Direttiva tal-Kummissjoni 2007/26/KE tas- 7 ta’ Mejju 2007 li temenda d-Direttiva 2004/6/KE biex testendi l-perjodu tagħha ta’ applikazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Official Journal L 118 , 08/05/2007 P. 0005 - 0006
Direttiva tal-Kummissjoni 2007/26/KE tas- 7 ta’ Mejju 2007 li temenda d-Direttiva 2004/6/KE biex testendi l-perjodu tagħha ta’ applikazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat- 3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, Billi: (1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/15/KE tal- 15 ta’ Frar 2001 dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal skopijiet nutrittivi speċifiċi fl-ikel għal tipi ta’ użu nutrittivi partikolari [2] tispeċifika ċerti kategoriji ta’ sustanzi u ssemmi għal kull wieħed minnhom is-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu nutrittiv partikolari. (2) Fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/15/KE numru ta’ sustanzi miżjuda għal finijiet speċifiċi ta’ nutriment ma’ xi ikel għal użi partikolari ta’ nutriment, li jinbiegħu fis-swieq f'xi Stati Membri, ma setgħux ikunu inklużi fl-Anness li jinsab ma’ dik id-Direttiva minħabba li ma kinux ġew valutati mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF). (3) Sakemm titlesta l-valutazzjoni ta’ dawn is-sustanzi mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/6/KE [3] tistipula li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu fit-territorju tagħhom kummerċ ta’ prodotti li fihom is-sustanzi kkonċernati, sakemm ċerti kondizzjonijiet dwar is-sigurtà tagħhom huma sodisfatti, sal- 31 ta’ Diċembru 2006. (4) Ma kienx possibbli li jitlestew il-valutazzjonijiet u l-azzjonijiet amministrattivi assoċjati qabel il- 31 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, bil-ħsieb li jkun evitat tħarbit bla bżonn fil-kummerċ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ikkonċernati, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/6/KE għandha tkun estiża. (5) Biex ikun ikkunsidrat iż-żmien li hemm bżonn biex titlesta l-valutazzjoni tas-sustanzi mill-EFSA u għat-traspożizzjoni tal-miżuri assoċjati fil-leġislazzjoni nazzjonali huwa xieraq li tkun stipulata estensjoni tal-perjodu ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/6/KE sal- 31 ta’ Diċembru 2009. (6) Id-data tal- 31 ta’ Diċembru 2006 prevista fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/6/KE tqanqal il-ħtieġa li d-Direttiva preżenti għandha tkun trasposta fi żmien perentorju qasir. Sabiex ikunu evitati diffikultajiet fil-kummerċ tal-prodotti li fihom sustanzi elenkati fid-Direttiva 2004/6/KE, huwa xieraq għad-Direttiva preżenti li tibda tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2007. (7) Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 2004/6/KE hi emendata kif ġej: Fl-Artikolu 1, id-data tal-" 31 ta’ Diċembru 2006" tinbidel bil-" 31 ta’ Diċembru 2009". Artikolu 2 It-Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit- 8 ta’ Lulju 2007, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill- 1 ta’ Jannar 2007. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Mejju 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1). [2] ĠU L 52, 22.2.2001, p. 19. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/34/KE (ĠU L 83, 22.3.2006, p. 14). [3] ĠU L 15, 22.1.2004, p. 31. --------------------------------------------------