32007R1437


Titolu u referenza

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007 tas- 26 ta’ Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

 ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20071126

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007

tas- 26 ta’ Novembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Fil-każ ta’ miżuri ta’ intervent li fir-rigward tagħhom somma għal kull unità ma tiġix determinata fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq, għandhom jiġu stabbiliti regoli implimentattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu għad-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jridu jiġu ffinanzjati, il-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-irbit tal-fondi meħtieġa għax-xiri ta’ prodotti u l-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-ħżin u, fejn huwa meħtieġ, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

(2) Minħabba n-natura tal-miżuri u l-programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas- 26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju [2] għandu jsir provvediment li f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifkati l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jista’ jiffinanzja l-ispejjeż amministrattivii u tal-persunal imġarrba fl-eżekuzzjoni ta’ miżuri u programmi bħal dawn.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 [3] jipprevedi l-proċedura li trid tiġi segwita mill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk tnaqqasx jew tissospendix il-pagamenti ta’ kull xahar, kif ukoll il-proċedura li trid tiġi segwita biex tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ pagamenti intermedji.

(4) Skond ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-ammonti li jridu jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju jekk issib li din in-nefqa ġġarbet b’mod li jikser ir-regoli tal-Komunità. Fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-esklużjoni mill-finanzjament tal-Komunità, il-Kummissjoni, sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-mod kif japplika l-leġislazzjoni Komunitarja. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet ulterjuri għall-esklużjoni tan-nefqa mill-finanzjament Komunitarju. Barra minn hekk, jista’ jiġi stabbilit li f’ċerti każi rakkomandazzjonijiet bħal dawn mhux ser ikunu jew ma jistgħux ikunu implimentati fil-futur immedjat.

(5) F’dawn iċ-ċirkostanzi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew it-tnaqqis tal-pagamenti ta’ kull xahar jew intermedji kif attwalment previst fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ma tipproteġġix biżżejjed l-interess finanzjarju tal-Komunità. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidrat utli li wieħed jipprevedi proċedura ġdida li tippermetti lill-Kummissjoni tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti f’sitwazzjonijiet speċifiċi b’mod iktar effettiv.

(6) Sospensjoni ex-ante jew tnaqqis fil-pagamenti fil-qasam agrikolu jista’ jkollhom implikazzjonjiet finanzjarji serji għall-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, meta mqabbel mal-proċedura għad-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni tal-konformità, l-Istat Membru għandu biss possibbiltajiet limitati biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-Kummissjoni. Għal dawn ir-raġunijiet il-proċedura l-ġdida ta’ sospensjoni jew tnaqqis tal-pagamenti għandha tintuża biss fil-każ li wieħed jew aktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali in kwistjoni ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu.

(7) Għandu jsir provvediment biex jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet li taħthom tkun inammissibbli dikjarazzjoni intermedja ta’ nefqa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal- 21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija [4] jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu kontrolli ex-post fuq ċertu nfiq tal-politika agrikola komuni għas-sena finanzjarja "n" fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju n + 1 sat-30 ta’ Ġunju n + 2. Ir-rapport lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ kontroll f’dak il-perijodu huwa dovut biss sa l-aħħar tas-sena n + 2.

(9) Minħabba l-limitu taż-żmien għad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni ta’ konformità stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, huwa effettivament impossibbli għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar esklużjoni mill-finanzjament tal-Komunità fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ma’ l-obbligi ta’ kontroll tiegħu skond ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89. Sabiex din il-problema tiġi ttrattata, il-limitu ta’ żmien m’għandux japplika għall-ksur ta’ l-obbligi ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri skond ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89, dment li l-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rapport ta’ l-Istati Membri fi ħdan perijodu ta’ tnax-il xahar wara li tirċievi dak ir-rapport.

(10) Minħabba li mhemmx bżonn li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mod li huma ddeċidew jew jippjanaw li juzaw mill-ġdid il-fondi kkanċellati u biex jemendaw il-pjan ta’ finanzjament għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat, id-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandha titħassar.

(11) Sabiex jiġu allinjati r-regoli transitorji għas-Sezzjoni ta’ Gwida tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), mad-dispożizzjonijiet il-ġodda applikabbli għall-perijodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali, ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu jiġi emendat konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni [5]

(12) Jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-politika agrikola komuni, fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent fejn l-ebda somma fissa għal kull oġġett ma ġiet stabbilita fl-organizzazzjoni tas-suq komuni u fir-rigward ta’ appropriazzjonijiet li ġew trasferiti biex jiffinanzjaw il-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni.

(13) Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [6], id-dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni annwali ex-post tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit tal-Komunitajiet Ewropej iddaħħlu f’dak ir-Regolament sabiex jimplimentaw l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza. Ir-Regolamenti speċifiċi għas-settur għandhom jipprovdu l-mezzi għal pubblikazzjoni bħal din. Kemm il-FAEG kif ukoll l-FEAŻR jiffurmaw parti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u min-nefqa finanzjarja fil-kuntest ta’ ġestjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Ir-regoli għalhekk għandhom jiġu stabbiliti għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-Fondi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex-post annwali tal-benefiċjarji u l-ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

(14) Li din l-informazzjoni issir aċċessibbli għall-pubbliku ssaħħaħ it-trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-politika agrikola komuni u jtejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw. Minħabba l-importanza enormi ta’ l-objettivi segwiti, huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa tal-protezzjoni tad-data personali, li tkun prevista l-pubblikazzjoni ġenerali ta’ l-informazzjoni rilevanti billi din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’soċjetà demokratika u għall-prevenzjoni ta’ l-irregularitajiet. B’kont meħud ta’ l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta’ l- 10 ta’ April 2007 [7], huwa xieraq li jsir provvediment għall-benefiċjarji tal-fondi biex dawn jiġu informati li dik id-data tista’ ssir pubblika u li din tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika u ta’ investigazzjoni.

(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT,

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3. Fejn, fi ħdan il-qafas ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ma tkunx ġiet determinata somma għal kull unità fir-rigward ta' miżura ta' intervent, il-FAEĠ għandu jiffinanza l-miżura konċernata abbażi ta' l-ammonti standard li huma uniformi mal-Komunità kollha, partikolarment għall-fondi li joriġinaw fl-Istati Membri użati għall-akkwist ta' prodotti, għall-operazzjonijiet fuq materjal relatati mal-ħżin u, fejn ikun il-każ, għall-ipproċessar ta' prodotti ta' intervent.

L-imposti u l-ispejjeż rispettivi għandhom jiġu kkalkolati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3)."

(2) Fl-Artikolu 13, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"F’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati debitament, l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-miżuri u l-programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas- 26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju [].

(3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 17a

Tnaqqis u sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar f’każijiet speċifiċi

1. Bla preġudizzju għall-Artikolu 17, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni, skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li tnaqqas jew tisspospendi l-pagamenti ta’ kull xahar msemmija fl-Artikolu 14 għal perijodu li jrid jiġi ddeterminat fid-deċiżjoni, li m’għandux jaqbeż tnax-il xahar iżda li jista’ jiġi estiż għal aktar perijodi ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu jiġu sodisfatti.

2. Il-pagamenti ta’ kull xahar jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) waħda jew iktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali in kwistjoni ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li nstabu,

(b) in-nuqqasijiet imsemmija fil-punt (a) huma ta’ natura kontinwa u kienu r-raġuni għal mill-inqas żewġ deċiżjonijiet skond l-Artikolu 31, għall-esklużjoni min-nefqa tal-finanzjament tal-Komunità mill-Istat Membru kkonċernat, u

(ċ) il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jirrimedja s-sitwazzjoni u mhuwiex f’pożizzjoni li jagħmel dan fil-futur immedjat.

3. Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bl-intenzjoni tagħha u tistaqsih għar-reazzjoni tiegħu fi żmien perijodu ddeterminat mill-Kummissjoni skond il-gravità tal-problema u li ġeneralment ma jistax ikun inqas minn 30 jum.

Il-perċentwali li biha jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi l-pagamenti ta’ kull xahar għandha tikkorrispondi għall-perċentwali deċiża mill-Kummissjoni fl-aħħar deċiżjoni tagħha kif imsemmi fil-paragrafu 2(b). Din għandha tiġi applikata għan-nefqa rilevanti li ssir mill-aġenzija li qed tħallas meta jeżistu n-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a).

4. It-tnaqqis jew is-sospensjoni m’għandhomx jitkomplew jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jibqgħux sodisfatti. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-approvazzjoni ta’ konformità skond l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament.";

(4) Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"4. Jekk wieħed mill-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jintlaħaqx, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-aġenzija akkreditata li qed tħallas u lill-korp ta’ koordinament, fil-każ li jkun inħatar wieħed. Jekk wieħed mill-ħtiġiet stabbiliti fil-punt (a) jew (c) tal-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat, id-dikjarazzjoni tan-nefqa għandha tkun inammissibbli.";

(5) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 27a

Sospensjoni u tnaqqis tal-pagamenti intermedji f’każi speċifiċi

L-Artikolu 17a għandu japplika mutatis mutandis għas-sospensjoni u t-tnaqqis tal-pagamenti intermedji msemmija fl-Artikolu 26.";

(6) Fl-Artikolu 31(5), l-punt (c) li ġej għandu jiġi miżjud:

"(c) ksur mill-Istati Membri ta’ l-obbligi tagħhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal- 21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri ta’ transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija [], dment li l-Kummissjoni tinnotifika bil-miktub lill-Istat Membru dwar ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni fi żmien 12-il xahar wara li jkun wasal ir-rapport ta’ l-Istat Membru dwar ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu tan-nefqa kkonċernata.

(7) Fl-Artikolu 33(4), għandu jitħassar it-tieni subparagrafu;

(8) Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"1. B’deroga mill-Artikoli 31(2), 32(4) u 37(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal- 21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [], somom parzjali impenjati bħala għajnuna kofinanzjata mis-Sezzjoni ta’ Gwida ta’ l-FAEGG approvata mill-Kummissjoni bejn l- 1 ta’ Jannar 2000 u l- 31 ta’ Diċembru 2006, li għaliha d-dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata effettivament mħallsa, ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(f) ta’ dak ir-Regolament ma ntbgħatux lill-Kummissjoni fi żmien 15-il xahar wara d-data finali ta’ eliġibilità tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjoni li tagħti kontribut mill-Fondi, għandha tiġi awtomatikament diżimpenjata mill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara dik id-data ta’ skadenza, li tagħti lok għal ħlas lura ta’ ammonti mħallsa b’mod mhux ġustifikat.

(9) L-Artikolu 42 hu b’dan emendat kif ġej:

(a) il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"1. il-kondizzjonijiet applikabbli għall-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji li jħallsu kif ukoll għall-akkreditazzjoni speċifika ta’ korpi ta’ koordinament, il-funzjonijiet rispettivi tagħhom, l-informazzjoni meħtieġa u l-arranġamenti biex issir disponibbli jew tiġi trasmessa lill-Kummissjoni;";

(b) għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

"8a. regoli dettaljati dwar il-finanzjament u l-kontabilità tal-miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku kif ukoll nefqa oħra ffinanzjata mill-FAEG u l-FAEŻR;

8b. ir-regoli dettaljati dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 44a u dwar l-aspetti prattiċi relatati mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skond il-prinċipji stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tal-fondi jiġu informati li din id-data tista’ ssir pubblika u tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni għall-fini tas-salvagwardja ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, inkluż il-ħin meta din l-informazzjoni għandha sseħħ;

8c. il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati applikabbli għall-approprjazzjonijiet li ġew ittrasferiti skond l-Artikolu 149(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2022 biex jiffinanzjaw in-nefqa msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) ta’ dan ir-Regolament.";

(10) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 44a

Pubblikazzjoni tal-benefiċjarji

Skond l-Artikolu 53b(2)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex post tal-benefiċjarji ta’ l-FAEG u l-FAEŻR u l-ammonti li jirċievi kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

Il-pubblikazzjoni għandha għall-inqas tinkludi:

(a) għall-FAEG, l-ammont suddiviż f’pagamenti diretti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u infiq ieħor;

(b) għall-FAEŻR, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku għal kull benefiċjarju.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-punt (3) u l-punt (5) ta’ l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill- 1 ta’ Lulju 2008.

Il-punt (6) ta’ l-Artikolu 1 għandu japplika fir-rigward tar-rapporti ta’ l-Istati Membri riċevuti għand il-Kummissjoni wara l- 1 ta’ Jannar 2008, eskluż kwalunkwe infiq li sar mill-Istati Membri qabel is-sena finanzjarja 2006.

Il-punt (10) ta’ l-Artikolu 1 għandu japplika għall-infiq mill-FAEG magħmul mis- 16 ta’ Ottubru 2007 u għall-infiq mill-FAEŻR mill- 1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill,

Il-President

J. Silva

[1] Opinjoni tal- 11 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bi 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).

[3] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).

[4] ĠU L 388, 30.12.1989, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2154/2002 (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4).

[5] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).

[6] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[7] ĠU C 134, 16.6.2007, p. 1.

[] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).";

[] ĠU L 388, 30.12.1989, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2154/2003 (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4).";

[] ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).";

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet