32009L0003


Titolu u referenza

Direttiva 2009/3/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

 ĠU L 114, 7.5.2009, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2009/3/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill

tal- 11 ta’ Marzu 2009

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Id-Direttiva 80/181/KE [3] teħtieġ lir-Renju Unit u l-Irlanda li jistabbilixxu data għat-tmiem tal-eżenzjonijiet, fejn għadhom qed jiġu applikati, fir-rigward tal-unitajiet ta' kejl magħrufa bħala "pinta" għall-ħalib fi fliexken li jistgħu jingħataw lura u birra u sidru mill-bittija, "mil" għas-sinjali tat-toroq u l-indikazzjonijiet tal-veloċità, u "troy ounce" għal transazzjonijiet fil-metalli prezzjużi. Madankollu, l-esperjenza wriet, fid-dawl tal-karattru lokali ta' dawk l-eżenzjonijiet u n-numru limitat ta' prodotti kkonċernati, iż-żamma tal-eżenzjonijiet ma tirriżultax f'ostaklu non-tariffarju għall-kummerċ u, bħala konsegwenza, m'għadx hemm il-ħtieġa li dawk l-eżenzjonijiet jintemmu.

(2) Huwa kunsiljabbli li jiġi ċċarat li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 80/181/KE huwa konsistenti mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 95 tat-Trattat u li m'huwiex limitat għall-ebda qasam ta' azzjoni Komunitarju speċifiku.

(3) Id-Direttiva 80/181/KEE tawtorizza l-użu ta' indikazzjonijiet supplimentari flimkien mal-unitajiet legali stabbiliti fil-Kapitolu I tal-Anness ta' dik id-Direttiva sal- 31 ta' Diċembru 2009. Madankollu, sabiex jiġi evitat li jinħolqu l-ostakli għal impriżi Komunitarji li jesportaw għal ċerti pajjiżi terzi li jeħtieġu li l-prodotti jiġu mmarkati f'unitajiet oħrajn li mhumiex dawk stabbiliti fil-Kapitolu I, huwa kunsiljabbli li tinżamm l-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw indikazzjonijiet supplimentari.

(4) Id-Direttiva 80/181/KEE tappoġġa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern permezz tal-livell ta' armonizzazzjoni ta' unitajiet ta' kejl li hija tippreskrivi. F'dan il-kuntest, huwa xieraq li l-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi tas-suq fir-rigward ta' dik id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha, notevolment fir-rigward tal-possibbiltà ta' ostakli għall-funzjonament tas-suq intern u armonizzazzjoni oħra meħtieġa sabiex jintegħlbu dawk l-ostakli.

(5) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tkompli ssegwi bil-qawwa, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma' pajjiżi terzi inkluż il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, l-aċċettazzjoni, fis-swieq ta' pajjiżi terzi, ta' prodotti ttikettati biss b'unitajiet tas-Sistema Internazzjonali ta' Unitajiet (SI).

(6) L-indikazzjonijiet supplimentari jistgħu jippermettu wkoll l-introduzzjoni gradwali u bla xkiel ta' unitajiet metriċi ġodda li jistgħu jiġu żviluppati fil-livell internazzjonali.

(7) Fl-1995, il-Konferenza Ġenerali dwar l-Piżijiet u l-Kejl iddeċidiet li telimina l-klassi ta' unitajiet SI supplimentari bħala klassi separata fl-SI u tinterpreta l-unitajiet "radian" u "steradian" bħala unitajiet mingħajr dimensjoni dderivati mill-SI, li l-ismijiet u s-simboli tagħhom jistgħu, iżda mhux bilfors, jintużaw f'espressjonijiet għal unitajiet oħrajn derivati mill-SI, skond il-konvenjenza.

(8) Fl-1999 il-Konferenza Ġenerali dwar l-Piżijiet u l-Kejl adottat, fil-qafas tal-SI, il-"katal", li s-simbolu tiegħu huwa l-"kat", bħala l-unità SI għal attività ta' kataliżi. Din l-unità SI ġdida armonizzata kienet intiża sabiex tiżgura indikazzjoni koerenti u uniformi ta' unitajiet ta' kejl fl-oqsma tal-mediċina u l-bijokimika u, sabiex bħala konsegwenza, telimina kwalunkwe riskju ta' miżinterpretazzjoni li jista' jirriżulta mill-użu ta' unitajiet li m'humiex armonizzati.

(9) Fl-2007, sabiex jiġi eliminat wieħed mis-sorsi prinċipali tal-varjabbiltà osservata bejn realizzazzjonijiet differenti tal-punt triplu tal-ilma, il-Konferenza Ġenerali dwar il-Piżijiet u l-Kejl adottat nota għad-definizzjoni tal-"kelvin". Il-"kelvin" hu definit bħala frazzjoni tat-temperatura termodinamika tal-punt triplu tal-ilma. In-nota tirriferi għall-ilma ta' kompożizzjoni isotopika speċifikata.

(10) Ladarba t-tomna m'għadhiex tintuza aktar għall-finijiet ta' reġistrazzjoni tal-art fir-Renju Unit u l-Irlanda, ma hemm l-ebda ħtieġa li tingħata eżenzjoni f'dak ir-rigward.

(11) Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar [4], l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u sabiex jagħmluhom pubbliċi.

(12) Id-Direttiva 80/181/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 80/181/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

(1) fl-Artikolu 1(b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(b) dawk elenkati fil-Kapitolu II tal-Anness f'dawk l-Istati Membri biss fejn kienu awtorizzati fil- 21 ta' April 1973.";

(2) fl-Artikolu 2(a) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(a) L-obbligi taħt l-Artikolu 1 jirrelataw mal-istrumenti użati ta' kejl, il-kejl li sar u indikazzjonijiet ta' kwantità espressi f'unitajiet tal-kejl.";

(3) fl-Artikolu 3(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"2. L-użu ta' indikazzjonijiet supplimentari għandu jkun awtorizzat.";

(4) għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 6b

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżviluppi tas-suq relatati ma' din id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha fir-rigward tal-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u tal-kummerċ internazzjonali u għandha tippreżenta rapport dwar dawk l-iżviluppi, akkumpanjat minn proposti fejn ikun il-każ, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal- 31 ta' Diċembru 2019.";

(5) l-Anness għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-Kapitolu I, il-punt 1.1, il-paragrafu intitolat "Unità tat-temperatura termodinamika" għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Unità tat-temperatura termodinamika

Il-kelvin, unità tat-temperatura termodinamika, huwa l-frazzjoni 1/273,16 tat-temperatura termodinamika tal-punt triplu tal-ilma.

Din id-definizzjoni tirriferi għal ilma li għandu kompożizzjoni isotopika ddefinita minn proporzjonijiet ta' ammont ta' sustanza li ġejjin: 0.000 155 76 mole ta' 2H kull mole ta' 1H, 0.000 379 mole kull 17O kull mole ta' 16O u 0.002 005 2 mole ta' 18O kull mole ta' 16O.

(It-Tlettax-il CGPM (1967), riżoluzzjoni 4 u t-Tlieta u għoxrin CGPM (2007), riżoluzzjoni 10)";

(b) fil-Kapitolu I, il-punt 1.1.1, it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Isem speċjali jew simbolu tal-unità ta' temperatura dderivati mill-SI sabiex tkun espressa t-temperatura f'Celsius";

(ċ) fil-Kapitolu I, il-punt 1.2., it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1.2. Unitajiet derivati mis-SI";

(d) fil-Kapitolu I, il-punt 1.2.1 għandu jitħassar;

(e) fil-Kapitolu I, il-punti 1.2.2 u 1.2.3 għandhom jiġu sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"1.2.2. Regola ġenerali għall-unitajiet derivati mis-SI

L-unitajiet imnisslin b'mod koerenti mill-unitajiet bażi SI huma mogħtijin bħala espressjonijiet alġebrajiċi fil-forma ta' prodotti ta' powers tal-unitajiet bażi SI b'fattur numeriku ugwali għal 1.

1.2.3. Unitajiet SI mnisslin li għandhom ismijiet u simboli speċjali

Kwantità | Unità | Espressjoni |

Isem | Simbolu | F'termini ta' unitajiet SI oħra | F'termini ta' unitajiet SI bażi |

Angolu pjan | radian | rad | | m · m–1 |

Angolu solidu | steradian | sr | | m2 · m–2 |

Frekwenza | hertz | Hz | | s–1 |

Forza | newton | N | | m · kg · s–2 |

Pressjoni, stress | pascal | Pa | N · m–2 | m–1 · kg · s–2 |

Enerġija, work; kwantità ta' sħana | joule | J | N · m | m2 · kg · s–2 |

Saħħa [5], fluss radjanti | watt | W | J · s–1 | m2 · kg · s–3 |

Kwantità ta' elettriku, karg ta' elettriku | coulomb | C | | s · A |

Potenzjal tal-elettriku, differenza fil-potenzjal, forza elettromotiva | volt | V | W · A–1 | m2 · kg · s–3 · A–1 |

Resistenza tal-elettriku | ohm | Ω | V · A–1 | m2 · kg · s–3 · A–2 |

Konduttività | siemens | S | A · V–1 | m–2 · kg–1 · s3 · A2 |

Kapaċitanza | farad | F | C · V–1 | m–2 · kg–1 · s4 · A2 |

Fluss manjetiku | weber | Wb | V · s | m2 · kg · s–2 · A–1 |

Densità tal-fluss manjetiku | tesla | T | Wb · m–2 | kg · s–2 · A–1 |

Inductance | henry | H | Wb · A–1 | m2 · kg · s–2 · A–2 |

Fluss luminuż | lumen | lm | cd · sr | cd |

Illuminanza | lux | lx | lm · m–2 | m–2 · cd |

Attività (ta' radionuclide) | becquerel | Bq | | s–1 |

Doża assorbita, enerġija speċifika trasferita, kerma, indiċi tad-doża assorbita | gray | Gy | J · kg–1 | m2 · s–2 |

Doża ekwivalenti | sievert | Sv | J · kg–1 | m2 · s–2 |

Attività katalittika | katal | kat | | mol · s–1 |

Unitajiet imnisslin mill-unitajiet SI bażi jistgħu jiġu espressi f'termini ta' unitajiet elenkati fil-Kapitolu I.

B'mod partikolari, l-unitajiet SI imnisslin jistgħu jiġu espressi permezz ta' ismijiet u simboli speċjali mogħtija fit-tabella ta' hawn fuq; per eżempju l-unità SI tal-viskożità dinamika tista' tiġi espressa bħala m–1 · kg · s–1 jew N · s · m–2 jew Pa · s.";

(f) fil-Kapitolu II, għandha titħassar il-linja, li ġejja, mit-tabella:

"Reġistrazzjoni tal-art | tomna | 1 ac = 4047 m2 | ac" |

(g) fil-Kapitolu II, l-aħħar sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej: "L-unitajiet elenkati f'dan il-Kapitolu jistgħu jiġu kkombinati ma' xulxin jew ma' dawk fil-Kapitolu I sabiex jiffurmaw unitajiet komposti.".

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill- 1 ta’ Jannar 2010.

Meta l-Istati Membri jadottawhom, dawk il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strażburgu, 11 ta’ Marzu 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pöttering

Għall-Kunsill

Il-President

A. Vondra

[1] ĠU C 120, 16.5.2008, p. 14.

[2] Ir-Reżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Novembru 2007 (ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 105), il-Pożizzjoni Konġunta tal-Kunsill tat- 18 ta' Novembru 2008 (ĠU C 330 E, 30.12.2008, p. 1) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta' Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40.

[4] ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

[5] Ismijiet speċjali għal unità ta' power; l-isem volt-ampere (simbolu "VA") meta użat sabiex ifisser s-saħħa apparenti ta' kurrent tal-elettriku li jalterna, u var (simbolu "var") meta huwa użat sabiex ifisser is-saħħa elettrika reattiva. Il-"var" mhuwiex inkluż fir-riżoluzzjonijiet tal-CPGM.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet