2009/370/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ April 2009 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f’Cape Town fis- 16 ta’ Novembru 2001
Official Journal L 121 , 15/05/2009 P. 0003 - 0007
Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ April 2009 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f’Cape Town fis- 16 ta’ Novembru 2001 (2009/370/KE) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(c) tiegħu, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Billi: (1) Il-Komunità qiegħda taħdem sabiex toħloq żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji. (2) Il-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta’ Cape Town") u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet speċifiċi għall-ajurplani (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll tal-ajruplani"), adottati flimkien f’Cape Town fis- 16 ta’ Novembru 2001, jikkostitwixxu kontribut utli għar-regolamentazzjoni fil-livell internazzjonali fl-oqsma rispettivi tagħhom. Huwa għalhekk mixtieq li d-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti li jikkonċernaw temi li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità għandhom ikunu applikati kemm jista’ jkun malajr. (3) Il-Kummissjoni nnegozjat il-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani f’isem il-Komunità, f’dawk il-partijiet minnhom li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. (4) L-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, li għandhom il-kompetenza dwar ċerti affarijiet regolati mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani jistgħu jaċċedu għall-Konvenzjoni msemmija u l-Protokoll imsemmi wara d-dħul tagħhom fis-seħħ. (5) Xi wħud mit-temi regolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [2], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad- 29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment [3] u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Ruma I) [4] huma wkoll indirizzati fil-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll dwar l-ajruplani. (6) Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva dwar xi wħud mit-temi regolati mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani, filwaqt li l-Istati Membri għandhom kompetenza dwar materji oħra regolati minn dawn iż-żewġ strumenti. (7) Il-Komunità għandha għalhekk taċċedi għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll tal-Ajruplani. (8) L-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Artikolu XXVII tal-Protokoll tal-Ajruplani jistipulaw li, fil-mument tal-adeżjoni, organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika t-temi regolati mill-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll li dwarhom ġiet trasferita l-kompetenza lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. Il-Komunità għandha għalhekk tagħmel tali dikjarazzjoni fil-mument tal-adeżjoni maż-żewġ strumenti. (9) L-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town jistipula li Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li huwa mhuwiex se japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 jew l-Artikolu 43, jew it-tnejn, kollha jew in parti. Fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni msemmija l-Komunità għandha tagħmel tali dikjarazzjoni. (10) L-Artikoli X, XI u XII tal-Protokoll tal-ajruplani japplikaw biss meta Stat Kontraenti jkun għamel dikjarazzjoni f’dan is-sens taħt l-Artikolu XXX tal-imsemmi Protokoll u taħt il-kundizzjonijiet speċifikati minn dik id-dikjarazzjoni. FIl-mument tal-adeżjoni mal-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità għandha tiddikjara li mhijiex se tapplika l-Artikolu XII u li mhijiex se tagħmel xi dikjarazzjoni taħt l-Artikolu XXX(2) u (3). Il-kompetenza tal-Istati Membri fejn jidħlu r-regoli ta’ liġi sostantiva fir-rigward tal-insolvenza mhijiex se tiġi milquta. (11) L-applikazzjoni tal-Artikolu VIII tal-Protokoll tal-ajruplani dwar l-għażla tal-liġi hija wkoll suġġetta għal dikjarazzjoni li tista’ ssir minn kwalunkwe Stat Kontraenti taħt l-Artikolu XXX(1). Fil-mument tal-adeżjoni mal-Protokoll tal-Ajruplani il-Komunità għandha tiddikjara li mhijiex se tapplika l-Artikolu VIII. (12) Ir-Renju Unit jibqa’ marbut mal-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kontrattwali [5] sa dak il-mument li jkun marbut mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 593/2008. Wieħed jassumi li r-Renju Unit, jekk jaċċedi għall-Protokoll tal-ajruplani qabel dak il-mument, fil-mument tal-adeżjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu XXX(1) li mhijiex se tippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-imsemmi Regolament. (13) Ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. (14) Taħt l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta’ Cape Town") u l-Protokoll dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajurplani (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll dwar l-ajruplani"), adottati flimkien f’Cape Town fis- 16 ta’ Novembru 2001, huma b’dan approvati f’isem il-Komunità Ewropea. It-testi tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u tal-Protokoll dwar l-ajruplani huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni. 2. F’din id-Deċiżjoni, "Stat Membru" tfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw f’isem il-Komunità l-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 47(4) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u fl-Artikolu XXVI(4) tal-Protokoll tal-ajruplani. Artikolu 3 1. Fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, il-Komunità ser tagħmel id-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-punt I tal-Anness I u tal-Anness II. 2. Fil-mument tal-adeżjoni mal-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità se tagħmel id-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-punt II tal-Anness I u tal-Anness II. Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ April 2009. Għall-Kunsill Il-President J. Pospíšil [1] L-Opinjoni tat- 18 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [3] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. [4] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6. [5] ĠU L 266, 9.10.1980, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS I Dikjarazzjonijiet ġenerali dwar il-kompetenza tal-Komunità li għandhom isiru mill-Komunità Ewropea fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("il-Kovenzjoni ta’ Cape Town") u l-Protokoll dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani ("il-Protokoll tal-ajruplani"), adottati flimkien f’Cape Town fis- 16 ta’ Novembru 2001 I. Dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 48(2) dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar temi regolati mill-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("Konvenzjoni ta’ Cape Town") li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri ttrasferixxew il-kompetenza tagħhom lill-Komunità 1. L-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town jistipula li l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li huma kostitwiti minn Stati sovrani u li għandhom il-kompetenza dwar ċerti temi regolati minn dik il-Konvenzjoni jistgħu jaċċedu għaliha bil-kundizzjoni li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(2). Il-Komunità ddeċidiet li taċċedi għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town u għaldaqstant qed tagħmel dik id-dikjarazzjoni. 2. Il-Membri preżenti tal-Komunità huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. 3. Madankollu din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarja taħt l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. 4. Din id-dikjarazzjoni mhijiex applikabbli fil-każ tat-territorji tal-Istati Membri li fihom ma japplikax it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u hija mingħajr preġudizzju għal dawk l-atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati taħt il-Konvenzjoni ta’ Cape Town mill-Istati Membri kkonċernati f’isem u fl-interessi ta’ dawk it-territorji. 5. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għaddew il-kompetenza lill-Komunità fejn jidħlu temi li jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [1], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad- 29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment [2] u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Ruma I) [3]. 6. Fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, il-Komunità mhijiex se tagħmel xi waħda mid-dikjarazzjonijiet permessi taħt l-Artikoli msemmija fl-Artikolu 56 tal-imsemmija Konvenzjoni, ħlief għal dikjarazzjoni li tikkonċerna l-Artikolu 55. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom dwar ir-regoli ta’ liġi sostantiva fir-rigward tal-falliment. 7. L-eżerċizzju tal-kompetenza li l-Istati Membri għaddew lill-Komunità taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hu, fin-natura tiegħu, suġġett ta’ żvilupp kontinwu. Fil-qafas ta’ dak it-Trattat, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw sa fejn tasal il-kompetenza tal-Komunità. Din tal-aħħar għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni kif ikun meħtieġ, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fejn jidħlu temi regolati mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town. II. Dikjarazzjoni taħt l-Artikolu XXVII(2) dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar materji regolati mill-Protokoll tal-ajruplani dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani (Protokoll tal-Ajruplani), li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri ttrasferixxew il-kompetenza tagħhom lill-Komunità 1. L-Artikolu XXVII tal-Protokoll tal-ajruplani jistipula li organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li huma kostitwiti minn Stati sovrani u li għandhom il-kompetenza dwar ċerti temi regolati minn dak il-Protokoll jistgħu jaċċedu għalih bil-kundizzjoni li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu XXVII(2). Il-Komunità ddeċidiet li taċċedi għall-Protokoll tal-ajruplani u għaldaqstant qed tagħmel dik id-dikjarazzjoni. 2. Il-Membri preżenti tal-Komunità huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. 3. Madankollu din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarja taħt l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. 4. Din id-dikjarazzjoni mhijiex applikabbli fil-każ tat-territorji tal-Istati Membri li fihom ma japplikax it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u hija mingħajr preġudizzju għal dawk l-atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jkunu adottati skon il-Protokoll tal-ajruplani mill-Istati Membri kkonċernati f’isem u fl-interessi ta’ dawk it-territorji. 5. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għaddew il-kompetenza lill-Komunità fejn jidħlu temi li jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [4], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad- 29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment [5] u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Ruma I) [6]. 6. Fil-mument tal-adeżjoni mal-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità mhijiex se tagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu XXX(1) li se tapplika l-Artikolu VIII u lanqas mhi se tagħmel xi waħda mid-dikjarazzjonijiet permessi taħt l-Artikolu XXX(2) u (3). L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom dwar ir-regoli ta’ liġi sostantiva fejn jidħol il-falliment. 7. L-eżerċizzju tal-kompetenza li l-Istati Membri għaddew lill-Komunità taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hu, fin-natura tiegħu, suġġett ta’ żvilupp kontinwu. Fil-qafas ta’ dak it-Trattat, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw sa fejn tasal il-kompetenza tal-Komunità. Din tal-aħħar għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fejn jidħlu temi regolati mill-Protokoll tal-ajruplani. [1] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [2] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. [3] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6. [4] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [5] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. [6] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6. -------------------------------------------------- ANNESS II Dikjarazzjonijiet li għandhom isiru mill-Komunità Ewropea fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("Konvenzjoni ta’ Cape Town") u mal-Protokoll tal-ajruplani dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani ("Protokoll tal-ajruplani") dwar ċerti dispożizzjonijiet u miżuri li jinsabu fihom I. Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("Konvenzjoni ta’ Cape Town") Taħt l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, fejn id-debitur ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membri tal-Komunità, l-Istati Membri marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [1] se japplikaw l-Artikoli 13 u 43 tal-Kovenzjoni ta’ Cape Town għal eżenzjoni temporanja biss taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tal-Artikoli 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas- 27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġuridizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [2]. II. Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea taħt l-Artikolu XXX tal-Protokoll dwar affarijiet li jolqtu b’mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani ("Protokoll tal-ajruplani") Taħt l-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll tal-ajruplani, l-Artikolu XXI ta’ dak il-Protokoll mhuwiex se japplika fi ħdan il-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [3] se japplika f’din it-tema għall-Istati Membri marbuta bir-Regolament imsemmi jew b’xi kwalunkwe ftehim ieħor maħsub sabiex jestendi l-effetti tiegħu. [1] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [2] ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32. [3] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. --------------------------------------------------