Direttiva tal-Kummissjoni 2008/47/KE tat- 8 ta' April 2008 li temenda għall-finijiet ta' l-adattament għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mad-dispensuri ta' l-ajrusols Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 96, 9.4.2008, p. 15–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Direttiva tal-Kummissjoni 2008/47/KE
tat- 8 ta' April 2008
li temenda għall-finijiet ta' l-adattament għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mad-dispensuri ta' l-ajrusols
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE ta' l- 20 ta' Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar id-dispensuri ta' l-ajrusols [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5 u 10(3) tagħha,
Billi:
(1) Il-progress tekniku u l-innovazzjoni għamlu possibbli t-tqegħid fis-suq ta' numru li qed jiżdied ta' dispensuri ta' l-ajrusols b'disinn tekniku kumpless u karatteristiċi differenti minn dawk tradizzjonali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/324/KEE m'humiex biżżejjed biex jiggarantixxu livell għoli ta' sigurtà għal dispensuri ta' l-ajrusols simili li m'humiex tradizzjonali. Id-disinn individwali ta' ajrusols mhux tradizzjonali jista' joħloq perikli fis-sigurtà li m'humiex indirizzati bid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà tad-Direttiva, li huma adattati għad-disinn magħruf ta' l-ajrusols tradizzjonali. Għalhekk, analiżi tal-periklu huwa meħtieġ li jitwettaq mill-manifattur sabiex ikopri l-aspetti kollha tas-sigurtà b'mod adegwat.
(2) Fejn adatt l-analiżi tal-periklu trid tindirizza r-riskju li jirriżulta milli wieħed jibla' bin-nifs l-isprej li joħroġ mid-dispensur ta' l-ajrusol taħt kundizzjonijiet ta' l-użu li jistgħu jiġu previsti, filwaqt li jittieħed kont tad-daqs tal-qtar u d-distribuzzjoni tad-daqs b'mod konġunt mal-kwalitajiet fiżiċi u kimiċi tal-kontenut, minħabba li jekk jinbelgħu bin-nifs, il-qtar ta' l-ajrusol jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa għall-utent taħt kundizzjonijiet ta' l-użu simili, anke jekk id-dispensur ta' l-ajrusol huwa kklassifikat kif suppost u ttikkettjat skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni, pakkeġġjar u tikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi [2].
(3) Il-klawsola ta' sigurtà li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Diretttiva 75/324/KEE ġiet applikata minn Stat Membru wieħed. Il-miżura ta' salvagwardjar adottata hi ġġustifikata fid-dawl tar-riskju ta' fjammabbiltà mqajjem, taħt kundizzjonijiet normali jew raġonevoli ta' l-użu li jistgħu jiġu previsti, mis-sustanza li hemm fid-dispensur ta' l-ajrusol.
(4) Id-definizzjoni kurrenti ta' kontenuti fjammabbli mhix biżżejjed biex tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà fil-każijiet kollha. B'mod partikulari, minħabba li xi kontenuti mxerrda mid-dispensuri ta' l-ajrusols mhux definiti bħala fjammabbli skond il-kriterji elenkati fl-Anness VI għad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas- 27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi [3], dawn jistgħu jwasslu li jaqbdu f'kundizzjonijiet normali jew raġonevoli ta' l-użu li jistgħu jiġu previsti meta jintuża d-dispensur ta' l-ajrusols. Aktar minn hekk, il-kriterji kurrenti għall-fjammabbiltà jindirizzaw biss sostanzi kimiċi u preparazzjonijiet li ma jiħdux kont sewwa tal-kundizzjonijiet fiżiċi speċjali ta' l-isprej ta' l-ajrusols jew kundizzjonijiet speċjali ta' l-użu.
(5) Sabiex jinkiseb l-aħjar livell ta' sigurtà u meta wieħed jikkunsidra l-ispeċifitajiet tad-dispensuri ta' l-ajrusols, il-kriterji l-ġodda għall-klassifikazzjoni tal-fjammabbiltà tad-dispensuri ta' l-ajrusols għandha tindirizza wkoll il-perikli relatati mat-tferrix tal-kontenuti tad-dispensuri ta' l-ajrusols u l-kundizzjonijiet speċjali għall-użu tad-dispensuri ta' l-ajrusols minflok biss il-kwalitajiet fiżiċi u kimiċi tal-kontenuti nfushom.
(6) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/324/KEE li hi fis-seħħ bħalissa tobbliga li kull dispensur ta' l-ajrusols mimli jiġi mniżżel f'banju ilma jaħraq sabiex jiġi evalwat jekk hemmx xi ħruġ jew jinfaqax. Madankollu, dispensuri ta' l-ajrusols sensittivi għas-sħana ma jifilħux għal dan it-test. Il-progress tekniku għamel possibbli metodi ta' ttestjar alternattivi għall-valutazzjoni finali tad-dispensuri ta' l-ajrusols għar-reżistenza li jinfaqgħu u għall-ħruġ, li jiggarantixxu l-istess livell ta' sigurtà.
(7) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/324/KEE li hi fis-seħħ bħalissa jipprevedu għall-possibbiltà ta' l-użu ta' sistema ta' ttestjar li tippermetti riżultat ekwivalenti għal dak tal-metodu tal-banju ta' l-ilma, soġġett għal ftehim tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 6. Madankollu, din il-proċedura tidher li hi ferm diffiċli li tiġi implimentata fil-prattika, u għalhekk qatt ma ntużat. Għalhekk, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-progress tekniku mingħajr ma jikkompromettu l-livell kurrenti ta' sigurtà billi jiggarantixxu l-livell adatt ta' perizja teknika, huwa meħtieġ li jiġu approvati metodi alternattivi ta' ttestjar, minflok mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, minn awtoritajiet kompetenti relevanti maħtura mill-Istati Membri taħt id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal- 21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq [4].
(8) Kien hemm tħassib dwar is-sigurtà wara li nfaqgħu u ħarġu l-ajrusols minn dispensuri ta' l-ajrusols tal-metall li ssaħħnu għal temperaturi għoljin, bħal fil-każ ta' ġewwa karozza esposta għar-radjazzjoni tax-xemx. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi limitat il-livell massimu tal-mili għall-istess valur għat-tipi kollha ta' dispensuri ta' l-ajrusols.
(9) Il-parti l-kbira ta' propellanti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li ma jaqbdux huma gassijiet kumpressati. Madankollu, minħabba t-telf ta' pressa f'dispensuri ta' l-ajrusols li jużaw gassijiet kumpressati bħala propellanti meta jaslu lejn l-aħħar tipikament ikunu anqas effiċjenti sabiex joħorġu l-kontenut. Konsegwentement, l-użu ta' gassijiet kumpressati bħala propellanti għandu jiġi nkuraġġit billi tiżdied il-pressa massima interna tad-dispensuri ta' l-ajrusols, sal-punt li ma jkunx hemm periklu għall-konsumaturi.
(10) Id-Direttiva 75/324/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.
(11) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Addattament għall-Progress Tekniku tad-Direttiva dwar id-dispensuri ta' l-ajrusols,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 75/324/KEE qed tiġi emendata kif imniżżel fl-Anness li jinsab ma' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sad- 29 ta' Ottubru 2009 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid- 29 ta' April 2010.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 8 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Günter Verheugen
Viċi President
[1] ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).
[2] ĠU L 200, 30.7.1999, p.1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1; kif ikkoreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3).
[3] ĠU 196, 16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 850; kif ikkoreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 281).
[4] ĠU L 319, 12.12.1994, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/89/KE (ĠU L 305, 4.11.2006, p. 4).
--------------------------------------------------
ANNESS
Id-Direttiva 75/324/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu 1a li ġej:
"1a. Fejn dispensur ta' l-ajrusols fih komponenti fjammabbli kif definit fil-punt 1.8 ta' l-Anness imma d-dispensur ta' l-ajrusols m'huwiex ikkunsidrat bħala "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli" skond il-kriterji stabbiliti fil-punt 1.9 ta' l-Anness, il-kwantità ta' materjal fjammabbli li hemm fid-dispensur ta' l-ajrusols trid tiġi dikjarata b'mod ċar fuq it-tikketta, fil-forma li ġejja li tkun tinqara u mingħajr ma tista' titħassar: "X% bil-piż tal-kontenut huwa fjammabbli".";
(2) L-Artikolu 9a huwa revokat.
(3) L-Anness huwa emendat kif ġej:
(a) Il-Punt 1.8 huwa mibdul b'dan li ġej:
"1.8. Kontenut li jaqbad
Il-kontenut ta' l-ajrusols għandu jkun ikkunsidrat bħala fjammabbli jekk ikun fih xi wieħed mill-kontenuti li huma klassifikati bħala fjammabbli:
(a) likwidu fjammabbli tfisser likwidu li fih punt fejn jieħu n-nar ta' mhux aktar minn 93 °C.
(b) solidu fjammabbli tfisser sostanza jew taħlita solida li hija kombustibbli bil-lest, jew tista' tikkawża jew tikkontribwixxi għal nar bħala riżultat tal-frizzjoni. Solidi kombustibbli bil-lest huma trab, granulari, jew sostanzi jew taħlitiet mgħaġġna li huma perikolużi jekk jistgħu jinxtegħlu faċilment b'kuntatt qasir ma' sors ta' nar, bħal suffarina, u jekk il-fjamma tinfirex malajr.
(ċ) gass fjammabbli tfisser gass jew taħlita tal-gass li għandha firxa fjammabbli ma' l-arja għal 20 °C u pressjoni standard ta' 1,013 bar.
Din id-definizzjoni ma tkoprix sostanzi jew taħlitiet piroforiċi, li jisħnu waħedhom jew li jirreaġixxu ma' l-ilma, li qatt ma jkunu komponenti ta' kontenuti ta' ajrusols.";
(b) Il-punt 1.9 li ġej huwa mdaħħal:
"1.9. Ajrusols fjammabbli
Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, ajrusol huwa kkunsidrat bħala "mhux fjammabbli", "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli" skond is-sħana kimika tal-kombustjoni u l-kontenut tal-piż tal-komponenti fjammabbli, kif ġej:
(a) L-ajrusol huwa klassifikat bħala "estremament fjammabbli" jekk ikun fih 85 % jew aktar tal-komponenti fjammabbli u s-sħana kimika tal-kombustjoni taqbeż jew hija ugwali għal 30 kJ/g;
(b) L-ajrusol huwa klassifikat bħala 'mhux fjammabbli' jekk ikun fih 1 % jew anqas tal-komponenti fjammabbli u s-sħana kimika tal-kombustjoni hija anqas minn 20 kJ/g.
(ċ) L-ajrusols l-oħra kollha jkunu sottomessi għall-proċeduri tal-klassifikazzjoni tal-fjammabbiltà jew jiġu klassifikati bħala "estremament fjammabbli". It-test tad-distanza biex jaqbdu, it-test fi spazju magħluq u t-test tal-fjammabbiltà tal-fowm għandhom jikkonformaw mal-punt 6.3.
1.9.1. Ajrusols ta' sprej fjammabbli
Fil-każ ta' ajrusols sprej il-klassifikazzjoni għandha ssir filwaqt li jittieħed kont tas-sħana kimika tal-kombustjoni u fuq il-bażi tar-riżultati tad-distanza biex jaqbdu, kif ġej:
(a) Jekk is-sħana kimika tal-kombustjoni hija anqas minn 20 kJ/g:
(i) L-ajrusol huwa klassifikat bħala "fjammabbli" jekk jaqbad f'distanza li hija ugwali jew akbar minn 15ċm imma anqas minn 75ċm;
(ii) L-ajrusol huwa klassifikat bħala "estremament fjammabbli" jekk jaqbad f'distanza ta' 75 ċm jew aktar;
(iii) Jekk ma jaqbadx fit-test tad-distanza, għandu jsir it-test ta’ l-ispazju magħluq u f’dan il-każ l-ajrusol jiġi klassifikat bħala fjammabbli jekk il-ħin ekwivalenti huwa anqas minn jew ugwali għal 300 s/m3 jew jekk id-deflagrazzjoni tad-densità hija anqas jew ugwali għal 300 g/m3; inkella l-ajrusol jiġu klassifikat bħala "mhux fjammabbli";
(b) Jekk is-sħana kimika tal-kombustjoni hija ugwali għal jekk aktar minn 20 kJ/g, l-ajrusol jiġi klassifikat bħala "estremament fjammabbli" jekk jaqbad f’distanza ta’ 75 ċm jew aktar; inkella l-ajrusol jiġi klassifikat bħala "fjammabbli".
1.9.2. Ajrusols ta’ fowm fjammabbli
Fil-każ ta’ ajrusols tal-fowm, il-klassifikazzjoni għandha ssir fuq il-bażi tar-riżultati tat-test tal-fjammabbiltà tal-fowm.
(a) Il-prodott ta’ l-ajrusol għandu jiġi klassifikat bħala "estremament fjammabbli" jekk:
(i) l-għoli tal-fjamma huwa 20ċm jew aktar u l-fjamma ddum 2s jew aktar;
jew
(ii) l-għoli tal-fjamma huwa 4 ċm jew aktar u l-fjamma ddum 7s jew aktar.
(b) Il-prodott ta’ l-ajrusol li ma jilħaqx il-kriterji f’(a) huwa klassifikat bħala "fjammabbli" jekk l-għoli tal-fjamma huwa 4ċm jew aktar u l-fjamma ddum 2 s jew aktar."
(ċ) Il-punt 1.10. li ġej jiddaħħal:
"1.10. Sħana Kimika tal-Kombustjoni
Is-sħana kimika tal-kombustjoni ΔHc għandha tiġi determinata permezz ta’
(a) regoli aċċettati tat-teknoloġija, deskritti eż. Fi standards bħal ASTM D 240, ISO 13943 86.1 to 86.3 u NFPA 30B, jew li jinsabu f’litteratura xjentifikament stabbilita
jew
(b) l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolazzjoni li ġej:
Is-sħana kimika tal-kombustjoni (ΔHc), f’kilojoules għal kull gramma (kJ/g), tista’ tiġi kalkolata bħala l-prodott tas-sħana teoretika tal-kombustjoni (ΔHcomb), u l-effiċjenza tal-kombustjoni, ġeneralment anqas minn 1,0 (effiċjenza tal-kombustjoni tipika hija 0,95 jew 95 %).
Għal formulazzjoni komposta ta’ ajrusol, is-sħana kimika tal-kombustjoni hija l-ġabra tas-sħanat imkejla tal-kombustjoni, għall-kombustjoni tal-komponenti individwali, kif ġej:
ΔH
=
w
% × ΔH
fejn:
ΔHc = sħana kimika tal-kombustjoni (kJ/g) tal-prodott;
wi% = frazzjoni tal-massa tal-komponenti fil-prodott;
ΔHc(i) = sħana speċifika tal-kombustjoni (kJ/g) ta’ komponenti fil-prodott.
Il-persuna responsabbli għall-immarkitjar tad-dispensur ta’ l-ajrusol trid tiddeskrivi l-metodu użat għad-determinar tas-sħana kimika tal-kombustjoni f’dokument li għandu jkun disponibbli f’lingwa uffiċjali tal-Komunità fl-indirizz speċifikat fuq it-tikketta skond punt (a) ta’ l-Artikolu 8(1), jekk is-sħana kimika tal-kombustjoni hija użata bħala parametru għall-evalwazzjoni tal-fjammabbiltà ta’ l-ajrusol skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva."
(d) Id-dispożizzjoni l-ġdida tiddaħħal wara punt 2 "Dispożizzjonijiet ġenerali" u qabel punt 2.1:
"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ l-Anness dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-periklu tal-fjammabbiltà u l-pressjoni, il-persuna responsabbli għall-immarkitjar tad-dispensuri ta’ l-ajrusol għandha l-obbligu li tanalizza l-periklu sabiex tidentifika dawk li japplikaw għad-dispensuri ta’ l-ajrusol. Fejn adatt, dan l-analiżi għandu jinkludi konsiderazzjoni tar-riskji li jirriżultaw milli wieħed jibla’ bin-nifs l-isprej li joħroġ mid-dispensur ta’ l-ajrusol taħt kundizzjonijiet ta’ l-użu normali u prevedibbli b’mod raġonevoli, filwaqt li jittieħed kont tad-distribuzzjoni tad-daqs tal-qtar f’rabta mal-kwalitajiet fiżiċi u kimiċi tal-kontenut. Din imbagħad trid tiddiżinja, tibni u tittestja u, jekk ikun applikabbli, tfassal abbozz ta’ dikjarazzjonijiet rigward l-użu, filwaqt li tieħu kont ta’ l-analiżi."
(e) Il-Punt 2.2(b) huwa sostitwit b’li ġej:
"(b) Fejn ajrusol huwa klassifikat bħala "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli" skond il-kriterji tal-punt 1.9:
- Is-simbolu tal-fjamma, skond il-mudell fl-Anness II għad-Direttiva 67/548/KEE;
- L-indikazzjoni "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli", li tiddependi fuq il-klassifikazzjoni ta’ l-ajrusol bħala "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli"."
(f) Il-Punti 2.3(a) u 2.3(b) huma sostitwiti b’li ġej:
"(a) Hu x’inhu l-kontenut, kull prekawzjoni addizzjonali ta’ l-operar li twissi lill-konsumaturi b'perikli speċifiċi tal-prodott; jekk id-dispensur ta' l-ajrusol huwa akkompanjat b'istruzzjonijiet separati għall-użu, dan ta’ l-aħħar irid jirrifletti wkoll prekawzjonijiet simili ta’ operazzjoni;
(b) Fejn l-ajrusol huwa klassifikat bħala "fjammabbli" jew "estremament fjammabbli" skond il-kriterji tal-punt 1.9, it-twissijiet li ġejjin:
- Il-frażijiet tas-sigurtà S2 u S16 stabbiliti fl-Anness IV mad-Direttiva 67/548/KEE;
- "tisprejjax fuq fjamma mikxufa jew materjal inkandexxenti"."
(g) Il-punt 2.4 li ġej huwa mdaħħal:
"2.4. Volum tal-fażi likwida
Il-volum tal-fażi likwida f’50 °C ma tridx taqbeż 90 % tal-kapaċità netta."
(h) Il-Punt 3.1.2. huwa mibdul b'li ġej:
"3.1.2. Mili
F’50 °C, il-pressa tad-dispensur ta’ l-ajrusol ma tridx taqbeż it-12-il bar.
Madankollu, jekk l-ajrusol ma fihx gass jew taħlita ta’ gassijiet li għandhom firxa fjammabbli ma’ l-arja f’20 °C u pressjoni standard ta’ 1,013 bar, il-pressa massima permessibbli f’50 °C hija 13,2 bar."
(i) Il-punti 3.1.3, 4.1.5, u 4.2.4 huma mħassra.
(j) Il-Punt 6.1.4. huwa mibdul b'li ġej:
"6.1.4. Spezzjoni finali tad-dispensuri ta’ l-ajrusol mimlija
6.1.4.1. Id-dispensuri ta' l-ajrusols għandhom jiġu soġġetti għal wieħed mill-metodi ta' ttestjar li ġejjin.
(a) Test ġo banju ilma jaħraq
Kull dispensur ta’ l-ajrusol mimli għandu jingħaddas ġo banju ilma jaħraq.
(i) It-temperatura ta’ l-ilma tal-banju u d-dewmien tat-test għandhom ikunu tali li l-pressa interna tilħaq dik li ssir mill-kontenut tiegħu f’temperatura uniformi ta’ 50 °C.
(ii) Kull dispensur ta’ l-ajrusol li juri ħsara permanenti viżibbli jew ikun hemm ħruġ minnu jrid jiġi rifjutat.
(b) Metodi ta' ttestjar finali tas-sħana
Metodi oħra sabiex jissaħħan il-kontenut tad-dispensuri ta’ l-ajrusol jistgħu jintużaw jekk jiggarantixxu li l-pressjoni u t-temperatura f’kull dispensur ta’ l-ajrusol mimli jilħqu l-valuri meħtieġa għat-test tal-banju bl-ilma jaħraq u bihom jinstabu l-ħsarat u l-ħruġ bl-istess preċiżjoni bħal fil-każ tat-test ta' l-ilma jaħraq.
(ċ) Metodi ta' ttestjar finali tal-kesħa
Metodu alternattiv ta’ ttestjar finali tal-kesħa jista’ jiġi użat jekk huwa skond id-dispożizzjonijiet ta’ metodu alternattiv għat-test ta’ banju ta’ ilma jaħraq għad-dispensur ta’ l-ajrusol speċifikat fil-punt 6.2.4.3.2.2 ta’ l-Anness A għad-Direttiva 94/55/KE.
6.1.4.2. Għal dispensuri ta’ l-ajrusol li l-kontenut tagħhom ikollu trasformazzjoni fiżika jew kimika li tibdel il-karatteristiċi tal-pressa wara li jimtlew u qabel jintużaw l-ewwel darba, il-metodi ta’ ttestjar finali tal-kesħa skond il-punt 6.1.4.1(ċ) għandhom jiġu applikati.
6.1.4.3. F’każ ta’ metodi ta’ ttestjar skond il-punti 6.1.4.1 (b) u 6.1.4.1 (ċ):
(a) Il-metodu ta' ttestjar irid ikun approvat minn awtorità kompetenti.
(b) Il-persuna responsabbli għall-immarkitjar tad-dispensuri ta’ l-ajrusols trid tissottometti applikazzjoni għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti. L-applikazzjoni trid tiġi akkumpanjata bil-fajl tekniku li jiddeskrivi l-metodu.
(ċ) Il-persuna responsabbli għall-immarkitjar tad-dispensuri ta’ l-ajrusols trid, għal skopijiet ta’ sorveljanza, iżżomm l-approvazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti, il-fajl tekniku li jiddeskrivi l-metodu u, jekk applikabbli, ir-rapporti ta’ kontroll disponibbli fl-indirizz speċifikat fuq it-tikketta skond il-punt (a) ta’ l-Artikolu 8(1).
(d) Il-fajl tekniku jrid jiġi stabbilit b’lingwa uffiċjali tal-Komunità jew kopja ċertifikata tiegħu trid tkun disponibbli.
(e) "awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità maħtura f’kull Stat Membru skond id-Direttiva 94/55/KE."
(k) Il-punt 6.3 li ġej huwa mdaħħal:
"6.3. Testijiet fuq il-fjammabbiltà ta’ l-ajrusols
6.3.1. It-test tad-distanza li fiha jaqbdu għal ajrusols sprej
6.3.1.1. Introduzzjoni
6.3.1.1.1. Dan l-istandard tat-test jiddeskrivi l-metodu biex tiġi determinata d-distanza tat-tqabbid għal sprej ajrusol sabiex jiġi evalwat ir-riskju assoċjat ta’ nar. L-ajrusol huwa sprejjat fid-direzzjoni ta’ sors li jqabbad f’intervalli ta’ 15ċm biex jiġi osservat jekk jaqbadx u l-kombustjoni sostnuta ta' l-isprej. Il-qbid u kombustjoni sostnuta hija definita meta fjamma stabbli tinżamm għal 5 s mill-anqas. Is-sors tat-tqabbid huwa definit bħala burner tal-gass bi fjamma blu mhux luminuża għolja 4-5 ċm.
6.3.1.1.2. Dan it-test japplika għal prodotti ta’ l-ajrusol b’distanza ta’ sprej ta’ 15 ċm jew aktar. Prodotti ta’ l-ajrusol b’distanza ta' sprej ta’ anqas minn 15 ċm bħal fowmijiet, "mousses", ġellijiet u għaġniet jew li huma ffittjati b’metering valve, huma esklużi minn dan it-test. Prodotti ta’ l-ajrusol li jiddispensaw fowmijiet, mousses, ġellijiet u għaġniet huma suġġetti għal testjar taħt it-test tal-fjammabbiltà tal-fowm.
6.3.1.2. Apparat u materjal
6.3.1.2.1. L-apparat li ġej huwa meħtieġ:
Ilma tal-banju li jinżamm f'20 °C | preċiż sa ± 1 °C |
Miżien tal-laboratorju kalibrat | preċiż sa ± 0,1 g |
Kronometru (stopwatch) | preċiż sa ± 0,2 s |
Miżien gradwat, appoġġ u morsa | gradwazzjonijiet f’ċm |
Burner tal-gass bl-appoġġ u bil-morsa | |
Termometru | preċiż sa ± 1 °C |
Igrometru | preċiż sa ± 5 % |
Arloġġ tal-pressjoni | preċiż sa ± 0,1 bar |
6.3.1.3. Proċedura
6.3.1.3.1. Kundizzjonijiet ġenerali
6.3.1.3.1.1. Qabel l-ittestar, kull dispensur ta’ l-ajrusol għandu jkun kundizzjonat u imbagħad imħejji billi jitbattal għal madwar sekonda. L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li jitneħħa l-materjal li m'huwiex omoġenju mit-tubu.
6.3.1.3.1.2. L-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiġu segwiti b'mod strett, inkluż jekk id-dispensur huwiex intenzjonat li jiġi użat f'pożizzjoni wieqfa jew rasu 'l isfel. Meta jkun meħtieġ li jitħawwad, ħawdu immedjatament qabel l-ittestjar.
6.3.1.3.1.3. It-test għandu jitwettaq f'ambjent mingħajr żiffa iżda fejn hemm ventilazzjoni, b'temperatura kontrollata ta' 20 °C ± 5 °C u umdità relattiva fil-firxa ta' 30 – 80 %.
6.3.1.3.1.4. Kull dispensur ta’ l-ajrusol għandu jiġi ttestjat:
(a) meta mimli skond il-proċedura sħiħa, bil-burner tal-gass fil-firxa ta' distanza ta' 15 - 90 cm mill-azzjonatur tal-bott ta' l-ajrusol;
(b) meta jkun nominalment mimli 10 – 12 % (% bil-massa) test wieħed biss, f'distanza ta' 15 ċm mill-azzjonatur meta l-isprej minn bott mimli ma jkunx qabad jew bid-distanza tat-tqabbid ta' l-isprej ta' bott mimli u 15 ċm.
6.3.1.3.1.5. Matul it-test, il-bott għandu jkun pożizzjonat kif indikat fl-istruzzjonijiet tat-tabella. Is-sors tat-tqabbid għandu jkun pożizzjonat skond dan.
6.3.1.3.1.6. Il-proċedura li ġejja teħtieġ ittestjar ta' l-isprej f'intervalli ta' 15ċm bejn il-fjamma u l-azzjonatur ta' l-isprej, fil-firxa ta' 15-90 ċm. Huwa effiċjenti li l-bidu jkun minn distanza ta' 60 ċm bejn il-fjamma u l-azzjonatur ta' l-ajrusol. Id-distanza bejn il-fjamma tal-burner u l-azzjonatur ta' l-ajrusol għandha tiżdied bi 15 ċm fil-każ ta' tqabbid ta' l-isprej f'distanza ta' 60 ċm. Id-distanza għandha titnaqqas bi 15 ċm fil-każ ta' ebda nar f'distanza ta' 60 ċm bejn il-fjamma u l-azzjonatur ta' l-ajrusol. L-għan tal-proċedura huwa li tiġi determinata d-distanza massima bejn l-azzjonatur ta' l-ajrusol u l-fjamma tal-burner li twassal għal kombustjoni sostnuta ta' l-isprej jew biex jiġi determinat li t-tqabbid ma seħħx f'distanza ta' 15 ċm bejn il-fjamma u l-azzjonatur ta' l-ajrusol.
6.3.1.3.2. Proċedura tat-test
(a) Minimu ta' 3 dispensuri ta' l-ajrusols għal kull prodott għandhom ikunu kundizzjonati għal 20 °C ± 1 °C b'għall-anqas 95 % tad-dispensur mgħarraq fl-ilma għal mill-anqas 30 min qabel kull test (jekk l-ajrusol jiġi mgħarraq kollu, 30 min ta' kundizzjonar huma biżżejjed);
(b) Ikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali. Irrekordja t-temperatura u l-umdità relattiva ta' l-ambjent;
(ċ) Iżen id-dispensur ta' l-ajrusol u nnota l-massa tiegħu;
(d) Iddetermina l-pressa interna u r-rata inizjali tat-tbattil f'20 °C ± 1 °C (biex telimina dispensuri bil-ħsara jew li huma mimlija parzjalment);
(e) Poġġi il-burner tal-gass fuq wiċċ ċatt orizzontali jew waħħal il-burner permezz ta' morsa;
(f) Ixgħel il-burner tal-gass; il-fjamma m'għandhiex tkun luminuża u madwar 4-5 ċm għolja;
(g) Qiegħed l-orifiċju tal-ħruġ ta' l-azzjonatur fid-distanza meħtieġa mill-fjamma. L-ajrusol għandu jkun ittestjar fil-pożizzjoni maħtura li jiġi użat, eż. wieqaf jew rasu 'l isfel;
(h) Qiegħed l-orifiċju ta' l-azzjonatur u l-fjamma fl-istess livell, u żgura li l-orifiċju huwa dirett lejn u allinjat mal-fjamma (ara Figura 6.3.1.1). L-isprej għandu joħroġ fuq il-parti ta' fuq tal-fjamma;
Figura 6.3.1.1
+++++ TIFF +++++
(i) Ikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali rigward l-ixxejkjar tad-dispensur;
(j) Agħfas il-valv tad-dispensur ta' l-ajrusol, biex il-kontenut idum ħiereġ għal 5s, sakemm ma jaqbadx. Jekk jaqbad, kompli agħfas u ħu nota ta' kemm iddum il-fjamma għal 5 s, mill-bidu ta' meta jibda jaqbad;
(k) Innota r-riżultati tat-tqabbid għad-distanza bejn il-burner tal-gass u d-dispensur ta' l-ajrusol fit-tabella provduta;
(l) Jekk ma jkunx hemm tqabbid matul pass (j), l-ajrusol għandu jiġi ttestjat f'orjentazzjonijiet alternattivi, eż. rasu l'isfel għal prodotti li għandhom jiġu użati wieqfa, biex tiċċekkja jekk jaqbadx;
(m) Irrepeti passi (g) sa (l) darbtejn oħra (total ta' 3) għall-istess bott bl-istess distanza bejn il-burner tal-gass u l-azzjonatur ta' l-ajrusol;
(n) Irrepeti l-proċedura tat-test għal żewġ bottijiet oħra ta' l-ajruol ta' l-istess prodott bl-istess distanza bejn il-burner tal-gass u l-azzjonatur ta' l-ajrusol;
(o) Irrepeti passi (g) sa (n) tal-proċedura tat-test f'distanza bejn 15 u 90 ċm bejn l-azzjonatur tal-bott ta' l-ajrusol u l-fjamma tal-burner li jiddependi fuq ir-riżultat ta' kull test (ara wkoll 6.3.1.3.1.4 u 6.3.1.3.1.5);
(p) Jekk jaqbad f'15 ċm, il-proċedura tispiċċa għal bottijiet li kienu mimlija fil-bidu. Il-proċedura tispiċċa wkoll meta jaqbad u jkun hemm kombustjoni sostnuta f'distanza ta' 90 ċm. Jekk it-tqabbid ma jinkisibx f'distanza ta' 15ċm, niżżel li t-tqabbid ma seħħx. Id-distanza massima bejn il-fjamma tal-burner u l-azzjonatur ta' l-ajrusol li għalih ġie osservat tqabbid u kombustjoni sostnuta huwa nnutat bħala "d-distanza ta' tqabbid", fiċ-ċirkostanzi l-oħra kollha;
(q) Test wieħed għandu jsir ukoll fuq 3 bottijiet mimlija bil-livell nominali ta' 10-12 %. Dawn il-bottijiet għandhom jiġu ttestjati bejn l-azzjonatur ta' l-ajrusol u l-fjamma tal-burner ta' "distanza ta' tqabbid minn fjamma ta' bottijiet mimlija + 15 ċm";
(r) Battal il-bott ta' l-ajrusol sa livell ta' mili nominali ta' 10-12 % (bil-massa) f'waqtiet ta' 30s massimu. Osserva minimu ta' perjodu ta' ħin ta' 300s bejn sprejjatura u oħra. Matul dan il-perjodu interim id-dispensuri għandhom jitqiegħda ġol-banju bl-ilma għall-ikkondizzjonar;
(s) Irrepeti passi (g) sa (n) għal bottijiet ta' l-ajrusol mimlija nominalment 10-12 %, waqt li tħalli barra passi (l) u (m). Dan it-test għandu jitwettaq biss bl-ajrusol f'pożizzjoni waħda, eż wieqaf jew rasu 'l isfel, li jikkorrispondi ma' dik li pproduċiet it-tqabbid (jekk kien hemm) għal bottijiet mimlija;
(t) Irrekordja r-riżultati kollha fit-Tabella 6.3.1.1 kif muri hawn taħt.
6.3.1.3.2.1. L-esperimenti kollha għandhom jitwettqu taħt kappa tad-dħaħen f'kamra ventilata tajjeb. Il-ventilazzjoni tal-kappa tad-dħaħen u tal-kamra jridu jinxtegħlu għall-anqas għal 3 min wara kull test. Ħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex tevita li tibla' bin-nifs il-prodotti tal-kombustjoni.
6.3.1.3.2.2. Il-bottijiet b'livell ta' mili nominali ta' 10-12 % għandhom jiġu ttestjati darba biss. It-tabelli tar-riżultati jeħtieġu riżultat wieħed biss għal kull bott indikat.
6.3.1.3.2.3. Meta t-test fil-pożizzjoni li fiha d-dispensur huwa mfassal biex jiġi użat tati riżultat negattiv, it-test għandu jiġi ripetut fil-pożizzjoni tad-dispensur li x'aktarx tirriżulta f'riżultat pożittiv.
6.3.1.4. Metodu ta' evalwazzjoni tar-riżultati
6.3.1.4.1. Ir-riżultati kollha għandhom jiġu rreġistrati. It-Tabella 6.3.1.1 t'hawn taħt turi l-mudell għat-"tabella tar-riżultati" li għandha tintuża.
Tabella 6.3.1.1
Data | Temperatura … °C Umdità relattiva … % |
L-isem tal-prodott | |
Volum nett | | Bott 1 | Bott 2 | Bott 3 |
Livell ta' mili fil-bidu | | % | % | % |
Distanza tad-dispensur | Test | 1 | 2 | 3 | 1 | 2 | 3 | 1 | 2 | 3 |
15 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
30 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
45 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
60 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
75 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
90 ċm | Qabad? IVA jew LE | | | |
Osservazzjonijiet – inkluż il-pożizzjoni tal-bott | | | | |
6.3.2. Test ta' tqabbid fi spazju magħluq
6.3.2.1. Introduzzjoni
Dan l-istandard tat-test jiddeskrivi l-metodi għall-valutazzjoni tal-fjammabbiltà ta' prodotti li joħorġu minn dispensuri ta' l-ajrusol minħabba l-propensità biex jaqbdu fi spazju magħluq. Il-kontenut tad-dispensur ta' l-ajrusol jiġu sprejjati f'kontenitur ċilindriku li jkun fih xemgħa taqbad. Jekk jaqbad, il-ħin u l-ammont li ħareġ għandhom jiġu rreġistrati.
6.3.2.2. Apparat u materjal
6.3.2.2.1. L-apparat li ġej huwa meħtieġ:
Kronometru (stopwatch) | preċiż sa ± 0,2 s |
Banju bl-ilma ji jinżamm f'20 °C | preċiż sa ± 1 °C |
Miżien tal-laboratorju kalibrat | preċiż sa ± 0,1 g |
Termometru | preċiż sa ± 1 °C |
Igrometru | preċiż sa ± 5 % |
Arloġġ tal-pressjoni | preċiż sa ± 0,1 bar |
Kontenitur ċilindriku għall-ittestjar | kif deskritt hawn taħt |
6.3.2.2.2. Tħejjija ta' l-apparat għat-test.
6.3.2.2.2.1. Kontenitur ċilindriku b'volum ta' madwar 200 dm3, b'dijametru ta' madwar 600mm u twil madwar 720mm u miftuħ minn naħa waħda għandu jiġi modifikat kif ġej:
(a) Sistema ta' għeluq li tikkonsisti minn għatu biċ-ċappetti għandha titqiegħed fin-naħa l-miftuħa; jew
(b) Film tal-plastik oħxon 0.01 sa 0.02mm jista' jintuża bħala sistema ta' għeluq. Jekk it-test jitwettaq b'film tal-plastik dan irid jiġi użat kif deskritt hawn taħt: Ġebbed il-film tul il-parti l-miftuħa taċ-ċilindru u żommu f'postu b'lastku. Is-saħħa tal-lastku għandha tkun tali li meta titqiegħed madwar iċ-ċilindru li jkun imserraħ fuq il-ġenb, din tiġġebbed biss 25mm meta piż ta' .45kg jitqiegħed fl-aktar punt baxx. Aqta' xaqq ta' 25mm fil-film, billi tibda 50mm mit-tarf taċ-ċilindru. Kun ċert li l-film huwa stirat;
(ċ) Fin-naħa l-oħra taċ-ċilindru taqqab toqba b'dijametru ta' 50mm, 100mm mit-tarf, b'tali mod li l-orifiċju jkun fuq nett meta r-reċipjent jitqiegħed mindud u lest għat-test (Figra 6.3.2.1.)
Figura 6.3.2.1
+++++ TIFF +++++
(d) Qiegħed xemgħa tal-pitrolju bix-xemgħa b'dijametru 20 sa 40 mm u twila 100mm fuq appoġġ tal-metall 200 x 200 mm. Ix-xemgħa għandha tiġi sostitwita meta jkollha għoli ta' anqas minn 80 mm. Il-fjamma tax-xemgħa hija protetta mill-azzjoni ta' l-isprej b'diflettur wiesa' 150 mm u għoli 200 mm. Dan il-qies jinkludi l-biċċa angolata 45° magħmula 150 mm mill-bażi tad-diflettur (Figura 6.3.2.2.);
Figura 6.3.2.2
+++++ TIFF +++++
(e) Ix-xemgħa mqiegħda fuq appoġġ tal-metall tista' titqiegħed fin-nofs bejn iż-żewġ naħat taċ-ċilindru (Figura 6.3.2.3);
Figura 6.3.2.3
+++++ TIFF +++++
(f) Iċ-ċilindru jitqiegħed fl-art jew fuq appoġġ fejn it-temperatura hija madwar 15 °C u 25 °C. Il-prodott li jiġi ttestjat jiġi sprejjat fiċ-ċilindru ta' madwar 200 dm3 fejn ikun hemm sors ta' nar.
6.3.2.2.2.2. Ġeneralment, il-prodott iħalli l-ajrusol f'angolu ta' 90° ma' l-assi vertikali tal-bott. It-tfassil ta' l-apparat u l-proċedura deskritta jirreferu għal dan it-tip ta' prodott ta' l-ajrusol. Fil-każ ta' ajrusol li jitħaddmu b'mod mhux tas-soltu (eż. dispensuri ta' l-ajrusols li jisprejjaw vertikalment) ikun meħtieġ li jiġu rreġistrati t-tibdiliet lit-tagħmir u l-proċeduri skond il-prattiċi tajba tal-laboratorju, bħal ISO/IEC 17025:1999 Kundizzjonijiet ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji ta' l-ittestjar u l-kalibrazzjoni.
6.3.2.3. Proċedura
6.3.2.3.1. Kundizzjonijiet ġenerali
6.3.2.3.1.1. Qabel l-ittestjar, kull dispensur ta' l-ajrusol għandu jiġi kkundizzjonat u imbagħad sprejjat għal madwar sekonda. L-iskop ta' din l-azzjoni huwa li jitneħħa materjal mhux omoġenju mill-ponta tat-tubu.
6.3.2.3.1.2. L-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiġu segwiti b'mod strett, inkluż jekk id-dispensur huwiex intenzjonat li jiġi użat f'pożizzjoni wieqfa jew rasu 'l isfel. Meta jkun meħtieġ li jitħawwad, ħawdu immedjatament qabel l-ittestjar.
6.3.2.3.1.3. It-test għandu jitwettaq f'ambjent mingħajr żiffa iżda fejn hemm ventilazzjoni, b'temperatura kontrollata ta' 20 °C ± 5 °C u umdità relattiva fil-firxa ta' 30 – 80 %.
6.3.2.3.2. Proċedura tat-test
(a) Minimu ta' 3 dispensuri ta' l-ajrusols għal kull prodott għandhom ikunu kundizzjonati għal 20 °C ± 1 °C b'għall-anqas 95 % tad-dispensur mgħarraq fl-ilma għal mill-anqas 30 min (jekk l-ajrusol jiġi mgħarraq kollu, 30 min ta' kundizzjonar huma biżżejjed);
(b) Kejjel jew ikkalkola l-volum propja taċ-ċilindru f'dm3;
(ċ) Ikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali. Irrekordja t-temperatura u l-umdità relattiva ta' l-ambjent;
(d) Iddetermina l-pressa interna u r-rata inizjali tat-tbattil f'20 °C ± 1 °C (biex telimina dispensuri bil-ħsara jew li huma mimlija parzjalment);
(e) Iżen wieħed mid-dispensuri ta' l-ajrusol u nnota l-massa tiegħu;
(f) Ixgħel ix-xemgħa u applika s-sistema ta' l-għeluq (l-għatu jew il-film tal-plastik);
(g) Qiegħed l-azzjonatur ta' l-orifiċju tad-dispensur ta' l-ajrusol 35 mm jew eqreb għal sprejjatura wiesgħa tal-prodott, miċ-ċentru tat-toqba tad-dħul taċ-ċilindru. Ixgħol il-kronometru (stopwatch) u segwi l-istruzzjonijiet għall-użu tal-prodott; idderieġi l-isprej lejn iċ-ċentru ta' l-estremità tan-naħa l-oħra (għatu jew film tal-plastik). L-ajrusol għandu jkun ittestjat fil-pożizzjoni maħtura li jiġi użat, eż. wieqaf jew rasu ’l isfel;
(h) Sprejja sakemm jaqbad. Waqqaf il-kronometru u nnota l-ħin li għadda. Iżen mill-ġdid id-dispensur ta' l-ajrusol u nnota l-massa tiegħu;
(i) Ħalli l-arja ġdida tidħol u naddaf iċ-ċilindru billi tneħħi r-residwi kollha li jistgħu jaffettwaw it-testijiet sussegwenti. Ħalli ċ-ċilindru jiksaħ jekk ikun hemm bżonn;
(j) Irrepeti l-passi tal-proċedura tat-test (d) sa (i) għal żewġ dispensuri ta' l-ajrusols oħra ta' l-istess prodott (3 b'kollox, nota: kull dispensur jiġi ttestjat darba);
6.3.2.4. Metodu ta' evalwazzjoni tar-riżultati
6.3.2.4.1. Rapport tat-test li jkun fih l-informazzjoni li ġejja għandu jitfassal:
(a) Il-prodott ittestjat u r-referenzi tiegħu;
(b) Il-pressa interna u r-rata ta' ħruġ tad-dispensur ta' l-ajrusol;
(ċ) It-temperatura u l-umdità relattiva ta' l-arja tal-kamra;
(d) Għal kull test, il-ħin(ijiet) tal-ħruġ meħtieġa biex jaqbad (jekk il-prodott ma jaqbadx, iddikjara dan);
(e) Il-massa tal-prodott sprejjat matul kull test (fi grammi);
(f) Il-volum propja taċ-ċilindru (f'dm3).
6.3.2.4.2. Il-ħin ekwivalenti (teq) meħtieġ biex ikun hemm tqabbid f'metru kubu wieħed, jista' jiġi kkalkulat kif ġej:
t
=
6.3.2.4.3. Id-densità tad-deflagrazzjoni (Ddef) meħtieġa biex jinkiseb tqabbid matul it-test tista' tiġi kkalkulata wkoll bil-mod li ġej:
D
=
6.3.3. Test tal-fjammabbiltà tal-fowm ta' ajrusol
6.3.3.1. Introduzzjoni
6.3.3.1.1. Dan l-istandard tat-test jiddeskrivi l-metodu biex tiġi determinata l-fjammabbiltà ta' sprej ta' l-ajrusol li joħroġ fil-forma ta' fowm, mousse, ġell jew għaġina. Ajrusol li minnu joħroġ fowm, mousse, ġell jew għaġina sprejjat (madwar 5 g) fuq ħgieġa u sors ta' tqabbid (xemgħa, niċċa, suffarina jew lighter) jitqiegħed fuq il-bażi tal-ħġieġa biex jiġi osservat jekk jaqbadx jew ikunx hemm kombustjoni sostnuta tal-fowm, mousse, ġell jew għaġina. It-tqabbid huwa definit bħala li tinżamm fjamma stabbli għal mill-anqas 2 s u minimu ta' 4 ċm għolja.
6.3.3.2. Apparat u materjal
6.3.3.2.1. L-apparat li ġej huwa meħtieġ:
Miżien gradwat, appoġġ u morsa | gradwazzjonijiet f’ċm |
Ħġieġa reżistenti għan-nar b'dijametru ta' madwar 150mm | |
Kronometru (stopwatch) | preċiż sa ± 0,2 s |
Xemgħa, niċċa, suffarina jew lighter | |
Miżien tal-laboratorju kalibrat | preċiż sa ± 0,1 g |
Ilma tal-banju li jinżamm f'20 °C | preċiż sa ± 1 °C |
Termometru | preċiż sa ± 1 °C |
Igrometru | preċiż sa ± 5 % |
Arloġġ tal-pressjoni | preċiż sa ± 0,1 bar |
6.3.3.2.2. Il-ħġieġa titqiegħed fuq wiċċ li ma jaqbadx f'żona fejn m'hemmx żiffa u li tista' tiġi ventilata wara kull test. Il-miżien gradwat jiġi mqiegħed eżattament wara l-ħġieġa u jinżamm vertikali permezz ta' appoġġ u morsa.
6.3.3.2.3. Il-miżien jitqiegħed b'tali mod li l-oriġini tiegħu tkun f'livell mal-bażi tal-ħġieġa fuq medda orizzontali.
6.3.3.3. Proċedura
6.3.3.3.1. Kundizzjonijiet ġenerali
6.3.3.3.1.1. Qabel l-ittestjar, kull dispensur ta' l-ajrusol għandu jiġi kkundizzjonat u imbagħad sprejjat għal madwar sekonda. L-iskop ta' din l-azzjoni huwa li jitneħħa materjal mhux omoġenju mill-ponta tat-tubu.
6.3.3.3.1.2. L-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiġu segwiti b'mod strett, inkluż jekk id-dispensur huwiex intenzjonat li jiġi użat f'pożizzjoni wieqfa jew rasu 'l isfel. Meta jkun meħtieġ li jitħawwad, ħawdu immedjatament qabel l-ittestjar.
6.3.3.3.1.3. It-test għandu jitwettaq f'ambjent mingħajr żiffa iżda fejn hemm ventilazzjoni, b'temperatura kontrollata ta' 20 °C ± 5 °C u umdità relattiva fil-firxa ta' 30 – 80 %.
6.3.3.3.2. Proċedura tat-test
(a) Minimu ta' erba' dispensuri ta' l-ajrusols għal kull prodott għandhom ikunu kundizzjonati għal 20 °C ± 1 °C b'għall-anqas 95 % tad-dispensur mgħarraq fl-ilma għal mill-anqas 30min qabel kull test (jekk l-ajrusol jiġi mgħarraq kollu, 30 min ta' kundizzjonar huma biżżejjed);
(b) Ikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali. Irrekordja t-temperatura u l-umdità relattiva ta' l-ambjent;
(ċ) Iddetermina l-pressa interna f'20 °C ± 1 °C (biex telimina dispensuri bil-ħsara jew li huma mimlija parzjalment);
(d) Kejjel l-ammont li ħareġ jew ir-rata tal-fluss tal-prodott ta' l-ajrusol eżaminat, sabiex l-ammont tal-prodott li ħareġ ikun jista' jiġi mkejjel b'mod preċiż;
(e) Iżen wieħed mid-dispensuri ta' l-ajrusol u nnota l-massa tiegħu;
(f) Fuq il-bażi ta' l-ammont li ħareġ li ġie mkejjel jew ir-rata tal-fluss u wara li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-manifatturi, ħalli madwar 5 g tal-prodott fiċ-ċentru tal-ħġieġa nadifa bil-għan li tipproduċi ballun mhux aktar għoli minn 25mm;
(g) Fi żmien 5s milli joħroġ il-materjal, applika s-sors ta' tqabbid mat-tarf tal-kampjun fil-bażi tiegħu u fl-istess ħin ixgħel il-kronometru (stopwatch). Jekk ikun meħtieġ, is-sors tan-nar għandu jitneħħa mit-tarf tal-kampjun wara żewġ sekondi, sabiex tosserva b'mod ċar jekk ikunx qabad. Jekk ma jkunx jidher li qabad, is-sors tan-nar għandu jiġi applikat mill-ġdid mat-tarf tal-kampjun;
(h) Jekk jaqbad innota l-punti li ġejjin:
(i) L-għoli massimu tal-fjamma f'ċm fuq il-bażi tal-ħġieġa;
(ii) Kemm iddum il-fjamma f's;
(iii) Nixxef u iżen mill-ġdid id-dispensur ta' l-ajrusol u kkalkula l-piż tal-prodott rilaxxat;
(i) Ivventila ż-żona tat-test immedjatament wara kull test;
(j) Jekk ma jaqbadx u l-prodott li joħroġ jibqa' fil-forma ta' fowm jew għaġina matul il-perjodu ta' l-użu, passi (e) sa (i) għandhom jiġu ripetuti. Ħalli l-prodott joqgħod għal 30 sek, 1 min, 2 min jew 4 min, qabel ma tapplika s-sors tan-nar;
(k) Irrepeti l-passi tal-proċedura tat-test (e) sa (j) darbtejn oħra (total ta' 3) għall-istess bott;
(l) Irrepeti l-passi tal-proċedura tat-test (e) sa (k) għal żewġ bottijiet oħra ta' l-ajrusol (total ta' 3 bottijiet) għall-istess prodott.
6.3.3.4. Metodu ta' evalwazzjoni tar-riżultati
6.3.3.4.1. Rapport tat-test li jkun fih l-informazzjoni li ġejja għandu jitfassal:
(a) jekk il-prodott jixgħelx;
(b) l-għoli massimu tal-fjamma f'ċm;
(ċ) dewmien tal-fjamma f's;
(d) il-piż tal-prodott ittestjat."
--------------------------------------------------
| Fuq |