32007R1535


Titolu u referenza

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli

 ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20071220

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007

ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007

dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas- 7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu.

Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz ta’ dan ir-Regolament [2],

Wara l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex, permezz ta’ Regolament, tistipula limitu li ladarba jinqabeż, l-għajnuniet ma jkunux meqjusa li jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għaldaqstant ma jkunux suġġetti għall-proċedura tan-notifika stabbilita bl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(2) Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat u b’mod partikolari ċċarat il-kunċett ta’ l-għajnuna għall-finijiet ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, f’għadd ta’ deċiżjonijiet. Iċċarat ukoll il-politika tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-limitu de minimis, li ladarba jinqabeż, ikun jista’ jagħti lok għall-inapplikkabbiltà ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, fl-ewwel lok fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuniet de minimis [3], imbagħad fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat- 12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis [4], sostitwit fl- 1 ta’ Jannar 2007 mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal- 15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuniet de minimis [5]. Minħabba r-regoli speċifiċi u r-riskji applikabbli fis-settur agrikolu u peress li anke l-ammonti l-aktar baxxi ta’ għajnuniet jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat f’dan is-settur, ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 eskluda lis-settur agrikolu mill-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 eskluda lis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli mill-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu.

(3) Għalkemm l-esperjenza miksuba matul is-snin uriet li anke l-ammonti l-aktar baxxi ta’ għajnuniet mogħtija fis-settur ta’ l-agrikoltura jistgħu ma jissodisafawx il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk jikkonkorru ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet xi regoli li jippermettu l-għoti ta’ għajnuniet de minimis fis-settur imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas- 6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuniet de minimis fis-settur ta’ l-agrikoltura [6]. Dan ir-Regolament li bis-saħħa tiegħu l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lill-istess intrapriża huwa kkunsidrat li ma jissodisfax il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk ma jaqbiżx EUR 3000 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta’ tliet snin u lanqas l-ammont akkumulat stabbilit mill-Istat Membru u li jirrappreżenta 0.3 % tal-produzzjoni annwali tas-settur agrikolu, ikopri kemm il-produzzjoni primarja u l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli.

(4) Minħabba x-xebh li jeżisti bejn l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli, minn naħa, u l-attivitajiet industrijali, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli ġew inklużi fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, li jirregola l-għajnuniet de minimis għall-attivitajiet industrijali. Għaldaqstant dawn l-attivitajiet ġew esklużi mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004. Għall-finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 jiġi abrogat u sostitwit b’regolament ġdid, applikabbli esklussivament għas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli.

(5) Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, l-ammont massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 3000 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta’ tliet snin jista’ jiżdied għal EUR 7500, u l-limitu ta’ 0.3 % tal-produzzjoni annwali tas-settur agrikolu jiżdied għal 0.75 %, mingħajr ma jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma l-kompetizzjoni tkun jew tirriskja li tkun imxekkla u mingħajr ma l-għajnuniet konċessi f’dawn il-limiti jinqabdu mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat, kemm-il darba jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, din iż-żjieda se tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. Is-snin li għandhom jitqiesu huma l-eżerċizzji fiskali li tuża l-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu ta’ referenza ta’ tliet snin għandu jiġi vvalutat fuq bażi ta’ rotazzjoni b’tali mod li, għal kull għotja ta’ għajnuna de minimis, l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis li jingħata fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel, jeħtieġ li jiġi ddeterminat. L-għajnuniet li fit-totalità tagħhom jeċċedu EUR 7500 ma jistgħux jiġu maqsuma f’ammonti iżgħar biex jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(6) Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-għajnuniet għall-esportazzjoni u lanqas għall-għajnuniet li jiffavorixxu l-użu ta’ prodotti nazzjonali għad-detriment tal-prodotti importati. B’mod partikolari, l-għajnuniet għat-twettiq u għall-funzjonament ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi oħrajn għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni tiegħu. L-għajnuniet li jimmiraw li jkopru l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali u l-ispejjeż għal studji jew għal servizzi ta’ konsulenza neċessarji għall-introduzzjoni ta’ prodott ġdid jew ta’ prodott eżistenti f’suq ġdid ġeneralment ma jikkostitwixxux għajnuniet għall-esportazzjoni.

(7) Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, meta l-Komunità tkun adottat regolament dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur determinat ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li min-natura tagħha tmur kontra jew hija ta’ ħsara għal dik l-organizzazzjoni [7]. Hu għalhekk li dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-għajnuniet li l-ammont tagħhom huwa ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq.

(8) Għall-finijiet ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għall-istess metodu ta’ kalkolu. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammont ta’ l-għajnuniet mogħtija mod ieħor milli taħt il-forma ta’ sussidji jkun konvertit f’ammont ekwivalenti għas-sussidju gross. Il-kalkolu ta’ l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-forom ta’ għajnuniet trasparenti minbarra s-sussidji jew l-għajnuniet li jitħallsu f’ħafna biċċiet jeħtieġ l-użu tar-rati ta’ interess tas-suq fis-seħħ fil-mument ta’ l-għotja. Fir-rigward ta’ applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat, huwa xieraq li jiġi meqjus li r-rati tas-suq applikabbli għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma r-rati ta’ referenza ffissati perjodikament mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi u li huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq l-Internet. Madankollu jista’ jkun meħtieġ li jiżdiedu xi punti ta’ bażi addizzjonali mar-rata bażika fir-rigward ta’ garanziji fornuti jew ta’ riskju assoċjat mal-benefiċjarju.

(9) F’din l-istess perspettiva ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, dan ir-Regolament m’għandux japplika ħlief għall-għajnuniet de minimis trasparenti. B’"għajnuna trasparenti", wieħed għandu jifhem għajnuna li biha huwa possibbli li jkun ikkalkolat preċiżament u minn qabel l-ekwivalenti għas-sussidju gross, mingħajr il-ħtieġa ta’ analiżi tar-riskju. Dan il-kalkolu preċiż jista’, per eżempju, jintuża għal sussidji, għal titjib fir-rati ta’ l-interessi jew għal eżenzjonijiet fiskali fissi. L-għajnuniet li jikkonsistu f’self vantaġġjuż għandhom jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti meta jiġi kkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross fuq il-bażi tar-rati ta’ l-interess applikabbli fuq is-suq fil-mument ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna. L-għajnuniet li jikkonsistu f’xi kontribuzzjonijiet ta’ kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali tal-kontribuzzjoni f’kapital pubbliku huwa anqas mil-limitu de minimis għal kull benefiċjarju. L-għajnuniet li jikkonsistu f’miżuri ta’ investiment kapitali bħal dawk indikati fil-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat bl-għan li jippromwovu l-investimenti f’forma ta’ investimenti kapitali f’intrapriżi żgħar u medji [8] m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti, ħlief jekk, fil-qafas tas-sistema ta’ l-investiment kapitali kkonċernat, il-kontribuzzjoni kapitali għal kull intrapriża benefiċjarja ma taqbiżx il-limitu de minimis għal kull benefiċjarju.

(10) Huwa neċessarju li tingħata sigurtà ġuridika lis-sistemi ta’ garanzija li mhumiex sensittivi li jaffettwaw l-iskambji u li jħassru l-kompetizzjoni u li għalihom hija disponibbli data suffiċjenti li tippermetti li teżamina l-effetti potenzjali b’mod affidabbli. Dan ir-Regolament għandu minn dak il-ħin jipprevedi limitu speċifiku għall-garanziji, bbażat fuq l-ammont garantit tas-self bażi. Dan il-limitu speċifiku għandu jkun determinat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fis-sistemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur xi intrapriżi vijabbli. Dan m’għandux japplika lanqas għall-għajnuniet individwali ad hoc konċessi barra mill-qafas ta’ sistema ta’ garanzija, u lanqas għall-garanziji li jiffokaw fuq tranżazzjonijiet moħbija li ma jikkostitwixxux self, bħal per eżempju l-garanziji li jiffokaw fuq operazzjonijiet f’kapital. Il-limitu speċifiku għandu jkun iffissat fuq il-bażi tal-fatt li, meta titqies rata limitu (rata bażika netta) ta’ 13 % li tikkorrispondi max-xenarju l-anqas favorevoli għas-sistemi ta’ garanziji fil-Komunità, garanzija li tikkorrispondi għal EUR 56250 tista’ tkun ikkunsidrata li għandha ammont ta’ sussidju gross ekwivalenti għal-limitu de minimis ta’ EUR 7500. Huma biss il-garanziji li jkopru massimu ta’ 80 % tas-self moħbi li għandhom jiġu koperti mil-limitu speċifiku. Metodoloġija approvata mill-Kummissjoni wara notifika fuq il-bażi ta’ regolamentazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat tista’ ugwalment tintuża mill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, is-sussidju gross ekwivalenti li qiegħed fil-garanzija, jekk il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet moħbija kkonċernati.

(11) Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-intrapriżi f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-irkupru u għar-ristrutturar ta’ intrapriżi f’diffikultà fid-dawl tad-diffikultajiet [9] marbuta mad-determinazzjoni ta’ l-ammont tas-sussidju gross ekwivalenti għall-għajnuna konċessa lil dan it-tip ta’ intrapriżi.

(12) Skond il-prinċipji li jirregolaw l-għajnuniet stipulati fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, l-għajnuna de minimis għandha titqies daqs li kieku kienet konċessa fil-mument ta’ l-għoti tad-dritt tad-dħul ta’ din l-għajnuna lill-intrapriża, bis-saħħa tar-regolamentazzjoni nazzjonali applikabbli.

(13) Sabiex jiġi evitat li d-dispożizzjonijiet dwar l-intensitajiet ta’ għajnuniet massimi ffissati fi strumenti Komunitarji differenti ma jiġux injorati, l-għajnuniet de minimis ma jistgħux jiġu akkumulati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-istess infiq ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità ta’ għajnuna li taqbeż il-livell stipulat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni Komunitarja.

(14) Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibilità li miżura adottata minn Stat Membru ma tkunx ikkunsidrata bħala għajnuna Statali fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat fuq bażi oħra għajr dan ir-Regolament, per eżempju fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet kapitali jew ta’ garanziji, għax il-miżura kkonċernata hija konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur privat li jopera fil-kundizzjonijiet normali f’ekonomija tas-suq.

(15) Il-Kummissjoni għandha tassigura li r-regoli applikabbli għall-għajnuniet mill-Istat jiġu osservati u, b’mod partikolari, li l-għajnuniet konċessi b’konformità mar-regola de minimis jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fuq is-suġġett. B’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Istati Membri huma obbligati li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan l-għan billi jiġi stabbilit il-mekkaniżmu neċessarju biex ikun assigurat li l-ammont totali ta’ l-għajnuniet konċessi b’konformità ma’ l-imsemmija regola la jaqbeż il-limitu ta’ EUR 7500 għal kull benefiċjarju, u lanqas il-kwoti globali stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-valur tal-produzzjoni fis-settur agrikolu. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri, meta jagħtu għajnuna de minimis, jinfurmaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ għajnuna allokat u bil-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna, l-Istat Membru għandu jikseb mingħand l-impriża dikjarazzjoni li tirrigwarda l-għajnuniet l-oħra de minimis li tkun irċeviet matul l-eżerċizzju fiskali attwali u ż-żewġ eżerċizzji preċedenti, u għandu jivverifika bir-reqqa jekk l-għajnuna l-ġdida twassalx biex l-ammont totali ta’ għajnuniet de minimis irċevuti jaqbżu l-limiti applikabbli. L-osservanza ta’ dawn il-limiti tista’ wkoll tkun ivverifikata permezz ta’ reġistru ċentrali. Fil-każ ta’ sistemi ta’ garanziji mwettqa mill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment, dan ta’ l-aħħar jista’ jistabbilixxi lista ta’ benefiċjarji u jeżiġi lill-Istati Membri biex dawn jinformaw lill-benefiċjarji bl-għajnuna de minimis riċevuta.

(16) Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kellu inizjalment jiskadi fil- 31 ta’ Diċembru 2008. Peress li dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ qabel din id-data, jeħtieġ li jiġu mfissra l-konsegwenzi ta’ l-applikazzjoni tiegħu, għall-għajnuniet konċessi għall-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 1860/2004.

(17) Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni u partikolarment minħabba l-bżonn li tkun riveduta regolarment il-politika tagħha fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat, huwa meħtieġ li jkun limitat il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ fejn dan jiskadi mingħajr ma jkun ġie mġedded, l-Istati Membri jkollhom perjodu ta’ adattament ta’ sitt xhur għall-għajnuniet de minimis li jkunu saru skond dawn id-dispożizzjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu ta’ l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuniet konċessi lill-intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, bl-eċċezzjoni ta’:

(a) l-għajnuniet li l-ammont tagħhom huwa stipulat skond il-prezz jew il-kwantità tal-prodotti fis-suq;

(b) l-għajnuniet li jiffavorixxu l-attivitajiet marbuta ma’ l-esportazzjoni, jiġifieri l-għajnuniet direttament marbuta mal-kwantitajiet esportati, mat-twettiq jew mal-funzjonament ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ spejjeż oħra kurrenti marbuta ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni;

(ċ) l-għajnuniet suġġetti għall-użu preferenzjali tal-prodotti nazzjonali fuq prodotti importati;

(d) l-għajnuniet konċessi lil intrapriżi f’diffikultà.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti għall-espressjonijiet li ġejjin:

1. "intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli": l-intrapriżi li huma attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli;

2. "prodotti agrikoli": il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, ħlief għall-prodotti tas-sajd u ta’ l-akwakultura koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 [10].

Artikolu 3

Għajnuniet de minimis

1. L-għajnuniet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għaldaqstant li mhumiex suġġetti għan-notifika rikjesta mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

2. L-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija għall-istess intrapriża ma jistax jeċċedi EUR 7500 fuq perjodu ta’ tliet snin jew ta’ tliet eżerċizzji fiskali. Dawn il-limiti japplikaw tkun xi tkun il-forma u l-ambitu ta’ l-għajnuna. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta’ referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat.

Jekk l-ammont ta’ għajnuna totali konċessa għal miżura ta’ għajnuna jaqbeż il-limitu msemmi fl-ewwel linja, dan l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anke għall-frazzjoni li ma taqbiżx dan il-limitu. F’dan il-każ, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura la fil-mument ta’ l-għotja ta’ l-għajnuna, u lanqas aktar tard.

3. L-ammont akkumulat ta’ l-għajnuniet de minimis mogħti minn kull Stat Membru lill-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli fuq perjodu ta’ tliet snin jew ta’ tliet eżerċizzji fiskali ma jaqbiżx il-valur stipulat fl-Anness.

4. Il-limiti stipulati fil-paragrafi 2 u 3 huma mfissra bħala sussidji. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Meta l-għajnuna ma tieħux il-forma ta’ sussidju, l-ammont ta’ l-għajnuna li għandu jitqies huwa l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross.

5. L-għajnuniet li jitħallsu f’diversi pagamenti għandhom isiru skond il-valur tagħhom fil-mument tal-konċessjoni. Ir-rata ta’ l-interessi li għandha tintuża biex isir u jiġi kkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross hija r-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-konċessjoni.

6. Dan ir-Regolament ma japplikax ħlief għall-għajnuniet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li għalihom huwa possibbli li jkun ikkalkulat b’mod preċiż u minn qabel l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross mingħajr ma jkun neċessarju li tkun effettwata analiżi tar-riskju ("għajnuniet trasparenti"). B’mod partikolari:

(a) l-għajnuniet li jikkonsistu f’self huma kkunsidrati bħala għajnuniet trasparenti minn meta l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ rati ta’ interess applikabbli fis-suq fil-mument tal-konċessjoni ta’ l-għajnuna;

(b) l-għajnuniet li jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali tal-kontribuzzjoni f’kapitali pubbliċi ma taqbiżx il-limitu de minimis;

(ċ) l-għajnuniet li jikkonsistu f’xi miżuri ta’ investiment kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet trasparenti, ħlief jekk, fil-qafas tas-sistema ta’ investiment kapitali kkonċernat, il-kontribuzzjoni tal-kapitali għal kull intrapriża ma taqbiżx il-limitu de minimis;

(d) l-għajnuniet individwali mogħtija fil-qafas ta’ sistema ta’ garanziji favur xi intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà huma kkunsidrati bħala għajnuniet de minimis trasparenti meta l-parti "garanzija" tas-self moħbi ma taqbiżx EUR 56250 kull intrapriża. Jekk il-parti "garanzija" tas-self moħbi ma tirrapreżentax ħlief frazzjoni ta’ dan il-limitu, l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-garanzija huwa preżunt li jikkorispondi ma’ l-istess frazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma tistax taqbeż 80 % tas-self moħbi;

is-sistemi ta’ garanziji huma kkunsidrati wkoll bħala sistemi ta’ għajnuniet trasparenti jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(i) qabel it-twettiq tagħhom, il-metodoloġija li tippermetti li jkun ikkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross inkluż fil-garanzija għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kienet approvata mill-Kummissjoni skond ir-regolamentazzjoni adottata minn din ta’ l-aħħar fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat;

(ii) il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet moħbija konċernati permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7. L-għajnuniet de minimis ma jistgħux ikunu akkumulati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-istess spejjeż ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità fl-għajnuna li taqbeż il-livell iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni Komunitarja.

Artikolu 4

Kontroll

1. Meta Stat Membru jikkunsidra li jagħti għajnuna de minimis lil xi intrapriża, dan għandu jinfurmaha bil-miktub dwar l-ammont potenzjali ta’ din l-għajnuna (espress f’ammont ekwivalenti għas-sussidju gross) kif ukoll li din l-għajnuna hija waħda de minimis, billi ssir referenza espliċita għal dan ir-Regolament u billi jikkwota t-titolu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Jekk l-għajnuna de minimis tiġi allokata lil diversi impriżi fil-kuntest ta’ reġim u jingħataw ammonti ta’ għajnuna differenti lil dawn l-impriżi, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu billi jgħarraf lill-impriżi dwar ammont fiss li jikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna li jkun jista’ jiġi allokat fil-kuntest ta’ dan ir-reġim. F’dan il-każ, dan l-ammont fiss iservi biex jiġi ddeterminat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) hux rispettat. L-Istat Membru jrid ukoll jikseb mingħand l-impriża kkonċernata, qabel l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna, dikjarzzjoni bil-miktub, jew f’forma elettronika, dwar l-għajnuniet de minimis oħra li tkun irċeviet matul iż-żewġ eżerċizzji fiskali preċedenti u l-eżerċizzju fiskali attwali.

L-Istat Membru għandu jikseb minn kull benefiċjarju dikjarazzjoni li tistabbilixxi li l-ammont ta’ għajnuna miksub minn dan ta’ l-aħħar ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 3(2). Jekk dan l-ammont jinqabeż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li l-miżura ta’ għajnuna li wasslet biex jinqabeż dan il-limitu tkun notifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mingħand il-benefiċjarju.

2. L-Istat Membru għandu biss jikkonċedi għajnuna de minimis wara li jkun ivverifika li din ma twassalx biex l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija matul il-perjodu li jkopri l-eżerċizzju fiskali kkonċernat u ż-żewġ eżerċizzji preċedenti jeċċedi l-limiti msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3).

3. Fil-każ fejn Stat Membru ħoloq reġistru ċentrali ta’ l-għajnuniet de minimis li fih informazzjoni kompleta dwar kull għajnuna de minimis li taqa’ fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u konċessa minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1(2) ma tibqax tapplika meta r-reġistru jkopri perjodu ta’ tliet snin jew anqas.

4. Meta għajnuna tingħata minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ sistema ta’ garanziji li jagħtu garanzija li hija ffinanzjata mill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea permezz ta’ mandat mogħti lill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment, il-paragrafu 1(1), tista’ ma tapplikax

F’dawn il-każijiet, tapplika s-sistema ta’ kontroll sewgenti:

(a) il-Fond Ewropew ta’ l-Investiment jistabbilixxi, kull sena u fuq il-bażi ta’ informazzjoni li l-intermedjarji finanzjarji għandhom jagħtuh, lista ta’ benefiċjarji ta’ l-għajnuna u ta’ l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross miksub minn kull benefiċjarju; il-Fond Ewropew ta’ l-investiment jibgħat din l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni;

(b) l-Istat Membru kkonċernat jittrażmetti l-informazzjoni lill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna fit-tliet xhur wara r-riċeviment;

(ċ) l-Istat Membru kkonċernat jikseb dikjarazzjoni minn kull benefiċjarju li tistabbilixxi li l-ammont ta’ għajnuna de minimis miksub minn dan ta’ l-aħħar ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Jekk dan l-ammont jinqabeż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li l-miżura ta’ għajnuna li wasslet biex jinqabeż dan il-limitu tkun notifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mingħand il-benefiċjarju.

5. L-Istati Membri jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistri hekk kostitwiti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġewx osservati.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hija miżmuma:

(a) għall-għajnuniet de minimis individwali, matul perjodu ta’ għaxar snin li għandhom jiddekorru mid-data tal-konċessjoni ta’ l-għajnuna;

(b) għas-sistemi ta’ għajnuniet de minimis, matul perjodu ta’ għaxar snin li jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-għotja ta’ l-aħħar għajnuna individwali skond is-sistema kkonċernata.

6. Fuq talba miktuba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu, fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol jew kwalunkwe perjodu itwal iffissat fit-talba, kull informazzjoni li l-Kummissjoni tqis li hija neċessarja biex tkun tista’ tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġewx rispettati, partikolarment l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lil xi intrapriża partikolari u lis-settur agrikolu ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Abrogazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jitħassar b’effett mill- 1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuniet konċessi qabel l- 1 ta’ Jannar 2008 lill-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, bil-kundizzjoni li l-imsemmija għajnuniet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 sa 4, ħlief għar-rekwiżit ta’ referenza espliċita għal dan ir-Regolament, imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4(1). Kull għajnuna li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet hija vvalutata mill-Kummissjoni b’konformità ma’ l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u n-noti applikabbli f’dan il-qasam.

2. Kwalunkwe għajnuna de minimis mogħtija bejn l- 1 ta’ Jannar 2005 u sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 applikabbli għas-settur tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, titqies li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għalhekk hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

3. ma’ l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuniet de minimis li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu japplikaw fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet previsti b’dan ir-Regolament matul perjodu supplimentari ta’ sitt xhur.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill- 1 ta’ Jannar 2008 sal- 31 ta’ Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann Fischer Boel

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

[2] ĠU C 151, 5.7.2007, p. 16.

[3] ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

[4] ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

[5] ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

[6] ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 875/2007 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6).

[7] Sentenza tad- 19 ta’ Settembru 2002 fil-kwistjoni C-113/00, Spanja v il-Kummissjoni, Rek. 2002 p. I-7601, punt 73.

[8] ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

[9] ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

[10] ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

--------------------------------------------------

20071220

ANNESS

L-ammont massimu totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lill-intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli lil kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3(3)

(EUR) |

BE | 51532500 |

BG | 23115000 |

CZ | 26257500 |

DK | 59445000 |

DE | 297840000 |

EE | 3502500 |

IE | 40282500 |

EL | 75382500 |

ES | 274672500 |

FR | 438337500 |

IT | 320505000 |

CY | 4327500 |

LV | 5550000 |

LT | 11572500 |

LU | 1777500 |

HU | 44497500 |

MT | 870000 |

NL | 165322500 |

AT | 40350000 |

PL | 119542500 |

PT | 47782500 |

RO | 98685000 |

SL | 8167500 |

SK | 11962500 |

FI | 26752500 |

SE | 30217500 |

UK | 152842500 |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet