32007R0378


Titolu u referenza

378/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas- 27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

 ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
 ĠU L 4M , 8.1.2008, p. 325–328 (MT)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20070327

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007

tas- 27 ta’ Marzu 2007

li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) Ċerti Stati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari fil-finanzjament tal-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l- 20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [1] Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-politika tagħhom għall-iżvilupp rurali, dawn l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw sistema ta' modulazzjoni volontarja. Din il-possibbiltà għandha tiġi offruta lil dawk l-Istati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà applikata skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 tat- 22 ta' Settembru 2004 li jistabbilixxi r-regoli għat-tranżizzjoni mis-sistema fakultattiva ta' modulazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1259/1999 għas-sistema manadatorja ta' modulazzjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 [2] jew li ngħataw deroga skond l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa li jikkofinanzjaw l-appoġġ Komunitarju. Il-modulazzjoni volontarja għandha tieħu l-forma ta' tnaqqis ta' pagamenti diretti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 [3], bl-użu tal-fondi li jikkorrispondu għal dak it-tnaqqis għall-finanzjament ta' programmi għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Tnaqqis fil-pagamenti diretti applikat fir-rigward ta' modulazzjoni volontarja għandu jkun addizzjonali għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(2) Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni amministrattiva tagħha, ir-regoli applikabbli għal modulazzjoni volontarja għandhom ikunu konformi ma dawk applikabbli għal modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, inkluż il-bażi tal-kalkolu.

(3) Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari ta' bdiewa żgħar, ammont addizzjonali ta' għajnuna għandha tingħata fil-każ ta' applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja kif inhu l-każ għal modulazzjoni obbligatorja. Dak l-ammont addizzjonali għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għall-ewwel EUR 5000 ta' pagamenti diretti, fi ħdan il-limiti li jridu jiġu ffissati mill-Kummissjoni.

(4) Fir-rigward ta' Stati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà użata, l-arranġamenti l-ġodda ta' modulazzjoni volontarja stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom, sa fejn hu possibbli, jevitaw li jiddevjaw mill-mekkaniżmu eżistenti sabiex jevitaw li jingħata bidu għal piż amministrattiv mhux meħtieġ, indħil fl-arraġamenti ta' implimentazzjoni li ilhom fis-seħħ għal ħafna snin u li l-bdiewa adattaw fil-prattika u f'termini ekonomiċi. Għaldaqstant, jidher xieraq li Stati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jingħataw id-dritt li jżommu ċerti xejriet stabbiliti sew tas-sistema attwali tagħhomwaqt li jevitaw trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali fost il-bdiewa. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-arranġamenti l-ġodda jkunu konsistenti max-xejriet ta' implimentazzjoni ta' l-iskema ta' pagament uniku, l-applikazzjoni tar-rati ta' modulazzjoni volontarji u reġjonalment differenzjati għandha tkun disponibbli biss għal Stati Membri li japplikaw l-iskema ta' pagament uniku fil-livell reġjonali kif hu previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(5) L-użu tal-fondi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja ma jistax ikun soġġett għal-limiti tal-kontribut tal-FAEŻR skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Għandha għaldaqstant tiġi prevista deroga minn dak ir-Regolament. Il-ftehim ta' prefinanzjament applikabbli għall-FAEŻR skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [4] ma għandhomx japplikaw għal dawk il-fondi.

(6) Sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjonijiet bir-reqqa ta' l-impatt potenzjali ta' tali modulazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa soġġetti għal tali modulazzjoni u l-effett tal-pożizzjoni komparattiva tagħhom fis-settur agrikolu. L-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandu jkunu monitorjat mill-qrib mill-Istati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ta' l-impatt u l-monitoraġġ bil-ħsieb għal kwalunkwe politika ulterjuri ta' żvilupp.

(7) Il-modulazzjoni volontarja għandha titqies fil-kuntest usà tal-finanzjament Komunitarju għall-iżvilupp rurali. Il-kontribut tagħha għandu jkun analizzat fost oħrajn fid-dawl tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt ta' l-Istati Membri. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni ser tissottometti qabel it-tmiem ta' l-2008 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jippreżenta l-esperjenza li nkisbet s'issa bl-implimentazzjoni tagħha.

(8) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [5].

(9) L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni meta jkun qed jiġi definit il-limitu annwali għall-ispiża ffinanzjata mill-Fond Ewropew ta' Garanzija Agrikolu u l-possibiltà li jiġu adottati regoli dettaljati b'mod partikolari rigward il-modulazzjoni volontarja għandhom jiġu nklużi fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

MODULAZZJONI VOLONTARJA

Artikolu 1

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istati Membri

(a) fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament is-sistema tat-tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 tiġi applikata, jew

(b) li ngħataw deroga bis-saħħa ta' l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa ta' ko-fianazjament ta' l-appoġġ Komunitarju,

jistgħu japplikaw tnaqqis, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "modulazzjoni volontarja", għall-ammonti kollha ta' pagamenti diretti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li tingħata fit-territorju tagħhom f'sena kalendarja mogħtija fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) ta' dak ir-Regolament, matul il-perijodu 2007-2012.

2. L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu disponibbli fl-Istat Membru fejn kienu ġenerati bħala appoġġ Komunitarju għal miżuri taħt l-ipprogrammar ta' żvilupp rurali ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

3. It-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja għandu jsir fuq l-istess bażi ta' kalkolu bħal dak applikabbli għal modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Ammonti addizzjonali mogħtija lil bdiewa taħt l-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għal tali tnaqqis.

Fil-każ ta' applikazzjoni ta' tnaqqis taħt il-modulazzjoni volontarja, il-bdiewa li jirċievu pagamenti diretti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jingħataw ammont ta' għajnuna addizzjonali li għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-persentaġġ tat-tnaqqis għall-ewwel EUR 5000 jew inqas ta' pagamenti diretti. Dak l-ammont addizzjonali ma għandux ikun soġġett għat-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja jew modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

It-total ta' l-ammonti addizzjonali ta' għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu li jistgħu jingħataw fi Stat Membru f'sena kalendarja ma għandhomx ikunu ogħla mil-limiti iffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jipproċedu għal aġġustament ta' perċentwali linearji ta' ammonti addizzjonali ta' għajnuna sabiex jiġu rispettati dawk il-limiti.

4. Kull Stat Membru għandu japplika rata unika ta' modulazzjoni volontarja għal kull sena kalendarja. Ir-rata tista tkun soġġetta għal modifikazzjonijiet progressivi skond passi stabbiliti minn qabel. Ir-rata massima ta' tnaqqis għandha tkun ta' 20 %.

Artikolu 2

1. Fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar u jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rata annwali ta' modulazzjoni volontarja li tapplika għall-perijodu 2007-2012.

2. L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw modulazzjoni volontarja għandhom jagħmlu valutazzjoni sabiex jikkalkulaw l-impatt ta' l-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa kkonċernati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.

L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw rati li huma differenzjati reġjonalment skond l-Artikolu 3(1) għandhom ikejlu wkoll l-impatt ta' tali rati differenzjati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jittrasmettu l-evalwazzjonijiet ta' impatt tagħhom lill-Kummissjoni flimkien mal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

1. Kwalunkwe Stat Membru fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament hija applikata s-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 hija applikata u l-iskema ta' pagament uniku hija applikata fil-livell reġjonali kif previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, jista', għall-perijodu 2007 sa 2012 jagħżel:

(a) b'deroga mill-Artikolu 1(3) li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, u/jew

(b) b'deroga mill-Artikolu 1(4), li japplika rati li huma differenzjati reġjonalment skond il-kriterji oġġettivi. Ir-rata massima għal kwalunkwe mir-reġjuni ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tkun ta' 20 %.

2. B'deroga mill-Artikolu 2(1), kwalunkwe Stat Membru li japplika rati reġjonali differenzjati ta' modulazzjoni volontarja kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jissottometti lill-Kummissjoni, fi żmien xagħrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għall-perijodu 2007-2012, l-informazzjoni li ġejja soġġetta għal eżaminazzjoni mill-Kummissjoni:

(a) ir-rati annwali ta' modulazzjoni volontarja għal kull reġjun u għat-territorju kollu;

(b) l-ammonti annwali totali li għandhom jitnaqqsu taħt modulazzjoni volontarja;

(ċ) fejn xieraq, l-ammonti addizzjonali annwali totali meħtieġa biex ikun kopert l-ammont addizzjonali ta' għajnuna msemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(3);

(d) data statistika u oħra ta' appoġġ użata biex jiġu stabbiliti l-ammonti msemmija fil-punti (b) u (ċ).

3. Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni aġġornament ta' l-ammonti msemmijin fil-paragrafi 2(b) u (ċ). Id-data aġġornata għandha tintbagħat lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena li tippreċedi s-sena kalendarja li għaliha jirreferu l-ammonti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

4. Jekk ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni kjarifiki dwar id-data sottomessa skond il-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għal din it-talba fi żmien xahar.

Artikolu 4

1. L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu fissi mill-Kummissjoni abbażi ta':

(a) kalkolu fil-każ ta' rata unika nazzjonali ta' modulazzjoni volontarja;

(b) fil-każ ta' Stati Membri li japplikaw rati differenzjati reġjonalment, l-ammonti komunikati mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom kif previst fl-Artikolu 3(2) jew l-ammonti aġġornati kif previst fl-Artikolu 3(3).

Dawk l-ammonti netti għandhom jiżdiedu mat-tqassim annwali mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 69(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-limiti msemmija fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ma għandux japplika għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

L-Istati Membri li japplikaw modulazzjoni volontarja u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw mill-qrib l-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-ażjendi, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa. Għal dan il-għan, dawk l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni sat- 30 ta' Settembru 2008.

Artikolu 6

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond:

(a) il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-integrazzjoni ta' modulazzjoni volontarja fil-programmar ta' żvilupp rurali, jew, kif xieraq,

(b) il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-amministrazzjoni finanzjarja ta' modulazzjoni volontarja u l-inkorporazzjoni tas-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 fl-iskema prevista b'dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Qabel il- 31 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, flimkien ma', jekk meħtieġ, proposti xierqa.

KAPITOLU II

EMENDA GĦAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1290/2005 U DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 hu emendat kif ġej:

1) Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 hu sostitwit b'li ġej:

"2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti li, skond l-Artikoli 10(2), 143d u 143e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 [******], huma disponibbli għall-FAEŻR.

2) Fit-termini tal-bidu ta' l-Artikolu 42 it-tieni sentenza hi sostitwita b'dan li ġej:

"B’mod partikolari dawk ir-regoli għandhom jinkludu:"

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Steinbrück

[1] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).

[2] ĠU L 298, 23.9.2004, p. 3

[3] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).

[4] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[******] ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1";

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet