32008R0637


Titolu u referenza

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 tat- 23 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

 ĠU L 178, 5.7.2008, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008

tat- 23 ta' Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1979, u b’mod partikolari l-paragrafu 6 tal-Protokoll 4 dwar il-qoton [1] anness miegħu, minn issa msejjaħ "il-Protokoll",

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad- 29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa [4], kif imdaħħal bl-Artikolu 1(20) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 864/2004 [5] jistabbilixxi regoli għall-pagament speċifiku għall-prodott tar-raba għall-qoton.

(2) B’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fis- 7 ta’ Settembru 2006 fil-kawża C-310/04 [6] il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kien annullat minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, partikolarment b’referenza għaċ-ċirkostanza li "l-Kunsill, awtur tar-Regolament Nru 864/2004, ma stabbilixxix quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għall-qoton stabbilita minn dan ir-Regolament kienet ġiet adottata permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li implika t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti f’dan il-każ, li fosthom hemm l-ispejjeż kollha marbutin max-xogħol tal-kultivazzjoni tal-qoton u l-vijabbiltà ta’ l-impriżi tal-ħalġ, li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom kien neċessarju għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni" u li ma kienx permess lill-Qorti li "tivverifika jekk il-leġislatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu li huwa għandu fil-qasam, jasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna speċifika għall-qoton għal 35 % tat-total ta’ l-għajnuna eżistenti fl-iskema ta’ għajnuna preċedenti huwa biżżejjed sabiex jiġi garantit l-għan espost fil-ħames premessa [tal-preambolu] tar-Regolament Nru (KE) 864/2004, li huwa li tiġi assigurata l-profittabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta’ din il-kultivazzjoni, għan li jirrifletti dak preskritt fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4". Il-Qorti ordnat ukoll li l-effetti ta’ l-annullament jiġu sospiżi sa l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta’ regolament ġdid.

(3) Jeħtieġ li tiġi adottata skema ġdida ta’ pagament speċifiku għall-qoton konformi mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-310/04.

(4) Għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti pertinenti għas-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-qoton, inklużi l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni. Għal dan il-għan, inbeda proċess ta’ evalwazzjoni u konsultazzjoni: twettqu żewġ studji dwar l-impatt soċjo-ekonomiku u ambjentali ta’ l-iskema futura ta’ appoġġ għall-qoton fuq is-settur tal-qoton fil-Komunità u ġew organizzati seminars speċifiċi u konsultazzjoni fuq l-Internet mal-partijiet interessati.

(5) L-iskema l-ġdida għandha tilħaq l-għanijiet, stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4: għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni tal-Komunità fejn huwa importanti għall-ekonomija agrikola, biex il-produtturi kkonċernati jkunu jistgħu jkollhom dħul ġust, u għall-istabbiltà tas-suq permezz ta’ titjib strutturali fuq livell ta’ forniment u kummerċjalizzazzjoni.

(6) L-iskema għandha tkun ukoll konformi ma’ politika ta’ appoġġ ta’ dħul għar-raħħala, li huwa l-prinċipju gwida prinċipali tal-politika agrikola komuni riformata (PAK).

(7) Is-separazzjoni ta’ appoġġ dirett lill-produttur u l-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku huma elementi essenzjali fil-proċess tar-riforma tal-PAK. Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 introduċa dawk l-elementi għal bosta prodotti agrikoli.

(8) Sabiex jintlaħqu l-objettivi sottostanti tar-riforma tal-PAK, kif ukoll l-objettivi mniżżlin fil-Protokoll 4, l-appoġġ għall-qoton għandu jkun diżakkoppjat sew u integrat fl-iskema ta’ pagament uniku. Minħabba li dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni komuni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(9) L-integrazzjoni kompluta u immedjata fl-iskema ta’ pagament uniku ta’ l-iskema ta’ appoġġ fis-settur tal-qoton aktarx toħloq riskju sinifikattiv ta’ tfixkil fil-produzzjoni tar-reġjuni fil-Komunità li jipproduċu l-qoton. Parti mill-appoġġ għandu għalhekk ikompli jkun marbut mal-kultivazzjoni tal-qoton permezz ta’ pagament speċifiku għal prodotti taż-żoni tar-raba għal kull ettaru eliġibbli. L-ammont tiegħu għandu jkun ikkalkulat b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4 filwaqt li l-iskema tal-qoton tinġieb ukoll fil-proċess ġenerali tas-simplifikazzjoni tar-riforma tal-PAK. Għal dan il-għan, fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni mwettqa, huwa ġġustifikat li l-għajnuna totali disponibbli għal kull Stat Membru hija ffissata għal 35 % tas-sehem nazzjonali ta’ l-għajnuna li ngħatat indirettament lill-produtturi. Tali rata tippermetti lis-settur tal-qoton sabiex jersaq lejn vijabbiltà fit-tul, tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni li jipproduċu l-qoton u tiżgura dħul ġust għar-raħħala.

(10) Il-65 % tas-sehem nazzjonali ta’ l-għajnuna li jifdal li ngħatat indirettament lill-produtturi għandha tkun disponibbli għall-iskema ta’ pagament uniku.

(11) Għal raġunijiet ambjentali, għandha tiġi stabbilita erja bażika għal kull Stat Membru produttur. Barra minn hekk, l-erjas eliġibbli għandhom ikunu ristretti għal dawk li huma awtorizzati mill-Istati Membri.

(12) Għandu jiġi stabbilit rendiment fiss għal kull ettaru għal kull Stat Membru produttur. Dan ser jiddetermina, flimkien mal-ħtieġa ta’ l-erja bażi, il-limitu massimu ġenerali tal-fondi u n-natura prinċiplament separata ta’ l-iskema, il-karattru tal-programm li jillimita l-produzzjoni filwaqt li jkun hemm issodisfar ta’ l-objettivi tal-Protokoll 4.

(13) Sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ l-industrija tal-ħalġ, l-eliġibbiltà għall-għajnuna għandha tkun relatata mal-kwalità minima tal-qoton li effettivament jinħasad.

(14) Barra minn hekk, sabiex il-produtturi u l-ħallieġa jitħallew itejjbu l-kwalità tal-qoton, għandu jiġi inkoraġġet l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali, li għandhom ikunu approvati mill-Istati Membri. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi indirettament għall-attivitajiet ta’ dawk l-organizzazzjonijiet billi żżid l-għajnuna għal dawk ir-raħħala li huma membri ta’ l-organizzazzjonijiet.

(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond kif suppost.

(16) Minbarra r-reġim il-ġdid dwar il-pagament speċifiku għall-qoton, jidher adatt li jiġi adottat sett ieħor ta’ regoli bil-għan li tingħata għajnuna lis-settur tal-qoton sabiex jistabbilizza fil-kuntest il-ġdid legali u tas-suq.

(17) Safejn il-preżenza ta’ l-industrija tal-ħalġ tidher meħtieġa fir-reġjuni prodotturi, il-ħtiġijiet ta’ dik l-industrija ikunu sodisfatti b’mod sodisfaċenti, fost l-oħrajn, permezz ta’ l-istabbilment ta’ kwantità minima ta’ qoton fil-fatt maħsuda u billi jkunu permessi organizzazzjonijiet interprofessjonali biex titjieb il-kwalità tal-qoton. Barra minn hekk, meta tkun ikkunsidrata s-soprakapaċità sinifikanti ta’ l-industrija tal-ħalġ, huwa adatt li jkunu previsti miżuri addizzjonali biex jappoġġaw il-proċess tar-ristrutturar tagħhom bil-ħsieb ta’ orjentazzjoni tas-suq imtejba.

(18) Barra minn hekk, jidher adatt li jiġu introdotti miżuri ta’ l-orjentament tas-suq li jappoġġaw skemi ta’ kwalità speċifiċi u attivitajiet ta’ promozzjoni relatati. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti programmi nazzjonali għar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-qoton. Filwaqt li l-miżuri rilevanti għandhom ikunu ffinanzjati mill-Komunità, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita t-tajba għall-ħtiġijiet tat-territorji rispettivi tagħhom, b’kont meħud, fejn meħtieġ, tal-partikolaritajiet reġjonali.

(19) Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni biex tiġi vverifikata l-konformità tal-miżuri mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament u r-regoli implimentattivi tiegħu. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

(20) Il-miżuri għandhom ikunu komplimentari għall-miżuri diġà eżistenti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l- 20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [7].

(21) Il-miżuri fi programmi bħal dawn jistgħu jinkludu t-tneħħija sħiħa u permanenti ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ pproċessar ta’ ħalġ biex tiġi żgurata industrija tal-ħalġ aktar vijabbli. Jista’ jkun ukoll mogħti appoġġ għal investimenti fl-industrija tal-ħalġ, immirat li jtejjeb il-prestazzjoni ekonomika ta’ l-intrapriżi bħala tali. Barra minn hekk, tista’ tkun disponibbli għajnuna għall-kuntratturi tal-makkinarji milqutin bħala konsegwenza tar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-qoton.

(22) Biex titjieb il-kwalità tal-qoton Ewropew, ir-raħħala li jieħdu sehem fi skemi speċifiċi ta’ kwalità għandhom jirċievu, fil-qafas ta’ tali programmi, appoġġ speċifiku biex ikopru l-ispejjeż relatati. Bl-istess mod, għandhom jiġu appoġġati azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-qoton minn dawn l-iskemi ta’ kwalità.

(23) L-allokazzjoni tal-fondi għall-programmi nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni fost l-Istati Membri għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet speċifiċi għar-ristrutturazzjoni u l-adattament fir-reġjuni ewlenin tal-produzzjoni tal-qoton. Bil-ħsieb ta’ l-għan temporanju ta’ ristrutturazzjoni u adattament tas-settur tal-qoton, il-programmi jistgħu jiġu tterminati fuq talba ta’ l-Istati Membri, u wara dan il-baġit annwali għall-programmi ta’ ristrutturazzjoni jista’ jinżdied mal-limitu massimu nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal pagamenti separati kif stabbilit fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(24) Minħabba n-nuqqas ta’ industrija tal-ħalġ fil-Portugall u l-applikazzjoni ta’ l-Iskema ta’ Pagament Uniku skond l-Erja fil-Bulgarija, mhemmx ħtieġa li jiġi allokat baġit għall-programmi nazzjonali għar-ristrutturazzjoni f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

(25) Sabiex tiġi applikata l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għall-qoton u l-iskema għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-qoton mill-bidu ta’ l-istaġun tal-produzzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mis-sena kalendarja ta’ l-2009.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

PAGAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-KULTIVAZZJONI GĦALL-QOTON

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. Fit-Titolu IV, il-Kapitolu 10a ser jinbidel b’dan li ġej:

"KAPITOLU 10 a

PAGAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-KULTIVAZZJONI GĦALL-QOTON

Artikolu 110(a)

Kamp ta’ applikazzjoni

Għandha tingħata għajnuna lill-bdiewa li jipproduċu l-qoton li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 520100 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 110(b)

Eliġibbiltà

1. L-għajnuna għandha tingħata għal kull ettaru ta’ żona eliġibbli tal-qoton. Sabiex iż-żona tkun eliġibbli, għandha tkun f’art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton mill-Istat Membru, miżrugħa b’varjetajiet awtorizzati u li jinħasdu effettivament f’kondizzjonijiet ta’ tkabbir normali.

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 110a għandha titħallas għal qoton ta’ kwalita’ kummerċjali tajba u ġusta.

2. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-art u l-varjetajiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skond regoli u kondizzjonijiet dettaljati adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(ċ)

Erjas bażi, rendimenti fissi u ammonti ta’ riferiment

1. L-erjas bażi nazzjonali huma hawnhekk stabbiliti kif ġej:

- Il-Bulgarija: 10237 ha,

- Il-Greċja: 250000 ha,

- Spanja: 48000 ha,

- Il-Portugall: 360 ha.

2. Ir-rendimenti fissi fil-perijodu ta’ riferiment huma hawnhekk stabbiliti kif ġej:

- Il-Bulgarija: 1,2 tunnellata/ha,

- Il-Greċja: 3,2 tunnellata/ha,

- Spanja: 3,5 tunnellata/ha,

- Il-Portugall: 2,2 tunnellata/ha.

3. L-ammont ta’ l-għajnuna għal kull ettaru eliġibbli huwa stabbilit billi r-rendimenti stabbiliti fil-paragrafu 2 jiġu mmultiplikati bl-ammonti ta’ riferiment li ġejjin:

- Il-Bulgarija: EUR 219,17,

- Il-Greċja: EUR 251,75,

- Spanja: EUR 400,00,

- Il-Portugall: EUR 252,73.

4. Jekk iż-żona eliġibbli tal-qoton fi Stat Membru partikolari u f’sena partikolari taqbeż l-erja bażi stabbilita fil-paragrafu 1, l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 3 għal dak l-Istat Membru għandha titnaqqas b’mod proporzjonali ma’ l-eċċess ta’ l-erja bażi.

5. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(d)

Organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati

1. Għall-fini ta’ dan il-Kapitolu, "organizzazzjoni professjonali approvata" għandha tfisser entità legali komposta minn bdiewa li jipproduċu l-qoton u ta’ l-anqas ħallieġ wieħed, li twettaq attivitajiet bħal:

- għajnuna għal koordinazzjoni aħjar tal-mod kif il-qoton jitqiegħed fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ studji ta’ riċerka u stħarriġ tas-suq,

- it-tħejjija ta’ forom standard ta’ kuntratt kompatibbli mar-regoli Komunitarji,

- l-orjentazzjoni tal-produzzjoni lejn prodotti li huma iktar adattati għall-bżonnijiet tas-suq u d-domanda tal-konsumatur, partikolarment f’aspetti ta’ kwalità u protezzjoni tal-konsumatur,

- aġġornament ta’ metodi u mezzi għat-titjib tal-kwalità tal-prodotti,

- l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ kumerċjalizzazzjoni biex jippromwovu l-qoton permezz ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità.

2. L-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-ħallieġa għandu japprova organizzazzjonijiet interprofessjonali li jirrispettaw il-kriterji li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(e)

Pagament ta’ għajnuna

1. Il-bdiewa għandhom jingħataw l-għanjnuna għal kull ettaru eliġibbli skond l-Artikolu 110ċ.

2. Il-bdiewa li huma membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandhom jingħataw għajnuna, għal kull ettaru eliġibbli fl-erja bażi stabbilita fl-Artikolu 110c(1), miżjuda b’ ammont ta’ EUR 2."

2. Fl-Artiklu 156(2), il-punt (g) għandu jinbidel b’dan li ġej:

"(g) It-Titolu IV, il-Kapitolu 10a, għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2009 għall-qoton miżrugħ minn dik id-data."

KAPITOLU 2

PROGRAMMI NAZZJONALI TA’ RISTRUTTURAZZJONI GĦAS-SETTUR TAL-QOTON

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-attribuzzjoni ta’ fondi Komunitarji lill-Istati Membri u l-użu ta’ dawk il-fondi mill-Istati Membri permezz ta’ programmi nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni (minn hawn ‘il quddiem "programmi ta’ ristrutturazzjoni") biex jiffinanzjaw miżuri ta’ appoġġ speċifiċi li jassistu s-settur tal-qoton.

2. L-ebda appoġġ ma għandu jingħata:

(a) għal proġetti ta’ riċerka u miżuri biex jappoġġaw proġetti ta’ riċerka;

(b) għal miżuri li huma eliġibbli għal appoġġ Komunitarju taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l- 20 ta’ Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [8].

Artikolu 3

Rekwiżiti ġenerali

1. Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja u jkunu konsistenti ma’ l-attivitajiet, il-linji politiċi u l-prijoritajiet tal-Komunità.

2. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-programmi ta’ ristrutturazzjoni u jiżguraw li jkunu internament konsistenti u mfasslin u implimentati b’manjiera oġġettiva, b’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi u l-proċessuri kkonċernati u l-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux indaqs mhux ġustifikat bejn il-produtturi u/jew il-proċessuri.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli milli jipprevedu u jwettqu l-kontrolli u l-penalitajiet neċessarji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

Artikolu 4

Preżentazzjoni u applikazzjoni tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni

1. Kull Stat Membru produttur għandu, kull erba’ snin u għall-ewwel darba sa l- 1 ta’ Jannar 2009, jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni għal erba’ snin li jkun fih il-miżuri f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.

Qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, il-programm ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun soġġett għall-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet kompetenti fis-settur tal-qoton.

Kull Stat Membru għandu jippreżenta abbozz uniku ta’ programm wieħed li jista’ jakkomoda l-partikolaritajiet reġjonali.

2. Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom jibdew japplikaw tliet xhur wara li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Madankollu, jekk il-programm ippreżentat ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu u r-regoli implimentattivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jippreżenta programm rivedut lill-Kummissjoni. Il-programm rivedut għandu jsir applikabbli xahrejn wara li jiġi ppreżentat dment li ma jkunx għad hemm inkompatibbiltà li f’dak il-każ għandu japplika dan il-paragrafu.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal bidliet fir-rigward ta’ programmi ta’ ristrutturazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Allokazzjoni baġitarja

1. Il-baġit annwali għall-programm ta’ ristrutturazzjoni għal kull Stat membru mis-sena finanzjarja 2010 ‘il quddiem għandu jkun kif ġej:

- Il-Greċja: EUR 4,0 miljun;

- Spanja: EUR 6,134 miljun.

2. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jiddetermina l-użu tiegħu tal-programm ta’ ristrutturazzjoni biex jittrasferixxi permanentement il-baġit annwali tiegħu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għal-limitu massimu nazzjonali tiegħu kif stabbilit fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu ta’ sena partikolari u għandha tapplika għall-pagamenti diretti mogħtija skond is-sena kalendarja ta’ wara. Il-komunikazzjoni għandha tirrapporta wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-kisba ta’ l-objettivi tiegħu.

3. It-trasferiment fil-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-modifika korrispondenti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl ta’ l-objettivi tiegħu.

Artikolu 6

Regoli ġenerali dwar il-finanzjament tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni

1. L-appoġġ Komunitarju għandu jirrigwarda biss in-nefqa eliġibbli mġarrba wara l-preżentazzjoni tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 4(1).

2. L-Istati Membri ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-miżuri ffinanzjati mill-Komunità taħt il-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

Artikolu 7

Miżuri eliġibbli u benefiċjarji

1. Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun fihom biss waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a) it-tneħħija sħiħa jew permanenti tal-faċilitajiet tal-ħalġ;

(b) investimenti fl-industrija tal-ħalġ;

(ċ) parteċipazzjoni tal-bdiewa fi skemi ta’ kwalità tal-qoton;

(d) attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni;

(e) għajnuna lill-kuntratturi tal-makkinarji, li ma taqbiżx it-telf imġarrab.

2. Il-benefiċjarji tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom ikunu:

(a) il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna skond il-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001 tat- 22 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna għall-produzzjoni għall-qoton [9] fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, għall-għajnuna skond il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (d) ta’ dan l-Artikolu;

(b) il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna skond il-Kapitolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-għajnuna skond il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (ċ) u (d) ta’ dan l-Artikolu;

(ċ) l-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati, kif definit fil-Kapitolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-għajnuna skond il-miżura msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu;

(d) il-kuntratturi tal-makkinarji, għall-għajuna skond il-miżura msemmija fil-paragrafu 1 punt (e) ta’ dan l-Artikolu, li:

- huma persuni jew intrapriżi privati li jkunu ħadmu b’kuntratt ta’ produtturi jew ħallieġa fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 bil-makkinarji agrikoli tagħhom għall-ħsad tal-qoton,

- jkunu ħasdu l-qoton, li jkun twassal għall-faċilitajiet tal-ħalġ milquta mit-tneħħija kif imsemmi fil-Paragrafu (1)(a) ta’ dan l-Artikolu,

u,

- li jkunu ġarrbu telf dimostrabbli bħala riżultat tan-nuqqas ta’ qoton li għandu jinħasad.

Artikolu 8

Riżorsi finanzjarji

Il-miżuri previsti f’dan il-Kapitolu għandhom jikkostitwixxu intervent biex jiġu rregolati s-swieq agrikoli kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [10].

Artikolu 9

Regoli implimentattivi

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-[Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [11]].

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Jarc

[1] ĠU L 291, 19.11.1979, p. 174. Il-Protokoll kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1050/2001 (ĠU L 148, 1.6.2001, p. 1).

[2] L-Opinjoni ta’ l- 14.2.2008 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU)

[3] L-Opinjoni tat- 8.5.2008 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU)

[4] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1).

[5] Il-verżjoni korretta bil-ĠU L 206, 9.6.2004, p. 20.

[6] 2006 Ġabra I-7285.

[7] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1).

[8] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008, p. 1).

[9] ĠU L 148, 1.6.2001, p. 3. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

[10] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1)

[11] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61)

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet