32008L0056


Titolu u referenza

Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

 ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 17 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-ilmijiet marini taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jinkludu ilmijiet fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed u fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal, inklużi l-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji.

(2) Huwa evidenti li l-pressjonijiet fuq riżorsi naturali marini u d-domanda għal servizzi ekoloġiċi marini huma ta’ spiss għoljin wisq u li l-Komunità teħtieġ li tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ilmijiet marini irrispettivament minn fejn iseħħu l-effetti tagħhom.

(3) L-ambjent marin huwa wirt prezzjuż li għandu jiġi protett, ippreservat u, fejn prattikabbli, restawrat bl-għan aħħari li tkun ippreservata l-bijodiversità u mantenuti oċeani u ibħra diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, sani u produttivi. F’dak ir-rigward din id-Direttiva għandha, inter alia, tippromwovi l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fl-oqsma ta’ politika kollha rilevanti u tipprovdi s-sinsla ambjentali tal-Politika Marina futura għall-Unjoni Ewropea.

(4) Konformement mad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità [4], ġiet żviluppata strateġija tematika għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ l-ambjent marin bl-għan ġenerali li tippromwovi l-użu sostenibbli ta’ l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marini.

(5) L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tematika għandhom ikunu mmirati lejn il-konservazzjoni ta’ l-ekosistemi marini. Dan l-approċċ għandu jinkludi żoni protetti, u għandu jindirizza l-attivitajiet umani kollha li għandhom impatt fuq l-ambjent marin.

(6) L-istabbiliment ta’ żoni marini protetti, inklużi żoni li huma diġà nominati jew li għad iridu jiġu nominati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar il-Habitats) [5], id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat- 2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Għasafar) [6], u fi ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom il-Komunità Ewropea jew l-Istati Membri ikunu Partijiet, huwa kontribuzzjoni importanti għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb skond din id-Direttiva.

(7) It-twaqqif ta’ tali żoni protetti skond din id-Direttiva se jkun pass importanti sabiex jiġu sodisfatti l-impenji assunti matul is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u fil-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità Bijoloġika, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE [7] u se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ netwerks koerenti u rappreżentattivi ta’ tali żoni.

(8) Bl-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-bniedem filwaqt li jkun permess l-użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi marini, għandha tingħata prijorità lill-kisba jew iż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin Komunitarju, għall-kontinwazzjoni tal-protezzjoni u tal-preservazzjoni tiegħu, u għall-prevenzjoni ta’ deterjorament sussegwenti.

(9) Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, huwa meħtieġ qafas legali trasparenti u koerenti. Dan il-qafas għandu jikkontribwixxi għall-koerenza bejn linji politiċi differenti u jħaddan l-integrazzjoni ta’ interessi ambjentali f’linji politiċi oħra, bħall-Politika Komuni dwar is-Sajd, il-Politika Agrikola Komuni u linji politiċi Komunitarji rilevanti oħrajn. Il-qafas leġislattiv għandu jipprovdi qafas ġenerali għal azzjoni u jippermetti li din l-azzjoni tkun tista’ tittieħed b’mod koordinat, konsistenti u integrat sewwa ma’ azzjoni taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra u taħt ftehim internazzjonali.

(10) Il-kondizzjonijiet, il-problemi u l-ħtiġijiet diversi tar-Reġjuni Marini jew Sub-Reġjuni varji li jiffurmaw l-ambjent marin fil-Komunità jeħtieġu soluzzjonijiet differenti u speċifiċi. Dik id-diversità għandha titqies fl-istadji kollha tal-preparazzjoni ta’ l-istrateġiji marini, iżda speċjalment waqt il-preparazzjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin tal-Komunità fil-livell tar-Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini.

(11) Kull Stat Membru għandu għalhekk jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu li, filwaqt li tkun speċifika għall-ilmijiet tiegħu, tkun tirrifletti l-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin partikolari. L-Istrateġiji Marini għandhom jirriżultaw fl-eżekuzzjoni ta’ programmi ta’ miżuri mfassla sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb. Madankollu, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu meħtieġa jieħdu passi speċjali fejn m’hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b’kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, sakemm tkun ġustifikata adegwatament kull deċiżjoni sabiex ma titteħidx azzjoni.

(12) L-ilmijiet kostali, inklużi l-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom, huma parti integrali ta’ l-ambjent marin, u bħala tali għandhom ikunu koperti minn din id-Direttiva, u dan sa fejn aspetti partikolari ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ambjent marin mhumiex diġà indirizzati permezz tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma [8] jew permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa.

(13) Minħabba n-natura transkonfinali ta’ l-ambjent marin, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw l-iżvilupp koordinat ta’ Strateġiji Marini għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin. Billi r-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini huma kondiviżi kemm ma’ Stati Membri oħra kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw koordinazzjoni stretta ma’ l-Istati Membri kollha u ma’ pajjiżi terzi konċernati. Fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, l-istrutturi istituzzjonali eżistenti stabbiliti f’Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini, b’mod partikolari Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, għandhom jintużaw sabiex jiżguraw tali koordinazzjoni.

(14) L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva, fejn l-istatus tal-baħar hu kritiku sal-punt li tinħtieġ azzjoni urġenti, għandhom ifittxu li jaqblu dwar pjan ta’ azzjoni li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri. F’tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi aktar qawwija tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta’ sperimentazzjoni.

(15) Mhux l-Istati Membri kollha għandhom ilmijiet marini kif definiti f’din id-Direttiva u, għalhekk, l-effett tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jindirizzaw esklussivament lill-Istati Membri li għandhom ilmijiet marini għandu jkun limitat għal dawk l-Istati Membri.

(16) Ladarba hija indispensabbli azzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jinkisbu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni, din id-Direttiva għandha ssaħħaħ aktar il-koerenza tal-kontribut tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha taħt ftehim internazzjonali.

(17) Il-Komunità u l-Istati Membri huma rispettivament Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat- 23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea ta’ l-UNCLOS u l-Ftehim tat- 28 ta’ Lulju 1994 relatat ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha [9]. Għandu għalhekk jittieħed kont sħiħ f’din id-Direttiva ta’ l-obbligi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha taħt dak il-ftehim. Minbarra d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ambjent marin tal-Partijiet, l-UNCLOS tinkludi obbligi ġenerali sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta’ Parti ma jikkawżawx ħsara lil hinn mill-ilmijiet marini tagħha, u sabiex jiġi evitat li l-ħsara jew il-perikli jiġu ttrasferiti minn zona għall-oħra jew li tip ta’ tniġġiż jiġi trasformat f’tip ieħor.

(18) Din id-Direttiva għandha wkoll tappoġġa l-pożizzjoni qawwija meħuda mill-Komunità, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, dwar it-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità, l-assigurazzjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina u l-ħolqien ta’ network globali ta’ żoni marini protetti sa l-2012. Addizzjonalment, hi għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Seba’ Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li adottat programm elaborat ta’ ħidma dwar il-bijodiversità marina u kostali b’numru ta’ għanijiet, miri u attivitajiet maħsuba sabiex iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità bijoloġika nazzjonali, reġjonali u globali u sabiex jassiguraw il-kapaċità ta’ l-ekosistemi marini li jsostnu l-provvista ta’ prodotti u servizzi, u programm ta’ ħidma f’żoni protetti bl-objettiv li jitwaqqfu u jinżammu sistemi ekoloġikament rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti sa l-2012. L-obbligu li l-Istati Membri jagħżlu żoni għan-Natura 2000 skond id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Habitats jagħmel kontribut importanti għal dan il-proċess.

(19) Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-obbligi u ta’ l-impenji importanti tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri skond diversi ftehim internazzjonali rilevanti rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marin mit-tniġġis: il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE [10], il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE [11], inkluż l-Anness V il-ġdid tagħha dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ekosistemi u d-Diversità Bijoloġika taż-Żona Marina u l-Appendiċi 3 korrispondenti, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/340/KE [12], u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin u ż-Żona Kostali tal-Mediterran, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE [13], u l-emendi tagħha mill-1995, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE [14], kif ukoll il-Protokoll tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis minn Sorsi Bbażati Fuq l-Art, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE [15], u l-emendi tagħha mill-1996, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE [16]. Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ ta’ l-obbligi ta’ l-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis, li permezz tagħha assumew impenji importanti rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marin mit-tniġġis, u li għaliha l-Komunità għadha mhijiex parti, iżda għandha status ta’ osservatur.

(20) Huwa meħtieġ li pajjiżi terzi li jkollhom ilmijiet marini fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ma’ Stat Membru jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċess stabbilit f’din id-Direttiva, sabiex b’hekk jiffaċilitaw il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

(21) Huwa kruċjali, sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, li tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ objettivi ta’ konservazzjoni, ta’ miżuri ta’ ġestjoni u ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni stabbiliti għal miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew żoni marini protetti.

(22) Għandhom jitqiesu wkoll il-bijodiversità u l-potenzjal għal riċerka marina assoċjata ma’ ambjenti ta’ baħar fond.

(23) Ladarba l-programmi ta’ miżuri esegwiti skond l-Istrateġiji Marini ser ikunu effettivi biss jekk ikunu maħsuba fuq il-bażi ta’ konoxxenza tajba ta’ l-istat ta’ l-ambjent marin f’żona partikolari u huma mfassla viċin kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet ta’ l-ilmijiet konċernati fil-każ ta’ kull Stat Membru u mill-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-preparazzjoni f’livell nazzjonali ta’ qafas adatt, inklużi riċerka marina u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ, għat-tfassil ta’ politika b’mod infurmat. Fil-livell Komunitarju, l-appoġġ għal riċerka assoċjata għandu jkun kontinwament inkluż fil-linji politiċi tar-riċerka u l-iżvilupp. Ir-rikonoxximent ta’ kwistjonijiet marini fis-Seba’ Programm Kwadru dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp huwa pass importanti f’dik id-direzzjoni.

(24) Bħala l-ewwel pass fil-preparazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri, l-Istati Membri li jokkupaw Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jagħmlu analiżi ta’ l-aspetti jew tal-karatteristiċi ta’, u tal-pressjonijiet u impatti fuq, l-ilmijiet marini tagħhom, b’mod li jidentifikaw il-pressjonijiet u l-impatti predominanti fuq dawk l-ilmijiet, u analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu tagħhom u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marin. Huma jistgħu jużaw valutazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali bħala bażi għall-analiżi tagħhom.

(25) Abbażi ta’ tali analiżi, l-Istati Membri għandhom imbagħad jiddeterminaw għall-ilmijiet marini tagħhom sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb. Għal dawn l-għanijiet, huwa kunsiljabbli li ssir dispożizzjoni għall-iżvilupp ta’ kriterji u standards metodoloġiċi sabiex tkun żgurata l-konsistenza u sabiex ikun jista’ jsir tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini sal-punt li fih ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Dawn għandhom jiġu żviluppati bl-involviment tal-partijiet interessati kollha.

(26) Il-pass li jmiss sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb għandu jkun li jiġu stabbiliti miri ambjentali u programmi ta’ monitoraġġ għal valutazzjoni kontinwa, li jippermettu li l-istat ta’ l-ilmijiet marini konċernati jiġi evalwat fuq bażi regolari.

(27) L-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta’ miżuri maħsuba sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet konċernati, filwaqt li jakkomodaw ir-rekwiżiti Komunitarji u internazzjonali eżistenti u l-ħtiġijiet tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. Dawk il-miżuri għandhom jiġu mfassla fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni ta’ prevenzjoni, li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rimedjata fil-post minn fejn tkun ġejja, u li min iniġġes għandu jħallas.

(28) Huwa kunsiljabbli li l-Istati Membri jieħdu l-passi msemmija hawn fuq, fid-dawl tal-preċiżjoni meħtieġa fl-attenzjoni li tingħata. Sabiex tkun żgurata l-koeżjoni ta’ l-azzjoni fil-Komunità kollha u fir-rigward ta’ l-impenji fil-livell globali, huwa essenzjali li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-passi meħudin, sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-koerenza ta’ l-azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat u tipprovdi gwida dwar modifiki neċessarji possibbli kif meħtieġ.

(29) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li l-kisba jew iż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb f’kull aspett jistgħu ma jkunux possibbli fl-ilmijiet marini kollha sa l-2020. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ ġustizzja u fattibbiltà, huwa kunsiljabbli li jkun hemm provvediment għall-każijiet fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti jew li jikseb jew iżomm status ambjentali tajjeb.

(30) F’dak il-kuntest huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal żewġ każijiet speċjali. L-ewwel każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-miri ambjentali tiegħu minħabba azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li l-Istat Membru konċernat ma jkunx risponsabbli għalihom, jew minħabba kawżi naturali jew force majeure, jew minħabba azzjonijiet li dak l-Istat Membru jkun ħa hu stess għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, jew minħabba li l-kondizzjonijiet naturali ma jippermettux titjib f’waqtu fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini. L-Istat Membru konċernat għandu jissostanzja għaliex huwa jikkunsidra li nqala’ tali każ speċjali u jidentifika ż-żona konċernata, u għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jsegwi l-miri ambjentali,li jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini milqutin uli jtaffi l-impatt avvers fuq ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

(31) It-tieni każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tiegħu, forsi anke tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kollu, iżda li ma tistax tiġi solvuta b’miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jew li tkun marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali. F’tali każ, għandhom isiru arranġamenti sabiex il-Kummissjoni tiġi infurmata b’dan fil-qafas tan-notifika ta’ programmi ta’ miżuri u, fejn tkun meħtieġa azzjoni Komunitarja, sabiex isiru rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(32) Madankollu, huwa meħtieġ li l-flessibbiltà introdotta għall-każijiet speċjali tkun suġġetta għal kontroll fil-livell Komunitarju. Rigward l-ewwel każ speċjali, huwa għalhekk kunsiljabbli li, tingħata l-attenzjoni dovuta lill-effikaċja ta’ kwalunkwe miżura ad hoc meħuda. Barra dan, f’każijiet fejn l-Istat Membru jirriferi għal azzjoni meħuda għal raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk xi modifiki jew alterazzjonijiet li jsiru lill-ambjent marin bħala konsegwenza ma tipprekludix jew tikkomprometti b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar modifiki neċessarji possibbli jekk hija tqis li l-miżuri previsti mhumiex suffiċjenti jew adattati sabiex jiżguraw koerenza ta’ azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun konċernat.

(33) Rigward it-tieni każ speċjali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kwistjoni u tirrispondi f’perijodu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tirrifletti, skond kif ikun meħtieġ, rakkomandazzjonijiet ta’ l-Istat Membru konċernat meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(34) Fid-dawl tan-natura dinamika ta’ l-ekosistemi marini u tal-varjabbiltà naturali tagħhom, u fid-dawl tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta’ tipi differenti ta’ attività umana u bl-impatt tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jingħaraf li d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb tista’ jkollha tiġi adattata maż-żmien. B’hekk, huwa kunsiljabbli li l-programmi ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ l-ambjent marin jkunu flessibbli u adattabbli u jieħdu kont ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini fuq bażi regolari.

(35) Huwa meħtieġ ukoll li jsiru dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri u ta’ l-aġġornamenti tagħhom, u għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta’ rapporti interim li jiddeskrivu l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi.

(36) Sabiex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-pubbliku ġenerali fl-istabbiliment, fl-implimentazzjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini, għandu jsir provvediment għad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni pubblika adegwata dwar l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini, jew dwar l-aġġornamenti relatati tagħhom, kif ukoll, meta tintalab, informazzjoni rilevanti użata għall-iżvilupp ta’ l-Istrateġiji Marini skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali.

(37) Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta tirċievi l-programmi ta’ miżuri kollha u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2019. Għandhom jiġu ppubblikati rapporti sussegwenti tal-Kummissjoni kull sitt snin minn dakinhar ’il quddiem.

(38) Għandu jsir provvediment għall-adozzjoni ta’ standards metodoloġiċi għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin, tal-monitoraġġ, tal-miri ambjentali u ta’ l-adozzjoni ta’ formati tekniċi għall-finijiet ta’ trasmissjoni u pproċessar ta’ data skond id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) [17].

(39) Huwa meħtieġ li l-miżuri li jirregolaw il-ġestjoni tas-sajd ikunu jistgħu jittieħdu fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [18], ibbażati fuq pariri xjentifiċi, sabiex jiġi appoġġat it-twettiq ta’ l-objettivi indirizzati minn din id-Direttiva, inkluż l-għeluq totali ta’ ċerti żoni għas-sajd sabiex ikun permess li l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi jinżammu jew jiġu rkuprati u, fejn hu xieraq, sabiex jiġu ssalvagwardjati, inter alia, il-postijiet fejn ibid, jitrabba u jiekol il-ħut. L-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat Euratom jirregolaw l-iskarigi u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ materjal radjuattiv u għalhekk din id-Direttiva ma għandhiex tindirizzahom.

(40) Il-Politika Komuni tas-Sajd inkluż fir-riforma futura, għandha tikkunsidra l-impatti ambjentali tas-sajd u l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

(41) Fil-każ li l-Istati Membri jikkunsidraw li tkun meħtieġa azzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq jew f’oqsma oħra marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali, huma għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għal azzjoni Komunitarja.

(42) It-tħassib serju ambjentali, b’mod partikolari dak ikkawżat mill-bidla fil-klima, relatat ma’ l-ilmijiet Artiċi, li huma ambjent marin ġar ta’ importanza partikolari għall-Komunità, jeħtieġ li jiġi evalwat mill-istituzzjonijiet Komunitarji u jista’ jkun li jitlob azzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ambjentali ta’ l-Artiku.

(43) Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marin, il-prevenzjoni tad-deterjorament tiegħu u fejn applikabbli r-restawr ta’ dak l-ambjent f’żoni fejn ġie milqut ħażin, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tad-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(44) Il-programmi ta’ miżuri u l-azzjoni sussegwenti mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet umani u fuq il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

(45) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji, rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [19], b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha li huwa maħsub sabiex jippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi ta’ l-Unjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ titjib fil-kwalità ambjentali konformement mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

(46) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [20].

(47) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadatta l-Annessi III, IV u V ta’ din id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(48) Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa sabiex tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi sabiex jintużaw mill-Istati Membri u sabiex tadotta speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u valutazzjoni. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jissupplimentaw din id-Direttiva biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sa mhux aktar tard mis-sena 2020.

2. Għal dak il-għan, l-Istrateġiji Marini għandhom jiġu żviluppati u implimentati sabiex:

(a) jiġi protett u ppreservat l-ambjent marin, jiġi pprevenut id-deterjorament tiegħu jew, fejn ikun prattikabbli, jiġu rkuprati l-ekosistemi marini f’żoni fejn ġew milquta b’mod ħażin;

(b) jiġu pprevenuti u mnaqqsa l-inputs fl-ambjent marin, bil-għan li jiġi gradwalment eliminat it-tniġġis kif definit fl-Artikolu 3(8), sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatti sinifikanti fuq, jew riskji għal, il-bijodiversità marina, l-ekosistemi marini, is-saħħa umana jew l-użi leġittimi tal-baħar.

3. L-Istrateġiji Marini għandhom japplikaw approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-bniedem, b’mod li jiżguraw li l-pressjoni kollettiva ta’ tali attivitajiet tinżamm f’livelli kompatibbli mal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb u li l-kapaċità ta’ l-ekosistemi marini li jirrispondu għal bidliet ikkawżati mill-bniedem ma tiġix kompromessa, filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi marini minn ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

4. Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-koerenza bejn, u jkollha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni ta’ interessi ambjentali fil-linji politiċi, fi ftehim u f’miżuri leġislattivi differenti li jkollhom impatt fuq l-ambjent marin.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet marini kollha kif definiti fl-Artikolu 3(1), u għandha tqis l-effetti transkonfinali fuq il-kwalità ta’ l-ambjent marin ta’ pajjiżi terzi fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku fini tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, ifittxu li jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b’mod li jkun kompatibbli, safejn hu raġonevoli u prattikabbli, ma’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. "ilmijiet marini" tfisser:

(a) ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tan-naħa tal-baħar tal-linja bażi minn fejn il-medda ta’ l-ilmijiet territorjali hija mkejla li testendi sat-tarf nett taż-żona fejn Stat Membru ikollu u/jew jeżerċita drittijiet ta’ ġurisdizzjoni, skond l-UNCLOS, bl-eċċezzjoni ta’ ilmijiet li jmissu mat-territorji u territorji msemmija fl-Anness II mat-Trattat u mad-Dipartimenti u Kollettivitajiet Esteri Franċiżi; u

(b) ilmijiet kostali kif definiti mid-Direttiva 2000/60/KE, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom, sa fejn aspetti partikolari ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ambjent marin ma jkunux diġà indirizzati permezz ta’ dik id-Direttiva jew leġiżlazzjoni Komunitarja oħra;

2. "Reġjun Marin" tfisser reġjun tal-baħar li huwa identifikat taħt l-Artikolu 4. Ir-Reġjuni Marini u s-Sub-Reġjuni tagħhom huma nominati għall-fini tal-faċilitazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u huma ddeterminati b’kont meħud tal-karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u bijoġeografiċi;

3. "Strateġija Marina" tfisser l-Istrateġija li għandha tiġi żviluppata u implimentata fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kif stabbilit fl-Artikolu 5;

4. "status ambjentali" tfisser l-istat ġenerali ta’ l-ambjent fl-ilmijiet marini, b’kont meħud ta’ l-istruttura, tal-funzjoni u tal-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti flimkien mal-fatturi naturali fisjografiċi, ġeografiċi, bijoloġiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet fiżiċi, akustiċi u kimiċi inklużi dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem ġewwa jew barra ż-żona konċernata;

5. "status ambjentali tajjeb" tfisser l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta’ l-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri, jiġifieri:

(a) l-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti, flimkien mal-fatturi assoċjati fisjografiċi, ġeografiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, jippermettu dawk l-ekosistemi sabiex jiffunzjonaw bis-sħiħ u sabiex iżommu r-reżiljenza tagħhom għall-bidliet ambjentali kkaġunati mill-bniedem. L-ispeċijiet u l-habitats marini ikunu protetti, it-tnaqqis tal-bijodiversità kkaġunat mill-bniedem ikun impedit u komponenti bijoloġiċi differenti jiffunzjonaw f’armonija;

(b) il-proprjetajiet idro-morfoloġiċi, fiżiċi u kimiċi, ta’ l-ekosistemi, inklużi dawk il-proprjetajiet li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata, jappoġġaw l-ekosistemi kif deskritt hawn fuq. L-inputs antropoġeniċi ta’ sustanzi u enerġija, inkluż l-istorbju, fl-ambjent marin ma jikkaġunawx effetti ta’ tniġġis.

L-istatus ambjentali tajjeb għandu jiġi determinat fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kif imsemmi fl-Artikolu 4, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi fl-Anness I. Għandha tiġi applikata ġestjoni li tadatta abbażi ta’ l-approċċ favur l-ekosistema sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb;

6. "kriterji" tfisser karatteristiċi tekniċi distintivi li huma marbutin mill-qrib ma’ deskritturi kwalitattivi;

7. "mira ambjentali" tfisser dikjarazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva dwar il-kondizzjoni mixtieqa tal-komponenti differenti ta’ l-ilmijiet marini fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun, u tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom. Il-miri ambjentali huma stabbiliti skond l-Artikolu 10;

8. "tniġġis" tfisser introduzzjoni diretta jew indiretta fl-ambjent marin, kaġun ta’ attività tal-bniedem, ta’ sustanzi jew ta’ enerġija, inkluż storbju taħt il-baħar ikkawżat mill-bniedem, li jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta f’effetti detrimentali bħal ħsara lir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi marini, inkluż it-telf tal-bijodiversità, perikli għas-saħħa tal-bniedem, tfixkil ta’ attivitajiet marini, inklużi s-sajd, it-turiżmu u r-rekreazzjoni u użu leġittimu ieħor tal-baħar, ħsara fil-kwalità ta’ l-użu ta’ l-ilma baħar u tnaqqis ta’ amenitajiet jew, b’mod ġenerali, ħsara lill-użu sostennibbli ta’ prodotti jew servizzi marini;

9. "koperazzjoni reġjonali" tfisser koperazzjoni u koordinazzjoni ta’ attivitajiet bejn Stati Membri u, kull meta possibbli, pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, bil-fini li jiġu żviluppati u implimentati Strateġiji Marini;

10. "Konvenzjoni dwar Baħar Reġjonali" tfisser kwalunkwe mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew ftehim internazzjonali flimkien mal-korpi governattivi tagħhom stabbiliti bil-fini li jiġi protett l-ambjent marin tar-Reġjuni Marini imsemmijin fl-Artikolu 4, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin tal-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin ta’ l-Atlantiku tal-Grigal u l-Konvenzjoni dwar l-Ambjent Marin u r-Reġjun Kostali tal-Baħar tal-Mediterran.

Artikolu 4

Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini

1. L-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, jieħdu kont tal-fatt li l-ilmijiet marini koperti mis-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom jifformaw parti integrali mir-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a) il-Baħar Baltiku;

(b) l-Oċean Atlantiku tal-Grigal;

(ċ) il-Baħar Mediterran;

(d) il-Baħar l-Iswed.

2. L-Istati Membri jistgħu, sabiex jieħdu kont ta’ l-ispeċifiċitajiet ta’ żona partikolari, jimplimentaw din id-Direttiva b’referenza għas-subdiviżjonijiet fil-livell adatt ta’ l-ilmijiet marini msemmijin fil-paragrafu 1, sakemm tali subdiviżjonijiet ikunu delimitati b’mod kompatibbli mas-Sub-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a) fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal:

(i) il-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, inklużi l-Kattegat u l-Kanal Ingliż;

(ii) l-Ilmijiet Ċeltiċi;

(iii) il-Bajja ta’ Biskajja u l-Kosta ta’ l-Iberja;

(iv) fl-Oċean Atlantiku, ir-reġjun bijo-ġeografiku Makaroneżjan, li jikkonsisti mill-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji;

(b) fil-Baħar Mediterran:

(i) il-Baħar Mediterran tal-Punent;

(ii) il-Baħar Adrijatiku;

(iii) il-Baħar Jonju u l-Baħar Mediterran Ċentrali;

(iv) il-Baħar Eġew u tal-Lvant.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe subdiviżjoni sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 26(1) iżda jistgħu jirriveduhom hekk kif titlesta l-ewwel valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), punt (a)(i).

Artikolu 5

Strateġiji Marini

1. Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu skond il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

2. L-Istati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu koerenti u kkoordinati fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu kkonċernat, konformement mal-pjan ta’ azzjoni li ġej li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex isegwu approċċ komuni:

(a) preparazzjoni:

(i) valutazzjoni inizjali, li għandha titlesta sal- 15 ta’ Lulju 2012, ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ l-ilmijiet konċernati u ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 8;

(ii) determinazzjoni, li għandha tiġi stabbilita sal- 15 ta’ Lulju 2012, ta’ status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 9(1);

(iii) l-istabbiliment, sal- 15 ta’ Lulju 2012, ta’ serje ta’ miri ambjentali u ta’ indikaturi assoċjati, skond l-Artikolu 10(1);

(iv) l-istabbiliment u l-implimentazzjoni, sal- 15 ta’ Lulju 2014, ħlief fejn ikun diversament speċifikat fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, ta’ programm ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa u għall-aġġornamenti regolari tal-miri, skond l-Artikolu 11(1).

(b) programmi ta’ miżuri:

(i) l-iżvilupp, sa mhux aktar tard mill-2015, ta’ programm ta’ miżuri maħsub sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, skond l-Artikoli 13(1), (2) u (3);

(ii) il-bidu ta’ l-operazzjoni tal-programm previst fil-punt (i), sa mhux aktar tard mill-2016, skond l-Artikolu 13(10).

3. L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva huma esortati, fejn l-istatus tal-baħar ikun tant kritiku li jkun jeħtieġ azzjoni urġenti, li jfasslu pjan ta’ azzjoni skond il-paragrafu 1, li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri kif ukoll miżuri protettivi aktar stretti li jkunu possibbli, sakemm dan ma jipprevenix li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ieħor. F’dawn il-każijiet:

(a) l-Istati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-iskeda ta’ żmien riveduta tagħhom u jipproċedu skond il-każ;

(b) il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi msaħħa tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta’ sperimentazzjoni.

Artikolu 6

Koperazzjoni reġjonali

1. Sabiex tinkiseb il-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom, fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, jużaw strutturi reġjonali ta’ koperazzjoni istituzzjonali, inkluż dawk taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, li jkopru dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2. Għall-fini ta’ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġiji Marini, l-Istati Membri għandhom, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jagħmlu kull sforz, bl-użu tal-fora internazzjonali rilevanti, inklużi mekkaniżmi u strutturi ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jibnu fuq programmi u attivitajiet eżistenti rilevanti żviluppati fil-qafas ta’ strutturi stabbiliti taħt ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni għandhom jiġu estiżi, fejn kunsiljabbli, għall-Istati Membri kollha fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, inklużi l-pajjiżi mdawra bl-art, sabiex jippermettu lill-Istati Membri fi ħdan dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin jwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, bl-użu ta’ strutturi ta’ koperazzjoni stabbiliti li huma preskritti f’din id-Direttiva jew fid-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1. L-Istati Membri għandhom, sal- 15 ta’ Lulju 2010, għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-ilmijiet marini tagħhom.

Sal- 15 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti maħtura, flimkien ma’ l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness II.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-korpi internazzjonali li fihom huma jipparteċipaw u li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ukoll jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-koperazzjoni u koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta konformement mal-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta tali bidla tidħol fis-seħħ.

KAPITOLU II

STRATEĠIJI MARINI: PREPARAZZJONI

Artikolu 8

Valutazzjoni

1. Fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom, b’kont meħud ta’ data eżistenti fejn disponibbli u li tkopri li ġej:

(a) analiżi ta’ l-aspetti u tal-karatteristiċi essenzjali u ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III, u li tkopri l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, it-tipi ta’ habitats, il-karatteristiċi bijoloġiċi u l-idromorfoloġija;

(b) analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti predominanti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem, dwar l-istatus ambjentali ta’ dawk l-ilmijiet li:

(i) tkun ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ l-elementi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u li tkopri t-taħlita kwalitattiva u kwantitattiva tal-pressjonijiet varji, kif ukoll ix-xejriet perċettibbli;

(ii) tkopri l-effetti kumulattivi u sinerġetiċi ewlenin; u

(iii) tieħu kont ta’ l-evalwazzjonijiet rilevanti li ġew imfassla skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti;

(ċ) analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu ta’ dawk l-ilmijiet marini u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marin.

2. L-analiżi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ta’ l-elementi li jirrigwardaw ilmijiet kostali, transizzjonali u territorjali koperti mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ legislazzjoni Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/60/KE. Huma għandhom ukoll jieħdu kont ta’, jew jużaw bħala l-bażi tagħhom, valutazzjonijiet rilevanti oħra bħal dawk imwettqa b’mod konġunt fil-kuntest tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali sabiex jipproduċu valutazzjoni komprensiva ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin.

3. Fit-tħejjija ta’ l-evalwazzjonijiet skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, permezz tal-koordinazzjoni stabbilita skond l-Artikoli 5 u 6, jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li:

(a) il-metodoloġiji ta’ l-evalwazzjoni jkunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu;

(b) jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali.

Artikolu 9

Determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

1. B’referenza għall-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiddeterminaw, għall-ilmijiet marini, sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi elenkati fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III u, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, tat-tipi ta’ habitats, tal-karatteristiċi bijoloġiċi, u ta’ l-idromorfoloġija.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ukoll tal-pressjonijiet jew l-impatti ta’ l-attivitajiet umani f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, filwaqt li jqisu l-listi indikattivi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni magħmula skond l-Artikolu 8(1) u bid-determinazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur minn din ta’ l-aħħar.

3. Il-kriterji u l-istandards metodoloġiċi li għandhom jintużaw mill-Istati Membri, li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu stabbiliti, abbażi ta’ l-Annessi I u III, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3) sal- 15 ta’ Lulju 2010 b’tali mod sabiex jiżguraw konsistenza u sabiex jippermettu għal tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini fir-rigward ta’ kemm ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Qabel tipproponi tali kriterji u standards il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Artikolu 10

Stabbiliment ta’ miri ambjentali

1. Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jistabbilixxu sett komprensiv ta’ miri ambjentali u indikaturi assoċjati għall-ilmijiet marini tagħhom sabiex jiggwidaw il-progress lejn il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin, b’kont meħud tal-listi indikattivi ta’ pressjonijiet u impatti stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u ta’ karatteristiċi stabbiliti fl-Anness IV.

Fit-tfassil ta’ dawk il-miri u indikaturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’ l-applikazzjoni kontinwa ta’ miri ambjentali eżistenti rilevanti, stabbiliti fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali fir-rigward ta’ l-istess ilmijiet, waqt li jiżguraw li dawn il-miri jkunu reċiprokament kompatibbli u li l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali jiġu meqjusa wkoll sa fejn hu possibbli.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miri ambjentali fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

Artikolu 11

Programmi ta’ monitoraġġ

1. Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom abbażi tal-lista indikattiva ta’ elementi stabbiliti fl-Anness III u tal-lista stabbilita fl-Anness V, u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10.

Il-programmi ta’ monitoraġġ għandhom ikunu kompatibbli fir-Reġjuni jew Sotto-Reġjuni Marini u għandhom jibnu fuq, u jkunu kompatibbli ma’, dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stipulati bil-leġislazzjoni Komunitarja, inklużi d-Direttivi dwar il-Habitats u l-Għasafar, jew taħt ftehim internazzjonali.

2. Stati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ifasslu programmi ta’ monitoraġġ skond il-paragrafu 1 u għandhom, fl-interess tal-koerenza u tal-koordinazzjoni, jagħmlu li jistgħu sabiex jiżguraw li:

(a) il-metodi tal-monitoraġġ ikunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun kollu b’tali mod li tiġi faċilitata l-komparabbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ;

(b) jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali rilevanti.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta’ monitoraġġ fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

4. Għandhom jiġu adottati speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni li jieħdu kont ta’ l-impenji eżistenti u li jiżguraw komparabbiltà bejn riżultati ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni u li jkunu mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 25(3).

Artikolu 12

Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki magħmulin skond l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(3) fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fil-każ ta’ kull Stat Membru, jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ta’ l-oqfsa fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità kollha.

Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, l-elementi notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifiki li tqis li huma meħtieġa.

KAPITOLU III

STRATEĠIJI MARINI: PROGRAMMI TA’ MIŻURI

Artikolu 13

Programmi ta’ miżuri

1. L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, kif determinat skond l-Artikolu 9(1), fl-ilmijiet marini tagħhom.

Dawk il-miżuri għandhom jitfasslu abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1) u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1), u b’konsiderazzjoni tat-tipi ta’ miżuri elenkati fl-Anness VI.

2. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri mfassla skond il-paragrafu 1 fi programm ta’ miżuri, b’kont meħud tal-miżuri rilevanti meħtieġa skond il-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi [21], id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġar ta’ l-ilma għall-għawm [22] kif ukoll leġiżlazzjoni ulterjuri futuradwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma jew ftehim internazzjonali.

3. Fit-tfassil tal-programm ta’ miżuri skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni dovuta lill-iżvilupp sostenibbli u, b’mod partikolari, lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti. Sabiex jassistu lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 lejn l-objettivi tagħhom b’mod integrat, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw jew jistabbilixxu oqsfa amministrattivi bil-għan li jibbenefikaw minn tali interazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ikunu effikaċi fir-rigward ta’ l-ispiża u li jkunu teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu stimi ta’ impatt, inklużi analiżi dettaljati tal-benefiċċji fir-rigward ta’ l-ispiża, qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

4. Il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond dan l-Artikolu għandhom, fuq bażi esortatorja, jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji, b’mod li jikkontribwixxu għal networks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti, li jkopru b’mod adegwat id-diversità ta’ l-ekosistemi kostitwenti, bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni skond id-Direttiva, ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali skond id-Direttiva, u ta’ żoni marini protetti kif miftiehma mill-Komunità jew mill-Istati Membri konċernati fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom ikunu partijiet.

5. Fejn l-Istati Membri jqisu li l-ġestjoni ta’ attività umana fil-livell Komunitarju jew internazzjonali x’aktarx li jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent marin, partikolarment fiż-żoni indirizzati fil-paragrafu 4, huma għandhom, individwalment jew b’mod konġunt, jindirizzaw lill-awtorità kompetenti jew lill-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata sabiex jiġu kkunsidrati u possibilment adottati miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jinżammu jew, skond il-każ, ristawrati, l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi.

6. Sa mhux aktar tard mill-2013, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, informazzjoni rilevanti dwar iż-żoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

7. L-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi ta’ miżuri tagħhom kif il-miżuri għandhom jiġu implimentati u kif sejrin jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1).

8. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-programmi ta’ miżuri tagħhom fir-rigward ta’ ilmijiet lil hinn mill-ilmijiet marini tagħhom, bil-għan li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħsara f’dawk l-ilmijiet u, jekk ikun possibbli, ikollhom impatt pożittiv fuqhom.

9. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat bil-programmi ta’ miżuri tagħhom, sa tliet xhur minn meta jiġu stabbiliti.

10. Suġġett għall-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi jsiru operattivi sa sena minn meta jiġu stabbiliti.

Artikolu 14

Eċċezzjonijiet

1. Stat Membru jista’ jidentifika każijiet fi ħdan l-ilmijiet marini tiegħu fejn, għal kwalunkwe raġuni elenkata taħt il-punti (a) sa (d), il-miri ambjentali jew l-istatus ambjentali tajjeb ma jistgħux jintlaħqu f’kull aspett permezz ta’ miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, jew, għal raġunijiet imsemmija taħt il-punt (e), dawn ma jistgħux jintlaħqu fl-iskeda ta’ żmien konċernata:

(a) azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li għalihom l-Istat Membru konċernat ma jkunx responsabbli;

(b) kawżi naturali;

(ċ) force majeure;

(d) modifiki jew alterazzjonijiet fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-ilmijiet marini kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali;

(e) kondizzjonijiet naturali li ma jippermettux titjib f’ħin opportun fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini konċernati.

L-Istat Membru konċernat għandu jidentifika każijiet bħal dawn b’mod ċar fil-programm tiegħu ta’ miżuri u għandu jissostanzja l-veduti tiegħu lill-Kummissjoni. Fl-identifikazzjoni ta’ każijiet, Stat Membru għandu jikkunsidra l-konsegwenzi għall-Istati Membri fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

Madankollu, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jfittex jilħaq il-miri ambjentali, sabiex jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini milqutin għal raġunijiet identifikati taħt il-punti (b), (ċ) jew (d) u sabiex itaffi l-impatt ħażin fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

2. Fis-sitwazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modifiki jew l-alterazzjonijiet ma jeskludux jew ma jikkompromettux b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

3. Il-miżuri ad hoc imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu integrati sa fejn ikun prattikabbli fil-programmi ta’ miżuri.

4. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-elementi kollha ta’ l-Istrateġiji Marini msemmija fl-Artikolu 5(2), iżda m’għandhomx ikunu meħtieġa, ħlief fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni inizjali deskritta fl-Artikolu 8, jieħdu passi speċifiċi fejn ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b’kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, u dan sakemm ma jkunx hemm aktar deterjorament.

Fejn, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet, Stat Membru ma jieħu ebda pass, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-ġustifikazzjoni meħtieġa sabiex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu, filwaqt li jevita li jiġi permanentement kompromess il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni Komunitarja

1. Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tiegħu u li ma tistax tiġi trattata b’miżuri adottati fil-livell nazzjonali, jew li tkun marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali ieħor, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni skond il-każ u jipprovdi ġustifikazzjoni sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb fi żmien sitt xhur.

2. Fejn tkun meħtieġa azzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għal miżuri fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rakkomandazzjoni bħal din fi żmien sitt xhur u, skond il-każ, tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 16

Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki ta’ programmi ta’ miżuri skond l-Artikolu 13(9), il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fil-każ ta’ kull Stat Membru, il-programmi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza tal-programmi ta’ miżuri fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità.

Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, il-programmi ta’ miżuri notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva, u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifika li tqis meħtieġa.

KAPITOLU IV

AĠĠORNAMENT, RAPPORTI U INFORMAZZJONI PUBBLIKA

Artikolu 17

Aġġornament

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, l-Istrateġiji Marini jinżammu aġġornati.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu, b’mod koordinat kif imsemmi fl-Artikolu 5, l-elementi li ġejjin, ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3. Id-dettalji ta’ kwalunkwe aġġornament li jsir konsegwentement għar-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 19(2).

4. L-Artikoli 12 u 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Rapporti interim

L-Istati Membri għandhom, sa tliet snin mill-pubblikazzjoni ta’ kull programm ta’ miżuri jew aġġornament tiegħu skond l-Artikolu 19(2), jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport interim qasir li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.

Artikolu 19

Konsultazzjoni pubblika u informazzjoni

1. Skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jiġu mogħtija opportunitajiet bikrija u effettivi sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jiġu involuti, fejn ikun possibbli, korpi jew strutturi eżistenti ta’ mmaniġġar, inklużi Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, Korpi Konsultattivi Xjentifiċi u Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, għall-finijiet ta’ kummenti, sommarji ta’ l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati, kif ġej:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3. Għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni ambjentali, għandha tapplika d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali [23].

Konformement mad-Direttiva 2007/2/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari r-reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità skond l-Artikolu 20 (3)(b), b’aċċess u drittijiet ta’ l-użu fir-rigward ta’ data u informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11.

Mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta jsiru disponibbli d-data u l-informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11, tali informazzjoni u data għandhom isiru disponibbli wkoll għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 20

Rapporti tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi kollha ta’ miżuri u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2019.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika aktar rapporti kull sitt snin minn dakinhar ‘il quddiem. Hija għandha tippreżenta r-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2. Sa mhux aktar tard mill- 15 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jevalwa l-kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi, impenji u inizjattivi eżistenti ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità fil-livell Komunitarju jew fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali ta’ l-ilmijiet marini.

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3. Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b) reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità, magħmul f’koordinazzzjoni ma’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-organizzazzjonijiet u konvenzjonijiet reġjonali marini u tas-sajd rilevanti;

(ċ) stħarriġ ta’ l-Istrateġiji Marini, flimkien ma’ suġġerimenti għat-titjib tagħhom;

(d) sommarju ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond l-Artikoli 12 u 16 u tal-valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 16, fir-rigward ta’ l-informazzjoni riċevuta minn Stati Membri skond l-Artikolu 15;

(e) sommarju tar-rispons għal kull wieħed mir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond l-Artikolu 18;

(f) sommarju tar-risposti għall-kummenti magħmulin mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Strateġiji Marini preċedenti;

(ġ) sommarju tal-kontribut minn linji politiċi Komunitarji rilevanti oħra għall-kisba ta’ l-objetttivi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 21

Rapport ta’ progress dwar iż-żoni protetti

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sa l-2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta sa l-2014 dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni marini protetti, filwaqt li tikkunsidra l-obbligi eżistenti taħt il-liġi Komunitarja applikabbli u l-impenji internazzjonali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 22

Finanzjament Komunitarju

1. Minħabba l-prijorità marbuta b’mod inerenti mal-ħolqien ta’ strateġiji marini, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun appoġġata minn strumenti finanzjarji eżistenti tal-Komunità konformement mar-regoli u l-kondizzjonijiet applikabbli.

2. Il-programmi mfassla mill-Istati Membri għandhom jiġu kofinanzjati mill-UE konformement ma’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Artikolu 23

Reviżjoni ta’ din id-Direttiva

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva sal- 15 ta’ Lulju 2023, u għandha, fejn ikun kunsiljabbli, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Adattamenti tekniċi

1. L-Annessi III, IV u V jistgħu jiġu emendati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), b’kont meħud tal-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini stabbiliti fl-Artikolu 17(2).

2. Skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 25(2),

(a) jistgħu jiġu adottati standards metodoloġiċi għall-applikazzjoni ta’ l-Annessi I, III, IV u V;

(b) jistgħu jiġu adottati formati tekniċi għall-finijiet tat-trasmissjoni u ta’ l-ipproċessar ta’ data, inkluża data statistika u kartografika.

Artikolu 25

Kumitat Regolatorju

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 26

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal- 15 ta’ Lulju 2010. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri li m’għandhomx ilmijiet marini għandhom idaħħlu fis-seħħ biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7.

Fejn tali miżuri jkunu diġà qegħdin fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 17 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pöttering

Għall-Kunsill

Il-President

J. Lenarčič

[1] ĠU C 185, 18.8.2006, p. 20.

[2] ĠU C 206, 29.8.2006, p. 5.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l- 14 ta’ Novembru 2006 (ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 86), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 242 E, 16.10.2007, p. 11) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta’ Diċembru 2007 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008.

[4] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

[5] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

[6] ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE.

[7] ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

[8] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).

[9] ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

[10] ĠU L 73, 16.3.1994, p. 19.

[11] ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1.

[12] ĠU L 118, 19.5.2000, p. 44.

[13] ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

[14] ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32.

[15] ĠU L 67, 12.3.1983, p. 1.

[16] ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18.

[17] ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

[18] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

[19] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[20] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[21] ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[22] ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37.

[23] ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Deskritturi kwalitattivi għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

(imsemmija fl-Artikoli 3(5), 9(1), 9(3) u 24)

(1) Id-diversità bijoloġika hija miżmuma. Il-kwalità u l-preżenza tal-habitats u d-distribuzzjoni u l-abbundanza ta’ l-ispeċi huma konformi mal-kondizzjonijiet fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi prevalenti.

(2) Speċji mhux indiġeni introdotti minn attivitajiet umani huma f’livelli li ma jbiddlux negattivament l-ekosistemi.

(3) Il-popolazzjonijiet tal-ħut u krostaċej kollha sfruttati kummerċjalment jinsabu f’limiti bijoloġiċi siguri, filwaqt li jippreżentaw distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi ta’ l-età u tad-daqs li tindika stokk b’saħħtu.

(4) L-elementi kollha tas-sistemi marini ta’ l-ikel, sa fejn huma magħrufa, jeżistu f’abbundanza u f’diversità normali u f’livelli li huma kapaċi jiżguraw l-abbundanza ta’ l-ispeċi fuq perjodu twil ta’ żmien u ż-żamma tal-kapaċità riproduttiva sħiħa tagħhom.

(5) L-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem hi minimizzata, speċjalment l-effetti ħżiena tagħha, bħat-telf fil-bijodiversità, id-degradazzjoni ta’ l-ekosistema, il-proliferazzjoni ta’ algi dannużi, u n-nuqqas ta’ ossiġnu fl-ilmijiet tal-qiegħ.

(6) L-integrità ta’ qiegħ il-baħar tkun f’livell li jiżgura li l-istruttura u il-funzjonijiet ta’ l-ekosistemi huma salvagwardati u l-ekosistemi tal-flora u l-fawna ta’ qiegħ il-baħar, b’mod partikolari, ma jiġux milquta ħażin.

(7) L-alterazzjoni permanenti tal-kondizzjonijiet idrografiċi ma tolqotx ħażin l-ekosistemi marittimi.

(8) Il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti huma f’livelli li ma jwasslux għal effetti ta’ tniġġis.

(9) Il-kontaminanti f’ħut u f’ikel tal-baħar ieħor għall-konsum tal-bniedem ma jeċċedux livelli stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja jew standards rilevanti oħra.

(10) Il-proprjetajiet u l-kwantitajiet ta’ rifjuti marini ma jikkawżawx dannu għall-ambjent kostali u marin.

(11) L-introduzzjoni ta’ l-enerġija, inkluż storbju ta’ taħt il-baħar, hija f’livelli li ma jolqtux ħażin l-ambjent marin.

Sabiex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu kif previst fl-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull wieħed mid-deskritturi kwalitattivi elenkati f’dan l-Anness sabiex jidentifikaw dawk id-deskritturi li għandhom jintużaw fid-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb għal dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu. Meta Stat Membru jikkunsidra li ma jkunx il-każ li jintuża xi wieħed jew diversi minn dawk id-deskritturi, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni fil-qafas tan-notifika li ssir skond l-Artikolu 9(2).

--------------------------------------------------

ANNESS II

Awtoritajiet kompetenti

(imsemmija fl-Artikolu 7(1))

(1) L-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti – l-isem u l-indirizz uffiċjali ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti identifikati.

(2) L-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti – deskrizzjoni qasira ta’ l-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

(3) Responsabbiltajiet – deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet legali u amministrattivi ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tagħhom relattivament għall-ilmijiet marini konċernati.

(4) Sħubija – meta l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti jaġixxu bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta’ dawn flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

(5) Koordinazzjoni reġjonali jew sub-reġjonali – huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li l-ilmijiet marini tagħhom jaqgħu fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Listi indikattivi ta’ karatteristiċi, pressjonijiet u impatti

(imsemmija fl-Artikoli 8(1), 9(1), 9(3), 10(1), 11(1) u 24)

Tabella 1

Karatteristiċi

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi | Topografija u batimetrija ta’ qiegħ il-baħar;Reġim tat-temperatura u koperta tas-silġ annwali u staġjonali, veloċità attwali, upwelling, kxif għall-mewġ, it-taħlit ta’ karatteristiċi, turbidità, ħin ta’ residenza;Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta’ salinità;Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta’ nutrijenti (DIN, TN, DIP, TP, TOC) u ossiġnu;Profili pH, pCO2 jew informazzjoni ekwivalenti użati għall-kejl ta’ l-aċidifikazzjoni marina. |

Tipi ta’ habitats | It-tip(i) predominanti ta’ habitats ta’ qiegħ il-baħar u water column b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tipiċi, bħal fond, reġim tat-temperatura ta’ l-ilma, kurrenti u movimenti oħra ta’ l-ilma, salinità, kompożizzjoni ta’ l-istruttura u s-sottostrat tal-qiegħ;Identifikazzjoni u ppjantar ta’ tipi ta’ habitats speċjali speċjalment dawk rikonoxxuti jew identifikati taħt il-leġislazzjoni Komunitarja (id-Direttiva dwar il-Habitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar) jew konvenzjonijiet internazzjonali bħala ta’ interess speċjali xjentifiku jew ta’ bijodiversità;Habitats f’żoni li minħabba l-karatteristiċi, il-post jew l-importanza strateġika tagħhom jistħoqqilhom referenza partikolari. Din tista’ tinkludi żoni suġġetti għal pressjonijiet intensi jew speċifiċi jew żoni li jistħoqqilhom reġim ta’ protezzjoni speċifika. |

Karatteristiċi bijoloġiċi | Deskrizzjoni tal-komunitajiet bijoloġiċi assoċjati mal-habitats predominanti ta’ qiegħ il-baħar u water column. Din tkun tinkludi informazzjoni dwar il-komunitajiet ta’ fitoplankton u żooplankton inkluż l-ispeċi u l-varjabbiltà staġjonali u ġeografika;Informazzjoni dwar l-anġjospermi, il-makro-algae u l-fawna invertebrata tal-qiegħ, inkluż il-kompożizzjoni ta’ l-ispeċi, il-bijomassa u l-varjabbiltà annwali/staġjonali;Informazzjoni dwar l-istruttura tal-popolazzjonijiet ta’ ħut inklużi l-abbundanza, id-distribuzzjoni u l-istruttura ta’ età/daqs tal-popolazzjonijiet;Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-status naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha tal-mammiferi u r-rettili marini li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar tal-baħar li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha l-oħrajn li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin li jkunu s-suġġett tal-leġislazzjoni Komunitarja jew ta’ ftehim internazzjonali;Inventarju tal-preżenza temporanja, ta’ l-abbundanza u tad-distribuzzjoni ġeografika ta’ speċi eżotiċi mhux indiġeni jew, fejn rilevanti, forom ta’ speċi nattivi distinti ġenetikament, li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin. |

Karatteristiċi oħrajn | Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kimiki, inklużi kimiki li joħolqu tħassib, kontaminazzjoni tas-sediment, żoni sħan, kwistjonijiet ta’ saħħa u kontaminazzjoni tal-biota (speċjalment il-biota maħsuba għall-konsum tal-bniedem);Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe aspetti oħra jew ta’ karatteristiċi tipiċi ta’ jew speċifiċi għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin. |

Tabella 2

Pressjonijiet u Impatti

Telf fiżiku | Soppressjoni (eż. bi strutturi magħmula mill-bniedem, rimi tat-tħammil);Issiġillar (eż. b’kostruzzjonijiet permanenti) |

Ħsara fiżika | Tibdil fl-insabbjament (eż. bi skarkir ta’ ilma, b’run-off miżjuda, bit-tħammil/bir-rimi tat-tħammil);Grif (eż. impatt fuq qiegħ il-baħar minn sajd kummerċjali, tbaħħir, ankrar, sajd kummerċjali);Estratt selettiv (eż. esplorazzjoni u sfruttament ta’ riżorsi ħajjin u mhux ħajjin f’qiegħ il-baħar u fis-subsoil). |

Disturbi fiżiċi oħrajn | Storbju sottomarin (eż. minn bastimenti, tagħmir akustiku ta’ taħt l-ilma);Ħmieġ marin |

Interferenza ma’ proċessi idroloġiċi | Tibdil sinifikanti fir-reġim termali (eż. skarikar ta’ ilma minn power stations);Tibdil sinifikanti fir-reġim tas-salinità (eż. b’kostruzzjonijiet li jimpedixxu l-flussi ta’ l-ilma, bl-astrazzjoni ta’ l-ilma). |

Kontaminazzjoni b’sustanzi perikolużi | Introduzzjoni ta’ komposti sintetiċi (eż. sustanzi prijoritarji taħt id-Direttiva 2000/60/KE li huma rilevanti għall-ambjent marin, bħal pestiċidi, antifoulants, farmaċewtiċi, li jirriżultaw per eżempju minn ħruġ minn sorsi diffużi, inkwinament minn vapuri, depożiti atmosferiċi) u sustanzi bijoloġikament attivi;Introduzzjoni ta’ sustanzi u komposti mhux sintetiċi (eż. metalli tqal, idrokarboni li jirriżultaw per eżempju minn tniġġis minn bastimenti u esplorazzjoni u sfruttament ta’ żejt, gass u minerali, depożitu atmosferiku, inputs mix-xmajjar);Introduzzjoni ta’ radio nuclides. |

Rilaxx sistematiku u intenzjonat ta’ sustanzi | Introduzzjoni ta’ sustanzi oħra, kemm jekk solidi, likwidi jew gass, fl-ilmijiet marini, li jirriżultaw mir-rilaxx sistematiku u/jew intenzjonat tagħhom fl-ambjent marin, kif permess konformement ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra u/jew konvenzjonijiet internazzjonali. |

Arrikkiment nutrijenti u organiku ta’ materji | Inputs ta’ fertilizzanti u sustanzi oħra li fihom ħafna nitroġenu jew fosfru (eż. minn siti ta’ emissjoni, ħruġ minn siti diffużi inklużi l-agrikoltura, l-akwakultura, depożitu atmosferiku);Inputs ta’ materja organika (eż. drenaġġ, marikultura, inputs mix-xmara). |

Disturbi bijoloġiċi | Introduzzjoni ta’ patoġeni mikrobiċi;Introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni u traslokazzjonijiet;Estratt selettiv ta’ speċi, inkluż qbid mhux immirat inċidentali (eż. b’sajd kummerċjali u rikreattiv). |

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Listi indikattivi ta’ karatteristiċi li tagħhom irid jittieħed kont għad-determinazzjoni ta’ miri ambjentali

(imsemmija fl-Artikoli 10(1) u 24)

(1) Kopertura adegwata ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

(2) Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti (a) miri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet mixtieqa bbażati fuq id-definizzjoni ta’ status ambjentali tajjeb; (b) miri miżurabbli u indikaturi assoċjati li jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni; u (ċ) miri operattivi relatati ma’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni sabiex jappoġġaw il-kisba tagħhom.

(3) Speċifikazzjoni ta’ l-istatus ambjentali li għandu jintlaħaq jew jinżamm u formulazzjoni ta’ dak l-istatus f’termini ta’ kwalitajiet miżurabbli ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini ta’ Stat Membru f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

(4) Konsistenza tas-sett ta’ miri; assenza ta’ konflitti bejniethom.

(5) Speċifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri.

(6) Formulazzjoni tal-miri, li jinkludu miri interim possibbli, b’perijodu definit ta’ żmien sabiex jintlaħqu.

(7) Speċifikazzjoni ta’ indikaturi maħsuba sabiex jissorveljaw il-progress u sabiex jiggwidaw deċiżjonijiet maniġerjali sabiex jintlaħqu l-miri.

(8) Fejn ikun kunsiljabbli, speċifikazzjoni ta’ punti ta’ riferiment (punti ta’ riferiment għall-miri u l-limiti).

(9) Konsiderazzjoni dovuta ta’ interessi soċjali u ekonomiċi fl-istabbiliment tal-miri.

(10) Eżami tas-sett ta’ miri ambjentali, indikaturi assoċjati u punti ta’ riferiment tal-limiti u l-miri żviluppati fid-dawl ta’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1, sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ilmijiet marini li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun Marin għal status li jikkorrispondi magħhom.

(11) Kompatibbiltà tal-miri ma’ l-objettivi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha kkommettew ruħhom għalihom taħt ftehim internazzjonali u reġjonali rilevanti, bl-użu ta’ dawk li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat bl-għan li jinkisbu l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 1.

(12) Meta jiġi stabbilit is-sett ta’ miri u indikaturi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien relattivament ma’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1 sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ambjent marin għal status li jikkorrispondi magħhom.

--------------------------------------------------

ANNESS V

Programmi ta’ monitoraġġ

(imsemmija fl-Artikoli 11(1) u 24)

(1) Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ambjentali u għal stima tad-distanza minn, u l-progress lejn, status ambjentali tajjeb konformement ma’ l-Anness III u mal-kriterji u standards metodoloġiċi li għandhom jiġu definiti skond l-Artikolu 9(3).

(2) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ indikaturi adattati għall-miri ambjentali previsti fl-Artikolu 10.

(3) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-istima ta’ l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu 13.

(4) Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex tiġi identifikata l-kawża tal-bidla u għalhekk il-miżuri korrettivi possibbli li jkun jeħtieġ jittieħdu sabiex jerġa jinkiseb l-istatus ambjentali tajjeb, meta d-devjazzjonijiet mill-firxa ta’ l-istatus mixtieq ikunu identifikati.

(5) Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar inkwinanti kimiċi fi speċi għall-konsum tal-bniedem minn żoni ta’ sajd kummerċjali.

(6) Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex jikkonfermaw li l-miżuri korrettivi jwasslu t-tibdil mixtieq u l-ebda effetti sekondarji mhux mixtieqa.

(7) Il-ħtieġa li tinġabar flimkien l-informazzjoni b’referenza għal Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini skond l-Artikolu 4.

(8) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ approċċi u metodi ta’ valutazzjoni fi u bejn reġjuni marini u/jew sub-reġjuni.

(9) Il-ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi u metodi standardizzati għall-monitoraġġ fil-livell Komunitarju li jippermettu l-komparabbiltà ta’ l-informazzjoni.

(10) Il-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista’ jkun possibbli l-kompatibbiltà ma’ programmi eżistenti żviluppati fil-livelli reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li titrawwem konsistenza bejn dawn il-programmi u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, bl-użu ta’ dawk il-linji gwida ta’ monitoraġġ li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew is-Sub-Reġjun Marin konċernat.

(11) Il-ħtieġa li tiġi nkluża bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-valutazzjoni ta’ bidliet kbar fil-kondizzjonijiet ambjentali kif ukoll, fejn meħtieġ, ta’ kwistjonijiet ġodda u emerġenti.

(12) Il-ħtieġa li jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-elementi rilevanti elenkati fl-Anness II inkluża l-varjabbiltà naturali tagħhom u sabiex jiġi evalwat il-progress lejn il-kisba tal-miri ambjentali stipulati skond l-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva, bl-użu, kif jixraq, ta’ l-indikaturi stabbiliti u l-punti ta’ referenza tal-limiti jew miri tagħhom.

--------------------------------------------------

ANNESS VI

Programmi ta’ miżuri

(imsemmija fl-Artikoli 13(1) u 24)

(1) Kontrolli ta’ l-input: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw l-ammont ta’ attività tal-bniedem li tkun permessa.

(2) Kontrolli ta’ l-output: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw il-grad ta’ perturbazzjoni ta’ komponent ta’ l-ekosistema li jkun permess.

(3) Kontrolli tad-distribuzzjoni ġeografika u temporali: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw fejn u meta jkun permess li sseħħ xi attività.

(4) Miżuri ta’ koordinazzjoni tal-ġestjoni: strumenti sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tkun koordinata.

(5) Miżuri sabiex titjieb it-traċċabbiltà, fejn dan ikun fattibbli, tat-tniġġis marin.

(6) Inċentivi ekonomiċi: miżuri ta’ ġestjoni li jagħmluha fl-interess ekonomiku ta’ dawk li jużaw l-ekosistemi marini li jaġixxu b’modi li jgħinu fil-kisba ta’ l-objettivi ta’ status ambjentali tajjeb.

(7) Strumenti ta’ mitigazzjoni u rimedju: strumenti ta’ ġestjoni li jiggwidaw l-attivitajiet tal-bniedem sabiex jirrestawraw komponenti danneġġati ta’ l-ekosistemi marini.

(8) Komunikazzjoni, l-involviment tal-partijiet interessati u t-tqajjim ta’ kuxjenza pubblika.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet