EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0862

Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 199, 31.7.2007, p. 23–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 16 Volume 003 P. 54 - 60

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/862/oj

31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 199/23


REGOLAMENT (KE) Nru 862/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-28 u d-29 ta’ Mejju 2001 ikkunsidraw, fir-rigward ta’ l-analiżi komuni u l-iskambju mtejjeb ta’ l-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil, li hemm bżonn ta’ qafas komprensiv u koerenti għal azzjoni futura għat-titjib ta’ l-istatistika.

(2)

F’April 2003, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni għall-ġbir u l-analiżi ta’ l-Istatistika Komunitarja fil-qasam tal-migrazzjoni. Din kienet tinkludi numru ta’ bidliet importanti maħsuba sabiex itejbu l-kompletezza u l-livell ta’ l-armonizzazzjoni ta’ din l-istatistika. Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni immirat sabiex tipproponi leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 ikkonkluda li kienu meħtieġa mekkaniżmi aktar effikaċi għall-ġbir u l-analiżi ta’ l-informazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2003 (3) dwar il-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq innota li kienet meħtieġa leġiżlazzjoni sabiex tiżgura l-produzzjoni ta’ statistika komprensiva neċessarja għall-iżvilupp ta’ linji politiċi Komunitarji ġusti u effikaċi dwar il-migrazzjoni. Ir-riżoluzzjoni tappoġġa l-pjanijiet tal-Kummissjoni sabiex tkun proposta leġiżlazzjoni dwar l-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

(5)

It-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea ġab miegħu dimensjoni ġeografika u politika ikbar konnessa ma’ l-iskala tal-fenomeni assoċjati mal-migrazzjoni. Ħoloq ukoll impetu addizzjonali għad-domanda għall-informazzjoni fil-forma ta’ statistika korretta, f’waqtha u armonizzata. Hemm ukoll bżonn, li dejjem qed jiżdied, għal informazzjoni fil-forma ta’ statistika li tirrigwarda l-professjonijiet, l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-tip ta’ attività tal-migranti.

(6)

Hija essenzjali statistika Komunitarja armonizzata u komparabbli dwar il-migrazzjoni u l-ażil għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni u l-linji politiċi Komunitarji relatati ma’ l-immigrazzjoni u l-ażil, u mal-moviment liberu tal-persuni.

(7)

Hemm bżonn li jkun imsaħħaħ l-iskambju ta’ l-informazzjoni fil-forma ta’ statistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil u li tkun imtejba l-kwalità tal-ġbir u l-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja, li s’issa, saru fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ “ftehim informali”.

(8)

Hu essenzjali li l-informazzjoni tkun disponibbli, ma’ l-Unjoni Ewropea kollha, għall-għanijiet ta’ monitoraġġ ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika Komunitarja. Essenzjalment, il-prattika attwali ma tiżgurax suffiċjentement, b’mod uniformi, it-twassil u l-d-disseminazzjoni regolari, f’waqthom u rapidi ta’ data armonizzata.

(9)

Dan ir-Regolament ma jkoprix stimi tan-numru ta’ persuni li jkunu residenti illegalment fl-Istati Membri. L-Istati Membri m’għandhomx jipprovdu tali stimi jew data dwar tali persuni lill-Kummissjoni (Eurostat), għalkemm dawn jistgħu jiġu inklużi f’raggruppamenti ta’ popolazzjoni minn stħarriġ.

(10)

Kull fejn ikun possibbli, id-definizzjonijiet użati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma meħudin mir-Rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni Internazzjonali, mir-Rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-Ċensimenti tal-Popolazzjonijiet u Akkomodazzjoni fir-Reġjun ta’ l-ECE jew mill-leġiżlazzjoni tal-KE, u għandhom ikunu aġġornati skond il-proċeduri rilevanti.

(11)

Il-bżonnijiet Komunitarji l-ġodda għall-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil juru li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 tad-9 ta’ Frar 1976 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika ta’ ħaddiema barranin (4) m’għadhomx applikabbli.

(12)

Ir-Regolament (KEE) Nru 311/76 għandu għalhekk jiġi mħassar.

(13)

Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jkunu stabbiliti regoli komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ statistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jintlaħqu b’mod aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(14)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja (5) jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikulari hu jitlob konformità ma’ l-istandards ta’ imparzjalità, fiduċja, oġġettività, indipendenza xjentifika, effikaċja tan-nefqa u konfidenzjalità ta’ l-istatistika.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (6).

(16)

B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex taġġorna d-definizzjonijiet, tiddeċiedi dwar ir-raggruppament ta’ data u tqassim addizzjonali u tistabbilixxi r-regoli dwar il-preċiżjoni u l-istandards ta’ kwalità. Ladarba dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u sabiex jissupplimentawh billi jżidu elementi mhux ezzenzjali ġodda, huma għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(17)

Il-Kumitat tal-Programm ta’ Statistika, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta’ Ġunju 1989 li jistabbilixxi Kumitat għall-Programmi ta’ Statistika tal-Komunitajiet Ewropej (7), kien ikkonsultat skond l-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja dwar:

(a)

l-immigrazzjoni lejn u l-emigrazzjoni minn territorji ta’ l-Istat Membru, inklużi l-flussi mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor u l-flussi bejn Stat Membru u t-territorju ta’ pajjiż terz;

(b)

iċ-ċittadinanza u l-pajjiż ta’ twelid ta’ persuni abitwalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

(ċ)

il-proċeduri u l-proċessi ġudizzjarji u amministrattivi fl-Istati Membri relatati ma’ l-immigrazzjoni, l-għoti tal-permess għar-residenza, iċ-ċittadinanza, l-ażil u forom l-oħrajn ta’ protezzjoni internazzjonali u l-prevenzjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(a)

“residenza abitwali” tfisser il-post li fih persuna normalment tqatta’ l-perjodu tal-mistrieħ tagħha matul il-ġurnata, irrispettivament minn assenzi temporanji għal finijiet ta’ rikreazzjoni, vakanza, żjarat lill-ħbieb u l-qraba, negozju, kura medika jew pellegrinaġġ reliġjuż; jew, jekk tali data ma tkunx disponibbli, il-post ta’ residenza legali jew reġistrata;

(b)

“immigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna tistabbilixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar, filwaqt li qabel kienet abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(ċ)

“emigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna, li qabel kienet abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru, tħalli r-residenza tagħha f’dak l-Istat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar;

(d)

“ċittadinanza” tfisser ir-rabta legali partikulari bejn individwu u l-Istat tiegħu, miksub permezz tat-twelid jew ta’ naturalizzazzjoni, kemm jekk permezz ta’ dikjarazzjoni, għażla, żwieġ kif ukoll jekk b’mezz ieħor skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(e)

“pajjiż ta’ twelid” tfisser il-pajjiż ta’ residenza (fil-konfini preżenti tiegħu, jekk l-informazzjoni tkun disponibbli) ta’ l-omm fil-ħin tat-twelid, jew, jekk mhux disponibbli, il-pajjiż (fil-konfini preżenti tiegħu, jekk l-informazzjoni tkun disponibbli), li fih seħħ it-twelid;

(f)

“immigrant” tfisser persuna li twettaq azzjoni ta’ immigrazzjoni;

(g)

“emigrant” tfisser persuna li twettaq azzjoni ta’ emigrazzjoni;

(h)

“resident għat-tul” tfisser resident għat-tul kif definit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (8);

(i)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kull persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat, inklużi l-persuni mingħajr Stat;

(j)

“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (9);

(k)

“stat ta’ refuġjat” tfisser stat ta’ refuġjat kif definit fl-Artikolu 2 (d) tad-Direttiva 2004/83/KE;

(l)

“stat ta’ protezzjoni sussidjarja” tfisser stat ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE;

(m)

“membri tal-familja” tfisser membri tal-familja kif definiti fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (10);

(n)

“protezzjoni temporanja” tfisser protezzjoni temporanja kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 dwar standards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (11);

(o)

“minorenni mhux akkumpanjat” tfisser minorenni mhux akkumpanjat kif definit fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE;

(p)

“fruntieri esterni” tfisser fruntieri esterni kif definiti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli dwar il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (12);

(q)

“ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu ġew miċħuda d-dħul” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu mċaħħda d-dħul fil-fruntiera esterna minħabba li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 u ma jiffurmawx parti mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament;

(r)

“ċittadini ta’ pajjiż terz misjuba preżenti b’mod illegali” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi uffiċjalment misjuba li jkunu fuq it-territorju ta’ Stat Membru u li ma jissodisfawx, jew ma baqgħux jissodisfaw, il-kondizzjonijiet sabiex jibqgħu jew il-kondizzjonijiet ta’ residenza f’dak l-Istat Membru;

(s)

“sistemazzjoni mill-ġdid” tfisser it-trasferiment ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew ta’ persuni mingħajr Stat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-bżonn tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u għal soluzzjoni fit-tul, lejn Stat Membru, fejn huma jkunu permessi jirrisjedu bi status legali assigurat.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-użu u l-effetti probabbli ta’ stimi jew ta’ metodi oħrajn ta’ adattament ta’ l-istatistika bbażata fuq definizzjonijiet nazzjonali sabiex tkun konformi mad-definizzjonijiet armonizzati stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Għas-sena ta’ referenza 2008, l-istatistika provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) taħt dan ir-Regolament tista’ tkun ibbażata fuq definizzjonijiet (nazzjonali) alternattivi. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’dawn id-definizzjonijiet alternattivi.

4.   Jekk Stat Membru ma jkunx marbut b’wieħed mit-testi legali jew aktar indikati fid-definizzjonijiet fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi statistika komparabbli ma’ dik rikjesta taħt dan ir-Regolament fejn tista’ tiġi pprovduta taħt proċeduri leġiżlattivi u/jew amministrattivi eżistenti.

Artikolu 3

Statistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali, popolazzjoni abitwalment residenti u l-akkwist taċ-ċittadinanza

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numru ta’:

(a)

immigranti deħlin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma kif ġej:

(i)

gruppi skond iċ-ċittadinanza, skond l-età u s-sess;

(ii)

gruppi skond il-pajjiż ta’ twelid, skond l-età u s-sess;

(iii)

gruppi skond il-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti skond l-età u s-sess;

(b)

emigranti ħerġin mit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma kif ġej:

(i)

gruppi ta’ ċittadinanzi;

(ii)

skond l-età;

(iii)

skond is-sess;

(iv)

skond gruppi ta’ pajjiżi tar-residenza abitwali sussegwenti;

(ċ)

persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, imqassma kif ġej:

(i)

gruppi skond iċ-ċittadinanza skond l-età u s-sess;

(ii)

gruppi skond il-pajjiż ta’ twelid skond l-età u s-sess;

(d)

persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru u li kisbu, matul il-perjodu ta’ referenza, iċ-ċittadinanza ta’ l-Istat Membru u li qabel kellhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz jew li qabel kienu mingħajr Stat, imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza preċedenti tal-persuni kkonċernati u skond jekk il-persuna kinitx preċedentement mingħajr Stat.

2.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tnax-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 4

Statistika dwar il-protezzjoni internazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a)

persuni li ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li ġew inklużi f’applikazzjoni ta’ din ix-xorta bħala membri tal-familja matul il-perjodu ta’ referenza;

(b)

persuni li jkunu s-suġġett ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati mill-awtorità nazzjonali responsabbli fl-aħħar tal-perjodu ta’ referenza;

(ċ)

applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu ġew irtirati matul il-perjodu ta’ referenza.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ xahar kalendarju u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tax-xahar ta’ referenza. L-ewwel xahar ta’ referenza għandu jkun Jannar 2008.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a)

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jiċħdu applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, bħal deċiżjonijiet li jqisu applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bħala bla bażi u deċiżjonijiet meħudin fi proċeduri ta’ prijorità aċċelerati, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(b)

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ refuġjat, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(ċ)

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(d)

persuni koperti minn deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw protezzjoni temporanja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(e)

persuni koperti minn deċiżjonijiet oħrajn ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji taħt il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkun Jannar sa Marzu 2008.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numri ta’:

(a)

applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu kkunsidrati mill-awtorità nazzjonali responsabbli bħala minorenni mhux akkumpanjati matul il-perjodu ta’ referenza;

(b)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jiċħdu applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, bħal deċiżjonijiet li jqisu applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bħala bla bażi u deċiżjonijiet meħudin fi proċeduri ta’ prijorità u aċċelerati, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(ċ)

persuni koperti minn deċiżjonijiet li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ refuġjat, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(d)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jagħtu jew jirtiraw l-istat ta’ protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(e)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali li jagħtu jew jirtiraw protezzjoni sussidjarja, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perjodu ta’ referenza;

(f)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali oħrajn, meħudin minn entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji fuq appell jew reviżjoni, li jagħtu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji taħt il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali matul il-perjodu ta’ referenza;

(g)

persuni li ngħataw awtorizzazzjoni sabiex jirrisjedu fl-Istat Membru fi ħdan il-qafas ta’ skema nazzjonali jew Komunitarja ta’ sistemazzjoni mill-ġdid matul il-perjodu ta’ referenza, fejn tali skema tkun implimentata fl-Istat Membru.

Din l-istatistika għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Hija għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-istatistika li ġejja dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (13):

(a)

in-numru ta’ talbiet għar-riammissjoni jew għall-kustodja ta’ persuna li tfittex l-ażil;

(b)

id-dispożizzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet msemmija fil-punt (a);

(ċ)

id-deċiżjonijiet meħudin bħala risposta għat-talbiet msemmija fil-punt (a);

(d)

in-numru ta’ trasferimenti bħala riżultat tad-deċiżjonijiet msemmija fil-punt (ċ);

(e)

in-numru ta’ talbiet għall-informazzjoni.

Din l-istatistika għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 5

Statistika dwar il-prevenzjoni ta’ dħul jew residenza illegali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar in-numri ta’:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fit-territorju ta’ l-Istat Membru fil-fruntiera esterna;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi misjuba preżenti illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru skond il-liġijiet nazzjonali relatati ma’ l-immigrazzjoni.

L-istatistika taħt il-punt (a) għandha tkun imqassma skond l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006.

L-istatistika taħt punt (b) għandha tkun imqassma skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati.

2.   L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 6

Statistika dwar il-permessi ta’ residenza u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar:

(a)

in-numru ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil persuni li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, imqassam kif ġej:

(i)

permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza li bih il-persuna tkun qed tingħata l-permess sabiex tirrisjedi għall-ewwel darba, imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(ii)

permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza u mogħtija meta persuna tkun qed tibdel l-istat ta’ l-immigrazzjoni jew ir-raġuni għala trid tibqa’, imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(iii)

permessi validi fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza (in-numru tal-permessi maħruġa, mhux irtirati u mhux skaduti), imqassma skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni tal-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess;

(b)

in-numru ta’ residenti fit-tul, fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, imqassam skond iċ-ċittadinanza.

2.   Fejn il-liġijiet nazzjonali u l-prattika amministrattiva ta’ l-Istat Membru jippermettu l-għotja ta’ kategoriji speċifiċi ta’ viża fit-tul jew ta’ stat ta’ immigrazzjoni minflok permessi ta’ residenza, l-għadd ta’ tali viżi u għotjiet ta’ l-istat għandhom ikunu inklużi fl-istatistika meħtieġa skond il-paragrafu 1.

3.   L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

Artikolu 7

Statistika dwar ir-ritorni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika relatata ma’:

(a)

in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz misjuba preżenti illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru u li jkunu suġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jattestaw jew jiddikjaraw li r-residenza tagħhom hija illegali u li jimponu obbligu sabiex iħallu t-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassam skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati;

(b)

in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fil-fatt ħallew it-territorju ta’ l-Istat Membru, wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, kif imsemmi fil-punt (a), imqassam skond iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati;

2.   L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2008.

3.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu trasferiti minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 343/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1560/2003.

Artikolu 8

Tqassim addizzjonali

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri relatati mad-definizzjoni ta’ tqassim addizzjonali kif stipulat hawn taħt għall-istatistika li ġejja:

(a)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4 b’mod globali, bi tqassim skond:

(i)

is-sena li fiha tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni;

(b)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(4), tqassim skond:

(i)

in-numru ta’ persuni konċernati mit-talba, mid-deċiżjoni u mit-trasferiment;

(ċ)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 5(1)(a), tqassim skond:

(i)

l-età;

(ii)

is-sess;

(d)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 5(1)(b), tqassim skond:

(i)

ir-raġunijiet għall-arrest;

(ii)

il-post ta’ l-arrest;

(e)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 6, tqassim skond:

(i)

is-sena li fiha l-permess ta’ residenza kien mogħti l-ewwel darba;

(ii)

l-età;

(iii)

is-sess;

(f)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 7, tqassim skond:

(i)

ir-raġuni għad-deċiżjoni jew l-att li jimponu obbligu ta’ tluq;

(ii)

l-età;

(iii)

is-sess.

2.   It-tqassim addizzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun provdut biss separatament, u mhux suġġett għal klassifikazzjonijiet inkroċjati mat-tqassim meħtieġ taħt l-Artikoli 4 sa 7.

3.   Meta tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ tqassim addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa ta’ din l-informazzjoni għall-finijiet ta’ żvilupp u monitoraġġ tal-linji politiċi Komunitarji u għandha tikkunsidra d-disponibbiltà ta’ sorsi adatti ta’ data u l-ispejjeż involuti.

In-negozjati dwar tqassim addizzjonali li jista’ jkun meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 4 sa 7 għandhom jinbdew mhux iktar tard mill-20 ta’ Awwissu 2009. L-ewwel sena ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ tqassim addizzjonali għandha tkun l-2010.

Artikolu 9

Sorsi ta’ data u standards ta’ kwalità

1.   L-istatistika għandha tkun ibbażata fuq is-sorsi ta’ data li ġejjin skond id-disponibilità fl-Istat Membru u konformement mal-liġijiet u l-prattika nazzjonali:

(a)

ir-records ta’ l-azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji;

(b)

ir-reġistri relatati ma’ l-azzjonijiet amministrattivi;

(ċ)

ir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ persuni jew ta’ subgrupp partikulari ta’ dik il-popolazzjoni;

(d)

ċensimenti;

(e)

surveys kampjunarji;

(f)

sorsi adatti oħrajn.

Bħala parti mill-proċess ta’ l-istatistika, jistgħu jintużaw metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika u dokumentati sew.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar is-sorsi ta’ data użati, ir-raġunijiet għall-għażla ta’ dawn is-sorsi u l-effetti tas-sorsi magħżula ta’ data fuq il-kwalità ta’ l-istatistika, u dwar il-metodi ta’ stima użati, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) kull meta jkun hemm bidliet f’dawn.

3.   Fuq talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovduha bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tevalwa l-kwalità, il-komparabbiltà u l-kompletezza ta’ l-informazzjoni statistika.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) mingħajr telf ta’ żmien bir-reviżjonijiet u l-korrezzjonijiet ta’ l-istatistika provduta bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, u dwar kull bidla fil-metodi u s-sorsi użati ta’ data.

5.   Il-miżuri relatati mad-definizzjoni tal-formati adatti għat-trażmissjoni tad-data għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 10

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistabbilixxu r-regoli dwar il-formati adatti għat-trażmissjoni tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 9 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja imsemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   Il-miżuri, li ġejjin, li jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tiegħu, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3):

(a)

l-aġġornament tad-definizzjonijiet disposti fl-Artikolu 2(1);

(b)

id-definizzjoni tal-kategoriji ta’ gruppi ta’ pajjiżi ta’ twelid, gruppi ta’ pajjiżi ta’ residenza abitwali preċedenti u sussegwenti u gruppi ta’ ċittadinanza kif previst fl-Artikolu 3(1);

(ċ)

id-definizzjoni tal-kategoriji tar-raġunijiet għall-permess kif previst fl-Artikolu 6(1)(a);

(d)

id-definizzjoni tat-tqassim addizzjonali u l-livelli ta’ tqassim li għandhom jiġu applikati għall-fatturi varjabbli kif previst fl-Artikolu 8;

(e)

l-iffissar tar-regoli dwar il-preċiżjoni u l-istandards ta’ kwalità.

Artikolu 11

Kumitat

1.   Meta tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programmi ta’ Statistika stabbilit mid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Rapport

Sa l-20 ta’ Awwissu 2012 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata skond dan ir-Regolament u l-kwalità tagħha.

Artikolu 13

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 311/76 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 31.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2007.

(3)  ĠU C 83 E, 2.4.2004, p. 94.

(4)  ĠU L 39, 14.2.1976, p. 1.

(5)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(7)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(8)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(9)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(10)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

(12)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3.


Top