32007R0864


Titolu u referenza

Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ( Ruma II )

 ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  GA  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 11 ta’ Lulju 2007

dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ("Ruma II")

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(ċ) u 67 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2007 [2],

Billi:

(1) Il-Komunità stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għall-istabbiliment progressiv ta’ tali żona, il-Komunità għandha tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom impatt trans-konfinali sa fejn ikun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2) Skond l-Artikolu 65(b) tat-Trattat, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jippromwovu l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-konflitti ta’ liġijiet u ta’ ġurisdizzjoni.

(3) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil- 15 u s- 16 ta’ Ottubru 1999 ikkonferma l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet oħra ta’ awtoritajiet ġudizzjarji bħala l-pedament tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta’ miżuri sabiex jimplementaw dak il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(4) Fit- 30 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill adotta programm konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill ta’ miżuri għall-implementazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali [3]. Il-programm jidentifika miżuri li jirrelataw ma’ l-armonizzazzjoni ta’ regoli tal-konflitt ta’ liġijiet bħala dawk li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi.

(5) Il-Programm ta’ l-Aja [4], adottat mill-Kunsill Ewropew fil- 5 ta’ Novembru 2004, sejjaħ sabiex titwettaq ħidma b’mod attiv dwar ir-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ("Ruma II").

(6) Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7) Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [5] ("Brussel I") u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

(8) Dan ir-Regolament għandu japplika irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal li quddiemhom tressqet it-talba.

(9) It-talbiet li jirriżultaw minn "acta iure imperii" għandhom jinkludu talbiet magħmula kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-Istat u r-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluża r-responsabbiltà ta’ funzjonarji pubbliċi. Għalhekk, dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(10) Ir-relazzjonijiet familjari għandhom ikopru relazzjonijiet bejn axxendenti u dixxendenti, żwieġ, affinità u qraba kollaterali. Ir-referenza fl-Artikolu 1(2) għal relazzjonijiet b’effetti komparabbli ma’ dawk ta’ żwieġ u relazzjonijiet familjari oħrajn għandha tiġi interpretata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih tkun il-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(11) Il-kunċett ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu. Huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ikopru wkoll obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn responsabbiltà oġġettiva.

(12) Il-liġi applikabbli għandha tirregola wkoll il-kwistjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tiġi attribwita reponsabbilta’ fil-każ ta’ delitt jew kważi-delitt ċivili.

(13) Regoli uniformi, applikati irrispettivament mil-liġi li huma jinvokaw, jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn litiganti Komunitarji.

(14) Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. Dan ir-Regolament jipprevedi l-fatturi ta’ rabta li huma l-aktar adatti sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi regola ġenerali iżda wkoll regoli speċifiċi u, f’ċerti dispożizzjonijiet, "klawsola liberatorja" li tippermetti deroga minn dawn ir-regoli fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament marbut aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. Dan il-grupp ta’ regoli b’hekk joħloq qafas flessibbli ta’ regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet. Bl-istess mod, jagħti s-setgħa lill-qorti li quddiemha tressqet it-talba sabiex tittratta kull każ individwali b’mod adatt.

(15) Il-prinċipju ta’ "lex loci delicti commissi" huwa s-soluzzjoni bażika għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali fi kważi l-Istati Membri kollha, iżda l-applikazzjoni prattika tal-prinċipju fejn l-elementi tal-każ ikunu mifruxa f’diversi pajjiżi tvarja. Din is-sitwazzjoni hija sors ta’ inċertezza dwar il-liġi applikabbli.

(16) Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.

(17) Il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata abbażi ta’ fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Għaldaqstant, f’każijiet ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-proprjetà, il-pajjiż fejn seħħ id-dannu għandu jkun il-pajjiż fejn kien sostnut il-korriment jew fejn sar dannu lill-proprjetà rispettivament.

(18) Ir-regola ġenerali f’dan ir-Regolament għandha tkun il-"lex loci damni" prevista fl-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4(2) għandu jitqies bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali, li joħloq konnessjoni speċjali fejn il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali fl-istess pajjiż. L-Artikolu 4(3) għandu jinftiehem bħala "klawżola ta’ salvagwardja" mill-Artikolu 4(1) u (2) fejn ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt/kważi-delitt ċivili jkun b’mod ċar iżjed marbut mill-qrib ma’ pajjiż ieħor.

(19) Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal delitti/kważi-delitti ċivili speċjali fejn ir-regola ġenerali ma tippermettix li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi litigati.

(20) Ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet, għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għal dannu minn prodotti, għandha tilħaq l-objettivi li r-riskji inerenti f’soċjetà moderna ta’ teknoloġija avvanzata jinfirxu b’mod ġust, li tiġi protetta s-saħħa tal-konsumaturi, li tiġi stimulata l-innovazzjoni, li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni mhux distorta u li jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Il-ħolqien ta’ sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni, flimkien ma’ klawżola ta’ prevedibbiltà, hija soluzzjoni bbilanċjata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi. L-ewwel element li jrid jittieħed kont tiegħu huwa l-liġi tal-pajjiż li fih il-persuna li ssofri d-dannu jkollha r-residenza abitwali tagħha meta jsir id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż. L-elementi l-oħra tal-kaskata jiskattaw jekk il-prodott ma kienx kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) u għall-possibbiltà ta’ konnessjoni manifestament aktar stretta ma’ pajjiż ieħor.

(21) Ir-regola speċjali fl-Artikolu 6 mhijiex eċċezzjoni għar-regola ġenerali fl-Artikolu 4(1) iżda hija pjuttost kjarifika tagħha. Fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali, ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet għandha tipproteġi l-kompetituri, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali u tiżgura li l-ekonomija tas-suq tiffunzjona sew. Il-konnessjoni mal-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet kompetittivi jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta ġeneralment tissodisfa dawn l-objettivi.

(22) L-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jiġu mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Artikolu 6(3) għandhom ikopru ksur kemm tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni. Il-liġi applikabbli għal tali obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut. F’każijiet fejn s-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut f’aktar minn pajjiż wieħed, l-attur għandu jkun jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jagħżel li jibbaża t-talba tiegħu fuq il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(23) Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jkopri projbizzjonijiet ta’ ftehim bejn impriżi, ta’ deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u ta’ prattika miftiehma li jkollhom bħala oġġett jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan Stat Membru jew fi ħdan is-suq intern, kif ukoll projbizzjonijiet ta’ l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fi ħdan Stat Membru jew fi ħdan is-suq intern, fejn dawn il-ftehim, deċiżjonijiet, prattika miftiehma jew abbużi jkunu projbiti mill-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jew mil-liġi ta’ Stat Membru.

(24) Huwa meħtieġ li "dannu ambjentali" tkun tfisser bidla avversa f’riżors naturali, bħall-ilma, l-art jew l-arja, jew indeboliment ta’ funzjoni mwettqa minn dak ir-riżors naturali għall-benefiċċju ta’ riżors naturali ieħor jew tal-pubbliku, jew indeboliment tal-varjabbiltà fost organiżmi ħajjin

(25) Fir-rigward ta’ danni ambjentali, l-Artikolu 174 tat-Trattat, li jipprovdi li għandu jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, il-prinċipju ta’ prijorità għal azzjoni korrettiva fis-sors u l-prinċipju li min iniġġes iħallas, jiġġustifika bis-sħiħ l-użu tal-prinċipju ta’ diskriminazzjoni favur il-persuna li ssofri d-dannu. Il-kwistjoni dwar meta l-persuna li tfittex il-kumpens tista’ tagħmel l-għażla tal-liġi applikabbli għandha tiġi determinata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn tkun il-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(26) Fir-rigward ta’ ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jinżamm il-prinċipju ta’ lex loci protectionis rikonoxxut universalment. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu "drittijiet ta’ proprjetà intellettwali" għandu jiġi interpretat bħala li jfisser, per eżempju, id-dritt ta’ l-awtur, id-drittijiet relatati, id-dritt sui generis għall-protezzjoni ta’ databases u d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali.

(27) Il-kunċett preċiż ta’ azzjoni industrijali, bħal azzjoni ta’ "strike" jew ta’ qfil tal-ħaddiema barra mill-post tax-xogħol, ivarja minn Stat Membru għal ieħor u huwa regolat mir-regoli interni ta’ kull Stat Membru. Għalhekk, dan ir-Regolament jassumi bħala prinċipju ġenerali li għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn tittieħed l-azzjoni industrijali, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

(28) Ir-regola speċjali dwar azzjoni industrijali fl-Artikolu 9 hija mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni skond il-liġi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-istatus legali ta’ l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema jew tat-trade unions kif previst fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

(29) Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċjali għal meta d-dannu jirriżulta minn att divers minn delitt jew kważi-delitt ċivili, bħal fil-każijiet ta’ arrikkiment inġust, negotiorum gestio u culpa in contrahendo.

(30) Il-kunċett ta’ culpa in contrahendo għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa kunċett awtonomu u m’għandux neċessarjament jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali. Huwa għandu jinkludi l-vjolazzjoni ta’ l-obbligu ta’ l-iżvelar u l-falliment ta’ negozjati kuntrattwali. L-Artikolu 12 ikopri biss obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jippreżentaw konnessjoni diretta ma’ relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt. Dan ifisser li jekk, waqt li qiegħed jiġi negozjat kuntratt, persuna ssofri dannu personali, għandu japplika l-Artikolu 4 jew dispożizzjonijiet relevanti oħra ta’ dan ir-Regolament.

(31) Sabiex ikun rispettat il-prinċipju ta’ l-awtonomija ta’ kull parti u sabiex tittejjeb iċ-ċertezza ġuridika, għandu jkun permess lill-partijiet li jagħmlu għażla fir-rigward tal-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali. Din l-għażla għandha tiġi espressa jew manifestata b’ċertezza raġonevoli miċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim, il-qorti għandha tirrispetta l-intenzjonijiet tal-partijiet. Għandha tingħata protezzjoni lill-partijiet l-iżjed dgħajfa billi jiġu imposti ċerti kondizzjonijet fuq l-għażla.

(32) Il-konsiderazzjonijiet ta’ l-interess pubbliku jiġġustifikaw il-possibbiltà mogħtija lill-qrati ta’ l-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, japplikaw eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. B’mod partikolari, l-applikazzjoni, ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament, li jkollha l-effett li tikkawża l-impożizzjoni ta’ danni, eżemplari jew punittivi, mhux kompensatorji ta’ natura eċċessiva tista’, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ u s-sistema ġuridika ta’ l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, tiġi meqjusa bħala kuntrarja għall-ordni pubbliku ("ordre public") tal-forum.

(33) Skond ir-regoli nazzjonali attwali dwar kumpens mogħti lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku tat-triq, fil-kwantifikazzjoni ta’ danni għal korriment personali f’każijiet fejn l-aċċident iseħħ fi Stat divers minn dak tar-residenza abitwali tal-vittma, il-qorti li quddiemha tressqet it-talba għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi reali rilevanti kollha tal-vittma speċifika, inklużi partikolarment id-danni reali u l-ispejjeż ta’ kura post-operatorja u ta’ l-attenzjoni medika.

(34) Sabiex jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn il-partijiet, għandu jittieħed kont, safejn ikun xieraq, tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta fis-seħħ fil-pajjiż li fih twettaq l-att dannuż, anke fejn l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali tkun regolata minn liġi ta’ pajjiż ieħor. It-terminu "regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta" għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għar-regolamenti kollha li jkollhom kwalunkwe relazzjoni mas-sigurtà u l-kondotta, inklużi, per eżempju, ir-regoli tas-sigurtà fit-triq f’każ ta’ aċċident.

(35) Għandha tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet ikunu dispersi fost diversi strumenti u fejn ikunu jeżistu differenzi bejn dawk ir-regoli. Dan ir-Regolament, madankollu, ma jeskludix il-possibbiltà ta’ inklużjoni ta’ regoli tal-konflitt ta’ liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ materji partikolari.

Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ strumenti oħra li jistabbilixxu dispożizzjonijiet imfasslin sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern sa fejn ma jkunux jistgħu jiġu applikati flimkien mal-liġi indikata mir-regoli ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli indikata mir-regoli ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ servizzi kif regolat mill-istrumenti Komunitarji, bħad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku") [6].

(36) Ir-rispett għall-impenji internazzjonali li assumew l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu partijiet xi Stat Membru wieħed jew iżjed fid-data meta dan ir-Regolament jiġi adottat. Sabiex tagħmel ir-regoli aktar aċċessibbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-konvenzjonijiet relevanti fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

(37) Il-Kummissjoni sejra tagħmel proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet skond liema l-Istati Membri jkunu intitolati jinnegozjaw u jikkonkludu f’isimhom ftehim ma’ pajjiżi terzi f’każi individwali u eċċezzjonali, li jikkonċernaw kwistjonijiet settorjali, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

(38) Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala ta’ azzjoni u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(39) Konformement ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(40) Konformement ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma għandux japplika, b’mod partikolari, għal materji fiskali, doganali u amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat ("acta iure imperii").

2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari u relazzjonijiet li skond il-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet ikollhom effetti komparabbli, inklużi obbligazzjonijiet ta’ manteniment;

(b) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn reġimi matrimonjali, minn reġimi patrimonjali ta’ relazzjonijiet li skond il-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet għandhom effetti komparabbli ma’ dawk taż-żwieġ, u mis-suċċessjoni;

(ċ) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn kambjali, ċekkijiet u noti promissorji u strumenti negozjabbli oħra sa fejn l-obbligazzjonijiet taħt tali strumenti negozjabbli oħra jirriżultaw mill-karattru negozjabbli tagħhom;

(d) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji u dwar korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra ġuridiċi jew mhux inkorporati, ir-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u ta’ membri simili għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp u r-responsabbiltà personali ta’ awdituri lejn kumpannija jew lejn il-membri tagħha fil-verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà;

(e) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet bejn is-settlors, it-trustees jew il-benefiċjarji ta’ trust maħluq volontarjament;

(f) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn dannu nukleari;

(g) obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.

3. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prova u għall-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21 u 22.

4. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra d-Danimarka.

Artikolu 2

Obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili, arrikkiment inġust, negotiorum gestio jew culpa in contrahendo.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li probabbilment jirriżultaw.

3. Kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal:

(a) avveniment li jwassal għal dannu għandu jinkludi avvenimenti, li jwasslu għal dannu, li probabbilment iseħħu; u

(b) dannu għandu jinkludi dannu li probabbilment iseħħ.

Artikolu 3

Applikazzjoni universali

Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk tkun l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk ma tkunx.

KAPITOLU II

DELITTI JEW KWAŻI-DELITTI ĊIVILI

Artikolu 4

Regola ġenerali

1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2. Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3. Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.

Artikolu 5

Responsabbiltà għal dannu minn prodotti

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu kawżat minn prodott għandha tkun:

(a) il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li ssofri d-dannu kellha r-residenza abitwali tagħha meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(b) il-liġi tal-pajjiż minn fejn kien akkwistat il-prodott, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(ċ) il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż.

Madankollu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna allegatament responsabbli tkun abitwalment residenti jekk ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jew ta’ prodott ta’ l-istess tip, fil-pajjiż li l-liġi tiegħu tkun applikabbli taħt (a), (b) jew (ċ).

2. Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.

Artikolu 6

Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera

1. Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta.

2. Fejn att ta’ kompetizzjoni żleali jolqot esklussivament l-interessi ta’ kompetitur speċifiku, għandu japplika l-Artikolu 4.

3. a) Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn restrizzjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut.

b) Fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut f’aktar minn pajjiż wieħed, il-persuna li tfittex kumpens għal dannu li tħarrek fil-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, tista’ minflok tagħżel li tibbaża t-talba tagħha fuq il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, sakemm is-suq f’dak l-Istat Membru ikun fost dawk direttament u sostanzjalment milquta mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li minnha tirriżulta l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li fuqha tkun ibbażata t-talba; fejn l-attur iħarrek, skond ir-regoli applikabbli ta’ ġurisdizzjoni, aktar minn konvenut wieħed f’dik il-qorti, huwa jista’ jagħżel biss li jibbaża t-talba tiegħu fuq il-liġi ta’ dik il-qorti jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li fuqha tistrieħ it-talba kontra kull wieħed minn dawn l-konvenuti, direttament u sostanzjalment tolqot ukoll lis-suq ta’ l-Istat Membru ta’ dik il-qorti.

4. Il-liġi applikabbli taħt dan l-Artikolu ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14.

Artikolu 7

Dannu ambjentali

Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu ambjentali jew dannu sostnut minn persuni jew proprjetà bħala riżultat ta’ tali dannu għandha tkun il-liġi stabbilita skond l-Artikolu 4(1), sakemm il-persuna li titlob kumpens għad-dannu ma tagħżilx li tibbaża t-talba tagħha fuq il-liġi tal-pajjiż li fih ikun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu.

Artikolu 8

Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

1. Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.

2. Fil-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.

3. Il-liġi applikabbli taħt dan l-Artikolu ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14.

Artikolu 9

Azzjoni industrijali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ persuna fil-kapaċità ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li tħaddem jew ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi professjonali tagħhom għal danni kawżati b’azzjoni industrijali, pendenti jew eżegwita, għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn l-azzjoni tkun sejra titwettaq jew diġà twettqet.

KAPITOLU III

ARRIKKIMENT INĠUST, NEGOTIORUM GESTIO U CULPA IN CONTRAHENDO

Artikolu 10

Arrikkiment inġust

1. Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni.

2. Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tkun determinata abbażi tal-paragrafu 1 u l-partijiet għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għall-arrikkiment inġust, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3. Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafi 1 jew 2, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih ikun seħħ l-arrikkament inġust.

4. Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkament inġust hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 11

Negotiorum gestio

1. Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att imwettaq mingħajr l-awtorità debita b’konnessjoni ma’ l-affarijiet ta’ persuna oħra tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dik l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali, din għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni.

2. Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafu 1, u l-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3. Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafi 1 jew 2, hija għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn twettaq l-att.

4. Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att imwettaq mingħajr l-awtorità debita b’konnessjoni ma’ l-affarijiet ta’ persuna oħra hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 12

Culpa in contrahendo

1. Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx fil-fatt ġie konkluż jew le, għandha tkun il-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli għalih kieku ġie konkluż.

2. Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafu 1, hija għandha tkun:

(a) il-liġi tal-pajjiż li fih iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi li fihom seħħew il-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment, jew

(b) fejn il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu, il-liġi ta’ dak il-pajjiż, jew

(ċ) ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-punti (a) u (b), il-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 13

L-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 8

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 8 għandu japplika għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

KAPITOLU IV

IL-LIBERTÀ TA’ L-GĦAŻLA

Artikolu 14

Il-libertà ta’ l-għażla

1. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li jissottoponu obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għal liġi magħżula minnhom:

(a) bi ftehim konkluż wara li jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu li sar;

jew

(b) fejn il-partijiet kollha jeżerċitaw attività kummerċjali, ukoll bi ftehim liberament negozjat qabel ma jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu li sar.

L-għażla għandha tkun espressa jew manifestata b’mod raġonevolment ċert miċ-ċirkostanzi tal-każ u m’għandhiex tippreġudika d-drittijiet ta’ partijiet terzi.

2. Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu ġiet magħżula l-liġi, l-għażla tal-partijiet ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż ieħor li minnhom dik il-liġi ma tippermettix deroga permezz ta’ ftehim.

3. Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew f’aktar, l-għażla tal-partijiet ta’ liġi applikabbli li ma tkunx dik ta’ Stat Membru ma għandiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn ikun il-każ, kif implementata fl-Istat Membru tal-forum, li minnhom ma tkunx permessa deroga permezz ta’ ftehim.

KAPITOLU V

REGOLI KOMUNI

Artikolu 15

L-ambitu tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

(a) il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

(b) ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, kwalunkwe limitazzjoni tar-responsabbiltà u kwalunkwe diviżjoni tar-responsabbiltà;

(ċ) l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub;

(d) fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi proċedurali tagħha, il-miżuri li qorti tista’ tieħu għall-prevenzjoni jew għat-terminazzjoni ta’ leżjoni jew dannu jew sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kumpens;

(e) il-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi trasferit jedd għal indenniz jew riparazzjoni, anke permezz ta’ wirt;

(f) il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment;

(g) ir-responsabbiltà għall-atti ta’ persuna oħra;

(h) il-mod li bih tista’ tispiċċa obbligazzjoni u r-regoli ta’ preskrizzjoni u limitazzjoni, inklużi regoli relatati mal-bidu, ma’ l-interruzzjoni u mas-sospensjoni ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni jew limitazzjoni.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

F’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali.

Artikolu 17

Regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta

Fl-eżami tal-komportament tal-persuna allegatament responsabbli, għandu jittieħed kont, bħala fatt u sa fejn ikun xieraq, tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta li kienu fis-seħħ fil-post u fil-mument ta’ l-avveniment li wassal għar-responsabbiltà.

Artikolu 18

Azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli

Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 19

Surroga

Fejn persuna ("il-kreditur") ikollha talba mhux kuntrattwali kontra oħra ("id-debitur"), u persuna terza jkollha dmir li tissodisfa lill-kreditur, jew tkun fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak id-dmir, il-liġi li tirregola d-dmir tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk, u sa liema punt, il-persuna terza tkun intitolata teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.

Artikolu 20

Responsabbiltà multipla

Jekk kreditur ikollu talba kontra diversi debituri li jkunu responsabbli għall-istess talba, u wieħed mid-debituri diga’ ssodisfa t-talba totalment jew parzjalment, il-kwistjoni tal-jedd ta’ dak id-debitur li jitlob kumpens mid-debituri l-oħra għandha tkun regolata mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali ta’ dak id-debitur lejn il-kreditur.

Artikolu 21

Validità formali

Att unilaterali maħsub sabiex ikollu effett ġuridiku u relattiv għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi li tirregola l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali in kwistjoni jew il-liġi tal-pajjiż fejn isir l-att.

Artikolu 22

L-oneru tal-prova

1. Il-liġi li tirregola obbligazzjoni mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tapplika sa fejn, f’materji ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, hija tipprovdi regoli li jistabbilixxu preżunzjonijiet tal-liġi jew li jiddeterminaw l-oneru tal-prova.

2. Atti attribwiti effett ġuridiku jistgħu jiġu provati bi kwalunkwe mezz ta’ prova rikonoxxut mil-liġi tal-forum jew minn kwalunkwe waħda mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 21 li taħtha dak l-att ikun formalment validu, sakemm tali prova tkun tista’ tinġieb fil-forum.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 23

Residenza abitwali

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, għandha tkun il-post ta’ l-amministrazzjoni ċentrali.

Fejn l-avveniment li jirriżulta fid-dannu jseħħ, jew id-dannu jirriżulta, waqt l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor, il-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ikunu jinsabu għandu jitqies bħala l-post tar-residenza abitwali.

2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta’ persuna fiżika li taġixxi fl-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ negozju tagħha għandha tkun il-post prinċipali ta’ negozju tagħha.

Artikolu 24

Esklużjoni ta’ renvoi

L-applikazzjoni ta’ liġi, ta’ kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f’dak il-pajjiż diversi mir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tiegħu.

Artikolu 25

Stati b’aktar minn sistema legali waħda

1. Fejn Stat jinkludi diversi unitajiet territorjali, b’kull waħda minnhom bir-regoli legali tagħha fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, kull unità territorjali għandha titqies bħala pajjiż għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt dan ir-Regolament.

2. Stat Membru li fih unitajiet territorjali differenti ikollhom ir-regoli legali proprji tagħhom fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal konflitti bejn il-liġijiet ta’ tali unitajiet biss.

Artikolu 26

L-ordni pubbliku tal-forum

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi, ta’ kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tista tiġi eskluża biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli ma’ l-ordni pubbliku ("ordre public") tal-forum.

Artikolu 27

Ir-relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, relattivament għal materji partikolari, jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

Artikolu 28

Ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1. Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

2. Madankollu, bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevalixxi fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Lista ta’ konvenzjonijiet

1. Sal- 11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28(1). Wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-denunzji kollha ta’ tali konvenzjonijiet.

2. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni, tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

(i) lista tal-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(ii) id-denunzji msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 30

Klawsola ta’ reviżjoni

1. Mhux aktar tard mill- 20 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-adattament ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi:

(i) studju dwar l-effetti tal-mod li bih liġi barranija tiġi trattata fil-ġurisdizzjonijiet differenti u dwar il-miżura sa fejn il-qrati fl-Istati Membri japplikaw liġi barranija fil-prattika skond dan ir-Regolament;

(ii) studju dwar l-effetti ta’ l-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l- 4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-aċċidenti tat-traffiku.

2. Mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew studju dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u ta’ drittijiet marbuta mal-personalità, b’kont meħud ta’ regoli relatati mal-liberta’ ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni fil-media, u kwistjonijiet dwar il-konflitt ta’ liġijiet relatati mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [7].

Artikolu 31

Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 32

Id-data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika mill- 11 ta’ Jannar 2009, ħlief għall-Artikolu 29, li għandu japplika mill- 11 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pöttering

Għall-Kunsill

Il-President

M. Lobo Antunes

[1] ĠU C 241, 28.9.2004, p. 1.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Lulju 2005 (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 371), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal- 25 ta' Settembru 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 68) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta' Jannar 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l- 10 ta' Lulju 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta' Ġunju 2007.

[3] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

[4] ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

[5] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

[6] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

[7] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klawsola ta' reviżjoni (artikolu 30)

Il-Kummissjoni, wara l-istedina tal-Parlament u tal-Kunsill fil-qafas ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament "Ruma II", ser tressaq, mhux aktar tard minn Diċembru ta' l-2008, studju dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali li joħorġu minn ksur tal-privatezza u ta' drittijiet marbuta mal-personalità. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni u tieħu miżuri xierqa jekk dawn ikun meħtieġa.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inċidenti tat-traffiku fit-toroq

Il-Kummissjoni, konxja mill-prattiċi differenti segwiti fl-Istati Membri fir-rigward tal-livell ta' kumpens mogħti lill-vittmi ta' l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq, hija lesta teżamina l-problemi speċifiċi li jirriżultaw għal residenti ta' l-UE involuti f'inċidenti ta' traffiku fit-toroq fi Stat Membru ħlief fl-Istat Membru fejn huma residenti abitwali. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel tmiem l-2008, studju dwar l-għażliet kollha, inklużi aspetti ta' l-assigurazzjoni, għat-titjib tal-pożizzjoni ta' vittmi transkonfinali, li jħejji t-triq għal green paper.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-liġi estera

Il-Kummissjoni, konxja mill-prattiċi differenti segwiti mill-Istati Membri fir-rigward tat-trattament tal-liġi estera, ser tippubblika sa mhux iktar tard min erba' snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament "Ruma II" u f'kull ċirkostanza malli jkun disponibbli studju orizzontali dwar l-applikazzjoni tal-liġi estera fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali mill-qrati ta' l-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni lejn l-għanijiet tal-Programm ta' l-Aja. Hija lesta wkoll tieħu l-miżuri xierqa jekk dawn ikunu meħtieġa.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet