Direttiva tal-Kummissjoni 2007/53/KE tad- 29 ta’ Awwissu 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, li tikkonċerna l-prodotti kożmetiċi, għall-għanijiet li tadatta l-Anness tiegħu għall-progress tekniku (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Official Journal L 226 , 30/08/2007 P. 0019 - 0020
20070829 Direttiva tal-Kummissjoni 2007/53/KE tad- 29 ta’ Awwissu 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, li tikkonċerna l-prodotti kożmetiċi, għall-għanijiet li tadatta l-Anness tiegħu għall-progress tekniku (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas- 27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti kożmetiċi [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 8 2) tagħha, Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku tal-Prodotti tal-Konsumatur, Billi: (1) Il-komposti tal-fluworu bħalissa huma elenkati u soġġetti għal restrizzjonijiet u kondizzjonijiet stipolati fl-Anness III, parti I tad-Direttiva 76/768/KEE. Il-Kumitat Xjentifiku tal-Prodotti tal-Konsumatur (SCCP) huwa ta’ l-opinjoni li jekk l-uniku sors ta’ esponiment għall-fluworur huwa t-toothpaste li fih kontenut ta’ fluworur bejn 1000-1500 ppm, hemm riskju minimu li t-tfal ta’ taħt l-età ta’ sitt snin għandhom jiżviluppaw il-fluorisi, bil-kundizzjoni li tali toothpaste jintuża kif jixraq. Għalhekk, in-numri ta’ referenza 26 sa 43, u n-numri ta’ referenza 47 sa 56 ta’ l-Anness III, Parti 1 għandhom jiġu emendati kif jixraq. (2) Id-Direttiva 76/768/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan. (3) Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE huwa emendat b’konformità ma’ l-Anness ta’ din id-Direttiva. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid- 19 ta’ April 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. B’hekk huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet flimkien ma’ tabella ta’ korrelazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid- 19 ta Jannar 2009. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija ta’ liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Awwissu 2007. Għall-Kummissjoni Günter Verheugen Viċi-President [1] ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/22/KE (ĠU L 101, 18.4.2007, p. 11). -------------------------------------------------- 20070829 ANNESS Fin-numri ta’ referenza 26 sa 43, u numri ta’ referenza 47 sa 56 tal-Parti 1 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE, it-test li ġej hu miżjud wara kull inklużjoni fil-kolonna f: "Għal toothpastes li fihom kontenut ta’ fluworur ta’ bejn 0,1-0,15 % sakemm mhux diġà mmarkati b’kontra-indikazzjonijiet għat-tfal (eż. "għall-użu mill-adulti biss"), it-tikkettjar li ġej huwa obbligatorju: "Tfal ta’ 6 snin jew iżgħar: Uża ammont żgħir daqs piżella għal tindif taħt superviżjoni biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-ammont li jista’ jinbela’. Jekk tieħu wkoll il-fluworur minn sorsi oħra kkonsulta lid-dentist jew lit-tabib tiegħek."" --------------------------------------------------