32007L0045


Titolu u referenza

Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

 ĠU L 247, 21.9.2007, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20070905

Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 5 ta' Settembru 2007.

li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE tad- 19 ta' Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel [3] u 80/232/KEE tal- 15 ta' Jannar 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta mal-firxa ta' kwantitajiet nominali u kapaċitajiet nominali permessi għal ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel [4] jistabbilixxu kwantitajiet nominali għal numru ta' prodotti likwidi jew mhux likwidi mballati minn qabel, bil-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu ta' prodotti skond ir-rekwiżiti ta' dawk id-Direttivi. Għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, il-kwantitajiet nominali nazzjonali huma permessi jeżistu flimkien mal-kwantitajiet nominali Komunitarji. Għal ċerti prodotti, madankollu, il-kwantitajiet nominali Komunitarji huma stabbiliti bl-esklużjoni ta' kwalunkwe kwantita nominali nazzjonali.

(2) Il-bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni f'imballaġġ minn qabel u l-bejgħ bl-imnut fil-livell Komunitarju u nazzjonali jeħtieġu evalwazzjoni ta' kemm għadha adatta l-leġislazzjoni eżistenti.

(3) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tat- 12 ta' Ottubru 2000, fil-kawża C-3/99, Cidrerie Ruwet [5] li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu l-kummerċ ta' mballaġġi minn qabel li għandhom volum nominali mhux inkluż fil-firxa ta' kategoriji Komunitarji, li huma manifatturati u kummerċjalizzati skond il-liġi fi Stat Membru ieħor, sakemm tali projbizzjoni tkun destinata sabiex tissodisfa rekwiżit aktar importanti relatat mal-protezzjoni tal-konsumatur, tapplika mingħajr distinzjoni għal prodotti nazzjonali u importati bl-istess mod u tkun meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit in kwistjoni u tkun proporzjonata għall-objettiv segwit, u sakemm dak l-objettiv ma jistax jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu anqas restrittivi għall-kummerċ intra-Komunitarju.

(4) Il-protezzjoni tal-konsumatur hija ffaċilitata minn leġislazzjoni adottata wara d-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE, b’ mod partikolari d-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi [6]. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva 98/6/KE, għandhom jikkunsidraw jekk huwiex il-każ li jimplimentawha fir-rigward ta' ċerti negozji żgħar li jbiegħu bl-imnut.

(5) Ġie indikat minn stima ta' l-impatt, li tinkludi konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, li, f'ħafna setturi, il-kwantitajiet nominali liberi jżidu l-libertà tal-produtturi li jipprovdu prodotti skond il-gosti tal-konsumaturi u jsaħħu l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u l-prezz fis-suq intern. Madankollu, f'setturi oħrajn, huwa aktar xieraq, fl-interessi tal-konsumaturi u tan-negozju, li għalissa jinżammu l-kwantitajiet nominali obbligatorji.

(6) L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi akkumpanjata minn aktar informazzjoni għall-konsumaturi u għall-industrija sabiex jitjieb l-apprezzament ta' l-ipprezzar unitarju.

(7) Konsegwentement, il-kwantitajiet nominali ġeneralment m'għandhomx ikunu suġġetti għar-regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, u għandu jkun possibbli li l-prodotti mballati minn qabel jitqiegħdu fis-suq fi kwalunkwe kwantità nominali.

(8) Madankollu, f'ċerti setturi, tali deregolamentazzjoni tista' tirriżulta fi spejjeż sproporzjonalment għolja u żejda, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Għalhekk, għal dawk is-setturi, il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti għandha tkun addattata fid-dawl ta' l-esperjenza, b'mod partikolari sabiex tiżgura li l-kwantitajiet nominali Komunitarji ikunu ffissatti għall-inqas fil-każ ta' dawk il-prodotti l-aktar mibjugħa lill-konsumaturi.

(9) Ladarba ż-żamma ta' kwantitajiet nominali obbligatorji għandha titqies bħala deroga, ħlief fis-settur ta' l-inbid u ta' l-ispirti, li għandu karatteristiċi speċifiċi, għandha tiġi perjodikament evalwata mill-ġdid fid-dawl ta' l-esperjenza u sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi. Għas-setturi fejn jistgħu jinżammu l-kwantitajiet nominali obbligatorji, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta' disturbi fil-kundizzjonijiet tas-suq jew destabbilizzazzjoni fl-imġiba tal-konsumaturi, partikolarment dik tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, għandha tqis jekk l-Istati Membri għandhomx ikunu awtorizzati li jżommu l-perjodi tranżitorji u b'mod partikolari li jżommu d-daqsijiet tal-firxa obbligatorja l-aktar mibjugħa.

(10) Fl-Istati Membri fejn il-ħobż imballat minn qabel jikkostitwixxi proporzjon kbir tal-konsum regolari, hemm korrelazzjoni qawwija bejn id-daqs ta' l-imballaġġ u l-piż tal-ħobż. Bħal fil-każ ta' prodotti oħra imballati minn qabel, id-daqsijiet eżistenti tal-pakketti għall-ħobż imballat minn qabel li jintużaw tradizzjonalment mhumiex se jiġu milquta minn din id-Direttiva u jistgħu jibqgħu jintużaw.

(11) Sabiex tiġi promossa t-trasparenza, il-kwantitajiet nominali kollha għall-prodotti mballati minn qabel għandhom jiġu stabbiliti f'test leġislattiv uniku, u konsegwentement id-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jiġu mħassra.

(12) Sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikolari tal-konsumaturi vulnerabbli, bħal dawk b'diżabbiltà u l-anzjani, għandha tingħata l-attenzjoni xierqa sabiex l-indikazzjonijiet ta' piż u volum fuq it-tikketti tal-prodotti għall-konsumatur ikunu leġibbli u viżibbli aktar faċilment fuq l-imballaġġ minn qabel, taħt kondizzjonijiet normali ta' preżentazzjoni.

(13) Għal ċerti prodotti likwidi, id-Direttiva 75/106/KEE tistabbilixxi rekwiżiti metroloġiċi identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE ta' l- 20 ta' Jannar 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-prekondizzjonament bil-piż jew bil-volum ta' ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel [7]. Id-Direttiva 76/211/KEE għandha għalhekk tiġi emendata sabiex tinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-prodotti attwalment koperti mid-Direttiva 75/106/KEE.

(14) Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet [8], l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(15) Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, permezz tat-tħassir tal-kategoriji Komunitarji u permezz ta' l-assigurazzjoni ta' kwantitajiet nominali Komunitarji uniformi fejn meħtieġ, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-kwantitajiet nominali għal prodotti mqiegħda f'imballaġġi minn qabel. Għandha tapplika għal prodotti mballati minn qabel u mballaġġi minn qabel, kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/211/KEE.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal prodotti elenkati fl-Anness li huma mibjugħa fil-ħwienet mingħajr dazju għall-konsum barra l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Moviment liberu tal-merkanzija

1. Ħlief kif diversament previst fl-Artikoli 3 u 4, l-Istati Membri ma jistgħux, abbażi ta' raġunijiet marbuta mal-kwantitajiet nominali ta' l-imballaġġ, jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti mballati minn qabel.

2. Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ddikjarati fit-Trattat u, b'mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Istati Membri li attwalment jippreskrivu kwantitajiet nominali obbligatorji għal ħalib, butir, għaġin xott u kafè jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal- 11 ta' Ottubru 2012

L-Istati Membri li attwalment jippreskrivu kwantitajiet nominali obbligatorji għaz-zokkor abjad jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal- 11 ta' Ottubru 2013.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Artikolu 3

It-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu ta' ċerti prodotti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti elenkati fit-Taqsima 2 ta' l-Anness u mqiegħda f'imballaġġi minn qabel fl-intervalli elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness huma mqiegħda fis-suq biss jekk ikunu mballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness.

Artikolu 4

Dispensers ta' l-aerosol

1. Id-dispensers ta' l-aerosol għandhom jindikaw il-kapaċità totali nominali tal-kontenitur. L-indikazzjoni għandha tkun b'tali mod li ma toħloqx konfużjoni mal-volum nominali tal-kontenut.

2. B'deroga mill-Artikolu 8(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE ta' l- 20 ta' Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mad-dispensers ta' l-aerosol [9], il-prodotti li jinbiegħu f'dispensers ta' l-aerosol ma jeħtiġux li jkunu mmarkati bil-piż nominali tal-kontenut tagħhom.

Artikolu 5

Imballaġġi multipli u mballaġġi minn qabel magħmulin minn imballaġġi individwali li ma jkunux maħsuba sabiex jinbiegħu separatament

1. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, meta żewġ imballaġġi minn qabel, individwali jew aktar jikkostitwixxu mballaġġ multiplu, il-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta l-Anness għandhom japplikaw għal kull imballaġġ minn qabel individwali.

2. Meta mballaġġ minn qabel ikun kompost minn żewġ imballaġġi individwali jew aktar li ma jkunux maħsuba sabiex jinbiegħu separatament, il-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness għandhom japplikaw għall-imballaġġ minn qabel.

KAPITOLU III

TĦASSIR, EMENDA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Tħassir

Id-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jitħassru.

Artikolu 7

Emenda tad-Direttiva 76/211/KEE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/211/KEE, il-kliem "ħlief dawk imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad- 19 ta' Diċembru ta' l-1974 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-preparazzjoni permezz ta' volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel, u" għandhom jiġu mħassra.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom, sal- 11 ta' Ottubru 2008, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mil- 11 ta' April 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9

Rappurtar, komunikazzjoni ta' derogi u monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal- 11 ta' Ottubru 2015, u wara dan, kull għaxar snin. Fejn meħtieġ, dawk ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

2. Sal- 11 ta' April 2009, l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni s-setturi suġġetti għad-deroga msemmija f'dak il-paragrafu, il-perjodu ta' dik id-deroga, il-firxa ta' kwantitajiet nominali obbligatorji applikati u l-intervall konċernat.

3. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 abbażi tal-konklużjonijiet tagħha stess u tar-rapporti mill-Istati Membri kkonċernati. B'mod aktar partikolari, il-Kummissjoni għandha tosserva l-iżviluppi tas-suq wara t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, u għandha tikkunsidra, fid-dawl tar-riżultati ta' dak li jiġi osservat, li tapplika miżuri ta' segwitu fir-rigward ta' din id-Direttiva billi żżomm fis-seħħ kwantitajiet nominali obbligatorji għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 2, 6 u 7 għandhom japplikaw mis- 11 ta' April 2009.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 5 ta' Settembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Poettering

Għall-Kunsill

Il-President

M Lobo antunes

[1] ĠU C 255, 14.10.2005, p. 36.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' Frar 2006 (ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 52), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l- 4 ta' Diċembru 2006 (ĠU C 311 E, 19.12.2006, p. 21), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 10 ta' Mejju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Lulju 2007

[3] ĠU L 42, 15.2.1975, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

[4] ĠU L 51, 25.2.1980, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 87/356/KEE (ĠU L 192, 11.7.1987, p. 48).

[5] [2000] ECR I-8749.

[6] ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27.

[7] ĠU L 46, 21.2.1976, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 78/891/KEE (ĠU L 311, 4.11.1978, p. 21).

[8] ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

[9] ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

--------------------------------------------------

20070905

ANNESS

FIRXA TA' KATEGORIJI TA' KWANTITAJIET NOMINALI TAL-KONTENUTI TA' L-IMBALLAĠĠI MINN QABEL

1. Prodotti mibjugħa skond il-volum (kwantità f' ml)

Inbid bla gass | Fil-medda bejn 100 ml sa 1500 ml it-8 kwantitajiet nominali li ġejjin biss: ml: 100 – 187 – 250 – 375 – 500 – 750 – 1000 – 1500 |

Inbid isfar | Fil-medda bejn 100 ml sa 1500 ml il-kwantita' nominali li ġejja biss: ml: 620 |

Inbid bil-gass | Fil-medda bejn 125 ml sa 1500 ml il-5 kwantitajiet nominali li ġejjin biss: ml: 125 – 200 – 375 – 750 – 1500 |

Inbid likoruż | Fil-medda bejn 100 ml sa 1500 ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss: Ml: 100 – 200 – 375 – 500 – 750 – 1000 – 1500 |

Inbid aromatizzat | Fil-medda bejn 100 ml sa 1500 ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss: ml: 100 – 200 – 375 – 500 — 750 – 1000 – 1500 |

Xorb Spirituż | Fil-medda bejn 100 ml sa 2000 ml id-9 kwantitajiet nominali li ġejjin biss: ml: 100 – 200 – 350 – 500 – 700 – 1000 – 1500 – 1750 – 2000 |

2. Definizzjonijiet tal-prodotti

Inbid bla gass | Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid [1] (Kodiċi CN ex 2204) |

Inbid isfar | Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN ex 2204) b’denominazzjonijiet ta' l-oriġini: "Côtes du Jura", "Arbois", "L’Etoile" u "Château-Chalon" fi fliexken kif definiti fl-Anness I punt 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad- 29 ta' April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid [2] |

Inbid bil-gass | Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) u fl-Anness I punti 15, 16, 17 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN 2204 10) |

Inbid likoruż | Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) u fl-Anness I punt 14 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN 2204 21 – 2204 29) |

Inbid aromatizzat | Inbid aromatizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 ta' l- 10 ta' Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' inbid aromatizzat, ta' xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta' l-inbid [3] (Kodiċi CN 2205) |

Spirti | Spirti kif definiti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 tad- 29 ta' Mejju 1989 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' xorb spirituż [4] (Kodiċi CN 2208) |

[1] ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 179/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

[2] ĠU L 118, 4.5.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 382/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 12).

[3] ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2005.

[4] ĠU L 160, 12.6.1989, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2005.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet