Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009 tad- 19 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
ĠU L 30, 31.1.2009, p. 100–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009
tad- 19 ta' Jannar 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],
Billi:
(1) Fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-2003, it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib kienu identifikati bħala sfidi ġodda kruċjali għall-agrikoltura Ewropea.
(2) F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata "Tħejjija għall-"Kontroll tas-Saħħa" tar-riforma tal-PAK" fl- 20 ta' Novembru 2007. Il-Komunikazzjoni u d-diskussjonijiet sussegwenti tal-elementi ewlenin tagħha mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll bosta kontributi li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu meqjusa.
(3) Il-Komunità, bħala parti għall-Protokoll ta' Kjoto [4], intalbet timplimenta u/jew telabora aktar il-politiki u l-miżuri skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, bħall-promozzjoni ta' forom sostenibbli ta' agrikoltura fid-dawl ta' konsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima. Barra minn dan, il-Protokoll ta' Kjoto jobbliga lill-partijiet biex jifformulaw, jimplimentaw, jippublikaw u jaġġornaw regolarment il-programmi nazzjonali u, fejn adatt, programmi reġjonali li fihom miżuri biex itaffu t-tibdil fil-klima u miżuri biex jiffaċilitaw adattamenti opportuni għat-tibdil fil-klima. Dawn it-tipi ta'programmi jkunu, inter alia, jikkonċernaw l-agrikoltura u l-forestrija. Ir-rwol tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali għandu jissaħħaħ aktar f'dan il-kuntest. Evidenza xjentifika qawwija tenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti. Il-Komunità intalbet ukoll teżamina l-modi kollha possibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra. Minkejja li l-agrikoltura Ewropea kkontribwiet aktar mis-setturi l-oħra biex tikkontrolla l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, fil-futur is-settur agrikolu ser jintalab iżid l-isforzi tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE kontra t-tibdil fil-klima.
(4) Wara problemi serji relatati mal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar "L-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa" tat- 30 ta' Ottubru 2007, ikkunsidra li kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilma, inkluża l-kwalità tal-ilma, għandhom jiġu indirizzati aktar fil-fond fl-istrumenti tal-PAK rilevanti. Huwa essenzjali li l-agrikoltura Ewropea jkollha ġestjoni sostenibbli tal-ilma, sabiex titjieb l-effiċjenza fir-rigward tal-kwantità tal-ilma użata għall-agrikoltura u sabiex il-kwalità tal-ilma titħares aħjar. Fil-kuntest tat-tibdil mistenni fil-klima, x'aktarx li ż-żoni milquta minn nixfa ser jiżdiedu fil-vastità u fil-frekwenza.
(5) Barra minn dan, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar "It-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità" tat- 18 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill enfasizza li l-protezzjoni tal-bijodiversità tibqa' sfida prinċipali, li tikber aktar bit-tibdil fil-klima u d-domanda għall-ilma, u li, filwaqt li sar progress importanti, il-kisba tal-mira tal-bijodiversità tal-Komunità għall-2010 ser teħtieġ sforzi addizzjonali. L-agrikoltura Ewropea għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-bijodiversità.
(6) Huwa importanti li operazzjonijiet relatati ma' dawn il-prijoritajiet Komunitarji jissaħħu aktar fil-programmi tal-iżvilupp rurali approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 [5].
(7) L-innovazzjoni tista', b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji, prodotti u proċessi ġodda u għaldaqstant ser issostni l-isforzi għat-trattament tat-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità. Appoġġ speċifiku għall-innovazzjoni għandu jiġi pprovdut b'referenza għal dawn l-isfidi sabiex tiżdied l-effikaċja tal-operazzjonijiet rispettivi.
(8) L-iskadenza tar-reġim tal-kwoti tal-ħalib fl-2015 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli [6] ser jeħtieġ sforzi speċifiċi mill-bdiewa ta' prodotti tal-ħalib biex jadattaw għall-kondizzjonijiet li qed jinbidlu, b'mod partikolari f'reġjuni żvantaġġati. Għaldaqstant huwa xieraq li din is-sitwazzjoni partikolari għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala sfida ġdida li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw bil-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm "skossi gravi" fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib tagħhom.
(9) Meta titqies l-importanza ta' dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, għal operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda, approvati skont dan ir-Regolament.
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi li, bil-ħsieb li jittieħed kont tat-tibdil prinċipali fil-prijoritajiet Komunitarji, il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007 sal-2013) adottatti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE [7] jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jirċievu fondi addizzjonali għandhom jirrevedu l-pjanijiet tal-istrateġija nazzjonali wara r-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji sabiex jiġi stabbilit qafas għall-programmi li għandhom jiġu mmodifikati. Dan l-obbligu għandu japplika biss għal dawk l-Istati Membri li ser jirċievu, mill-2010, riżorsi finanzjari addizzjonali li jirriżultaw mill-modulazzjoni obbligatorja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 ta' 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa [8] u, mill-2011, l-ammonti ta' fondi mhux utilizzati taħt il-limiti massimi nazzjonali għall-iskema ta' pagament uniku taħt dak ir-Regolament li jiddeċiedu li jitrasferixxu lill-FAEŻR.
(11) Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita skadenza għall-introduzzjoni tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda fil-programmi tal-iżvilupp rurali u għas-sottomissjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali riveduti lill-Kummissjoni, sabiex jitħalla lill-Istati Membri perijodu ta' żmien raġonevoli biex jimmodifikaw il-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom fid-dawl tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji u tal-pjanijiet tal-istrateġija nazzjonali riveduti.
(12) Billi l-Atti tal-Adeżjoni tal-2003 u l-2005 pprovdew li l-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda, ħlief għall-Bulgarija u r-Rumanija, ser jirċievu pagamenti diretti wara mekkaniżmu ta' dħul f'fażijiet u li r-regoli għall-modulazzjoni japplikaw għal dawk il-bdiewa biss sa mill-2012, l-Istati Membri l-ġodda m'għandhomx jirrevedu l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali. L-iskadenzi għall-Istati Membri l-ġodda biex jirrevedu u jissottomettu l-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu adattati skont dan. Meta jitqies li, għall-istess raġuni, ir-regoli għall-modulazzjoni ma japplikawx għall-Bulgarija u r-Rumanija qabel l-2013, l-obbligu ta' reviżjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom m'għandux japplika għal dawn l-Istati Membri l-ġodda.
(13) Fid-dawl tal-obbligi l-ġodda, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tal-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu adattati. Għandha tiġi stabbilita lista mhux eżawrjenti tat-tipi ta' operazzjoni u l-effetti potenzjali tagħhom sabiex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw l-operazzjonijiet rilevanti relatati mal-isfidi l-ġodda fil-kuntest tal-qafas legali għall-iżvilupp rurali.
(14) Sabiex jiġu pprovduti inċentivi addizzjonali lill-benefiċjarji biex iwettqu operazzjonijiet relatati mal-prijoritajiet il-ġodda, għandha tiġi pprovduta l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ammonti u rati ogħla ta' appoġġ għal operazzjonijiet bħal dawn.
(15) Sabiex tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u fis-settur tal-ikel u fis-settur tal-foresterija, għandha tiġi pprovduta aktar flessibbiltà rigward il-kompożizzjoni tas-sħab tal-proġett.
(16) Għall-bdiewa affettwati minn tnaqqis sostanzjali fil-valur tal-pagamenti diretti tagħhom mogħtija f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad- 29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa [9], għandu jingħata appoġġ ta' ristrutturazzjoni sa mis-sena baġitarja 2011, li jkun transitorju, digressiv, u mhux diskriminatorju. Tali appoġġ għandu jiġi pprovdut permezz tal-programmi ta' żvilupp rurali sabiex jassisti lill-bdiewa kkonċernati fl-adattament għall-kondizzjonijiet mibdula billi jirristrutturaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ġewwa u barra mis-settur agrikolu.
(17) Sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà għal appoġġ li jipproduċi effetti agroambjentali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jtemmu l-impenji agroambjentali u li jagħmlu disponibbli appoġġ ambjentali taħt l-ewwel pilastru, bil-kondizzjoni li l-interessi ekonomiċi u l-aspettattivi leġitimi tal-benefiċjarju jiġu rrispettati u li jinżamm il-benefiċċju ambjentali globali.
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 stabbilixxa l-prinċipju li l-bdiewa li ma jikkonformawx ma' ċerti rekwiżiti fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali huma soġġetti għal tnaqqis jew għal esklużjoni minn appoġġ dirett. Regolament (KE) Nru 1698/2005 jintroduċi l-istess prinċipju fl-iżvilupp rurali għal ċerti miżuri. Din is-sistema ta' "kundizzjonalità" tifforma parti integrali mill-appoġġ Komunitarju taħt il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Madankollu, jistgħu jiġu identifikati differenzi bejn iż-żewġ oqsma ta' applikazzjoni, billi diversi mir-regoli ts-sistema ta' kundizzjonalità tal-pagamenti diretti mhumiex inklużi fil-kundizzjonalità għall-iżvilupp rurali. Sabiex tiġi żgurata konsistenza, huwa meħtieġ li regoli ta' żvilupp rurali dwar kundizzjonalità jiġi alinjati ma' dawk ta' pagamenti diretti, b'mod partikolari rigward ir-responsabbiltà fil-każ ta' trasferiment ta' art, limiti minimi applikabbli għal tnaqqis u esklużjonijiet, każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità, il-kriterji speċifiċi li għandhom jitqiesu għar-regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti u dati ġodda ta' applikazzjoni għal rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali fl-Istati Membri l-ġodda.
(19) F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ir-riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni obbligatorja taħt dak ir-Regolament flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ta' fondi mhux utilizzati taħt il-limiti massimi nazzjonali għall-iskema ta' pagament uniku taħt dak ir-Regolament li l-Istati Membri jiddeċiedu li jittrasferixxu lill-FAEŻR għandhom jintużaw għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Huwa adatt li jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għal dawk ir-riżorsi finanzjarji għandu jintuża biex ikunu appoġġjati operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda.
(20) Meta jitqies li l-użu addizzjonali, speċifiku u vinkolanti tal-ammonti korrispondenti għal dawk ir-riżorsi finanzjarji, il-bilanċ stabbilit bejn l-objettivi ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali m'għandux ikun affettwat.
(21) Meta titqies l-importanza tal-isfidi l-ġodda fil-livell Komunitarju u l-urġenza li jkun hemm rispons għalihom, il-kontribut tal-FAEŻR għandu jiżdied biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet relatati.
(22) Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-kumitat ta' monitoraġġ fir-rigward tat-tibdil fil-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu mmodifikati sabiex tiżdied l-effiċjenza tiegħu.
(23) Fl-interess taċ-ċertezza u tas-sempliċità legali, huwa adatt li jiġu ċċarati u armonizzati d-dispożizzjonijiet li jipprevedu għan-non-applikazzjoni tal-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għall-pagamenti li saru mill-Istati Membri skont, u f'konformità ma', dan ir-Regolament.
(24) Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-istabbiliment inizjali ta' bdiewa żgħażagħ u l-aġġustament strutturali tal-azjendi agrikoli tagħhom wara l-istabbiliment inizjali, l-ammont ta' appoġġ massimu għandu jiżdied.
(25) Sabiex jiġi pprovdut qafas ġdid għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet strateġiċi nazzjonali riveduti u programmi ta' żvilupp rurali b'mod f'waqtu, partikolarment rigward l-ammonti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz ta' modulazzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika sa mill- 1 ta' Jannar 2009, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Minħabba fin-natura tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, tali applikazzjoni retroattiva m'għandhiex tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji kkonċernati. Madankollu, u fid-dawl ta' dak il-prinċipju, id-dispożizzjonijiet emendati li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità għandhom japplikaw mill- 1 ta' Jannar 2010.
(26) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa b'dan emendat kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 11(3), il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"(d) lista tal-programmi tal-iżvilupp rurali li jimplimentaw il-pjan ta' strateġija nazzjonali, allokazzjoni indikattiva mill-FAEŻR għal kull programm, inklużi l-ammonti previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, u indikazzjoni separata tal-ammonti previsti fl-Artikolu 69(5a) ta' dan ir-Regolament.";
(2) L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fil-Kapitolu II:
"Artikolu 12a
Reviżjoni
1. Kull Stat Membru li jirċievi, mill-2010, il-fondi addizzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikoli 9(4) u 10(3) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 ta' 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa [], għandu jirrevedi, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(1) ta' dan ir-Regolament, il-pjan ta' strateġija nazzjonali tiegħu wara r-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji kif imsemmija fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.
2. Il-pjan ta' strateġija nazzjonali rivedut imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jintbagħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit- 30 ta' Ġunju 2009..
(3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 16a
Operazzjonijiet speċifiċi relatati ma' ċerti prijoritajiet
1. Mill- 1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jipprevedu għal tipi ta' operazzjonijiet li jkollhom il-prijoritajiet li ġejjin kif deskritti fil-linji gwida strateġiċi Komunitarji u speċifikati aktar fil-pjanijiet ta' strateġija nazzjonali:
(a) tibdil fil-klima,
(b) enerġiji rinnovabbli,
(c) ġestjoni tal-ilma,
(d) bijodiversità.
(e) miżuri li jakkumpanjaw ir-ristrutturar tas-settur tal-prodotti tal-ħalib,
(f) innovazzjoni marbuta mal-prijoritajiet imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d).
It-tipi ta' operazzjonijiet li għandhom ikunu relatati mal-prijoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mmirati biex jilħqu effetti bħall-effetti potenzjali speċifikati fl-Anness II. Lista indikattiva ta' tipi ta' operazzjonijiet bħal dawn u l-effetti potenzjali tagħhom hija mniżżla f'dak l-Anness.
Il-programmi riveduti ta' żvilupp rurali relatati mal-operazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit- 30 ta' Ġunju 2009.
2. Mill- 1 ta' Jannar 2010, għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ir-rati tal-intensità tal-għajnuna stabbiliti fl-Anness I jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali.
3. Mill- 1 ta' Jannar 2010, kull programm tal-iżvilupp rurali għandu jinkludi wkoll:
(a) il-lista tat-tipi ta' operazzjonijiet u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(c) dwar it-tipi speċifiċi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;
(b) tabella li tistabbilixxi, għall-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2010 sal- 31 ta' Diċembru 2013, il-kontribuzzjoni totali tal-Komunità għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
4. Għall-Istati Membri l-ġodda, kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 id-dati ta' bidu msemmija fil-prażijiet introduttorji tal-paragrafi 1 u 3 għandhom ikunu l- 1 ta' Jannar 2013, id-data għall-preżentazzjoni tal-programmi riveduti tal-iżvilupp rurali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun it- 30 ta' Ġunju 2012 u l-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkun l- 1 ta' Jannar 2013 sal- 31 ta' Diċembru 2013.
5. Il-paragrafi 1, 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija".
(4) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 17:
"3. L-ammonti ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 69(5a) m'għandhomx jitqiesu fil-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR li minnu l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja minima għal kull assi tiġi kkalkulata kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.";
(5) Fl-Artikolu 20(1), il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"(d) miżuri transitorji dwar:
(i) l-appoġġ għall-azjendi agrikoli ta' semi-sussistenza li għaddejjin minn ristrutturar (għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja);
(ii) l-appoġġ għall-istabbiliment ta' gruppi ta' produtturi (għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja);
(iii) l-appoġġ għall-azjendi agrikoli li għaddejjin minn ristrutturar, inkluża d-diversifikazzjoni lil attivitajiet barra mis-settur agrikolu, minħabba riforma tal-organizzazzjoni tas-suq komuni.";
(6) Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied mal-Artikolu 29(1):
"Il-kooperazzjoni għandha tinvolvi mill-inqas żewġ atturi li minnhom mill-inqas wieħed ikun jew produttur primarju jew jappartjeni għall-industrija tal-ipproċessar."
(7) L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fis-Subtaqsima 4 "Kondizzjonijiet għal miżuri transitorji":
"Artikolu 35a
Azjendi li għaddejjin minn ristrutturar minħabba riforma ta' organizzazzjoni tas-suq komuni
1. Appoġġ previst fl-Artikolu 20(d)(iii) għal azjendi agrikoli li jgħaddu minn ristrutturar, inkluża diversifikazzjoni barra mill-attivitajiet agrikoli, minħabba riforma tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għandhom jingħataw lil bdiewa li l-pagamenti diretti tagħhom huma mnaqqsa sa mill-2010 b'aktar minn 25 % meta mqabbla mal-2009 skont ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li jippreżentaw pjan ta' negozju.
2. Progress fir-rigward tal-pjan ta' negozju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi vvalutat wara tnax-il xahar.
3. L-appoġġ għandu jitħallas fil-forma ta' għajnuna ta' rata fissa digressiva u biss fis-snin 2011, 2012 u 2013. L-appoġġ għandu jiġi limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness I u, fi kwalunkwe każ, m'għandux jeċċedi 50 % tat-tnaqqis ta' pagamenti diretti meta mqabbla mal-2009 skont ir-Regolament Nru 1782/2003.";
(8) Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 39(3):
"L-Istati Membri jistgħu jtemmu tali impenji, mingħajr obbligu għall-benefiċjarju kkonċernat li jirrimborża l-appoġġ li rċieva diġà, bil-kondizzjoni li:
(a) l-appoġġ taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ikun reċentement imqiegħed għas-dispożizzjoni fil-qafas li fih jiġu applikati r-regoli li jipproduċu effetti agroambjentali ekwivalenti għal dawk tal-miżura agroambjentali li ngħalqet;
(b) tali appoġġ ma jkunx finanzjarjament anqas favorevoli għall-benefiċjarju kkonċernat;
(c) il-benefiċjarju kkonċernat ikun infurmat b'din il-possibbiltà fil-ħin li jaċċetta l-inpenji tiegħu.";
(9) L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fis-Subtaqsima 4 "Rispett ta' Standards":
"Article 50a
Rekwiżiti ewlenin
1. Benefiċjarju li jirċievi pagamenti taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u l-Artikolu 36(b)(i), (iv) u (v) għandu jirrispetta, rigward l-azjenda sħiħa, ir-rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta', u fl-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 73/2009.
L-obbligu ta' konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba msemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal attivitajiet mhux agrikoli f'azjenda u żoni mhux agrikoli li għalihom ma jintalab l-ebda appoġġ skont l-Artikoli 36(b)(i), (iv) u (v) ta' dan ir-Regolament.
2. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tipprovdi lill-benefiċjarju, inter alia bl-użu ta' mezzi elettroniċi, lista ta' rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba li jridu jiġu rispettati.";
(10) L-Artikolu 51(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"1. Fejn fi kwalunkwe żmien f'sena kalendarja partikolari (minn hawn 'il quddiem imsejħa "is-sena kalendarja kkonċernata") ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta' ġestjoni statutorji u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta' konformità msemmi jkun ir-riżultat ta' att jew ta' ommissjoni direttament attribwibbli lill-benefiċjarju li kien ippreżenta t-talba għal pagament taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u l-Artikolu 36(b)(i), (iv) u (v) fis-sena kalendarja kkonċernata, l-ammont totali ta' dawn il-pagamenti mogħti jew li ser jingħata lil dak il-benefiċjarju relatat mas-sena kalendarja kkonċernata għandu jitnaqqas jew ikun eskluż skont ir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 4.
It-tnaqqis jew l-esklużjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll fejn ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' prodotti ta' fertilizzanti u protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 39(3) ma jkunx hemm konformità magħhom fi kwalunkwe żmien tas-sena kalendarja kkonċernata u n-nuqqas ta' konformità in kwistjoni hu r-riżultat ta' att jew ommissjoni direttament attribwibbli lill-benefiċjarju li ppreżenta t-talba għal pagament taħt l-Artikolu 36(a)(iv).
L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom japplikaw ukoll fejn in-nuqqas ta' konformità in kwistjoni tkun ir-riżultat ta' att jew ommissjoni marbuta direttament mal-persuna li lilha jew li mingħandha ġiet ittrasferita l-art.
Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, "trasferiment" tfisser kull tip ta' transazzjoni li permezz tagħha l-art ma tibqax għad-dispożizzjoni ta' min jittrasferixxi.
B'deroga mit-tielet subparagrafu, fejn il-persuna li l-att jew ommissjoni huma attribwibbli direttament lilha tkun ippreżentat talba għal pagament fis-sena kalendarja kkonċernata, it-tnaqqis jew l-esklużjoni għandhom ikunu applikati għall-ammonti totali ta' pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw lil dik il-persuna.";
(11) L-Artikolu 51(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"2. It-tnaqqis jew l-esklużjoni tal-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għal standards li għalihom ingħata perijodu ta' konċessjoni skont l-Artikolu 26(1) waqt il-perijodu ta' konċessjoni.
Minkejja l-paragrafu 1 u f'konformità mal-kondizzjonjiet stabbiliti fir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx tnaqqis jew esklużjoni li tammonta għal EUR 100 jew anqas għal kull benefiċjarju u għal kull sena kalendarja.
Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jiddisponi mill-għażla prevista fit-tieni subparagrafu, fis-sena ta' wara l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżgura li l-benefiċjarju jirrimedja s-sejbiet tan-nuqqas ta' konformità kkonċernati. Is-sejbiet u l-obbligu li tittieħed azzjoni ta' rimedju għandhom jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju.";
(12) L-Artikolu 51(3) għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) fit-tieni subparagrafu, id-data "l- 1 ta' Jannar 2011" għandha tiġi sostitwita b'"l- 1 ta' Jannar 2013";
(b) fit-tielet subparagrafu, il-punt (c), id-data "l- 1 ta' Jannar 2014" għandha tiġi sostitwita b'"l- 1 ta' Jannar 2016";
(13) L-Artikolu 51(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"4. Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). F'dan il-kuntest għandu jittieħed kont tas-severità, il-firxa, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta' konformità misjuba kif ukoll tal-kriterji li ġejjin:
(a) Fil-każ ta' negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis m'għandux jaqbeż il-5 % u, f'każ ta' nuqqas ta' konformità repetittiv, 15 %.
F'każijiet debitament iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ebda tnaqqis m'għandu jkun applikat fejn, minħabba s-severità, il-firxa u l-permanenza, każ ta' nuqqas ta' konformità għandu jkun ikkunsidrat bħala minuri. Madankollu, każijiet ta' nuqqas ta' konformità li jikkostitwixxu riskju dirett għall-pubbliku jew għal saħħet l-annimali m'għandhomx jitqiesu bħala minuri.
Sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ħa azzjoni ta' rimedju immedjata li twaqqaf in-nuqqas ta' konformità misjub, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa li jistgħu, fejn adatt, jkunu limitati għal kontroll amministrattiv, biex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jirrimedja s-sejba ta' nuqqas ta' konformità kkonċernata. Is-sejba ta' nuqqas ta' konformità minuri u l-obbligu li tittieħed azzjoni ta' rimedju għandhom jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju.
(b) Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità intenzjonali, il-perċentwali ta' tnaqqis m'għandux bħala prinċipju jkun inqas minn 20 % u jista' jwassal anke għall-esklużjoni totali minn waħda jew diversi skemi ta' għajnuna u japplika għal sena kalendarja waħda jew iktar.
(c) F'kull każ, l-ammont totali ta' tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda m'għandux ikun iktar mill-ammont totali imsemmi fl-Artikolu 51(1)."
(14) Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħħlu fl-Artikolu 69:
"5a. Ammont ekwivalenti għall-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikoli 9(4) u 10(4) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għandu jintefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2010 sal- 31 ta' Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi preżenti tal-iżvilupp rurali għal operazzjonijiet tat-tipi msemmija fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament.
Għall-Istati Membri l-ġodda, kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun mill- 1 ta' Jannar 2013 sal- 31 ta' Diċembru 2015.
L-ewwel żewġ subparagrafi m'għandhomx japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija.
5b. Jekk, fl-għeluq tal-programm, l-ammont reali ta' kontribuzzjoni Komunitarja li jkun intefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu jkun aktar baxx mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu, id-differenza għandha tkun rimborżata mill-Istat Membru lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej sal-ammont li bih l-allokazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 16a jkunu nqabżu.
5c. L-ammonti msemmija fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu m'għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.";
(15) Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 70(4):
"Minkejja l-limiti massimi mniżżlin fil-paragrafu 3, il-kontribut tal-FAEŻR jista' jiżdied sa 90 % għal reġjuni ta' konverġenza u sa 75 % għal reġjuni ta' non- konverġenza għall-operazzjonijiet tat-tipi msemmijin fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament, sal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(3) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) 73/2009";
(16) Fl-Artikolu 78, il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"(f) għandu jikkunsidra u japprova kwalunkwe proposti sostanzjali għal tibdil fil-programmi tal-iżvilupp rurali.";
(17) Fl-Artikolu 88(1), it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 89 ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m'għandhomx japplikaw għall-pagamenti li saru mill-Istati Membri skont, u f'konformità ma', dan ir-Regolament fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 36 tat-Trattat.";
(18) Il-kelma "Anness" għandha tiġi sostitwita b'"Anness I" fit-titolu tal-Anness u fl-Artikoli li ġejjin: 22(2), 23(6), 24(2), 26(2), 27(3), 28(2), 31(2), 32(2), 33, 34(3), 35(2), 37(3), 38(2), 39(4), 40(3), 43(4), 44(4), 45(3), 46, 47(2), 88(2), 88(4), 88(6);
(19) L-Anness għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) L-ammont f'EUR għall-"istabbiliment ta' appoġġ" taħt l-Artikolu 22(2) indikat fit-tielet kolonna tal-ewwel ringiela, għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"70000";
(b) ir-ringiela li ġejja għandha tiddaħħal wara l-ħdax-il ringiela dwar l-appoġġ għal gruppi ta' produtturi taħt l-Artikolu 35(2):
"35a(3) | Ammont massimu ta' appoġġ għar-ristrutturar minħabba riforma ta' organizzazzjoni tas-suq komuni | | Għal kull azjenda |
4500 3000 1500 | fl-2011 fl-2012 fl-2013"; |
(c) in-nota fit-tmiem "*" għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:
"(*) L-istabbiliment ta' appoġġ jista' jingħata fil-forma ta' primjum uniku sa massimu ta' EUR 40000, jew fil-forma ta' sussidju ta' rata ta' interess, li l-valur kapitalizzat tiegħu ma jistax jeċċedi l-EUR 40000. Għaż-żewġ forom ta' appoġġ ikkombinati, il-massimu ma jistax jeċċedi l-EUR 70000.";
(d) in-nota fit-tmiem "****" għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:
"(****) Dawn l-ammonti jistgħu jiżdiedu għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16a u f'każijiet oħra eċċezzjonali billi jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li għandhom jiġu ġġustifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali.";
(20) Għandu jiżdied Anness ġdid, li t-test tiegħu huwa stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill- 1 ta' Jannar 2009, bl-eċċezzjoni tal-punti (10), (11) u (13) tal-Artikolu 1, li għandu japplika mill- 1 ta' Jannar 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id- 19 ta' Jannar 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
P. Gandalovič
[1] Opinjoni tad- 19 ta' Novembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
[2] Opinjoni tat- 23 ta' Ottubru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.
[3] Opinjoni tat- 8 ta' Ottubru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.
[4] Adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).
[5] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.
[6] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
[7] ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.
[8] Ara l-paġna 16 f'dan il-Ġurnal Uffiċjali.
[9] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.
[] ĠU L 30,31.1.2009, p. 16."
--------------------------------------------------
ANNESS
"ANNESS II
Lista indikattiva bit-tipi ta' operazzjonijiet u effetti potenzjali relatati ma' prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 16a
Prijorità: Adattament u mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima
Tipi ta' operazzjonijiet | Artikoli u miżuri | Effetti potenzjali |
Titjieb l-effiċjenza tal-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu (eż. tnaqqis fl-użu, tagħmir, agrikoltura ta' preċiżjoni), titjib fil-ħżin tad-demel | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O) |
Titjib fl-effiċjenza tal-enerġija (eż. użu ta' materjali ta' kostruzzjoni li jnaqqsu t-telf tas-sħana) | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija Artikolu 29: kooperazzjoni għal prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) permezz tal-iffrankar tal-enerġija |
Mekkaniżmi preventivi kontra effetti negattivi ta' avvennimenti estremi relatati mal-klima (eż. it-tqegħid ta' xbieki għall-borra) | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli | Tnaqqis tal-effetti negattivi minn avvennimenti ta' temp estrem fuq il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola |
Prattiki ta' ġestjoni tal-ħamrija (eż. metodi tat-tkabbir tal-għelejjel, għelejjel li jikbru malajr, newbiet diversifikati tal-uċuh) | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); l-iżolament tal-karbonju; adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-ħamrija |
Tibdil fl-użu tal-art (eż. il-bidla minn art li tinħarat għal mergħat, serħan permanenti tal-artijiet) | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali Artikolu 41: investimenti mhux produttivi | Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); iżolament tal-karbonju |
Estensifikazzjoni tal-bhejjem (eż. tnaqqis tad-densità tal-istokkijiet) u ġestjoni ta' art erbaċea | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metanu (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O) |
Tisġir, stabbiliment ta' sistemi ta' agroforestrija | Artikoli 43 u 45: l-ewwel tisġir ta' art agrikola u ta' art mhux agrikola Artikolu 44: l-ewwel stabbilitment ta' sistemi ta' agroforestrija fuq art agrikola | Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); iżolament tal-karbonju |
Prevenzjoni tal-għargħar u miżuri ta' ġestjoni (eż. proġetti relatati mal-protezzjoni mill-għargħar tal-kosta u tal-art interna) | Artikolu 20: ir-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola danneġġjat minn diżastri naturali u l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni adatti | Tnaqqis tal-effetti negattivi ta' avvennimenti ta' temp estrem relatati mat-tibdil fil-klima fuq il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola |
Taħriġ u użu ta' servizzi konsultattivi għall-farms relatati mat-tibdil fil-klima | Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni Artikolu 24: użu ta' servizzi konsultattivi Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni | Provvediment ta' taħriġ u konsulenza lill-bdiewa biex inaqqsu l-gassijiet b'effett serra u biex jadattaw għat-tibdil fil-klima |
Azzjonijiet ta' prevenzjoni kontra n-nirien fil-foresti u diżastri naturali relatati mal-klima | Artikolu 48: ir-restawr tal-potenzjal tal-forestrija u l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni | Iżolament tal-karbonju fil-foresti u l-evitar tal-emissjonijiet tal-ossidu tal-karbonju (CO2); tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti |
Bidla għal tipi ta' foresti aktar reżistenti | Artikolu 47: ambjent ta' foresti Artikolu 49: investimenti mhux produttivi | Tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti |
Prijorità: Sorsi ta' enerġija li tiġġedded
Tipi ta' operazzjonijiet | Artikoli u miżuri | Effetti potenzjali |
Produzzjoni tal-bijogass — bl-użu ta' skart organiku (fuq il-produzzjoni mill-farms u lokali) | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli | Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili; it-tnaqqis tal-metan (CH4) |
Uċuh perenni ta' enerġija (msaġar ta' newba qasira u ħxejjjex erbaċeji) | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli | Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili; l-iżolament tal-karbonju; tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O) |
L-ipproċessar ta' bijomassa agrikola/mill-foresti għall-enerġija li tiġġedded | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u dak tal-ikel u fis-settur tal-forestrija Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli Artikolu 54: appoġġ għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-kummerċ | Sostituzzjoni tal-karburanti fossili |
Istalazzjonijiet/infrastruttura għall-enerġija rinnovabbli bl-użu ta' bijomassa u sorsi oħra ta' enerġija rinnovabbli (enerġija solari u mir-riħ, ġeotermali) | Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli Artikolu 54: appoġġ għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-kummerċ Artikolu 56: servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali Artikolu 30: infrastruttura relatata mal-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura u l-forestrija | Sostituzzjoni tal-karburanti fossili |
Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-enerġiji rinnovabbli | Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni | Sensibilizzazzjoni u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-enerġiji rinnovabbli |
Prijorità: Ġestjoni tal-Ilma
Tipi ta' operazzjonijiet | Artikoli u miżuri | Effetti potenzjali |
Teknoloġiji għall-iffrankar tal-ilma (eż. sistemi ta' irrigazzjoni effiċjenti) Ħżin tal-ilma (inklużi żoni fejn ifur l-ilma) Teknoloġiji għall-iffrankar tal-ilma (eż. varjazzjonijiet ta' ħsad adattati) | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 30: infrastruttura Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Titjieb il-kapaċità ta' użu aktar effiċjenti tal-ilma u biex tittejjeb il-kapaċità ta' ħżin tal-ilma |
Restawr ta' artijiet mistagħdra Il-bidla ta' art agrikola f'art mistagħdra | Artikolu 41: investimenti mhux produttivi Artikolu 39: pagamenti agroambjentali Artikolu 38: pagamenti ta' Natura 2000 | Konservazzjoni ta' masses tal-ilma ta' valur għoli; protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma |
Il-bidla ta' art agrikola f'foresta/sistemi ta' agroforestrija | Artikoli 43 u 45: l-ewwel tisġir ta' art agrikola u ta' art mhux agrikola | Protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma |
Istalazzjonijiet għat-trattament tal-ilma użat fuq farms u fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli Artikolu 28: żieda fil-valur tal-prodotti ta' art agrikola u tal-forestrija | Titjieb il-kapaċità ta' użu aktar effiċjenti tal-ilma |
Żvilupp ta' masses tal-ilma semi-naturali Ħolqien ta' xtut naturali Xmajjar serpeġġjanti | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali Artikolu 57: konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali | Konservazzjoni ta' masses tal-ilma ta' valur għoli; protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma |
Prattiki ta' ġestjoni tal-ħamrija (eż. uċuh li jikbru malajr, biedja organika, il-bidla ta' art li tinħarat f'mergħat permanenti) | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Kontribut għat-tnaqqis ta' telf ta' komposti differenti fl-ilma, inkluż il-fosfru. |
Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-ġestjoni tal-ilma | Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni | Sensibilizzazzjoni ta' kuxjenza u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni tal-ilma |
Prijorità: Bijodiversità
Tipi ta' operazzjonijiet | Artikoli u miżuri | Effetti potenzjali |
Ma jiġux applikati fertilizzanti u pestiċidi fuq art agrikola ta' valur naturali għoli Forom estensivi ta' ġestjoni tal-bhejjem Produzzjoni integrata u organika | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Konservazzjoni ta' tipi ta' veġetazzjoni rikki fl-ispeċi, protezzjoni u żamma fl-ordni ta' artijiet erbaċei |
Għelieqi perenni u meded ta' konfini f'xtut ix-xmajjar u biobeds Stabbiliment ta' pjanijiet ta' ġestjoni għal Natura 2000 Bini/ġestjoni ta' bijotopi/habitats ġewwa jew 'il barra mis-siti ta' Natura 2000 Bidla fl-użu tal-art (ġestjoni estensiva ta' art erbaċea, bidla ta' art ikkultivata f'mergħa permanenti, serħan tal-artijiet għall-perijodu ta' żmien twil) Ġestjoni ta' pjanti perenni ta' valur naturali għoli Stabbiliment u preservazzjoni ta' msaġar ta' mergħat | Artikoli 38 u 46: pagamenti ta' Natura 2000 Artikolu 39: pagamenti agroambjentali Artikolu 41: investimenti mhux produttivi Artikolu 47: pagamenti għall-foresti u għall-ambjent Artikolu 57: konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali | Għasafar u annimali salvaġġi oħrajn protetti u netwerk tal-bijotopi imtejjeb; inqas dħul ta' sustanzi ta' ħsara f'habitats konfinali; konservazzjoni ta' fawna u flora protetti |
Konservazzjoni ta' diversità ġenetika | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Diversità ġenetika konservata |
Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-bijodiversità | Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni | Sensibilizzazzjoni ta' kuxjenza u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-bijodiversità |
Prijorità: Miżuri li jakkumpanjaw ristrutturar tas-settur tal-prodotti tal-ħalib
Tipi ta' operazzjonijiet | Artikoli u miżuri | Effetti potenzjali |
Appoġġ għall-investiment relatat mal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib | Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli | Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija |
Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-bijodiversità | Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija | Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija |
Innovazzjoni relatata mas-settur tal-prodotti tal-ħalib | Artikolu 29: kooperazzjoni għal iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija |
Primjums għall-art tal-mergħa u produzzjoni estensiva tal-bhejjem produzzjoni organika relatata mal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib; primjums għall-mergħat permanenti f'żoni żvantagġġati; primjums għall-mergħat | Artikolu 39: pagamenti agroambjentali | Tisħiħ tal-effetti ambjentali pożittivi tas-settur tal-prodotti tal-ħalib |
Prijorità: Approċċi innovattivi rilevanti għall-prijoritajiet taħt l- Artikolu 16a(1)(a), (b), (c) u (d)
Operazzjonijiet innovattivi biex jitrattaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u miżuri ta' adattament | Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG (gassijiet b'effett serra) u adattament tal-agrikoltura għat-tibdil fil-klima |
Operazzjonijiet innovattivi biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli | Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Sostituzzjoni tal-karburanti fossili u tnaqqis tal-GHG; |
Operazzjonijiet innovattivi biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma | Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Tittejjeb il-kapaċità tal-użu aktar effiċjenti tal-ilma u biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma |
Operazzjonijiet innovattivi biex tiġi appoġġata l-konservazzjoni tal-bijodiversità | Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda | Jitwaqqaf it-telf fil-bijodiversità" |
--------------------------------------------------
| Fuq |