2009/490/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Ġunju 2009 dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 161, 24.6.2009, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat- 23 ta’ Ġunju 2009
dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/490/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [1], u partikolarment l-Artikolu 4(1) (a) tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula li l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali tad-Direttiva.
(2) Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.
(3) Il-kopertura tas-sigurtà tiddependi fuq it-tip ta’ plejer personali tal-mużika, jew mid-Direttiva 2001/95/KE, mid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom [2] jew mid-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fl-ambitu ta’ ċerti limiti tal-voltaġġ [3]. Id-Direttiva 2001/95/KE tkopri plejers tal-mużika mobbli mingħajr funzjoni integrata ta’ komunikazzjoni.
(4) Id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2006/95/KE jagħmlu referenza għall-Istandard Ewropew Armonizzat EN 60065:2002 "Awdjo, vidjo u apparat elettroniku simili - Rekwiżiti ta’ sigurtà". Minħabba l-linja ta’ demarkazzjoni xejn ċara li dejjem tiżdied bejn l-elettronika tal-konsumatur u t-tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika, dan l-istandard hu maħsub li jiġi inkorporat mal-EN 60950 "Tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika – Sigurtà – Parti 1: Rekwiżiti ġenerali" fi standard ġdid EN 62368.
(5) L-istandards fil-preżent ma jippreskrivu l-ebda limitu massimu ta’ ħsejjes u lanqas jeħtieġu xi ttikkettjar speċifiku fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ ħsejjes iżda jitolbu li jkun hemm dikjarazzjoni fil-manwal tal-istruzzjonijiet biex twissi dwar l-effetti negattivi ta’ espożizzjoni għal livell ta’ ħsejjes eċċessivi.
(6) Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Ġodda (SCENIHR) biex jevalwa r-riskji potenzjali ta’ ħsara lis-saħħa kkawżati minn plejers personali tal-mużika u mowbajls li għandhom funzjoni li ddoqq il-mużika, minħabba l-użu mifrux tagħhom u n-numru dejjem jiżdied ta’ nies li huma esposti kontinwament għal livelli ta’ ħsejjes li jaqbżu l-limiti fuq il-post tax-xogħol (80 deċibel). SCENIHR ikkonkluda fl-Opinjoni tiegħu [4] li s-semmiegħa qegħdin f’riskju ta’ problemi kemm tas-smigħ u kemm ta’ nuqqas ta’ smigħ. B’mod partikolari, is-semmiegħa qegħdin f’riskju li jitilfu s-smigħ jekk jużaw plejer personali tal-mużika għal 40 siegħa fil-ġimgħa b’issettjar ta’ volum għoli (li jaqbeż 89 dB(A)) mill-inqas għal ħames snin. Tendenzi ta’ użu bħal dawn issa saru komuni ħafna, speċjalment fost it-tfal u l-adolexxenti.
(7) Ir-rekwiżit ta’ sigurtà għal plejers personali tal-mużika għandu jitfassal skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, bl-għan li jitlob lill-korpi ta’ standardizzazzjoni biex jiżviluppaw standard li jipprevjeni r-riskju ta’ ħsara lis-smigħ minn espożizzjoni għal ħsejjes minn dan it-tagħmir, skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għad-dispożizzjoni ta’ tagħrif fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi [5]. Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE. Biex jiġi assigurat approċċ komprensiv u armonizzat li jkopri s-sigurtà tal-plejers kollha tal-mużika, inklużi mowbajls li għandhom funzjoni li ddoqq il-mużika, għandha titressaq talba lill-korpi ta’ standardizzazzjoni flimkien taħt id-Direttiva 2001/95/KE, id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2006/95/KE.
(8) Ladarba l-istandard ikun disponibbli, u sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, plejers personali tal-mużika ddisinjati u mmanifatturati f’konformità mal-istandard se jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżit ġenerali ta’ sigurtà tad-Direttiva 2001/95/KE, safejn għandu x’jaqsam ir-rekwiżit ta’ sigurtà kopert mill-istandard.
(9) Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni hu li tistabbilixxi r-rekwiżit ta’ sigurtà li abbażi tiegħu l-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti ta’ standardizzazzjoni biex jistabbilixxu standards biex jiżguraw li, f’kondizzjonijiet ta’ użu normali, l-espożizzjoni għal ħsejjes minn plejers personali tal-mużika ma tikkawżax riskju ta’ ħsara lis-smigħ. Ir-rekwiżiti għal plejers personali tal-mużika għandhom iqisu b’mod sħiħ l-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Ġodda dwar "Riskji potenzjali għas-saħħa minn espożizzjoni għal ħsejjes minn plejers personali tal-mużika u mowbajls inkluża l-funzjoni li ddoqq il-mużika".
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, "plejer personali tal-mużika" jfisser tagħmir mobbli, li mhux kopert mid-Direttiva 1999/5/KE jew mid-Direttiva 2006/95/KE, b’headphones jew earphones, li jintuża għas-smigħ ta’ ħsejjes irrekordjati, iġġenerati jew imxandra.
Artikolu 3
Rekwiżiti
1. Għall-fini tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-rekwiżit ta’ sigurtà għal plejers personali tal-mużika għandu jkun dan li ġej:
Plejers personali tal-mużika għandhom ikunu ddisinjati u mmanifatturati b’mod li jiżgura li, skont il-kondizzjonijiet ta’ użu previsti b’mod raġonevoli, mhumiex perikolużi b’mod inerenti u ma jikkaġunawx ħsara lis-smigħ.
2. Dan ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi b’mod partikolari dan li ġej:
(1) L-espożizzjoni għal livelli tal-ħsejjes għandha tkun limitata biex tevita l-ħsara lis-smigħ. It-tul ta’ ħin ta’ espożizzjoni ta’ 80 dB(A) għandu jkun limitat għal 40 siegħa fil-ġimgħa, filwaqt li t-tul ta’ ħin ta’ espożizzjoni ta’ 89 dB(A) għandu jkun limitat għal 5 sigħat fil-ġimgħa. Għal livelli ta’ espożizzjoni oħrajn tapplika intrapolazzjoni u estrapolazzjoni lineari. Wieħed għandu jqis il-firxa dinamika ta’ ħsejjes u l-użu previst b’mod raġonevoli tal-prodotti;
(2) Plejers personali tal-mużika għandhom jipprovdu twissijiet adegwati dwar ir-riskji involuti fl-użu tat-tagħmir u l-mod ta’ kif wieħed għandu jevita dawn ir-riskji u tagħrif lill-utenti f’każijiet meta l-espożizzjoni tikkaġuna riskju ta’ ħsara lis-smigħ.
Magħmula fi Brussell, 23 ta’ Ġunju 2009.
Għall-Kummissjoni
Meglena Kuneva
Membru tal-Kummissjoni
[1] ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4;
[2] ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10;
[3] ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.
[4] Opinjoni tat- 13 ta’ Ottubru 2008 disponibbli għall-pubbliku fi: http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/docs/scenihr_o_018.pdf.
[5] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37;
--------------------------------------------------
| Fuq |