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt l-iskemi l-oħrajn tal-għajnuna Komunitarja.
2. L-ammont totali tal-ispejjeż skont il-punti (b)(i) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jirrappreżenta ammont fiss u għandu jkun soġġett għal limitu li ma jaqbiżx il-5 % tal-pakkett tal-għajnuna Komunitarja tal-Istat Membru wara l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 4(4).
Għas-sena li fiha jseħħ l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 12, l-ammont totali għall-ispejjeż taħt il-punti (b)(i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż l-10 % tal-pakkett tal-għajnuna Komunitarja tal-Istat Membru għas-sena li fiha sseħħ l-evalwazzjoni, wara l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikolu 4(4).
Artikolu 6
Kundizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-għajnuna
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna li hemm dispożizzjoni dwarha taħt l-istrateġija tagħhom għandha titqassam lill-applikanti għall-għajnuna fejn dawn l-applikanti jkunu ressqu applikazzjoni valida għall-għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Applikazzjoni għall-għajnuna għandha tkun valida biss jekk titressaq minn applikant li jkun ġie approvat għal dak il-għan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment edukattiv li lilu jkunu qed jiġu fornuti l-prodotti.
2. L-Istat Membru jista’ jagħżel applikanti għall-għajnuna minn fost l-entitajiet li ġejjin:
(a) l-istabbilimenti edukattivi;
(b) l-awtoritajiet tal-edukazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti mqassma lit-tfal fiż-żona tagħhom;
(c) il-fornituri u/jew id-distributuri tal-prodotti;
(d) l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f’isem wieħed jew aktar mill-istabbilimenti edukattivi jew mill-awtoritajiet edukattivi u stabbiliti b’mod speċifiku għal dan il-għan;
(e) kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra li tieħu ħsieb:
(i) id-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix, tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u tal-prodotti tal-banana lill-istabbilimenti edukattivi fil-qafas ta’ Skema tal-Frott għall-Iskejjel stabbilita taħt, jew allinjata ma’, dan ir-Regolament;
(ii) l-evalwazzjoni u/jew il-komunikazzjoni.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna
L-approvazzjoni għandha tiddependi fuq it-teħid tal-impenji bil-miktub li ġejjin min-naħa tal-applikant lill-awtorità kompetenti:
(a) li juża prodotti ffinanzjati taħt Skema tal-Frott għall-Iskejjel stabbilita taħt, jew allinjata ma’, dan ir-Regolament għall-konsum mit-tfal tal-istabbiliment edukattiv tiegħu jew tal-istabbilimenti li għalihom tkun intalbet l-għajnuna;
(b) li jħallas lura kwalunkwe ammont ta’ għajnuna mħallsa b’mod mhux dovut għall-kwantitajiet konċernati, jekk jinstab li dawn il-prodotti ma jkunux tqassmu lit-tfal imsemmija fl-Artikolu 2 jew li l-għajnuna tkun tħallset għal prodotti li mhumiex eliġibbli taħt dan ir-Regolament;
(c) f’każ ta’ frodi jew ta’ negliġenza serja, li jħallas ammont li jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huwa intitolat għalih l-applikant;
(d) li jagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom;
(e) li jaċċetta kwalunkwe verifika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiddeċiedi li tagħmel, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-reġistri u l-ispezzjonar fiżiku.
L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti tal-approvazzjoni dipendenti fuq it-teħid ta’ impenji oħra bil-miktub min-naħa tal-applikant lill-awtorità kompetenti.
Artikolu 8
Kundizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ ċerti applikanti
Jekk l-għajnuna jkun applika għaliha applikant imsemmi fl-Artikolu 6(2)(c) sa (e), l-applikant għandu jieħu impenn bil-miktub, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7, li jżomm ir-reġistri tal-ismijiet u l-indirizzi tal-istabbilimenti edukattivi jew, fejn ikun xieraq, tal-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tal-prodotti u l-kwantitajiet mibjugħin jew fornuti lil dawn l-istabbilimenti jew lil dawn l-awtoritajiet.
Artikolu 9
Is-sospensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni
Jekk jinstab illi applikant għall-għajnuna m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jew kull obbligu ieħor skont dan ir-Regolament, l-approvazzjoni tista’ tiġi sospiża għal perjodu ta’ bejn xahar u tnax-il xahar jew tista’ tkun irtirata, skont il-gravità tal-irregolarità. Din l-azzjoni ma għandhiex tittieħed f’każi ta’ force majeure jew jekk l-Istat Membru jsib illi l-irregolarità ma kinetx imwettqa apposta jew b’negliġenza jew li din kienet ta’ ftit importanza. L-approvazzjoni, ġaladarba tkun irtirata, tista’ tingħata lura fuq it-talba tal-applikant wara perjodu minimu ta’ 12-il xahar.
Artikolu 10
Applikazzjonijiet għall-għajnuna
1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom isiru b’mod li għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u għandhom jinkludu tal-anqas it-tagħrif li ġej:
(a) il-kwantitajiet imqassma;
(b) l-isem u l-indirizz jew in-numru tal-identifikazzjoni tal-istabbiliment edukattiv jew tal-awtorità tal-edukazzjoni li għalih/għaliha jkun qed jirreferi t-tagħrif imsemmi fil-punt (a); kif ukoll
(c) l-għadd ta’ tfal fl-istabbiliment edukattiv rispettiv tal-grupp fil-mira kif identifikat fl-istrateġija tal-Istat Membru.
2. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-frekwenza tal-applikazzjonijiet f’konformità mal-istrateġija tagħhom, iżda l-perjodi ta’ applikazzjoni għall-għajnuna ma għandhomx ikopru aktar minn 5 xhur. Jekk l-iskema ddum iktar minn 6 xhur mill-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1), l-għadd totali tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kull perjodu għandu jkun tal-anqas tlieta.
3. Għajr f’każijiet ta’ force majeure, biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jimtlew b’mod korrett u jitressqu sal-aħħar jum tat-tielet xahar ta’ wara tmiem il-perjodu relatat magħhom.
4. L-ammonti murija fl-applikazzjoni għandhom ikunu appoġġati minn xhieda ddokumentata miżmuma disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Din l-evidenza għandha turi l-prezz tal-prodotti mwassla u għandha tkun bl-irċevuta jew bi prova tal-ħlas.
Artikolu 11
Ħlas tal-għajnuna
1. F’dak li għandu x’jaqsam mal-fornituri, l-organizzazzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fil-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 6(2), l-għajnuna għandha titħallas biss:
(a) jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet imwassla fil-verità; jew
(b) fuq il-bażi tar-rapport ta’ spezzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali tal-għajnuna, li jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-ħlas ikunu ntlaħqu; jew
(c) jekk l-Istat Membru jawtorizza hekk, jekk tiġi ppreżentata prova alternattiva li l-kwantitajiet imwassla għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu tħallsu.
2. L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur wara l-jum tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-għajnuna mimlija b’mod korrett u valida. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma u l-kontenut ta’ applikazzjoni valida għall-għajnuna.
3. Jekk il-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) jinqabeż b’anqas minn xahrejn, l-għajnuna xorta waħda għandha titħallas iżda għandha titnaqqas:
(a) b’5 % jekk iż-żmien ikun inqabeż b’xahar jew anqas;
(b) b’10 % jekk iż-żmien ikun inqabeż b’aktar minn xahar iżda b’anqas minn xahrejn.
Ladarba l-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) jinqabeż b’xahrejn, l-għajnuna għandha titnaqqas b’1 % għal kull jum addizzjonali.
Artikolu 12
Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel fuq bażi annwali. Il-monitoraġġ għandu jissejjes fuq id-dejta li toriġina mill-obbligi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, inklużi dawk stipulati fl-Artikoli 10 u 11. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal strutturi u forom adegwati sabiex jiżguraw il-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-programm
2. L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom tal-Frott għall-Iskejjel u jivvalutaw l-effettività tagħha. Għall-perjodu mill- 1 ta’ Awwissu 2010 sal- 31 ta’ Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-riżultati tal-eżerċizzju tagħhom tal-evalwazzjoni lill-Kummissjoni sad- 29 ta’ Frar 2012. Għall-perjodi sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-iskema tagħhom tal-anqas kull ħames snin u għandhom jinnotifikaw ir-riżultati tagħhom kull ħames snin wara dik id-data.
3. Fil-każ li, sad-data msemmija fil-paragrafu 2 jew inkella kull ħames snin wara dik id-data, Stat Membru ma jinnotifikax ir-riżultati tal-eżerċizzju tiegħu tal-evalwazzjoni, l-ammont tal-allokazzjoni li jmiss se jitnaqqas kif ġej:
(a) b’5 % jekk id-dewmien ikun ta’ xahar jew anqas;
(b) b’10 % jekk id-dewmien ikun ta’ aktar minn xahar iżda ta’ anqas minn xahrejn.
Ladarba l-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1 jiddewwem b’xahrejn, l-għajnuna għandha titnaqqas b’1 % għal kull jum addizzjonali.
Artikolu 13
Il-kontrolli u s-sanzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu verifiki amministrattivi sħaħ tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom ikunu ssupplmentati b’verifiki fuq il-post kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 8.
2. Il-verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha u għandhom jinkludu l-ivverifikar tad-dokumenti ta’ appoġġ kif definiti mill-Istati Membri, relatati mat-twassil tal-prodotti. Il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b’verifiki fuq il-post imwettqin b’mod partikolari fuq:
(a) ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 8, inklużi r-reġistri finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ u l-estratti bankarji;
(b) l-użu tal-prodotti ssussidjati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jissuspetta xi irregolarità.
3. L-għadd totali tal-verifiki fuq il-post imwettqa għal kull perjodu li jestendi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju għandu jkopri tal-anqas 5 % tal-għajnuna mqassma fil-livell nazzjonali u tal-anqas 5 % tal-applikanti kollha msemmija fl-Artikolu 6.
F’każ li l-għadd tal-applikanti fi Stat Membru jkun ta’ anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-postijiet ta’ ħames applikanti.
F’każ li l-għadd tal-applikanti fi Stat Membru jkun ta’ anqas minn ħamsa, 100 % tal-applikanti għandhom isirulhom kontrolli.
4. Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju u għandhom ikopru perjodu ta’ mill-anqas it-tnax-il xahar ta’ qabel.
5. L-applikanti suġġetti għall-verifiki fuq il-post għandhom jintagħżlu mill-awtorità kompetenti billi jitqiesu b’mod dovut iż-żoni ġeografiċi differenti, u abbażi ta’ analiżi tar-riskju li tqis b’mod partikolari n-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta’ qabel. L-analiżi tar-riskju għandha tqis ukoll l-ammonti differenti ta’ għajnuna involuti u t-tip ta’ applikanti msemmija fl-Artikolu 6(2).
6. F’każijiet fejn l-applikant imsemmi fl-Artikolu 6(2) (b) sa (e) japplika għall-għajnuna, il-verifika fuq il-post imwettqa fil-post tal-applikant għandha tkun issupplimentata b’verifiki fuq il-post fil-postijet ta’ mill-anqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta’ mill-anqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi msemmija fir-reġistru tal-applikant, skont liema minnhom ikun l-akbar.
7. Madankollu, sakemm l-iskop tal-kontroll ma jitqiegħedx fil-periklu, jista’ jingħata avviż bil-quddiem, limitat b’mod strett għall-perjodu minimu taż-żmien neċessarju.
8. L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha tfassal rapport ta’ kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.
Ir-rapport ta’ kontroll għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin:
(a) parti ġenerali li jkun fiha, b’mod partikolari, it-tagħrif li ġej:
(i) l-iskema, il-perjodu kopert, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kkontrollati, il-kwantitajiet tal-prodotti koperti mill-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta’ tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;
(ii) il-persuni responsabbli preżenti;
(b) parti li tiddeskrivi, b’mod separat, il-kontrolli mwettqa, u li jkun fiha, b’mod partikolari, it-tagħrif li ġej:
(i) id-dokumenti li ġew ivverifikati;
(ii) in-natura u l-estent tal-verifiki mwettqa;
(iii) ir-rimarki u s-sejbiet.
9. Għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa b’mod mhux dovut, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 73(1), (3), (4) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 [3].
10. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9, f’każ ta’ frodi jew ta’ negliġenza serja li għaliha l-applikant ikun responsabbli, huwa għandu, minbarra li jirkupra l-ammonti mħallsa b’mod mhux dovut skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, jħallas ukoll ammont li huwa ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huwa intitolat għalih l-applikant.
Artikolu 14
Il-powster dwar "Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel"
1. L-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-"Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel" għandhom jikkomunikaw lill-pubbliku li l-iskema rċeviet appoġġ finanzjarju mill-Komunità Ewropea. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jużaw powster magħmul skont ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness III, li għandu jitqiegħed b’mod permanenti f’post fejn ikun jidher u fejn ikun jista’ jinqara biċ-ċar fid-daħla prinċipali tal-istabbiliment edukattiv li jkun qed jipparteċipa.
2. F’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-powster imsemmi fil-paragrafu 1, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b’mod ċar kif se jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità Ewropea fl-iskema tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-powsteri, is-siti tal-internet jew kwalunkwe strument ieħor tat-tagħrif jew għar-riklamar dwar l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel ta’ Stat Membru għandhom juru l-bandiera Ewropea u s-sentenza li ġejja: "[it-tip ta’ stabbiliment edukattiv] tagħna jipparteċipa fl-"Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel" bl-appoġġ finanzjarju tal-Komunità Ewropea."
3. Referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja li l-Komunità Ewropea tkun għamlet disponibbli għandu jkollhom tal-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħrajn li jkunu qed jappoġġaw l-iskema tal-Istat Membru.
Artikolu 15
In-notifiki
1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu n-notifiki msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena li fiha jibda l-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1). Dawn in-notifiki għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lil AGRI-HORT-SCHOOLFRUIT@ec.europa.eu f’format li għandha tiddeċiedi l-Kummissjoni.
Sa mill-2010 ‘il quddiem, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull sena, wara tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1) sat-30 ta’ Novembru tas-sena li fiha jintemm il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1):
(a) ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ, fejn hemm dispożizzjoni dwaru fl-Artikolu 12;
(b) il-verifiki fuq il-post li twettqu skont l-Artikoli 13 u 16 u s-sejbiet relatati.
2. L-għamla u l-kontenut tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ddefiniti abbażi ta’ gwida mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni. Dawn il-mudelli ma għandhomx japplikaw sakemm ma jkunx ġie infurmat il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri u r-riżultati tal-eżerċizzju tagħhom ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni fuq bażi regolari.
4. F’każ li Stat Membru jbiddel l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 3, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tiegħu bla dewmien, bil-posta elettronika fl-indirizz imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
Artikolu 16
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Għall-perjodu mill- 1 ta’ Awwissu 2009 sal- 31 ta’ Lulju 2010, l-Istati Membri jistgħu jfasslu strateġija li jkun fiha biss l-elementi prinċipali li ġejjin: il-baġit, il-grupp fil-mira u l-prodotti eliġibbli u, b’deroga mill-Artikolu 3(2), jistgħu jastjenu milli jkollhom il-lista tal-prodotti eliġibbli approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tagħhom. Jistgħu wkoll jipposponu l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament sa tmiem dak il-perjodu.
2. Għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw l-istrateġija tagħhom sal- 31 ta’ Mejju 2009, filwaqt li sal- 31 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi biss dwar l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna Komunitajra.
3. Għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 11(2), l-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien erba’ xhur mill-ġurnata tat-tressiq tal-applikazzjoni mimlija b’mod korrett u valida msemmija fl-Artikolu 6(1), filwaqt li l-perċentwal tal-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 13(3) għandu jkopri tal-anqas 10 % tal-għajnuna u 10 % tal-applikanti għall-għajnuna.
Artikolu 17
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill- 15 ta’ April 2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 7 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann Fischer Boel
Membru tal-Kummissjoni
[1] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
[2] ĠU L 5, 9.1.2009, p. 1.
[3] ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.
--------------------------------------------------
ANNESS I
Lista ta’ prodotti li għandhom jiġu esklużi minn Skema tal-Frott għall-Iskejjel li hija kkofinanzjata mill-għajnuna Komunitarja
Prodotti li fihom:
- Iz-zokkor miżjud
- Ix-xaħam miżjud
- Il-melħ miżjud
- Sustanzi miżjuda li jagħtu l-ħlewwa
--------------------------------------------------
ANNESS II
Allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna Komunitarja għal kull Stat Membru
L-Istat Membru | Ir-rata tal-kofinanzjament f'% | Tfal ta’ bejn is-6 u l-10 snin numri assoluti | EUR |
L-Awstrija | 50 | 439035 | 1320400 |
Il-Belġju | 50 | 592936 | 1782500 |
Il-Bulgarija | 75 | 320634 | 1446100 |
Ċipru | 50 | 49723 | 175000 |
Ir-Repubblika Ċeka | 73 | 454532 | 1988100 |
Id-Danimarka | 50 | 343807 | 1034000 |
L-Estonja | 75 | 62570 | 282400 |
Il-Finlandja | 50 | 299866 | 901200 |
Franza | 51 | 3838940 | 11778700 |
Il-Ġermanja | 52 | 3972476 | 12488300 |
Il-Greċja | 59 | 521233 | 1861300 |
L-Ungerija | 69 | 503542 | 2077900 |
L-Irlanda | 50 | 282388 | 849300 |
L-Italja | 58 | 2710492 | 9521200 |
Il-Latvja | 75 | 99689 | 450100 |
Il-Litwanja | 75 | 191033 | 861300 |
Il-Lussemburgu | 50 | 29277 | 175000 |
Malta | 75 | 24355 | 175000 |
L-Olanda | 50 | 985163 | 2962100 |
Il-Polonja | 75 | 2044899 | 9222800 |
Il-Portugall | 68 | 539685 | 2199600 |
Ir-Rumanija | 75 | 1107350 | 4994100 |
Is-Slovakkja | 73 | 290990 | 1276500 |
Is-Slovenja | 75 | 93042 | 419200 |
Spanja | 59 | 2006143 | 7161900 |
L-Iżvezja | 50 | 481389 | 1447100 |
Ir-Renju Unit | 51 | 3635300 | 11148900 |
L-UE 27 | 58 | 25920489 | 90000000 |
--------------------------------------------------
ANNESS III
Ir-rekwiżiti minimi għall-powster dwar l-"Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel"
Id-daqs tal-powster : A3 jew akbar
Id-daqs tal-ittri : Ċentimetru (1) jew akbar
It-titlu : "Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel"
Il-kontenut :
Tal-anqas il-kliem li ġejjin filwaqt li jitqies it-tip ta’ stabbiliment edukattiv:
"[it-tip ta’ stabbiliment edukattiv (per eżempju skola tat-trabi/skola ta’ qabel l-iskola primarja/skola)] tagħna jipparteċipa fl-"Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel" bl-appoġġ finanzjarju tal-Komunità Ewropea." Il-powster għandu jkollu l-emblema tal-Komunità Ewropea.
--------------------------------------------------
| Fuq |