32008D0357


Titolu u referenza

2008/357/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ April 2008 dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza tat-tfal li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal-lajters skond id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

 ĠU L 120, 7.5.2008, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat- 23 ta’ April 2008

dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza tat-tfal li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal-lajters skond id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/357/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [1], u partikolarment l-Artikolu 4(1) (a) tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula l-obbligu għall-produtturi li jqiegħdu biss prodotti mingħajr periklu fuq is-suq.

(2) Skond id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi ma’ l-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.

(3) Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula li l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva.

(4) Il-lajters huma prodotti minnhom infushom perikolużi peress li jipproduċu fjamma jew sħana u minħabba li fihom likwidu jew gass li jista’ jaqbad, li bosta drabi jkun taħt pressa. L-aktar riskji evidenti potenzjali assoċjati ma’ l-użu ħażin tal-lajters huma nirien, ħruq u faqqaturi li jistgħu jwasslu għal splużjoni fil-preżenza ta’ għajn ta’ sħana.

(5) Il-lajters mhumiex għat-tfal. Madankollu, l-użu ħażin tal-lajters, speċjalment minn tfal żgħar, mhux rari u għandu jitqies meta nevalwaw is-sikurezza ta’ dawn il-prodotti. Dan huwa partikolarment rilevanti għal-lajters li jintremew wara l-użu, li jinbiegħu ħafna, ta’ spiss f’pakketti ta’ aktar minn lajter waħda u wżati mill-konsumaturi bħala prodotti ta’ valur baxx, li jintremew, kif ukoll għal lajters li b’mod partikolari jappellaw għat-tfal iż-żgħar minħabba l-forma jew il-karatteristiċi ta’ mgħodija ta’ żmien meqjusa attraenti għat-tfal.

(6) L-użu ħażin tal-lajters mit-tfal iż-żgħar jista’ jwassal għal nirien li jikkawżaw ħsarat personali u ekonomiċi konsiderevoli, inklużi mwiet. Għalhekk, il-lajters jippreżentaw riskju serju fir-rigward ta’ l-użu ħażin mit-tfal.

(7) Fl-1998 il-Kummissjoni ħarġet il-mandat ta’ standardizzazzjoni nru. M/266 lis-CEN dwar is-sikurezza ta’ konsumaturi u tfal fir-rigward ta’ lajters, li minnu rriżulta l-Istandard Ewropew EN 13869:2002: Lajters - Resistenza għat-tfal għal-lajters - Rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi ta’ ttestjar.

(8) Minħabba l-fatt li s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi jitqiegħdu f’periklu, b’mod partikolari, bl-abilità tat-tfal iż-żgħar u l-probablità li joperaw jew jużaw ħażin lajters, u li dan ir-riskju jista’ jiġi eliminat b’mod effettiv b’miżuri xierqa biss applikabbli fuq livell Komunitarju, il-Kummissjoni adottat fil- 11 ta’ Mejju 2006 id-Deċiżjoni 2006/502/KE [2] skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE li teħtieġ mill-Istati Membri li jieħdu miżuri biex jiżguraw li dawk il-lajters biss li huma reżistenti għat-tfal jitqiegħdu fis-suq u biex jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters novità.

(9) Minħabba l-fatt li d-Deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE huma miżuri temporanji b’validità ta’ mhux aktar minn sena, u jistgħu jiġu estiżi b’perjodi ta’ mhux iktar minn sena kull waħda, il-Kummissjoni adottat fit- 12 ta’ April 2007 id-Deċiżjoni 2007/231/KE [3] li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2006/502/KE b’sena.

(10) Minkejja li EN 13869 m’għandix referenza fil-Ġurnal Uffiċjali skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/95/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/502/KE xorta tagħti suppożizzjoni ta’ konformità lil-lajters li huma konformi ma’ l-istandards nazzjonali li jittrasponu EN 13869.

(11) Fid-dawl tal-ħtieġa li jsir użu minn soluzzjonijiet tekniċi xierqa għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza tat-tfal fil-lajters, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-għaqdiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, identifikaw il-ħtieġa ta’ reviżjoni ta’ EN 13869.

(12) Il-problema ewlenija identifikata fl-istandard preżenti hija li wieħed jafda fuq l-ittestjar fuq kampjun (panel testing) fir-rigward tat-tfal biex isib jekk lajter hijiex tassew reżistenti għat-tfal. Filwaqt li l-ittestjar fuq kampjun wera li huwa metodu ta’ min jafda fuqu, ikun xieraq li jiġu identifikati metodi alternattivi biex tiġi ddeterminata r-reżistenza għat-tfal tal-lajters, sakemm kull alternattiva tkun ta’ l-inqas daqstant effettiva u affidabbli. Flimkien ma’ dan, id-definizzjoni preżenti ta’ lajters li jappellaw b’mod partikolari għat-tfal (l-hekk imsejjħa "lajters novità") hija miftuħa għal kull interpretazzjoni, u dan jista’ jwassal għal applikazzjoni mhux uniformi tal-projbizzjoni fuq dawn il-lajters. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet oħra sabiex l-istandard ikun jista’ jissodisfa r-rwol tiegħu b’mod sħiħ billi jiġu pprovduti s-soluzzjonijiet tekniċi xierqa.

(13) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza tat-tfal għal-lajters għandhom jitfasslu skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE, bl-għan li l-istituzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni jintalbu li jirrevedu EN 13869, skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE [4] għall-provvista ta’ tagħrif fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi, u sabiex tkun tista’ ssir il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-istandard rivedut.

(14) Malli r-referenza għall-istandard rivedut tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, il-lajters immanifatturati skond l-istandard se jkun preżumibbli li huma konformi mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodott, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-rekwiżiti speċifiċi dwar is-sikurezza tat-tfal koperti mill-istandard.

(15) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond id-Direttiva 2001/95/KE,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ titlob l-istituzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti li jemendaw l-istandard rilevanti għal-lajters.

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

"lajter" tfisser tagħmir li jitħaddem manwalment li jipproduċi fjamma permezz tal-fjuwil, li normalment jintuża għat-tqabbid tan-nar b’mod deliberat, partikolarment għas-sigaretti, is-sigarri u l-pipi, u li prevedibilment jista’ jintuża għat-tqabbid ta’ materjal bħal karti, ftejjel, xemgħat u fanali, immanifatturat bi provvista integrali ta’ fjuwil, kemm jekk maħsuba biex timtela’mill-ġdid bil-fjuwil kemm jekk le.

"lajter reżistenti għat-tfal" tfisser lajter ddisinjata u mmanifatturata b’tali mod li ma tkunx tista’, f’kundizzjonijijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli, titħaddem minn tfal iżgħar minn 51 xahar minħabba, pereżempju, is-saħħa meħtieġa biex titħaddem jew minħabba l-mod kif tkun iddisinjata jew il-protezzjoni tal-mekkaniżmu tat-tqabbid tagħha, jew l-komplessità jew is-sekwenza ta’ tħaddim meħtieġa għat-tqabbid

"lajter li tappella għat-tfal" tfisser lajter li d-disinn tagħha jixbaħ b’xi mod oġġett ieħor li huwa magħruf bħala li jappella għat-tfal iż-żgħar jew li jkun maħsub biex jintuża minn tfal taħt 51 xahar ta’ età.

Artikolu 2

Rekwiżiti

1. Għall-għan ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza tat-tfal għal-lajters għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) Il-lajters għandhom ikunu reżistenti għat-tfal sabiex tonqos għall-aħħar l-abilità u l-probabilità tat-tfal iżgħar minn 51 xahar ta’ età li jħaddmuhom;

(b) Il-lajters m’għandomx jappellaw għat-tfal iżgħar minn 51 xahar ta’ età.

2. Il-paragrafu 1(a) m’għandux japplika għal-lajters maħsuba biex jimtlew mill-ġdid li għalihom il-produtturi jipprovdu mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti d-dokumentazzjoni meħtieġa li tipprova li l-lajters ġew disinjati, immanifatturati u mqiegħda fis-suq b’mod li jiżgura użu kontinwu mistenni mingħajr periklu tul perjodu ta’ mill-inqas ħames snin, suġġetti għat-tiswija, u li jissodisfaw b’mod partikolari ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) garanzija bil-miktub ta’ mill-inqas sentejn mill-produttur għal kull lajter, skond id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5];

(b) il-possibilità fil-prattika li tissewwa u timtela’ mill-ġdid mingħajr periklu tul il-perjodu ta’ ħajja tagħha, inkluż b’mod partikolari mekkaniżmu ta’ tqabbid li jissewwa;

(ċ) partijiet li mhumiex konsumibbli, iżda li x’aktarx jittieklu jew isiru difettużi bl-użu kontinwu wara l-perjodu ta’ garanzija, ikunu aċċessibbli għal tibdil jew tiswija minn servizz ta’ wara l-bejgħ awtorizzat jew speċjalizzat ibbażat fl-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 23 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Meglena Kuneva

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

[2] ĠU L 198, 20.7.2006, p. 41.

[3] ĠU L 99, 14.4.2007, p. 16.

[4] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

[5] ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet