32008D0393


Titolu u referenza

2008/393/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Mejju 2008 skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad- data personali f’Jersey (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1746) Test b’relevanza għaż-ŻEE

 ĠU L 138, 28.5.2008, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat- 8 ta’ Mejju 2008

skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali f’Jersey

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1746)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/393/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali [2],

Billi:

(1) Skond id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u kif ukoll jekk qabel ma jsir it-trasferiment tintlaħaq konformità mal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva.

(2) Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-kaz, tista’ tiġi trasferita data personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3) Skond id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-data għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew grupp ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tagħha.

(4) Minħabba d-diversi approċċi li pajjiżi terzi għandhom fir-rigward tat-trasferiment tad-data, l-evalwazzjoni ta’ l-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma toħloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Komunità.

(5) Il-Bailiwick ta’ Jersey hija waħda mid-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika (mingħajr ma hi parti mir-Renju Unit u lanqas kolonja) li tgawdi indipendenza totali, ħlief għar-relazzjonijiet internazzjonali u d-difiża li huma r-responsabbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit. Għaldaqstant il-Bailiwick ta’ Jersey għandha tkun ikkunsidrata bħala pajjiż terz skond it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE.

(6) B’effett mill-1951 u l-1987 rispettivament, ir-ratifika tar-Renju Unit tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali (Konvenzjoni Nru 108) ġew estiżi għall-Bailiwick ta’ Jersey.

(7) Fir-rigward tal-Bailiwick ta’ Jersey, l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-biċċa l-kbira bbażati fuq l-istandards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE ġew stipulati fid-Data Protection (Jersey) Law 1987, li daħlet fis-seħħ fil- 11 ta’ Novembru 1987 u żewġ liġijiet anċillari, id-Data Protection (Amendment) (Jersey) Law 2005, u d-Data Protection (Jersey) Law 2005 (Appointed Day) Act 2005.

(8) Ġiet adottata wkoll leġiżlazzjoni sekondarja taħt l-awtorità tad-Data Protection (Jersey) Law, fl-2005, li tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kwistjonijiet bħall-aċċess tas-suġġett, l-ipproċessar ta’ data sensittiva u n-notifikar ta’ l-awtorità dwar il-protezzjoni tad-data [3].

(9) L-istandards legali applikabbli f’Jersey jkopru l-prinċipji bażiċi neċessarji għal livell adegwat ta’ protezzjoni għal persuni naturali. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards hija garantita b’rimedji ġudizzjarji u b’superviżjoni indipendenti magħmula mill-awtorità, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, li huwa vestit b’poteri ta’ investigazzjoni u b’poter li jintervjeni.

(10) Għaldaqstant Jersey għandha tiġi kkunsidrata li toffri livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali, li ssir referenza għalih fid-Direttiva 95/46/KE.

(11) Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data ta’ l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet eċċezzjonali fejn tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ trażmissjoni speċifika ta’ data minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(12) Il-miżuri miktuba f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Bailiwick ta’ Jersey għandha tiġi kkunsidrata li toffri livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali trasferita mill-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-livell adegwat ta’ protezzjoni pprovdut f’Jersey bil-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva li jappartjenu għall-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Bla ħsara għall-poteri tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond dispożizzjonijiet oħrajn għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu t-trasferiment ta’ data lil riċevent f’Jersey sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a) Fejn awtorità kompetenti ta’ Jersey tkun ikkonkludiet li riċevent ikun fi ksur ta’ l-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew

(b) fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, ikun hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jaħseb illi l-awtorità kompetenti ta’ Jersey mhux qed tieħu, jew mhix se tieħu l-passi li huma xierqa u fil-ħin sabiex issolvi l-każ ikkonċernat, it-tkomplija tat-trasferiment tkun toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira għas-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu għamlu dak kollu li hu xieraq sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar stabbilita f’Jersey u taw ċans biżżejjed għal risposta.

2. Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 3.

2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jassiguraw il-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni f’Jersey tonqos milli tassigura din il-konformità.

3. Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xiehda lil xi korp responsabbli li jassigura l-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni f’Jersey mhux qed iwettaq ir-rwol tiegħu b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti f’Jersey u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozzi ta’ miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-għan li titħassar jew tiġi sospiża din id-Deċiżjoni jew tiġi limitata l-applikabilità tagħha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kull konklużjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni f’Jersey hija adegwata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kull evidenza li din id-Deċiżjoni qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Jacques Barrot

Viċi President

[1] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[2] Opinjoni 8/2007 dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali f’Jersey, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma nhar id- 9 ta’ Ottubru 2007, li tinsab hawn: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2007_en.htm

[3] Dawn huma d-Data Protection (Corporate Finance Exemption) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Credit Reference Agency) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Fair Processing) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (International Co-operation) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Notification) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Sensitive Personal Data) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Exemptions) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Miscellaneous) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Education) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Health) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Social Work) (Jersey) Regulations 2005, u d-Data Protection (Transfer in Substantial Public Interest) (Jersey) Regulations 2005.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet