32008R0651


Titolu u referenza

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2008 tad- 9 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1653/2004 dwar ir-regolament finanzjarju standard għall-aġenziji eżekuttivi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità

 ĠU L 181, 10.7.2008, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2008

tad- 9 ta’ Lulju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1653/2004 dwar ir-regolament finanzjarju standard għall-aġenziji eżekuttivi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad- 19 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità [1], u partikolarment l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri [2],

Billi:

(1) Wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat- 13 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [3], huwa meħtieġ li r-Regolament tal-Kummisssjoni (KE) Nru 1653/2004 [4] jiġi adattat b’mod li jkun konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ: Regolament Finanzjarju ġenerali) [5].

(2) Emendi oħra saru neċessarji fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata mill-aġenziji eżistenti.

(3) Għandu jiġi ċċarat li l-ġestjoni finanzjarja soda titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti. Il-karatteristiċi u l-għanijiet ewlenin tas-sistemi tal-kontroll intern għandhom jiġu definiti.

(4) Il-pubblikazzjoni tal-baġit amministrattiv ta’ l-aġenziji għandu jiġi ssimplifikat filwaqt li jiġu ppreżervati l-prerogattivi ta’ l-awtorità tal-baġit u tal-Qorti ta’ l-Awdituri.

(5) Irriżulta li fil-prattika l-proċedura dwar it-trasferimenti li għandha tiġi adottata mid-diretturi ta’ l-aġenziji mhix ċara u tieħu ħafna ħin. Għalhekk għandha tiġi ssimplifikata u aċċelerata.

(6) Kjarifika dwar is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi, dispożizzjonijiet ġodda dwar il-verifika ex ante ta’ tranżazzjonijiet individwali simili li jirrigwardaw ċerti partiti ta’ nefqa ta’ rutina, dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà (liability) ta’ l-uffiċjali awtorizzanti u l-użu tas-sistemi ta’ debitar dirett għandhom jiġu introdotti fir-regolament finanzjarju standard.

(7) It-trasparenza miksuba fil-konfront ta’ l-awtorità tal-baġit għandha tiġi żgurata permezz ta’ rekwiżiti ġodda għal informazzjoni min-naħa ta’ l-aġenziji fil-proċedura tal-baġit, partikolarment fir-rigward ta’ l-għadd ta’ persunal b'kuntratt u r-rinunzji għall-irkupru ta’ ammonti riċevibbli stabbiliti.

(8) Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fl-użu tal-fondi mill-baġit, huwa meħtieġ li jkun hemm aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-fondi f'ċerti limiti neċessarji għall-ħarsien ta’ interessi leġittimi kemm pubbliċi kif ukoll privati.

(9) Sabiex jissaħħaħ il-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-aġenziji għandhom jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-frodi ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.

(10) Sabiex jiġi żgurat li d-data personali ma tinżammx għal aktar żmien milli meħtieġ għall-iskopijiet li għalihom tkun inġabret jew ipproċessata ulterjorment, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tad-dokumenti anċillari.

(11) Sabiex jissaħħaħ il-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-aġenziji għandhom jistabbilixxu lista ta’ ammonti riċevibbli, filwaqt li jiddikjaraw l-ismijiet tad-debituri u l-ammonti tad-djun fejn id-debitur ikun ġie ordnat li jħallas b'deċiżjoni tal-Qorti li jkollha s-saħħa ta’ res judicata u fejn l-ebda ħlas jew ħlas sinifikanti ma jkun sar għal sena wara l-pronunzja tagħha. Il-lista għandha tiġi ppubblikata, filwaqt li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-ħarsien tad-data.

(12) Ir-responsabbiltà ta’ l-uffiċjali tal-kontabilità għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni finanzjarja fornuta lilhom mill-uffiċjali awtorizzanti għandha tiġi ċċarata. Għal dan il-għan, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jingħata l-poter li jikkontrolla li l-informazzjoni li tasal għand l-uffiċjal awtorizzanti b’delega u li jniżżel riżervi, jekk ikun meħtieġ.

(13) Ladarba l-aġenziji huma uffiċjali awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni, kwistjonijiet ta’ kontroll intern dwar l-implimentazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet operattivi mid-diretturi tagħhom huma parti mir-rapporti stabbiliti skond l-Artikolu 86 (3) u (4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Sabiex jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi tar-rappurtaġġ u jiġu evitati flussi żejda ta’ informazzjoni, ir-rapport ta’ l-awditur intern dwar l-approprjazzjonijiet amministrattivi ta’ l-aġenziji eżekuttivi għandu jsir parti mir-rapport ta’ l-awditur intern skond l-Artikolu 86(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Għall-istess raġuni, il-Kummissjoni għandha tinkludi r-rapporti stabbiliti mill-aġenziji skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004 fir-rapport tagħha skond l-Artikolu 86(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali li tibgħat lill-awtorità tar-rilaxx.

(14) Il-kundizzjonijiet ta’ l-użu, mill-aġenziji, tas-servizzi u l-uffiċċji tal-Kummissjoni, l-uffiċċji interistituzzjonali Ewropej u ċ-Ċentru tat-Traduzzjonijiet għall-entitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea [6] gġandhom jiġu ċċarati. Għandha tiġi inkluża dispożizzjoni għall-għażla ta’ esperti, li tikkorrispondi għal dik introdotta fir-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(15) Sabiex jissaħħaħ il-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u billi l-aġenziji ma jistgħux jeżerċitaw ċerti prerogattivi li huma esklussivament responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej, huma għandhom jintalbu jinkludu klawsoli kontrattwali speċifiċi fil-kuntratti li jiġu konklużi ma’ partijiet terzi li jippermettulhom jeżerċitaw ċerti drittijiet, inklużi s-sospensjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti u proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti u l-istabbiliment ta’ perjodu ta’ limitazzjoni.

(16) Għal raġunijiet ta’ trasparenza fil-konfront ta’ l-awtorità tal-baġit, għandha tiġi introdotta proċedura ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ proġetti b’impatt sinjifikanti fuq il-baġit amministrattiv ta’ l-aġenzija.

(17) L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 jipprovdi għar-rilaxx sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April tas-sena N+2 filwaqt li ssir dikjarazzjoni espliċità li r-rilaxx għandu jiġi approvat flimkien ma’dak b'rabta ma’ l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Wara r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, li jipprovdi għar-rilaxx għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, il-kontenut ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 sar inkonsistenti. Għalhekk, id-data tar-rilaxx għall-baġit operattiv ta’ l-aġenziji eżekuttivi għandha tkun armonizzata ma’ dik tal-baġit ġenerali.

(18) Ir-Regolament (KE) Nru 1653/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1653/2004 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji ta’ l-unità, il-preċiżjoni tal-baġit, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja soda li jirrikjedu kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza kif stabbilit f’dan ir-Regolament.";

(2) Fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 9, tinżied is-sentenza li ġejja:

"Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju tas-sena N+1, l-aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ kull dħul assenjat li jkun ġie trasferit.";

(3) Fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"Madankollu, mill-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, in-nefqa amministrattiva ta’ rutina tista' tiġi impenjata bil-quddiem kontra l-approprjazzjonijiet ipprovduti għas-sena finanzjarja ta’ wara. Tali impenji ma jistgħux jaqbżu kwart l-approprjazzjonijiet deċiżi mill-bord ta’ ġestjoni fuq il-linja tal-baġit li tikkorispondi magħhom għas-sena finanzjarja kurrenti. Huma ma jistgħux jirrigwardaw infiq ġdid, li l-prinċipju tiegħu jkun għadu ma ġiex rikonoxxut fl-aħħar baġit adottat kif suppost.";

(4) Fl-Artikolu 18, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"Id-direttur għandu jieħu d-deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet fi ħdan il-baġit operattiv. Hu għandu jinfurma lill-bord ta’ ġestjoni minn qabel, u dan jista' jopponi dawn it-trasferimenti. Wara l-approvazzjoni tal-bord ta’ ġestjoni jew fl-assenza ta’ risposta fi żmien tliet ġimgħat minn meta tkun ingħatat l-informazzjoni, id-direttur jista' jipproċedi bit-trasferimenti ppjanati.";

(5) Fit-Titolu II, Kapitolu 7, jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:

"Artikolu 19a

1. Il-baġit għandu jiġi implimentat skond kontroll intern effettiv u effiċjenti.

2. Għall-fini ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit, il-kontroll intern huwa definit bħala proċess applikabbli fil-livelli kollha tat-tmexxija u mfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli għall-ksib ta’ l-għanijiet li ġejjin:

(a) l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija ta’ l-operazzjonijiet;

(b) l-affidabbiltà tar-rappurtaġġ;

(ċ) is-salvagwardja ta’ l-assi u ta’ l-informazzjoni;

(d) il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u ta’ l-irregolaritajiet;

(e) kontroll adegwat tar-riskji li jirrigwardaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, meta jitqies il-karattru multiannwali tal-programmi u n-natura tal-ħlasijiet ikkonċernati.";

(6) L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a) it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"Il-baġit u l-baġits ta’ emenda, kif adottati finalment, għandhom jiġu trażmessi għall-informazzjoni lill-awtorità tal-baġit, lill-Qorti ta’ l-Awdituri u lill-Kummissjoni u ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet ta’ l-aġenzija kkonċernata. Taqsira tal-baġits u l-baġits ta’ emenda għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fi żmien tliet xhur minn meta jkunu addottati.

Is-sommarju għandu juri l-ħames linji baġitarji ewlenin relatati mad-dħul kif ukoll il-ħames linji baġtarji ewlenin relatati man-nefqa, il-pjan ta’ stabbiliment u stima ta’ l-għadd ta’ persunal b’kuntratt, muri f’ekwivalenti ta’ persunal full-time li hemm approprjazzjonijiet allokati għalih fil-baġit, u esperti nazzjonali ssekondati. Għandu jindika wkoll iċ-ċifri għas-sena ta’ qabel.";

(b) jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"L-aġenzija għandi tpoġġi għad-dispożizzjoni fuq is-sajt ta’ l-Internet tagħha l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-baġit, inkluż ta’ l-esperti impjegati b'kuntratt skond l-Artikolu 50b. Il-pubblikazzjoni għandha tkun aċċessibbli, trasparenti u komprensiva. Dan it-tagħrif għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni b'rispett xieraq għall-obbligi tal-kunfidenzjalità, b'mod partikolari l-ħarsien tad-data personali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2001 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data [] u r-rekwiżiti tas-sigurtà.

Fejn il-pubblikazzjoni hija ppubblikata biss f’forma anonima, l-aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċjarji kkonċernati lill-Parlament Ewropew b’mod xieraq u kull meta tintalab tagħmel dan.

(7) L-Artikolu 21 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 21

L-Aġenzija għandha tibgħat lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Marzu ta’ kull sena, stima tad-dħul u l-infiq tagħha għas-sena N+1 imfassla mid-direttur tagħha u adottata mill-bord ta’ ġestjoni u l-linjigwida ġenerali li fuqhom tkun ibbażata din l-istima, flimkien mal-programm ta’ ħidma tagħha.

L-istima tad-dħul u l-infiq ta’ l-aġenzija għandha tinkludi:

(a) pjan ta’ stabbiliment li jistabbilixxi l-għadd ta’ postijiet temporanji awtorizzati fil-limiti ta’ l-appropjazzjonijiet tal-baġit, bil-grad u bil-kategorija;

(b) meta sseħħ bidla fl-għadd ta’ persuni f'post, resndikont li jiġġustifika t-talba għal postijiet ġodda;

(ċ) stima kull tlett xhur ta’ pagamenti bi flus u rċevuti;

(d) l-għadd ta’ persunal b’kuntratt u esperti nazzjonali ssekondati jaħdmu ma’ l-aġenzija u l-għadd stmat għas-sena N+1;

(e) stima tad-dħul assenjat;

(f) informazzjoni dwar il-ksib ta’ l-għanijiet stabbiliti perċedentement tad-diversi attivitajiet kif ukoll ta’ l-għanijiet ġodda imkejlin b'indikaturi;

Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni għandhom jiġu kkonsultati u ssir referenza għalihom bħala prova ta’ kemm qabel li jsiru żieda jew tnaqqis fil-baġit operattiv propost ta’ l-aġenzija f'paragun mal-baġit operattiv għas-sena N.";

(8) L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a) l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Bħala parti mill-proċedura biex ikun addottat il-baġit ġenerali, il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rendikonti ta’ stimi ta’ l-awtorità baġitarja u tipproponi l-ammont ta’ sussidju għall-aġenzija u l-għadd tal-persunal li hi tqis li l-entità teħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment ta’ l-aġenzija u stima ta’ l-għadd ta’ persunal b’kuntratt f’ekwivalenti ta’ full-time li jiġu allokati approprjazzjonijiet."

(b) fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 22, tinżied is-sentenza li ġejja: "Il-pjan ta’ stabbiliment għandu jiġi ppubblikat f’anness ma’ Taqsima III – Kummissjoni – tal-baġit ġenerali.";

(9) Fil-punt 1 ta’ l-Artiklu 23, il-punt (b) hu sostitwit b’dan li ġej:

"(b) id-dħul għas-sena finanzjarja preċedenti u d-dħul għas-sena N-2, inkluż id-dħul assenjat;";

(10) Fit-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 24(1), il-kliem "taħt il-grad A3" huma sostitwiti b'"taħt il-grad AD13";

(11) Fl-Artikolu 25, għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej:

"Bla ebda ħsara lejn ir-responsabbiltajiet ta’ l-uffiċjal awtorizzanti fir-rigward tal-prevenzjoni u l-kxif ta’ frodi u irregolaritajiet, l-aġenziji għandhom jipparteċipaw f’attivijtaijet ta’ prevenzjoni tal-frodi ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.";

(12) Fl-Artikolu 27, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"L-atturi finanzjarji kollha fit-tifsira tal-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu u kwalunkwe persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-verifika jew il-kontroll tal-baġit għandhom ikunu pprojbiti milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma’ dawk ta’ l-aġenzija jew tal-Komunitajiet. F'każ bħal dan, il-persuna ikkonċernata m'għandhiex tieħu tali miżuri u għandha tirreferi l-każ lis-superjur tagħha. Id-direttur għandu jirreferi l-każ lill-bord ta’ ġestjoni.";

(13) L-Artikoli 29 u 30 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"Artikolu 29

1. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mill-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità. Huwa għandu jżomm id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom x'jaqsmu ma’ l-operazzjonijiet li jkunu saru fuq medda ta’ ħames snin mid-data tad-deċiżjoni tar-rilaxx għall-implimentazzjoni tal-budget. Fejn hu possibbli, id-data personali fid-dokumenti ta’ prova għandha titħassar meta dik id-data ma tkunx neċessarja għar-rilaxx tal-baġit jew għal skopijiet ta’ kontroll u verifika. F'kull każ, rigward iż-żamma ta’ traffic data, għandu japplika l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (KE) 45/2001.

2. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jistabbilixxi, f’konformità ma’ l-istandards minimi adottati mill-Kummissjoni għad-dipartimenti tagħha stess u b’kunsiderazzjoni għar-riskji assoċjati ma’ l-ambjent tal-ġestjoni u man-natura ta’ l-azzjonijiet iffinanzjati, l-istruttura organizzattiva u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni li jkunu adattati għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, inklużi, fejn ikun xieraq, verifiki ex post.

Skond in-natura u l-ambitu tad-dmirijiet, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jistabbilixxi funzjoni ta’ għarfien u konsulenza fid-dipartimenti tiegħu, bil-għan li jgħinuh jikkontrolla r-riskji involuti fl-attivitajiet tiegħu.

Qabel ma tkun awtorizzata operazzjoni, l-aspetti operattivi u finanzjarji għandhom jiġu verifikati minn impjegati għajr dak li jkun ta bidu għall-operazzjoni.

Għall-fini tal-verifika ex ante, sensiela ta’ tranżazzjonijiet individwali simili li jirrigwardaw nefqa ta’ rutina fuq salarji, pensjonijiet, ħlas lura ta’ spejjeż ta’ missjonijiet u spejjeż mediċi jistgħu jiġu kkunsidrati mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli bħala operazzjoni waħda. F’dan il-każ, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, skond il-valutazzjoni tiegħu tar-riskju, għandu jwettaq verifika ex post.

Il-bidu ta’ verifiki ex ante u ex post ta’ operazzjoni għandha ssir b'funzjonijiet differenti.

3. Skond l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, sal-15 ta’ Marzu kull sena, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jirrapporta lill-bord ta’ ġestjoni dwar il-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu fil-forma ta’ rapport ta’ l-attività annwali flimkien ma’ informazzjoni finanzjarja u amministrattiva li tikkonferma li l-informazzjoni li hemm fir-rapport tippreżenta stampa vera u ġusta kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riserva marbuta ma’ oqsma definti ta’ dħul u nfiq.

Artikolu 30

1. Il-bord ta’ ġestjoni għandu jaħtar uffiċjal tal-kontabilità, li għandu jkun uffiċjal sekondat jew membru tal-persunal temporanju reklutat direttament mill-aġenzija u li għandu jkun responsabbli għal dan li ġej:

(a) l-implimentazzjoni kif jixraq tal-ħlasijiet, għall-ġbir tad-dħul u għall-irkupru ta’ l-ammonti stabbiliti bħala reċivibbli;

(b) it-tħejjija tal-kontijiet ta’ l-aġenzija skond it-Titolu VI;

(ċ) iż-żamma tal-kontijiet skond it-Titolu VI;

(d) l-implimentazzjoni tar-regoli u l-metodi tal-kontabilità u l-karta tal-kontijiet skond id-dispożizzjonijiet adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

(e) id-deċiżjoni li jiġu stabbiliti s-sistema tal-kontabilità u l-validazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, sistemi ta’ validazzjoni stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti maħsuba biex ifornu jew jiġġustifikaw l-informazzjoni dwar il-kontijiet; l-uffiċjal tal-kontabilità se jkollu s-setgħa jivverifika li l-kriterji ta’ validazzjoni jiġu rispettati;

(f) il-ġestjoni tat-teżor.

2. Qabel ma l-bord ta’ ġestjoni japprova l-kontijiet, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jiffirmahom u b'dan jiċċertifika li għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-aġenzija.

Għal dak l-għan, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jkun sodisfatt li l-kontijiet ikunu tħejjew skond ir-regoli, il-metodi u s-sistemi ta’ kontabilità stabbiliti u li d-dħul u l-infiq kollu jkun iddaħħal fil-kontijiet.

L-uffiċjal awtorizzanti għandu jgħaddi l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal tal-kontabilità jkollu bżonn biex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu.

L-uffiċjal awtorizzanti għandu jibqa' għal kollox responsabbli għall-użu tal-fondi li jkun jamministra u kif ukoll għal-legalità u regolarità ta’ l-infiq taħt il-kontroll tiegħu.

L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jingħata s-setgħa biex jiċċekkja l-informazzjoni li jirċievi kif ukoll biex jagħmel aktar verifiki li jemmen li jkunu meħtieġa sabiex ikun jista’ jiffirma l-kontijiet.

L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jagħmel riservi, jekk meħtieġ, fejn ifisser eżattament in-natura u l-kamp ta’ l-applikazzjoni ta dawn ir-riservi.

L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jikseb mill-uffiċjal awtorizzanti, li għandu jiggarantixxi l-affidabilità tagħha, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni ta’ kontijiet li jagħtu stampa reali ta’ l-assi ta’ l-aġenzija u ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit.

3. Ħlief meta pprovdut xort’oħra f’dan ir-Regolament, l-uffiċjal tal-kontabilità biss għandu l-poter li jamministra l-flus likwidi u l-ekwivalenti tagħhom. Hu għandu jkun responsabbli għaż-żamma fiż-żgur tagħhom.";

(14) Fit-Titolu IV, Kapitolu 2, jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

"Artikolu 30a

L-uffiċjal tal-kontabilità jista', fit-twettiq tad-doveri tiegħu, jiddelega ċerti inkarigi lil persunal subordinat għalih li jkunu membri tal-persunal temporanju.";

(15) L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-uffiċjal awtorizzanti jista' jintalab iħallas kumpens kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal.";

(b) Jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

"1a. L-obbligu biex jitħallas kumpens għandu partikolarment japplika jekk:

(a) l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni, kemm jekk b’mod intenzjonali jew minħabba negliġenza kbira min-naħa tiegħu, jiddetermina l-ammonti dovuti li għandhom jiġu rkuprati jew joħroġ ordnijiet għall-irkupru, jimpenja nefqa jew jiffirma ordni għall-ħlas mingħajr ma jikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(b) l-uffiċjal awtorizzanti, jew b’mod intenzjonat jew minħabba traskuraġni serja min-naħa tiegħu, jonqos milli jipproduċi dokument li jistabbilixxi dejn, jittraskura milli joħroġ ordni ta’ rkupru jew jittardja l-ħruġ ta’ din l-ordni jew ta’ ordni għal ħlas, u b’hekk jesponi lill-istituzzjoni għal azzjoni civili minn partijiet terzi.";

(16) Fl-Artikolu 35(1), għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"Id-direttur għandu jirreferi, f’forma anonima, għall-opinjonijiet tal-bord tar-rapport ta’ attività annwali u jindika l-miżuri ta’ segwitu meħuda.";

(17) Fl-Artikolu 38, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Il-kuntratti konklużi mill-aġenzija ma’ operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu li kwalunkwe dejn li ma jitħallasx sad-data stipulata fin-nota ta’ debitu għandu jiġġenera imgħax skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 []. Il-kundizzjoni li tistipula li l-imgħax fuq ħlas li jsir tard huwa dovut lill-aġenzija, inkluża r-rata ta’ interessi bl-arretrati, għandha tissemma b’mod espliċitu fil-kuntratti.

(18) Fl-Artikolu 40, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"Fejn l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jkun qed jippjana li jħassar jew li jħassar parzjalment l-irkupru ta’ ammont riċevibbli stabbilit, huwa għandu jiżgura li t-tħassir ikun skond ir-regoli u jkun jikkonforma mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzonalità. Huwa għandu jirrapporta l-intenzjoni tiegħu li jħassar l-ammont riċevibbli stabbilit lill-bord ta’ ġestjoni. Tali tħassir isir b'deċiżjoni ta’ l-uffiċjal awtorizzanti, li trid tkun issostanzjata. L-uffiċjal awtorizzanti jista' jiddelega din id-deċiżjoni biss għal ammonti riċevibbli ta’ anqas minn EUR 5000. Id-deċiżjoni tat-tħassir għandha tiddikjara x'azzjoni tkun ittieħdet biex isir l-irkupru u l-punti tal-ligi u fatti li fuqha tkun ibbażata.";

(19) L-Artikolu 42 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 42

Jista' jingħata aktar żmien għall-ħlas mill-uffiċjal tal-kontijiet, b'koordinazzjoni ma’ l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, biss fuq talba bil-miktub, b'indikazzjoni xierqa tar-raġunijiet, sakemm id-debitur jintrabat li jħallas l-interessi għall-perjodu kollu taż-żmien permess, li jibda mid-data stabbilita fin-nota tad-debitu u, sabiex jitħarsu l-interessi ta’ l-aġenzija, huwa jipprovdi garanzija finanzjarja li tkopri sew is-somma prinċipali u kif ukoll l-imgħax."

(20) Fit-Titolu IV, Kapitolu 4, jiddaħħalu l-Artikoli 42a u 42b li ġejjin:

"Artikolu 42a

L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jżomm lista ta’ ammonti li għandhom ikunu rkuprati. L-intitolamenti ta’ l-aġenzija għandhom jinġabru f'lista skond id-data ta’ ħruġ ta’ l-ordni ta’ l-irkupru. Huwa għandu jindika d-deċiżjonijiet li ssir ir-rinunzja, jew ir-rinunzja parzjali, ta’ ammonti riċevibbli stabbiliti. Il-lista għandha tiġi miżjuda mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja ta’ l-aġenzija. L-aġenzija għandha tistabbilixxi lista ta’ l-intitolamenti ta’ l-aġenzija dwar il-baġit amministrattiv tagħha, li tagħti l-ismijiet tad-debituri u l-ammont tad-dejn, fejn id-debitur ikun ġie ordnat iħallas b'deċiżjoni tal-Qorti li jkollha s-saħħa ta’ res judicata u fejn l-ebda ħlas, jew l-ebda ħlas sinifikanti, ma jkun sar matul sena mill-pronunzja tagħha. Il-lista għandha tiġi ppubblikata, filwaqt li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni relevanti dwar il-ħarsien tad-data.

Artikolu 42b

Intitolamenti ta’ l-aġenzija fir-rigward ta’ partijiet terzi u intitolamenti ta’ partijiet terzi fir-rigward ta’ l-aġenzija għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jitniżżel fil-kuntratti konklużi mill-aġenzija.";

(21) Fl-Artikolu 47, jiddaħħal il-paragrafu li ġej wara l-ewwel paragrafu:

"Meta jsiru ħlasijiet perjodiċi għal servizzi mogħtija jew oġġetti pprovduti, u soġġett għall-analiżi tiegħu tar-riskju, l-uffiċjal awtorizzanti jista' jordna l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ debitu dirett.";

(22) L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a) fit-tieni paragrafu, ir-raba' sentenza hija sostitwita b'li ġej:

"L-awditur intern għandu jindika, fir-rapport annwali tiegħu/tagħha mressaq lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 86(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, in-numru u t-tip tal-verifiki mwettqa fir-rigward ta’ l-aġenziji, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjonijiet meħuda skond dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Dik l-informazzjoni għandha titressaq ukoll lill-aġenzija kkonċernata."

(b) ir-raba' paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"Kull sena d-direttur għandu jfassal rapport li jippreżenta fil-qosor in-numru u t-tip tal-verifiki interni mwettqa mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-ħidma sussegwenti li ssir dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jagħti r-rapport lill-Kummissjoni wara li jkun għarraf lill-bord ta’ ġestjoni. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dan ir-rapport fir-rapport tagħha skond l-Artikolu 86(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.";

(23) L-Artikolu 50 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 50

1. Fir-rigward ta’ l-akkwisti għall-operat ta’ l-aġenzija, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju Ġenerali u r-Regolament (EC Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw bil-kundizzjoni ta’ paragrafi 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-aġenziji li jitolbu li jkunu assoċjati, bħala awtorità kontraenti, ma’ l-għoti ta’ kuntratti tal-Kummissjoni jew kuntratti interistituzzjonali.

3. Fejn il-Kummissjoni, l-uffiċċji interistituzzjonali jew iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jkunu jistgħu jipprovdu oġġetti, servizzi jew ħidma, l-aġenziji għandhom l-ewwel jirrikorru għal dawn l-entitajiet. L-istess għandu japplika fejn dawn l-entitajiet jkunu jistgħu jwettqu dawn id-dmirijiet permezz ta’ kuntatti ma’ operaturi ekonomiċi, u jagħtu servizzi addizzjonali sinifikanti li jmorru lilhinn minn dawk ta’ sempliċi intermedjarju jew konsulent. L-aġenzija għandha tikkonkludi ftehimiet ma’ dawn l-entitajiet.

4. Għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, is-sejħa għall-offerti għandha tipprovdi li l-aġenzija tista’, qabel ma tiġi ffirmat il-kuntratt, jew tabbanduna l-akwwist jew tikkanċella l-proċedura ta’ l-għoti mingħajr ebda pretensjoni ta’ kumpens min-naħa tal-kandidati jew ta’ min jitfa’ l-offerta.

5. Għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, is-sejħiet għall-offerti mnedija mill-aġenzija għandhom jipprovdu li hi tkun tista' tissospendi l-proċedura u li tkun tista' tieħu kwalunwe miżura neċessarja, inkluż it-tħassir tal-proċedura taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, il-kuntratti konklużi mill-aġenzija għandhom jistipulaw li hija tista’ tieħu l-miżuri speċifikati f’dak l-Artikolu taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih.";

(24) Jiddaħħlu t-Titoli VA u VB li ġejjin:

"TITOLU VA

PROĠETTI B’IMPLIKAZZJONIJIET SINJIFIKANTI FUQ IL-BAĠIT

Artikolu 50a

Il-bord ta’ ġestjoni għandu, malajr kemm jista' jkun, jgħarraf lill-awtorità tal-baġit bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti fuq il-finanzjament tal-baġit operattiv tiegħu, b'mod partikolari kwalunkwe proġett relatat mal-proprjetà bħal kera jew xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni.

Jekk waħda mill-fergħat ta’ l-awtorità tal-baġit tkun bi ħsiebha tagħti opinjoni, hija għandha fi żmien ġimagħtejn minn meta taslilha l-informazzjoni dwar il-proġett tinnotifika lill-istituzzjoni kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tagħti tali opinjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, l-aġenzija tista’ tipproċedi bl-operazzjoni ppjanata.

L-opinjoni għandha tintbagħat lill-aġenzija kkonċernata u lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn minn meta ssir in-notifika skond it-tieni paragrafu.

TITOLU VB

ESPERTI

Artikolu 50b

L-Artikolu 265a tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-għażla ta’ l-esperti, li għandhom jitħallsu abbażi ta’ ammont fiss, għall-għajnuna lill-aġenzija, b’mod partikolari fil-valutazzjoni ta’ proposti u applikazzjonijiet għall-għotjiet u offerti għal akkwisti pubbliċi, u għall-għoti ta’ għajnuna teknika matul il-ħidma sussegwenti u l-valutazzjoni finali tal-proġetti. L-aġenziji jistgħu wkoll jużaw il-listi ta’ esperti mfassla mill-Kummissjoni.";

(25) L-Artikolu 51 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 51

Il-kontijiet ta’ l-aġenzija għandhom jinkludu r-rendikonti finanzjarji u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit. Huma għandu jkollhom magħhom rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja matul is-sena, li jagħti rendikont, fost l-oħrajn, tar-rata ta’ eżekuzzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet bejn id-diversi partiti tal-baġit."

(26) L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (a) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(a) il-bord ta’ ġestjoni għandu jinnotifika, sa l-1 ta’ Marzu wara tmiem is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri bil-kontijiet provviżorji flimkien mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja matul is-sena u għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-istess data."

(b) fil-punt (ċ), il-kliem "fil-31 ta’ Ottubru" huma sostitwiti bil-kliem "sal-15 ta’ Novembru";

(27) Fl-Artikolu 66, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

"Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, għandu japprova r-rilaxx lid-direttur fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit amministrattiv għas-sena N qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2. Id-direttur għandu jinforma lill-bord ta’ ġestjoni dwar il-kummenti tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni li toħroġ flimkien mal-proċedura tar-rilaxx.";

(28) L-Artikolu 68 jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 9 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Dalia Grybauskaitė

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

[2] ĠU C 216, 14.9.2007, p. 1.

[3] ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

[4] ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1821/2005 (ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 131).

[5] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

[6] ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1645/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 13).

[] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.";

[] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1."

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet