32007R0614


Titolu u referenza

Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) - Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

 ĠU L 149, 9.6.2007, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
 HR.ES Chapter 15 Volume 001 P. 170 - 185

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  GA  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat- 23 ta' Mejju 2007

dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit- 8 ta' Mejju 2007,

Billi:

(1) Il-protezzjoni ambjentali hija waħda mid-dimensjonijiet ċentrali ta' l-iżvilupp sostenibbli ta' l-Unjoni Ewropea. Hija prijorità għall-ko-finanzjament Komunitarju u għandha tiġi finanzjata primarjament permezz ta' l-istrumenti finanzjarji orizzontali Komunitarji, inklużi l-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Fond Ewropew għas-Sajd u s-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u għall-attivitajiet ta' dimostrazzjoni.

(2) Dawn l-istrumenti finanzjarji Komunitarji ma jkoprux il-prijoritajiet ambjentali kollha. Għalhekk hemm il-ħtieġa għal Strument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) sabiex jipprovdi appoġġ speċifiku sabiex tiġi żviluppata u implimentata l-politika ambjentali u l-leġiżlazzjoni tal-Komunità, partikolarment l-objettivi tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarju dwar l-Ambjent (is-Sitt EAP) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Lulju 2002 [4].

(3) L-appoġġ għandu jkun ipprovdut permezz ta' ftehim ta' għotjiet u kuntratti ta' akkwist pubbliku skond ir-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [5].

(4) Il-proġetti finanzjati taħt LIFE+ għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà sabiex jiżguraw l-aħjar użu possibbli tal-fondi Komunitarji, sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud Ewropew u sabiex jiġi evitat il-finanzjament ta' attivitajiet rikorrenti, bħal operazzjonijiet ta' kuljum. Dan ma għandux jimpedixxi l-finanzjament ta' proġetti innovattivi jew ta' dimostrazzjoni.

(5) Fil-qasam tan-natura u l-bijodiversità, l-implimentazzjoni stess tal-politika u leġiżlazzjoni Komunitarji tipprovdi qafas għal valur miżjud Ewropew. Il-proġetti ta' l-aħjar prattika jew ta' dimostrazzjoni, inklużi dawk relatati mal-ġestjoni u t-tfassil tas-siti Natura 2000 skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa [6] u d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat- 2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi [7], għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament Komunitarju taħt LIFE+, ħlief fejn ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn.

(6) Hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex jiġi żgurat il-finanzjament adegwat tan-network Natura 2000, inkluż il-kofinanzjament Komunitarju. Billi l-għan ta' dan ir-Regolament huwa l-finanzjament biss tal-proġetti ta' l-aħjar prattika jew ta' dimostrazzjoni relatati mal-ġestjoni ta' siti ta' Natura 2000, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm disponibbli fondi suffiċjenti permezz ta' strumenti oħrajn għall-amministrazzjoni tan-network, li l-ispiża għaliha kienet stmata, fl-2004, ta' EUR 6100 miljun.

(7) Il-proġetti innovattivi jew ta' dimostrazzjoni relatati ma' objettivi ambjentali Komunitarji, inklużi l-iżvilupp jew id-disseminazzjoni ta' teknika ta' l-aħjar prattika, ta' kompetenzi jew ta' teknoloġiji, kif ukoll il-proġetti għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika u taħriġ speċjali għal aġenti involuti f'inizjattivi ta' prevenzjoni ta' nirien fil-foresti għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament Komunitarju taħt LIFE+, ħlief fejn dawn ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn.

(8) Il-proġetti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' objettivi Komunitarji dwar il-monitoraġġ estiż, armonizzat, komprensiv u maħsub għal perjodu fit-tul ta' foresti u interazzjonijiet ambjentali għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament Komunitarju taħt LIFE+, ħlief fejn ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn.

(9) L-isfida ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika effettiva taħt is-Sitt EAP tista' tingħeleb biss permezz ta' l-appoġġ għal proġetti, ta' l-aħjar prattika jew ta' dimostrazzjoni, għall-iżvilupp jew l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali Komunitarja; id-dimostrazzjoni ta' approċċi ta' linji politiċi innovattivi, teknoloġiji, metodi u strumenti; il-konsolidament tal-bażi tal-konoxxenza; l-iżvilupp tal-kapaċità ta' implimentazzjoni; it-trawwim ta' tmexxija tajba, il-promozzjoni ta' networking, tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' l-aħjar prattika; u d-disseminazzjoni aħjar ta' informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika u l-komunikazzjoni. L-appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp, implimentazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-komunikazzjoni u għad-disseminazzjoni ta' tali politika mal-Komunità kollha.

(10) LIFE+ għandu jkollu tliet komponenti: Natura u Bijodiversità LIFE+, Politika Ambjentali u Tmexxija LIFE+, u Informazzjoni u Komunikazzjoni LIFE+. Ghandu jkun possibbli għall-proġetti finanzjati minn LIFE+ li jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-objettivi speċifiċi ta' iktar minn wieħed minn dawn it-tliet komponenti u li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' iktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' approċċi strateġiċi sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali.

(11) Sabiex twettaq ir-rwol tagħha fit-tnedija ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali, il-Kummissjoni għandha tuża riżorsi minn LIFE+ sabiex studji u valutazzjonijiet jitlestew, sabiex tagħti servizzi bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni ta' politika u leġiżlazzjoni ambjentali, sabiex torganizza laqgħat, seminars u workshops ma' esperti u mal-partijiet interessati, għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' networks, u għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' sistemi tal-kompjuter. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-parti tal-baġit ta' LIFE+ sabiex twettaq attivitajiet ta' informazzjoni, ta' pubblikazzjoni u ta' disseminazzjoni, inklużi attivitajiet pubbliċi, esibizzjonijiet u miżuri simili ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika, għall-ispejjeż ta' preparazzjoni u produzzjoni ta' materjal awdjoviżiv, u sabiex tikseb assistenza teknika u/jew amministrattiva relatata ma' l-identifikazzjoni, il-preparazzjoni, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u s-superviżjoni ta' programmi u proġetti.

(12) L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarji. Huwa għalhekk xieraq għall-parti tal-baġit ta' LIFE+ li tappoġġa l-operazzjonijiet ta' numru ta' NGOs ambjentali adegwatament kwalifikati permezz ta' l-għoti, fuq bażi kompetittiva u trasparenti, ta' għotjiet operattivi annwali. Tali NGOs jeħtieġ li jkunu indipendenti u bla skop ta' profitt u li jsegwu l-attivitajiet għall-inqas fi tliet pajjiżi Ewropej, waħedhom jew f'forma ta' assoċjazzjoni.

(13) L-esperjenza ta' l-istrumenti attwali u tal-passat uriet b'mod ċar il-ħtieġa li wieħed jippjana u jipprogramma fuq bażi pluriennali u li jiġu kkonċentrati l-isforzi sabiex tiġi promossa l-protezzjoni ambjentali permezz tal-prijoritizzazzjoni u l-immirar ta' l-oqsma ta' l-attivitajiet li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ko-finanzjament Komunitarju.

(14) Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw prijoritajiet annwali nazzjonali, li jkunu diversi kemm minn pjanijiet u programmi mħejjija għal numru ta' setturi u li jistabbilixxu qafas għal kunsens dwar żvilupp futur kif ukoll minn pjani u programmi li jkunu ġew determinati li jeħtieġu valutazzjoni skond id-Direttiva 92/43/KEE, u dawk il-prijoritajiet ma għandhomx ikunu kunsidrati bħala pjani jew programmi suġġetti għad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent [8].

(15) Ir-rekwiżiti ta' protezzjoni ambjentali għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji, inklużi l-istrumenti finanzjarji. LIFE+ għandu għalhekk jikkomplementa strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn u l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw din il-komplementarjetà fil-livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali.

(16) Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu (Diċembru 1997) u tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika (Ġunju 2003), il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom ikunu kunsidrati bħala eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-programmi tal-Komunità, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'kull ftehim bilaterali relevanti konkluż ma' dawn il-pajjiżi.

(17) Huwa meħtieġ li jiġi konsolidat numru ta' strumenti ambjentali eżistenti u li jiġu simplifikati l-programmazzjoni u l-amministrazzjoni permezz tal-ħolqien ta' strument finanzjarju simplifikat wieħed għall-ambjent.

(18) Huwa meħtieġ ukoll li tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel u li jitkomplew il-monitoraġġ, il-verifika u l-istima kwalitattiva ta' l-attivitajiet finanzjati taħt il-programmi attwali wara li dawn jiskadu.

(19) Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba [9], għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(20) L-objettiv ġeneral ta' LIFE+ huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, aġġornament u żvilupp tal-politika u leġiżlazzjoni Komunitarji u, b'mod partikolari, li jappoġġa l-implimentazzjoni tas-Sitt EAP. Jekk jaħdmu flimkien permezz ta' l-istrumenti Komunitarji sabiex itejbu l-prestazzjoni fil-livell nazzjonali jew lokali, sabiex jiksbu l-għanijiet Komunitarji jew sabiex jipprovdu skambju ta' informazzjoni fil-Komunità kollha, l-Istati Membri jistgħu jiksbu valur miżjud Ewropew. Ladarba dan l-objettiv ta' LIFE+ ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu.

(21) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [10].

(22) Partikolarment, hemm il-ħtieġa li tiġi konferita s-setgħa lill-Kummissjoni li żżid miżuri fl-Anness I u li temenda l-Anness II ta' dan ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, jew sabiex jissupplementawh biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali, huwa meħtieġ li jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument finanzjarju għall-ambjent ("LIFE+").

2. L-objettiv ġenerali ta' LIFE+ għandu jkun li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, l-aġġornament u l-iżvilupp ta' politika u leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarji, inkluża l-integrazzjoni ta' l-ambjent f'linji politiċi oħra, u b'hekk jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli. B'mod partikolari, LIFE+ għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tas-Sitt EAP, inklużi l-istrateġiji tematiċi, u jiffinanzja miżuri u proġetti b'valur miżjud Ewropew fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1) is-"Sitt EAP" tfisser is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE;

2) "Regolament Finanzjarju" tfisser ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 3

Kriterji ta' eliġibbiltà

1. Il-proġetti finanzjati minn LIFE+ għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a) ikunu ta' interess Komunitarju billi jagħmlu kontribut sinifikattiv għall-kisba ta' l- objettiv ġenerali ta' LIFE+ dispost fl-Artikolu 1(2);

(b) ikunu teknikament u finanzjarment koerenti u fattibbli u jsarrfu l-valur tal-flus dedikati għalihom.

Fejn ikun possibbli, il-proġetti finanzjati minn LIFE+ għandhom jippromwovu sinerġiji bejn prijoritajiet differenti taħt is-Sitt EAP, u l-integrazzjoni.

2. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat valur miżjud Ewropew u sabiex jiġi evitat il-finanzjament ta' attivitajiet rikorrenti, il-proġetti għandhom jissodisfaw għall-inqas waħda mill-kriterji li ġejjin:

(a) ikunu proġetti ta' l-aħjar prattika jew ta' dimostrazzjoni, għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE jew tad-Direttiva 92/43/KEE;

(b) ikunu proġetti ta' l-aħjar prattika jew ta' dimostrazzjoni, relatati ma' objettivi ambjentali Komunitarji, inklużi l-iżvilupp jew id-disseminazzjoni ta' teknika ta' l-aħjar prattika, ta' kompetenzi jew ta' teknoloġiji;

(ċ) ikunu kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika u taħriġ speċjali għal aġenti involuti fil-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti;

(d) ikunu proġetti għall-iżvilupp u implimentazzjoni ta' objettivi Komunitarji relatati mal-monitoraġġ estiż, armonizzat, komprensiv u għall-perjodu fit-tul ta' foresti u interazzjonijiet ambjentali.

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

1. LIFE+ għandu jikkonsisti fi tliet komponenti:

- Natura u Bijodiversità LIFE+,

- Politika Ambjentali u Tmexxija LIFE+,

- Informazzjoni u Kommunikazzjoni LIFE+.

2. L-objettivi speċifiċi tal-komponent "Natura u Bijodiversità LIFE+" għandhom ikunu:

(a) li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' politika u leġiżlazzjoni Komunitarji dwar in-natura u l-bijodiversità, b'mod partikolari d-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE, anke fil-livelli lokali u reġjonali, u li jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni tan-network Natura 2000, inklużi l-habitats u l-ispeċi tal-kosta u marittimi;

(b) li jikkontribwixxi għall-konsolidament tal-bażi tal-konoxxenza għall-iżvilupp, stima, monitoraġġ u valutazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni Komunitarji dwar in-natura u bijodiversità;

(ċ) li jappoġġa l-pjan u l-implimentazzjoni ta' approċċi u strumenti ta' politika għall-monitoraġġ u l-istima tan-natura u l-bijodiversità u l-fatturi, il-pressjonijiet u r-rispons li jħallu impatt fuqhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-mira li jitwaqqfu t-telf tal-bijodiversità fil-Komunità sa l-2010 u t-theddida li l-bidla fil-klima toħloq għan-natura u għall-bijodiversità;

(d) li jipprovdi appoġġ għal tmexxija aħjar ta' l-ambjent billi jsir aktar estiż l-involviment tal-partijiet interessati, inkluż dak ta' l-NGOs, fil-konsultazzjonijiet dwar u l-implimentazzjoni tal-politika u tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura u l-bijodiversità.

3. L-objettivi speċifiċi tal-komponent "Politika Ambjentali u Tmexxija LIFE+" għandhom ikunu, fir-rigward ta' l-objettivi tas-sitt EAP, kif ukoll għall-oqsma ta' prijorità tal-bidla fil-klima, ta' l-ambjent u tas-saħħa u kwalità tal-ħajja, u tar-riżorsi naturali u skart:

(a) li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' approċċi ta' politika, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi;

(b) li jikkontribwixxi għall-konsolidament tal-bażi tal-konoxxenza għall-iżvilupp, stima, monitoraġġ u valutazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni ambjentali;

(ċ) li jappoġġa l-pjan u l-implimentazzjoni ta' approċċi għall-monitoraġġ u stima ta' l-istat ta' l-ambjent u l-fatturi, il-pressjonijiet u r-risponsi li jħallu impatt fuqu;

(d) li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali Komunitarja, b'enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni fil-livelli lokali u reġjonali;

(e) li jipprovdi appoġġ għal tmexxija ambjentali aħjar, billi jitwessa' l-involviment tal-partijiet interessati, inkluż dak ta' NGOs, fil-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.

4. L-objettivi speċifiċi tal-komponent "Informazzjoni u Komunikazzjoni LIFE+" għandhom ikunu:

(a) id-disseminazzjoni ta' informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluża l-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti;

(b) li jipprovdi appoġġ għal miżuri ta' akkumpanjament, bħal informazzjoni, azzjonijiet u kampanji ta' komunikazzjoni, konferenzi u taħriġ, inkluż taħriġ dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti.

5. L-Anness I fih il-lista ta' miżuri eliġibbli.

Artikolu 5

Tipi ta' intervent

1. Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a) ftehim ta' għotja;

(b) kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2. Jistgħu jingħataw għotjiet Komunitarji f'forom speċifiċi, bħal ftehim kwadru ta' sħubija, parteċipazzjoni f'mekkaniżmi u fondi finanzjarji, jew ko-finanzjament ta' għotjiet operattivi jew ta' azzjoni. L-għotjiet operattivi lil entitajiet li jsegwu l-objettivi ta' interess ġenerali Ewropew ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar tnaqqis gradwali fir-Regolament Finanzjarju.

3. Għal għotjiet ta' azzjoni, ir-rata massima ta' ko-finanzjament għandha tkun 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli. Madankollu, bħala eċċezzjoni, ir-rata massima ta' ko-finanzjament għall-komponent "Natura u Bijodiversità LIFE+" tista' tkun sa 75 % ta' l-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta' proġetti li jikkonċernaw habitats jew speċi prijoritarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE jew l-ispeċi ta' għasafar meqjusa bħala prijorità għall-finanzjament mill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 79/409/KEE meta dan ikun meħtieġ sabiex jinkiseb l-objettiv tal-konservazzjoni.

4. Fil-każ ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, il-fondi Komunitarji jistgħu jkopru l-ispejjeż ta' servizzi u merkanzija. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu l-infiq fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-valutazzjoni ta' proġetti, linji politiċi, programmi u leġiżlazzjoni.

5. L-ispejjeż tas-salarji tal-ħaddiema taċ-ċivil jistgħu jiġu finanzjati biss sa fejn dawn ikunu relatati ma' l-ispiża ta' l-attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-proġett li l-awtorità pubblika relevanti ma kinetx twettaq kieku l-proġett konċernat ma sarx. Il-persunal konċernat għandu jkun sekondat b'mod speċifiku għal proġett u għandu jirrappreżenta spiża addizzjonali fir-rigward tal-persunal permanenti eżistenti.

6. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dan ir-Regolament skond ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Programmazzjoni u għażla ta' proġetti

1. Għall-inqas 78 % tar-riżorsi baġitarji għal LIFE+ għandhom jiġu użati bħala għotjiet għal azzjonijiet għall-proġetti.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura distribuzzjoni proporzjonata ta' proġetti billi tistabbilixxi allokazzjonijiet annwali indikattivi għall-perjodi 2007-2010 u 2011-2013, ibbażati fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) popolazzjoni:

(i) il-popolazzjoni totali ta' kull Stat Membru. Għandha tiġi attribwita peżatura ta' 50 % lil dan il-kriterju;

u

(ii) id-densità tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru, sa limitu li jkun id-doppju tad-densità medja tal-popolazzjoni ta' l-UE. Għandha tiġi attribwita peżatura ta' 5 % lil dan il-kriterju;

(b) natura u bijodiversità:

(i) iż-żona totali tas-siti ta' importanza Komunitarja għal kull Stat Membru, espressa bħala proporzjon taż-żona totali tas-siti ta' importanza Komunitarja. Għandha tiġi attribwita peżatura ta' 25 % lil dan il-kriterju;

u

(ii) il-proporzjon tat-territorju ta' Stat Membru kopert minn siti ta' importanza Komunitarja relattivament għall-proporzjon tat-territorju Komunitarju kopert minn siti ta' importanza Komunitarja. Għandha tiġi attribwita peżatura ta' 20 % lil dan il-kriterju.

Hekk kif id-data relevanti tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kalkoli għan-natura u l-bijodiversità abbażi kemm tas-siti ta' importanza Komunitarja kif ukoll taż-żoni ta' protezzjoni speċjali, filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tagħmel allokazzjonijiet addizzjonali lil Stati Membri li ma jmissux mal-baħar. L-ammont totali ta' tali allokazzjonijiet ma għandux ikun aktar minn 3 % tar-riżorsi baġitarji totali dedikati lil għotjiet għal azzjonijiet għall-proġetti.

Madankollu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ebda allokazzjoni ta' Stat Membru ma tkun inqas minn minimu xieraq ta' bejn EUR 1 u 3 miljun kull sena, b'kont meħud tad-densità tal-popolazzjoni, tan-nefqa ambjentali, tal-ħtieġa ambjentali u tal-kapaċità ta' assorbiment.

3. Il-programm strateġiku pluriennali dispost fl-Anness II jispeċifika ż-żoni prijoritarji ta' azzjoni għall-finanzjament Komunitarju relattivament għall-objettivi u kriterji disposti fl-Artikoli 1, 3 u 4.

L-Istati Membri jistgħu, għall-parti tal-baġit dedikata lil għotjiet għal azzjonijiet għall-proġetti, jippreżentaw lill-Kummissjoni prijoritajiet annwali nazzjonali magħżula mill-Anness II li, skond kif ikun meħtieġ:

(a) jidentifikaw żoni prijoritarji u tipi ta' proġetti, b'kont meħud tal-ħtiġijiet identifikati għall-perjodu fit-tul;

u

(b) jiddefinixxu l-objettivi nazzjonali speċifiċi.

Jekk xi Stat Membru jiddeċiedi li jippreżenta prijoritajiet annwali nazzjonali lill-Kummissjoni, huwa jista' jinkludi prijoritajiet transnazzjonali.

4. Jekk xi Stat Membru jiddeċiedi li jippreżenta prijoritajiet annwali nazzjonali lill-Kummissjoni, huwa għandu jagħmel dan mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mid-data speċifikata skond l-Artikolu 14(2)(a). L-ebda prijorità bħal dawn ma għandhom jiġu preżentati fir-rigward tas-sejħa annwali għall-proposti għall-baġit ta' l-2007.

5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa annwali għall-proposti għall-komponenti elenkati fl-Artikolu 4(1), b'kont meħud, partikolarment, tal-programm strateġiku pluriennali dispost fl-Anness II u kwalunkwe prijorità annwali nazzjonali preżentata skond il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

6. L-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni l-proposti kollha għall-proġetti maħsuba għall-finanzjament. Fil-każ ta' proġetti transnazzjonali, l-Istat Membru li fih ikun reġistrat il-benefiċjarju għandu jressaq il-proposta. Il-proġett għandu jiġi attribwit proporzjonatament għall-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi ta' l-Istat Membru involut.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kummenti bil-miktub dwar proposti individwali ta' proġetti. Huma jistgħu jikkummentaw, partikolarment, dwar jekk proposta tikkorrispondix jew le għall-prijoritajiet annwali nazzjonali magħżula mill-Anness II.

7. Il-Kummissjoni għandha tagħżel proġetti abbażi ta' l-objettivi u l-kriterji disposti fl-Artikoli 1, 3 u 4 u fl-Annessi I u II.

Meta tfassal il-lista ta' proġetti kunsidrati għal sostenn finanzjarju skond l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi stabbiliti skond il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lil dawk il-proġetti li jagħtu l-akbar kontribut lejn il-kisba ta' l-objettivi Komunitarji, b'kont meħud:

(a) tal-prijoritajiet nazzjonali preżentati skond il-paragrafu 4;

u

(b) tal-kummenti mill-Istati Membri dwar il-proposti individwali ta' proġetti skond il-paragrafu 6.

Il-Kummissjoni għandha tieħu speċjalment kont tal-proġetti transnazzjonali meta l-koperazzjoni transnazzjonali tkun essenzjali sabiex tiġi garantita l-protezzjoni ambjentali, partikolarment il-konservazzjoni ta' l-ispeċi, u għandha tagħmel dak li tista' sabiex tiżgura li għall-inqas 15 % tar-riżorsi baġitarji dedikati lil għotjiet għal azzjonijiet għall-proġetti jkunu allokati lil proġetti transnazzjonali.

8. Jekk is-somma tal-kofinanzjament meħtieġ għall-proġetti fuq il-lista mfassla skond il-paragrafu 7 fir-rigward ta' xi Stat Membru partikolari tkun inqas mill-allokazzjoni indikattiva għal dak l-Istat Membru abbażi tal-kriterji disposti fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tuża l-bilanċ għall-kofinanzjament ta' dawk il-proġetti preżentati minn Stati Membri oħrajn li jagħtu l-akbar kontribut lejn il-kisba ta' l-objettivi Komunitarji disposti fl-Artikoli 1, 3 u 4 u fl-Annessi I u II.

9. Meta tipproponi l-lista ta' proġetti għall-kofinanzjament lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1), il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni bil-miktub dwar kif ħadet kont tal-kriterji ta' allokazzjoni stabbiliti skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u tal-prijoritajiet annwali nazzjonali u tal-kummenti preżentati skond il-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu, fl-osservanza ta' l-objettivi u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 1, 3 u 4.

10. Il-Kummissjoni għandha tippubblika b'mod regolari listi ta' proġetti finanzjati permezz ta' LIFE+, inklużi deskrizzjoni ta' l-objettivi u r-riżultati miksuba u sommarju tal-fondi li ntefqu. Hija għandha tagħmel hekk billi tuża l-mezzi tal-medja u t-teknoloġiji adatti, inkluż l-Internet.

Artikolu 7

Benefiċjarji

Korpi pubbliċi u/jew privati, atturi u istituzzjonijiet jistgħu jirċievu finanzjament permezz ta' LIFE+.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-programmi finanzjati permezz tal-LIFE+ għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin, sakemm jiġu rċevuti approprjazzjonijiet supplementari:

(a) Stati ta' l-EFTA li saru membri ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 933/1999 tad- 29 ta' April 1999 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1210/90 dwar l-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-qafas Ewropew għall-informazzjoni u osservazzjoni ambjentali [11];

(b) pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea;

(ċ) pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 9

Komplementarjetà bejn strumenti finanzjarji

Dan ir-Regolament ma għandhux jiffinanzja miżuri li jaqgħu fi ħdan il-kriterji ta' eliġibbiltà ta', jew li jirċievu għajnuna għall-istess skop minn, strumenti finanzjarji Komunitarji oħra, inklużi l-Fond ta' Żvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Fond tas-Sajd Ewropew u s-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u għall-attivitajiet ta' dimostrazzjoni. Il-benefiċjarji skond dan ir-Regolamet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar finanzjament li huma jkunu rċivew mill-baġit tal-Komunità u dwar l-applikazzjonijiet kurrenti tagħhom għall-finanzjament lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà ma strumenti Komunitarji oħra. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar dawn il-materji fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u tal-valutazzjoni finali prevista fl-Artikolu 15.

Artikolu 10

Perjodu u riżorsi baġitarji

1. Dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat matul il-perjodu li jibda fl- 1 ta' Jannar 2007 u jintemm fil- 31 ta' Diċembru 2013.

2. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' LIFE+ għandu jiġi ffissat għal EUR 2143409000 għall-perjodu mill- 1 ta' Jannar 2007 sal- 31 ta' Diċembru 2013.

3. Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet annwali disponibbli fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

4. Għall-inqas 50 % tar-riżorsi baġitarji għal-LIFE+ dedikati lil għotjiet għal azzjonijiet għall-proġetti għandhom jiġu allokati għal miżuri li jappoġġaw il-konservazzjoni tan-natura u tal-bijodiversità.

Artikolu 11

Monitoraġġ

1. Għall-proġetti finanzjat minn LIFE+, il-benefiċjarju għandu jippreżenta lill-Kummisjoni rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tax-xogħol. Għandu jiġi preżentat ukoll rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' kull proġett.

2. Mingħajr preġudizzju għall-verifiki li jsiru mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mal-korpi jew dipartimenti kompetenti tal-verifika nazzjonali skond l-Artikolu 248 tat-Trattat, jew għal kwalunkwe ispezzjoni li ssir skond l-Artikolu 279(1)(b) tat-Trattat, l-uffiċjali u persunal ieħor tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjuni, fuq proġetti finanzjati taħt LIFE+, b'mod partikolari sabiex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 3.

3. Kull kuntratt u ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament għandu jipprovdi b'mod partikolari għal superviżjoni u kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni. jew minn kwalunkwe rappreżentant li l-Kummissjoni tista' tawtorizza, u għal verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri, jekk ikun meħtieġ fuq il-post.

4. Il-benefiċjarju ta' l-assistenza finanzjarja għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għal perjodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe proġett, id-dokumenti kollha ta' appoġġ rigward l-infiq fuq dak il-proġett.

5. Fuq il-bażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli ta' kampjuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, taġġusta l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-allokazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja approvati oriġinarjament kif ukoll l-iskeda kronoloġika tal-ħlasijiet.

6. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi l-oħra kollha li jkunu meħtieġa sabiex tivverifika li l-proġetti finanzjati jitwettqu korrettament u konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 12

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività oħra illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u bl-irkupru ta' l-ammonti indebitament mħallsa u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-applikazzjoni ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat- 18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [12], ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal- 11 Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritjiet oħra [13], u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [14].

2. Għall-proġetti finanzjati taħt LIFE+, "irregolarità" kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandha tfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu jew ikollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati mill-Komunitajiet, b'nefqa mhux ġustifikata.

3. Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta' għajnuna finanzjarja mogħti għal proġett jekk issib irregolaritajiet, inkluż n-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mad-deċiżjoni individwali jew mal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-proġett ikun ġie suġġett għal tibdil li jkun konfliġġenti man-natura tiegħu jew mal-kondizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

4. Jekk l-iskadenzi ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-għajnuna finanzjarja mogħtija tkun ġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' proġett, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju sabiex jippreżenta osservazzjonijiet f' perjodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tirrevoka l-għajnuna finanzjarja li jifdal u titlob il-ħlas lura tas-somom diġà mħallsa.

5. Kwalunkwe ħlas indebitu għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-interessi għandhom jiġu magħduda ma' kwalunkwe somma mhux imħallsa lura f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

Artikolu 14

Deċiżjonijiet implimentattivi

1. Id-deċiżjonijiet li ġejjin, imfasslin sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2):

(a) sabiex jiġu miżjuda miżuri fl-Anness I;

(b) sabiex jiġi emendat l-Anness II.

2. Id-deċiżjonijiet implimentattivi li ġejjin għandhom jittieħdu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3):

(a) sabiex jiġu speċifikati l-format, il-kontenut u d-dati ta' preżentazzjoni għall-prijoritajiet annwali nazzjonali għall-finijiet ta' l-Artikolu 6(4);

(b) sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-proċedura ta' l-għażla tal-proġetti għall-perjodu mill-2008 sa l-2013 skond l-Artikolu 6;

(ċ) sabiex tiġi deċiża l-lista ta' proġetti aċċettati għall-kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 6(7) u (8);

(d) sabiex jiġu determinati il-forma u l-kontenut tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 11(1);

u

(e) sabiex jiġu stabbiliti indikaturi li jgħinu fil-monitoraġġ ta' miżuri finanzjati minn LIFE+.

Artikolu 15

Valutazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jsir monitoraġġ regolari tal-programmi pluriennali sabiex jiġi stmat l-impatt tagħhom.

2. Mhux iktar tard mit- 30 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' LIFE+ lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 13(1). Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-2007 sa' l-2009. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tipproponi modifiki għad-deċiżjonijiet implimentattivi skond l-Artikolu 14.

3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għal valutazzjoni finali ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex tistma l-kontribut, kemm speċifikament kif ukoll ġeneralment, mogħti mill-azzjonijiet u proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament lill-implimentazzjoni, l-aġġornament u l-iżvilupp tal-politika u leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarji u l-użu magħmul mill-approprjazzjonijiet. Għandha tippreżenta din l-valutazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2012, flimkien, jekk ikun il-każ, ma' proposta għal żvilupp ulterjuri ta' strument finanzjarju esklussivament fil-qasam ambjentali, li għandu japplika mill-2014 'il quddiem.

Artikolu 16

Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali

1. Huma b'dan imħassra l-istrumenti li ġejjin bil-ħsieb ta' simplifikazzjoni u konsolidazzjoni:

(a) ir-Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Lulju 2000 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE) [15];

(b) id-Deċiżjoni Nru 1411/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 27 ta' Ġunju 2001 dwar Qafas tal-Komunità għall-koperazzjoni għall-promozzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli [16];

(ċ) id-Deċiżjoni Nru 466/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 1 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju li jippromwovi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma primarjament attivi fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali [17];

(d) u r-Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ ta' foresti u ta' interazzjonijiet ambjentali fil-Komunità (Forest Focus) [18].

2. Il-miżuri mibdija qabel il- 31 ta' Diċembru 2006 skond l-atti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, sat-tlestija tagħhom, jibqgħu jiġu regolati b'dawk l-atti. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) għandu jissostitwixxi l-kumitati previsti f'dawn l-atti. Dan ir-Regolament għandu jintuża sabiex jiġu finanzjati kwalunkwe monitoraġġ u valutazzjoni obbligatorji meħtieġa taħt dawk l-atti wara l-iskadenza tagħhom. Sat-tlestija tagħhom, il-miżuri għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tekniċi definiti fl-atti msemmija fil-paragrafu 1.

3. Għall-għotjiet mogħtija fl-2007 taħt il-punt (a) ta' l-Anness I, il-perjodu ta' eliġibbiltà tan-nefqa jista' jibda fl- 1 ta' Jannar 2007, sakemm in-nefqa ma tippreċedix id-data li fiha tibda s-sena baġitarja tal-benefiċjarju. Għal għotjiet bħal dawn, fuq bażi eċċezzjonali, il-ftehim imsemmija fl-Artikolu 112(2) tar-Regolament Finanzjarju jistgħu jiġu ffirmati mhux aktar tard mill- 31 ta' Ottubru 2007.

4. L-ammont meħtieġ fi ħdan il-pakkett finanzjarju bħala provvediment għall-miżuri ta' monitoraġġ u ta' verifika fil-perjodu wara l- 31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun meqjus bħala konfermat biss jekk ikun konsistenti mal-qafas finanzjarju ġdid applikabbli mill-2014.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta' Mejju 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pôttering

Għall-Kunsill

Il-President

G. Gloser

[1] ĠU C 255, 14.10.2005, p. 52.

[2] ĠU C 231, 20.9.2005, p. 72.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Lulju 2005 (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 451), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas- 27 ta' Ġunju 2006 (ĠU C 238 E, 3.10.2006, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 24 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Mejju 2007.

[4] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

[5] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[6] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

[7] ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE.

[8] ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

[9] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[10] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[11] ĠU L 117, 5.5.1999, p. 1.

[12] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[13] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[14] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[15] ĠU L 192, 28.7.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1682/2004 (ĠU L 308, 5.10.2004, p. 1).

[16] ĠU L 191, 13.7.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

[17] ĠU L 75, 16.3.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE.

[18] ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 788/2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 17).

--------------------------------------------------

ANNESS I

MIŻURI ELIĠIBBLI GĦAL FINANZJAMENT

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, il-miżuri li ġejjin jistgħu jiġu finanzjati minn LIFE+ jekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà disposti fl-Artikolu 3:

(a) attivitajiet operattivi ta' NGOs li jkunu primarjament attivi sabiex jipproteġu u jtejbu l-ambjent fil-livell Ewropew u involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni Komunitarji;

(b) l-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-networks, ta' databases u tas-sistemi tal-kompjuter direttament marbuta ma' l-implimentazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarji, b'mod partikolari fit-titjib ta' l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali;

(ċ) studji, stħarriġ, mudellar u bini ta' xenarju;

(d) monitoraġġ, inkluż il-monitoraġġ ta' foresti;

(e) għajnuna għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet;

(f) taħriġ, workshops u laqgħat, inkluż it-taħriġ ta' aġenti involuti f'inizjattivi ta' prevenzjoni ta' nirien fil-foresti;

(g) networking u sisien ta' l-aħjar prattika;

(h) azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika u, b'mod partikolari, kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika dwar nirien fil-foresti;

(i) id-dimostrazzjoni ta' approċċi, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi ta' politika;

u

(j) speċifikament għall-komponent tan-natura u l-bijodiversità:

- l-amministrazzjoni ta' siti u ta' speċi u l-ippjanar ta' siti, inkluż it-tisħiħ tal-koerenza ekoloġika tan-network Natura 2000;

- il-monitoraġġ ta' l-istat ta' konservazzjoni, inkluż it-twaqqif ta' proċeduri u strutturi għal tali monitoraġġ;

- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-konservazzjoni ta' speċi u habitats;

- l-estensjoni tan-network Natura 2000 f'żoni marittimi;

- ix-xiri ta' art, sakemm:

- ix-xiri jikkontribwixxi għall-manteniment jew restawr ta' l-integrità ta' xi sit ta' Natura 2000,

- ix-xiri ta' art ikun l-uniku jew l-aktar mezz effettiv sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq ta' konservazzjoni,

- l-art mixtrija tkun riżervata għal perjodu fit-tul għal użi konsistenti ma' l-objettivi disposti fl-Artikolu 4(2),

u

- l-Istat Membru konċernat jiżgura, permezz ta' trasferiment jew b'xi mod ieħor, ir-riżerva ta' tali art għall-perjodu fit-tul għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura.

--------------------------------------------------

ANNESS II

PROGRAMM STRATEĠIKU PLURIENNALI

IN-NATURA U L-BIJODIVERSITÀ

1. Objettiv prinċipali

Il-protezzjoni, konservazzjoni, rinnovazzjoni, monitoraġġ u faċilitazzjoni tal-funzjonament ta' sistemi naturali, ta' ħabitats naturali, u ta' flora u fawna selvaġġi, bl-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, inkluża d-diversità ta' riżorsi ġenetiċi, fl-UE sa' l-2010.

1.1. Oqsma ta' prijorità għall-azzjoni:

- kontribut għall-implimentazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni Komunitarji dwar in-natura u l-bijodiversità, b'mod partikolari d-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE, u l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tagħhom f'oqsma oħra tal-politika;

- appoġġ għall-iżvilupp u implimentazzjoni ulterjuri tan-network ta' Natura 2000, inklużi l-ħabitats u l-ispeċji kostali u marittimi;

- appoġġ għat-tfassil u implimentazzjoni ta' approċċi u strumenti ta' politika għall-monitoraġġ u valutazzjoni tan-natura u l-bijodiversità u tal-fatturi, pressjonijiet u risposti li għandhom impatt fuqhom, b'mod partikolari f'relazzjoni mal-kisba tal-mira tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità fil-Komunità sa l-2010;

- titjib fil-konoxxenza ta' l-impatt, ta' organiżmi ġenetikament modifikati, fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità: metodoloġiji ta' stima tar-riskju.

POLITIKA AMBJENTALI U TMEXXIJA

2. Objettiv prinċipali "Bidla fil-Klima"

L-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-gassijiet serra f'livell li jipprevjeni tisħin globali 'l fuq minn 2 °C.

2.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- l-assigurazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-impenji ta' l-UE taħt il-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u l-iżvilupp ta' strateġija u programm ta' implimentazzjoni għal wara l-2012,

- l-assigurazzjoni ta' l-adattament, fl-UE, ta' l-ekonomija u tas-soċjetà, tan-natura u bijodiversità, tar-riżorsi ta' l-ilma u tas-saħħa tal-bniedem għall-impatti negattivi tal-bidla fil-klima (għal żjieda potenzjali fit-temperatura ta' 2 °C li tirriżulta minn żidiet fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra) u l-mitigazzjoni ta' tali impatti,

- l-assigurazzjoni ta' l-implimentazzjoni u ta' l-użu ta' strumenti ibbażati fuq is-suq, b'mod partikolari l-iskambju ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, sabiex jinkiseb it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'mod li jkun effettiv meta mqabbel man-nefqa f'qafas ta' wara l-2012.

3. Objettiv prinċipali "Ilma"

Jingħata kontribut għat-titjib fil-kwalità ta' l-ilma permezz ta' l-iżvilupp ta' miżuri li jkunu effikaċji fid-dawl tan-nefqa tagħhom sabiex jinkiseb status ekoloġiku tajjeb bil-ħsieb li jiġi żviluppat l-ewwel pjan ta' mmaniġġar ta' baċir ta' xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE [1] sa l-2009.

3.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- skambju ta' informazzjoni li tkun relevanti għall-politika, u skambju ta' l-aħjar prattika,

- titjib fl-integrazzjoni tal-politika xjentifika u fit-trasferiment ta' riżultati b'appoġġ lill-Istati Membri fil-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' mmaniġġar ta' baċiri ta' xmajjar, inkluża l-preparazzjoni tal-programmi ta' miżuri taħt id-Direttiva 2000/60/KE u miżuri ta' integrazzjoni minn Direttivi prinċipali bħad-Direttiva 91/271/KEE [2], id-Direttiva 91/414/KEE [3] id-Direttiva 91/676/KEE [4], id-Direttiva 96/61/KE [5], id-Direttiva 98/83/KE [6] u d-Direttiva 2006/7/KE [7],

- kontribut għall-implimentazzjoni effikaċi ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar,

- fatturi idromorfoloġiċi bħar-restawr tal-pjanuri ta' l-għargħar u miżuri oħrajn b'appoġġ għal Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar.

4. Objettiv prinċipali "Arja"

Il-kisba ta' livelli tal-kwalità ta' l-arja li ma jipprovokawx impatti negattivi sinifikattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u riskji għalihom.

4.1. Qasam prijoritarju ta' azzjoni:

- l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Tematika dwar it-tniġġis ta' l-arja.

5. Objettiv prinċipali "Ħamrija"

Il-protezzjoni u l-assigurazzjoni ta' l-użu sostenibbli tal-ħamrija permezz tal-preservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija, il-prevenzjoni ta' theddid għall-ħamrija, il-mitigazzjoni ta' l-effetti tagħhom u r-restawr ta' ħamrija degradata.

5.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija,

- l-assigurazzjoni tal-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-ħamrija.

6. Objettiv prinċipali "Ambjent urban"

Jingħata kontribut għat-titjib fil-prestazzjoni ambjentali taż-żoni urbani Ewropej.

6.1. Qasam prijoritarju ta' azzjoni:

- kontribut għall-implimentazzjoni aħjar tal-politika u leġislazzjoni ambjentali Komunitarji eżistenti fil-livell lokali permezz ta' l-appoġġ u l-inkoraġġiment lill-awtoritajiet lokali sabiex jadottaw approċċ aktar integrat għall-immaniġġar urban, inklużi l-oqsma tat-trasport u l-enerġija.

7. Objettiv prinċipali "Storbju"

Jingħata kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika dwar l-istorbju ambjentali.

7.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- prevenzjoni u tnaqqis ta' effetti dannużi mill-espożizzjoni għall-istorbju ambjentali.

8. Objettiv prinċipali "Kimiċi"

Titjib fil-protezzjoni ta' l-ambjent u tas-saħħa sa l-2020 minn riskji mill-kimiċi permezz ta' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar kimiċi, b'mod partikolari tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 [8] (REACH) u ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli ta' pestiċidi.

8.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- skambju ta' informazzjoni relevanti għall-politika, u skambju ta' l-aħjar prattika;

- titjib fl-integrazzjoni ta' politika xjentifika u t-trasferiment ta' riżultati sabiex jingħata sfond tekniku solidu b'appoġġ għal REACH;

- l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.

9. Objettiv prinċipali "Ambjent u saħħa"

L-iżvilupp tal-bażi ta' informazzjoni għall-politika dwar l-ambjent u s-saħħa (il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent u Saħħa 2004-2010).

9.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- bijomonitoraġġ uman u abbinament ta' data dwar l-ambjent u s-saħħa.

- il-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent.

10. Objettiv prinċipali "Riżorsi naturali u skart"

- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji politiċi mfassla sabiex jassiguraw l-immaniġġar sostenibbli u l-użu ta' riżorsi naturali u skart, u titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti, fil-produzzjoni sostenibbli u tendenzi konsumistiċi, fil-prevenzjoni ta' l-iskart, fl-irkupru u riċiklaġġ.

- Jingħata kontribut għall-implimentazzjoni effikaċi ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart.

10.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji politiċi sostenibbli dwar il-konsum u l-produzzjoni, inkluża l-Politika tal-Prodott Integrat,

- il-promozzjoni ta' l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, b'approċċ li jieħu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, sabiex l-impatt ambjentali jiġi distakkat mit-tkabbir ekonomiku,

- il-promozzjoni tal-prevenzjoni ta' l-iskart, ta' l-irkupru u riċiklaġġ b'konċentrazzjoni fuq approċċ favur iċ-ċiklu tal-ħajja, fuq tfassil ambjentali u fuq l-iżvilupp ta' swieq ta' riċiklaġġ,

- kontribut lill-implimentazzjoni tal-politika u leġislazzjoni Komunitarji dwar l-iskart, b'mod partikolari tad-Direttiva 75/439/KEE [9], tad-Direttiva 91/689/KE [10], tad-Direttiva 96/59/KE [11], tad-Direttiva 1999/31/KE [12], tad-Direttiva 2000/53/KE [13], tad-Direttiva 2002/95/KE [14], tad-Direttiva 2002/96/KE [15], tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 [16], tad-Direttiva 2006/12/KE [17], tad-Direttiva 2006/21/KE [18] u tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 [19].

11. Objettiv prinċipali "Foresti"

Provvediment, speċjalment permezz ta' network ta' koordinazzjoni ta' l-UE, għal bażi konċiża u sħiħa għall-informazzjoni relevanti għall-politika dwar il-foresti f'relazzjoni mal-bidla fil-klima (l-impatt fuq l-ekosistemi tal-foresti, il-mitigazzjoni, effetti ta' sostituzzjoni), dwar il-bijodiversità (informazzjoni dwar il-linja ta' bażi u żoni protetti tal-foresti), dwar nirien fil-foresti, dwar il-kondizzjonijiet tal-foresti u l-funzjonijiet protettivi tal-foresti (ilma, ħamrija u infrastruttura), kif ukoll kontribut għall-protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien.

11.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- il-promozzjoni tal-ġbir, analiżi u disseminazzjoni ta' informazzjoni relevanti għall-politika dwar il-foresti u l-interazzjonijiet ambjentali;

- il-promozzjoni ta' l-armonizzazzjoni u l-effikaċja ta' attivitajiet ta' monitoraġġ tal-foresti u sistemi ta' ġbir ta' data u l-użu ta' sinerġiji permezz tal-ħolqien ta' rabtiet bejn il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ stabbilit fil-livelli reġjonali, nazzjonali, Komunitarju u globali;

- l-istimulazzjoni ta' sinerġiji bejn kwistjonijiet speċifiċi għall-foresti u inizjattivi u leġislazzjoni ambjentali (eż. l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija, Natura 2000, id-Direttiva 2000/60/KE);

- kontribut għall-immaniġġar sostenibbli tal-foresti, b'mod partikolari, permezz tal-ġbir ta' data relatata ma' Indikaturi Pan-Ewropej għall-Immaniġġar Sostenibbli tal-Foresti kif adottati mill-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE) fil-Laqgħa ta' l-Esperti tas- 7 u t- 8 ta' Ottubru 2002, fi Vjenna, l-Awstrija;

- l-iżvilupp ta' kapaċitajiet fil-livelli nazzjonali u Komunitarju sabiex ikun hemm koordinazzjoni u gwida dwar il-monitoraġġ tal-foresti.

12. Objettiv prinċipali "Innovazzjoni"

Jingħata kontribut għall-iżvilupp u dimostrazzjoni ta' approċċi innovattivi tal-politika, ta' teknoloġiji, ta' metodi u ta' strumenti sabiex jassistu fl-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni ta' Teknoloġija Ambjentali (ETAP).

12.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni

- aktar definizzjoni u ottimizzazzjoni tal-kisba ta' l-ETAP permezz ta' titjib fl-ippjanar u fil-koordinazzjoni, monitoraġġ effettiv tal-progress, l-identifikazzjoni f'waqtha u r-rimedjar ta' lakuni fil-konoxxenza, u l-użu effettiv ta' informazzjoni xjentifika, informazzjoni ekonomika u ta' informazzjoni oħra relevanti għall-politika ta' l-implimentazzjoni;

- il-promozzjoni ta' l-identifikazzjoni, dimostrazzjoni u disseminazzjoni ta' teknoloġiji u prattika innovattivi, permezz ta' azzjonijiet li jkunu komplementari għal dawk tal-Programm Kwadru tal-Kompetittività u Innovazzjoni;

- l-iskambju ta' informazzjoni u prattika tajba bejn atturi fl-UE relattivament għall-kummerċ internazzjonali ta' teknoloġiji ambjentali, għal investimenti għaqlija f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) relatati ma' teknoloġiji ambjentali.

13. Objettiv prinċipali "Approċċi Stateġiċi"

- Il-promozzjoni ta' l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja u t-titjib tal-bażi tal-konoxxenza għall-politika ambjentali.

- L-assigurazzjoni ta' linji politiċi aktar effiċjenti u koerenti.

- Titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta' l-SMEs.

- Provvediment għal strumenti sabiex jiġu żviluppati l-politika u leġislazzjoni ambjentali.

- L-assigurazzjoni ta' superviżjoni adegwata ta' proġetti mill-Kummissjoni.

13.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- titjib tal-valutazzjoni ta' miżuri ġodda ta' politika, b'mod partikolari fl-istadju tal-formulazzjoni inizjali tagħhom jew fir-reviżjoni aktar tard;

- tisħiħ tal-bażi tal-konoxxenza għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika permezz tal-bini ta' Sistema ta' Kondiviżjoni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS) u appoġġ għall-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva għall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (GMES);

- titjib fil-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni ex-post;

- l-identifikazzjoni u t-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

- tiżjid ta' l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq sabiex jinkiseb titjib fil-kombinazzjoni ta' linji politiċi;

- provvediment għal strumenti sabiex jiġu sostnuti l-linji politiċi għall-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari l-indikaturi;

- l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Assistenza għall-Konformità Ambjentali għall-SMEs;

- it-teħid ta' passi xierqa li jużaw assistenza esterna sabiex tkun żviluppata u implimentata politika ambjentali;

- provvediment għal strumenti sabiex tinkiseb assistenza teknika u/jew amministrattiva relatata ma' l-identifikazzjoni, il-preparazzjoni, l-immaniġġar, il-monitoraġġ, il-verifika u s-superviżjoni ta' proġetti, inklużi l-proġetti LIFE III u LIFE+.

14. Objettiv prinċipali "Tmexxija"

Titjib fit-tmexxija ambjentali, inklużi aktar għarfien ta' kwistjonijiet ambjentali u aktar parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali fost iċ-ċittadini Ewropej.

14.1. Qasam prijoritarju ta' azzjoni:

- l-estensjoni tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, inkluża dik ta' gruppi tal-konsumaturi u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika u leġislazzjoni ambjentali.

15. Objettiv prinċipali "NGOs"

Il-promozzjoni ta' l-NGOs li jkunu primarjament attivi fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent fil-livell Ewropew.

15.1. Oqsma prijoritarji ta' azzjoni:

- it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ta' l-NGOs fil-proċess ta' djalogu fil-formazzjoni tal-politika ambjentali u fl-implimentazzjoni tagħha;

- it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ta' l-NGOs fil-proċess ta' standardizzazzjoni Ewropew sabiex tintlaħaq rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati u l-integrazzjoni sistematika ta' l-aspetti ambjentali.

INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI

16. Objettiv prinċipali

L-assigurazzjoni ta' l-iskambju regolari u effikaċi ta' informazzjoni sabiex jiġu provduti l-bażi għal deċiżjonijiet tal-politika dwar l-ambjent u l-aċċessibbiltà għaċ-ċittadini ta' informazzjoni dwar l-istat u t-tendenzi ta' l-ambjent.

16.1. Qasam prijoritarju ta' azzjoni:

- id-disseminazzjoni ta' informazzjoni, l-ekotikkettar, is-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet speċifiċi dwar kwistjonijiet ambjentali, anke dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti.

[1] Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

[2] Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal- 21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40). Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[3] Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal- 15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/21/KE (ĠU L 97, 12.4.2007, p. 42).

[4] Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat- 12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[5] Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l- 24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26). Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

[6] Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat- 3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[7] Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Frar 2006 dwar l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-ilma għall-għawm (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).

[8] Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

[9] Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas- 16 ta' Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta' żejt użat (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91).

[10] Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat- 12 ta' Diċembru 1991 dwar skart perikoluż (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20). Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

[11] Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE tas- 16 ta' Settembru 1996 dwar ir-rimi ta' polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (PCB/PCT) (ĠU L 243, 24.9.1996, p. 31).

[12] Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas- 26 ta' April ta' l-1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[13] Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/673/KE (ĠU L 254, 30.9.2005, p. 69).

[14] Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni ta' l-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/692/KE (ĠU L 283, 14.10.2006, p. 50; MT - Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 13, Volum 31, p. 127).

[15] Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24; MT - Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 15, Volum 7, p. 692). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2003/108/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106).

[16] Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 323/2007 (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 3).

[17] Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9).

[18] Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

[19] Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Abbażi ta' l-informazzjoni li ser tintbagħtilha mill-Istati Membri u fi żmien debitu għar-reviżjoni 2008/2009 tal-Qafas Finanzjarju, il-Kummissjoni ser tagħmel aġġornament dwar l-ispejjeż impenjati jew previsti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak ta' l-Unjoni Ewropea, għall-ġestjoni tan-netwerks Natura 2000, bil-ħsieb li tadatta l-istrumenti Komunitarji u b'mod partikolari l-programm LIFE+, u li tiżgura livell għoli ta' ko-finanzjament Komunitarju.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet