32009G1204(01)


Titolu u referenza

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

 ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Riżoluzzjoni tal-Kunsill

tat- 30 ta' Novembru 2009

dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 295/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1) Fl-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-"Konvenzjoni") tikkostitwixxi l-bażi komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li għall-finijiet ta' din ir-Riżoluzzjoni jinkludu l-istadju ta' qabel il-kawża u l-istadju tal-kawża innifisha.

(2) Barra minn hekk, il-Konvenzjoni, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija fondazzjoni importanti għall-Istati Membri biex ikollhom fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin u biex isaħħu din il-fiduċja. Fl-istess waqt, hemm lok għal aktar azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u r-rispett tal-istandards tal-Konvenzjoni, u, fejn adatt, biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-istandards applikabbli u biex jitjiebu l-istandards eżistenti.

(3) L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet b'suċċess qasam ta' libertà tal-moviment u r-residenza, li ċ-ċittadini jibbenefikaw minnu billi jivjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu dejjem aktar f'pajjiżi oħra barra dak tar-residenza tagħhom. Madankollu, it-tneħħija ta' fruntieri interni u l-eżerċizzju dejjem jiżdied tad-drittijiet għal-libertà tal-moviment u r-residenza wasslu, b’konsegwenza inevitabbli, għal żieda fin-numru ta' nies li qed ikunu involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru barra dak tar-residenza tagħhom. F'dawk is-sitwazzjonijiet, id-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati huma partikolarment importanti sabiex jiġi salvagwardjat id-dritt għal proċess ġust.

(4) Fil-fatt, filwaqt li ttieħdu diversi miżuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex jiġi ggarantit livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini, hemm ħtieġa ugwali li jiġu indirizzati problemi speċifiċi li jistgħu jinħolqu meta persuna tkun suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali.

(5) Dan jitlob għal azzjoni speċifika dwar id-drittijiet proċedurali, sabiex tkun żgurata l-ġustizzja tal-proċedimenti kriminali. Tali azzjoni, li tista' tinkludi leġislazzjoni kif ukoll miżuri oħra, ser issaħħaħ il-kunfidenza taċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ser jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom.

(6) Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-1999 kkonkluda li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, għandha titnieda ħidma wkoll fuq dawk l-aspetti ta' liġi proċedurali li dwarhom huma kkunsidrati meħtieġa standards minimi komuni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, waqt li jiġu rrispettati l-prinċipji legali fundamentali tal-Istati Membri (Konklużjoni 37).

(7) Barra minn hekk, il-Programm tal-Aja tal-2004 jiddikjara li r-realizzazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku bħala l-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja timplika l-iżvilupp ta' standards ekwivalenti għal drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, ibbażati fuq studji ta' livelli eżistenti ta' protezzjoni fl-Istati Membri u bir-rispett dovut lejn it-tradizzjonijiet legali tagħhom (punt III 3.3.1.).

(8) Ir-rikonoxximent reċiproku jippresupponi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jafdaw is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħrajn. Għall-finijiet tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fl-Unjoni Ewropea, huwa importanti li, flimkien mal-Konvenzjoni, jkun hemm standards tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li huma implimentati u applikati tajjeb fl-Istati Membri.

(9) Studji reċenti juru li hemm appoġġ wiesa' fost l-esperti għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet proċedurali, permezz ta' leġislazzjoni u miżuri oħrajn, u li hemm ħtieġa għal fiduċja reċiproka msaħħa bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri [1]. Dawn is-sentimenti ġew espressi wkoll mill-Parlament Ewropew [2]. Fil-Komunikazzjoni tagħha għall-programm ta' Stokkolma [3], il-Kummissjoni Ewropea tosserva li t-tisħiħ tad-drittijiet ta’ difiża huwa vitali sabiex tinżamm il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja pubblika fl-Unjoni Ewropea.

(10) Id-diskussjonijiet dwar id-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar ftit snin ma wasslu għall-ebda riżultat konkret. Madankollu, sar ħafna progress fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija dwar miżuri li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni. Issa huwa l-waqt li tittieħed azzjoni biex jittejjeb il-bilanċ bejn dawn il-miżuri u l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-individwu. Għandhom isiru sforzi biex jissaħħu l-garanziji proċedurali u r-rispett tal-istat ta' dritt fil-proċedimenti kriminali, ikun fejn ikun fl-Unjoni Ewropea fejn iċ-ċittadini jiddeċiedu li jivjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu jew jgħixu.

(11) Waqt li nżommu f'moħħna l-importanza u l-kumplessità ta' dawn il-kwistjonijiet, jidher adatt li dawn jiġu indirizzati f'approċċ gradwali, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza ġenerali. Billi jiġu indirizzati l-azzjonijiet futuri qasam wieħed wara l-ieħor, tista' tingħata attenzjoni ffokata lil kull miżura individwali, sabiex il-problemi jkunu jistgħu jiġu identifikati u indirizzati b'mod li jagħti valur miżjud lil kull miżura.

(12) Minħabba n-natura non-eżawrjenti tal-katalogu ta' miżuri mniżżla fl-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill għandu jikkunsidra wkoll il-possibbiltà li jindirizza l-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali barra minn dawk elenkati f'dak il-katalogu.

(13) Kwalunkwe att leġislattiv ġdid tal-UE f'dan il-qasam għandu jkun konsistenti mal-istandards minimi stabbiliti mill-Konvenzjoni, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

B'DAN JADOTTA R-RIŻOLUZZJONI LI ĠEJJA:

1. Għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jissaħħu d-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Tali azzjoni tista' tinkludi leġislazzjoni kif ukoll miżuri oħra.

2. Il-Kunsill japprova l-"Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali" (minn issa msejjaħ "il-Pjan direzzjonali"), imniżżel fl-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni, bħala l-bażi għal azzjoni futura. Id-drittijiet inklużi f'dan il-pjan direzzjonali, li jistgħu jiġu kkomplimentati bi drittijiet oħrajn, huma meqjusin bħala drittijiet proċedurali fundamentali u azzjoni fir-rigward ta' dawn id-drittijiet f'dan l-istadju għandha tingħata prijorità.

3. Il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta proposti dwar il-miżuri stabbiliti fil-Pjan direzzjonali, u tikkunsidra li tippreżenta l-Green Paper imsemmija taħt il-punt F.

4. Il-Kunsill ser jeżamina l-proposti kollha ppreżentati fil-kuntest tal-Pjan direzzjonali u jwiegħed li jittrattahom bħala kwistjonijiet ta' prijorità.

5. Il-Kunsill ser jaġixxi f'kooperazzjoni sħiħa mal-Parlament Ewropew, skont ir-regoli applikabbli, u ser jikkollabora kif suppost mal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] Ara inter alia l-"Analiżi tal-futur tar-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali fl-Unjoni Ewropea", rapport tal- 20 ta' Novembru 2008 mill-Université Libre de Bruxelles.

[2] Ara pereżempju r-"Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' qasam tal-ġustizzja kriminali tal-UE", 2009/2012(INI), punt 1 a).

[3] "Qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jservi liċ-ċittadini", COM(2009) 262/4 (punt 4.2.2.).

--------------------------------------------------

ANNESS

PJAN DIREZZJONALI GĦAT-TISĦIĦ TAD-DRITTIJIET PROĊEDURALI TA' PERSUNI SUSPETTATI JEW AKKUŻATI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI

L-ordni tad-drittijiet indikati f'dan il-Pjan direzzjonali hija indikattiva. Huwa enfasizzat li l-ispjegazzjonijiet provduti hawn taħt iservu biss biex jagħtu indikazzjoni tal-azzjoni proposta, u m'għandhomx l-għan li jirregolaw minn qabel l-ambitu u l-kontenut preċiż tal-miżuri kkonċernati.

Miżura A: Traduzzjoni u Interpretazzjoni

Spjegazzjoni qasira:

Il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun kapaċi tifhem x'qed jiġri u tinftiehem hija stess. Persuna suspettata jew akkużata li ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa użata fil-proċedimenti ser tkun teħtieġ interpretu u traduzzjoni ta' dokumenti proċedurali essenzjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għall-ħtiġijiet ta' persuni suspettati jew akkużati li għandhom problemi ta' smigħ.

Miżura B: Informazzjoni dwar id-Drittijiet u Informazzjoni dwar l-Akkużi

Spjegazzjoni qasira:

Persuna li hija suspettata jew akkużata b'reat għandha tikseb informazzjoni dwar id-drittijiet bażiċi tagħha bil-fomm jew, fejn adattat, bil-miktub, pereżempju permezz ta' Ittra tad-Drittijiet. Barra minn hekk, dik il-persuna għandha wkoll tirċievi informazzjoni minnufih dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontriha. Persuna li tkun ġiet ikkundannata għandha tkun intitolata, fil-ħin xieraq, għall-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tagħha, bl-intendiment li dan ma jippreġudikax il-kors kif suppost tal-proċedimenti kriminali.

Miżura C: Parir Legali u Għajnuna Legali

Spjegazzjoni qasira:

Id-dritt għal parir legali (permezz ta’ avukat) għall-persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali fil-fażi xierqa l-aktar possibbli ta' tali proċedimenti huwa fundamentali sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti; id-dritt għal għajnuna legali għandu jiżgura aċċess effettiv għad-dritt għal parir legali msemmi hawn fuq.

Miżura D: Komunikazzjoni ma' Qraba, ma' Min Iħaddem u ma' Awtoritajiet Konsulari

Spjegazzjoni qasira:

Persuna suspettata jew akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha għandha tiġi informata minnufih bid-dritt li jkollha tal-inqas persuna waħda, bħal membru tal-familja jew min iħaddimha, informata biċ-ċaħda tal-libertà, bl-intendiment li dan m'għandux jippreġudika l-kors kif suppost tal-proċedimenti kriminali. Barra minn hekk, persuna suspettata jew akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha fi Stat ieħor barra minn dak tagħha stess għandha tiġi informata bid-dritt li l-awtoritajiet konsulari kompetenti jiġu informati biċ-ċaħda tal-libertà.

Miżura E: Salvagwardji Speċjali għal Persuni Suspettati jew Akkużati u li jkunu Vulnerabbli

Spjegazzjoni qasira:

Sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti, huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lil persuni suspettati jew akkużati li ma jistgħux jifhmu jew isegwu l-kontenut jew it-tifsira tal-proċedimenti, minħabba pereżempju l-età tagħhom, il-kondizzjoni mentali jew fiżika.

Miżura F: Green Paper dwar Detenzjoni Qabel il-Proċess

Spjegazzjoni qasira:

Iż-żmien li persuna tistà tqatta' f'detenzjoni qabel ma tiġi pproċessata fil-qorti u matul il-proċedimenti tal-qorti jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Perjodi eċċessivament twal ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess huma detrimentali għall-individwu, jistgħu jippreġudikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u ma jirrappreżentawx il-valuri li tħaddan l-Unjoni Ewropea. Miżuri adatti f'dan il-kuntest għandhom ikunu eżaminati f'Green Paper.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet