32007D1149


Titolu u referenza

Deċiżjoni Nru 1149/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-Programm Speċifiku Ġustizzja Ċivili bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja

 ĠU L 257, 3.10.2007, p. 16–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20070925

Deċiżjoni Nru 1149/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 25 ta’ Settembru 2007

li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-Programm Speċifiku "Ġustizzja Ċivili" bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja"

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [1],

Billi:

(1) Il-Komunità stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn ikun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dan l-għan, il-Komunità għandha tadotta, inter alia, miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili meħtieġa sabiex jiffunzjona korrettament is-suq intern.

(2) B’segwitu għall-programmi preċedenti, bħal Grotius [2] u l-proġett Robert Schuman [3], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 743/2002 [4] stabbilixxa, għall-perijodu 2002-2006, qafas Komunitarju ġenerali ta’ attivitajiet sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

(3) Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell fl- 4 u l- 5 ta’ Novembru 2004 adottat il-Programm ta’ l-Aja: Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea [5] (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Programm ta’ l-Aja").

(4) F’Ġunju 2005, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja [6].

(5) L-objettivi ambizzjużi stabbiliti mit-Trattat u mill-Programm ta’ l-Aja għandhom jintlaħqu permezz tat-twaqqif ta’ programm flessibbli u effikaċi li jiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni.

(6) Huwa meħtieġ li l-programm "Ġustizzja Ċivili" jipprovdi għal inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għal azzjonijiet li jappoġġaw organizzazzjonijiet li jippromwovu u jiffaċilitaw il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, u għal azzjonijiet li jappoġġaw proġetti speċifiċi.

(7) Programm ġenerali fil-qasam tal-ġustizzja ċivili ntiż sabiex itejjeb l-apprezzament reċiproku tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri jikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-ostakoli għall-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, li ser itejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

(8) Skond il-Programm ta’ l-Aja, it-tisħiħ tal-konfidenza reċiproka jeħtieġ sforz espliċitu sabiex jittejjeb l-apprezzament reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-sistemi legali differenti. Huwa xieraq li n-networks Ewropej ta’ l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali f’dan ir-rigward.

(9) Din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi għal possibbiltà li jiġu ko-finanzjati l-attivitajiet ta’ ċerti networks Ewropej sa fejn in-nefqa ssir għall-kisba ta’ objettiv ta’ interess ġenerali Ewropew. Madankollu, tali ko-finanzjament m’għandux jimplika li programm futur ikopri tali networks, u lanqas m’għandu jostakola networks Ewropej oħrajn milli jibbenefikaw minn appoġġ għall-attivitajiet tagħhom skond din id-Deċiżjoni.

(10) Kull istituzzjoni, assoċjazzjoni jew network li jirċievu għotja taħt il-programm "Ġustizzja Ċivili" għandhom jirrikonoxxu l-appoġġ Komunitarju riċevut skond il-linji gwida ta’ viżibbiltà li jridu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

(11) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja tajba, għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali tagħha [7].

(12) Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-programm, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(13) Huwa meħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [8] (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament Finanzjarju"), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat- 23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 [9], li jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità, jiġu applikati b’kont meħud tal-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta’ l-istrumenti baġitarji, ta’ limitazzjoni fuq in-numru ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, u tal-proporzjonalità meħtieġa bejn il-livell ta’ riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma’ l-użu tagħhom.

(14) Huwa meħtieġ ukoll li jittieħdu miżuri adegwati għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi, u li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, indebitament imħallsa jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat- 18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [10], ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal- 11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra [11] u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) [12].

(15) Ir-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li jiġi pprovdut att bażiku sabiex ikopri għotjiet operattivi.

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [13], filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma suġġetti għall-proċedura ta’ ġestjoni u dawk li huma suġġetti għall-proċedura konsultattiva, fejn f’ċerti każijiet u bil-ħsieb ta’ aktar effikaċja, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tkun l-aktar adatta.

(17) Skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat mill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tal-kumitat marbuta ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. B’mod partikolari, il-Parlament Ewropew għandu jirċievi l-abbozz tal-programm annwali meta dan ikun sottomess lill-kumitat ta’ l-amministrazzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll jirċievi r-riżultati tal-votazzjoni u sommarji tar-rapporti tal-laqgħat ta’ dak il-kumitat.

(18) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(19) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(20) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta opinjoni dwar din id-Deċiżjoni [14].

(21) Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva u fil-ħin ta’ dan il-Programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2007,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku "Ġustizzja Ċivili", minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Programm", bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja", sabiex jikkontribwixxi għall-istabbiliment progressiv taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

2. Il-Programm għandu jkopri l-perijodu mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013.

3. F’din id-Deċiżjoni, it-terminu "Stat Membru" għandu jfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

1. Dan il-Programm għandu jkollu l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) li jippromwovi l-koperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona Ewropea ġenwina tal-ġustizzja f’materji ċivili bbażata fuq rikonoxximent u fiduċja reċiproċi;

(b) li jippromwovi l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-funzjonament korrett ta’ proċedimenti transkonfinali ċivili fl-Istati Membri;

(ċ) li jtejjeb il-ħajja ta’ kuljum ta’ individwi u ta’ negozji billi jagħmilha possibbli għalihom li jasserixxu drittijiethom fl-Unjoni Ewropea kollha, l-aktar billi jitrawwem l-aċċess għall-ġustizzja;

(d) li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambju ta’ informazzjoni u n-networking bejn l-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali, anke permezz ta’ appoġġ għal taħriġ ġudizzjarju, bil-għan li jittejjeb l-apprezzament reċiproku fost tali awtoritajiet u professjonisti.

2. Mingħajr preġudizzju għall-objettivi u s-setgħat tal-Komunità, l-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-linji politiċi Komunitarji, u b’mod aktar speċifiku għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Il-Programm għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) li jrawwem koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili bl-għan li:

(i) tkun assigurata ċ-ċertezza legali u jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja;

(ii) ikun promoss ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’każijiet ċivili u kummerċjali;

(iii) ikunu eliminati l-ostakoli għal-litigazzjoni transkonfinali maħluqa minn differenzi fil-liġijiet ċivili u fil-proċeduri ċivili u tkun promossa l-kompatibbiltà meħtieġa tal-leġislazzjonijiet għal dak l-għan;

(iv) tkun garantita amministrazzjoni adegwata tal-ġustizzja billi jkunu evitati l-konflitti ta’ ġurisdizzjoni;

(b) li jtejjeb il-konoxxenza reċiproka tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri f’materji ċivili u li jippromwovi u jsaħħaħ in-networking, il-koperazzjoni reċiproka, l-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, ta’ esperjenzi u ta’ l-aħjar prattika;

(ċ) li jiżgura l-implimentazzjoni soda, l-applikazzjoni korretta u konkreta u l-evalwazzjoni ta’ strumenti Komunitarji fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali;

(d) li jtejjeb l-informazzjoni dwar is-sistemi legali fl-Istati Membri u l-aċċess għall-ġustizzja;

(e) li jippromwovi t-taħriġ tal-professjonisti legali fil-liġi ta’ l-Unjoni u tal-Komunità;

(f) li jevalwa l-kondizzjonijiet ġenerali meħtieġa għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura;

(g) li jiffaċilita l-operazzjoni tan-network ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE [15].

Artikolu 4

Azzjonijiet

Bil-ħsieb li jiġu segwiti l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, il-Programm għandu jappoġġa t-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 9(2):

(a) azzjonijiet speċifiċi mibdija mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika u stħarriġ ieħor, formulazzjoni ta’ indikaturi u metodoloġiji komuni, il-ġbir, l-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta’ data u ta’ statistika, seminars, konferenzi u laqgħat ta’ esperti, organizzazzjoni ta’ kampanji u avvenimenti pubbliċi, żvilupp u manutenzjoni ta’ websites, preparazzjoni u disseminazzjoni ta’ materjal ta’ informazzjoni, appoġġ lil networks ta’ esperti nazzjonali u l-amministrazzjoni tagħhom, attivitajiet ta’ analiżi, monitoraġġ u evalwazzjoni; jew

(b) proġetti transnazzjonali speċifiċi ta’ interess Komunitarju ppreżentati minn awtorità jew kwalunkwe korp ieħor ta’ Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali jew organizzazzjoni mhux governattiva, u li jinvolvu fi kwalunkwe każ ta’ l-inqas żewġ Stati Membri jew ta’ l-inqas Stat Membru wieħed u Stat ieħor li jista’ jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat; jew

(ċ) attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħrajn li jsegwu għan ta’ interess Ewropew ġenerali skond l-objettivi ġenerali tal-Programm taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali; jew

(d) għotjiet operattivi bħala ko-finanzjament ta’ nfiq assoċjat mal-programmi permanenti ta’ ħidma tan-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u n-Network tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi ta’ l-Unjoni Ewropea, sa fejn in-nefqa ssir fis-segwitu ta’ objettiv ta’ interess ġenerali Ewropew bil-promozzjoni ta’ skambji ta’ fehmiet u esperjenza f’materji dwar il-każistika, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-membri ta’ dawk in-networks fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji u/jew konsultattivi tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni

1. Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Programm: il-pajjiżi fil-proċess ta’ l-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni jew fil-protokolli addizzjonali tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi.

2. Il-proġetti jistgħu jassoċjaw professjonisti legali mid-Danimarka, minn pajjiżi kandidati li ma jipparteċipawx fil-Programm fejn dan jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tagħhom għall-adeżjoni, jew minn pajjiżi terzi oħrajn li ma jipparteċipawx fil-Programm, fejn dan iservi l-għan tal-proġetti.

Artikolu 6

Gruppi ta’ Mira

1. Il-Programm huwa mmirat lejn, inter alia, professjonisti legali, l-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni b’mod ġenerali.

2. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, "professjonisti legali" tfisser, inter alia, imħallfin, prosekuturi, avukati, konsulenti legali, nutara, persunal akkademiku u xjentifiku, uffiċjali tal-ministeri, uffiċjali tal-qorti, bailiffs, interpreti tal-qorti u professjonisti oħrajn assoċjati mal-ġudikatura fil-qasam tal-liġi ċivili.

Artikolu 7

Aċċess għall-Programm

L-aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għal istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, inklużi organizzazzjonijiet professjonali, universitajiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka u istituzzjonijiet ta’ taħriġ legali u ġudizzjarju għal professjonisti legali, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 8

Tipi ta’ intervent

1. Il-finanzjament Komunitarju jista’ jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a) għotjiet;

(b) kuntratti ta’ akkwist pubbliku.

2. L-għotjiet Komunitarji għandhom jingħataw wara sejħiet għal proposti u għandhom ikunu pprovduti permezz ta’ għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet. Ir-rata massima ta’ ko-finanzjament għandha tiġi speċifikata fil-programmi ta’ ħidma annwali.

3. Addizzjonalment, għandu jsir provvediment għall-infiq għal miżuri ta’ akkumpanjament, permezz ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, f’liema każ il-finanzjament Komunitarju għandu jkopri l-akkwist ta’ merkanzija u ta’ servizzi. Dan għandu jkopri, inter alia, l-infiq fuq informazzjoni u komunikazzjoni, preparazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni ta’ proġetti, linji politiċi, programmi u leġislazzjoni.

Artikolu 9

Miżuri implimentattivi

1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament Finanzjarju.

2. Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta’ l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2, tadotta programm ta’ ħidma annwali li jispeċifika l-objettivi speċifiċi tiegħu, il-prijoritajiet tematiċi, il-miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 8(3) u, jekk meħtieġ, lista ta’ azzjonijiet oħrajn.

3. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

4. Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ għoti relatati ma’ għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-kriterji li ġejjin:

(a) il-konformità ta’ l-azzjoni proposta mal-programm ta’ ħidma annwali, l-objettivi mniżżla fl-Artikoli 2 u 3 u l-azzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4;

(b) il-kwalità ta’ l-azzjoni proposta fir-rigward tad-disinn, ta’ l-organizzazzjoni, tal-preżentazzjoni tagħha u tar-riżultati mistennija minnha;

(ċ) l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u kemm ikun xieraq fir-rigward tar-riżultati mistennija;

(d) l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-objettivi mniżżla fl-Artikoli 2 u 3 u fuq l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

5. L-applikazzjonijiet għall-għotjiet operattivi msemmija fl-Artikolu 4(d) għandhom jiġu valutati fid-dawl ta’:

(a) il-konsistenza ma’ l-objettivi tal-Programm;

(b) il-kwalità ta’ l-attivitajiet ippjanati;

(ċ) l-effett multiplikatur probabbli ta’ dawn l-attivitajiet fuq il-pubbliku;

(d) l-impatt ġeografiku ta’ l-attivitajiet imwettqa;

(e) l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi kkonċernati;

(f) il-proporzjon spiża/benefiċċju ta’ l-attività proposta.

6. Il-Kummissjoni għandha teżamina kull wieħed mill-azzjonijiet proposti ippreżentati lilha taħt l-Artikolu 4(b) u (ċ). Id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 10

Kumitat Amministrattiv

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat Amministrattiv.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 11

Kumitat Konsultattiv

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat Konsultattiv.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Komplementarjetà

1. Għandhom ikunu mfittxija s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma’ strumenti Komunitarji oħrajn, b’mod partikolari mal-Programm Speċifiku "Ġustizzja Kriminali" bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja", u mal-Programmi Ġenerali "Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet" u "Solidarjetà u Ġestjoni ta’ Flussi ta’ Migrazzjoni". L-element statistiku ta’ l-informazzjoni dwar il-ġustizzja ċivili għandu jiġi żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, bl-użu, skond kif ikun meħtieġ, tal-Programm Statistiku Komunitarju.

2. Il-Programm jista’ b’mod eċċezzjonali jikkondividi r-riżorsi ma’ strumenti Komunitarji oħra, b’mod partikolari mal-Programm Speċifiku "Ġustizzja Kriminali", bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja", sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jissodisfaw l-objettivi taż-żewġ Programmi.

3. L-operazzjonijiet finanzjati taħt din id-Deċiżjoni m’għandhomx jirċievu appoġġ finanzjarju għall-istess għan minn strumenti finanzjarji oħrajn Komunitarji u/jew ta’ l-Unjoni. Il-benefiċjarji tal-Programm għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u minn sorsi oħrajn, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għall-finanzjament.

Artikolu 13

Riżorsi baġitarji

1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni huwa stabbilit għal EUR 109300000 għall-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1.

2. Ir-riżorsi tal-baġit allokati għall-azzjonijiet previsti fil-Programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 14

Monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-Programm, il-benefiċjarju jippreżenta rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma u li jiġi ppreżentat rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta’ l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rapporti għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri.

2. Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Qorti ta’ l-Awdituri f’koperazzjoni mal-korpi jew dipartimenti tal-verifika nazzjonali kompetenti skond l-Artikolu 248 tat-Trattat, jew għal kwalunkwe ispezzjoni mwettqa skond il-punt (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 279(1) tat-Trattat, uffiċjali u persunal ieħor tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki permezz ta’ kampjuni, fuq azzjonijiet ffinanzjati taħt il-Programm.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm jipprovdu b’mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew minn kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ fuq il-post, u għall-verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri.

4. Għal perijodu ta’ ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju ta’ appoġġ finanzjarju jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta’ sostenn fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.

5. Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-verifiki kampjun imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk meħtieġ, l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta’ l-allokazzjoni ta’ l-appoġġ finanzjarju oriġinarjament approvata, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-pagamenti, jiġu aġġustati.

6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kull pass ieħor meħtieġ sabiex jivverifika li l-azzjonijiet ffinanzjati jitwettqu korrettament u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji Komunitarji

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz ta’ l-irkupru ta’ l-ammonti mħallsa skorrettament u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE) Nru 1073/1999.

2. Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż ksur ta’ obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-Programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati mill-Komunitajiet Ewropej, b’xi nefqa mhux ġustifikata.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk issib irregolaritajiet, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju għal azzjoni jiġi mnaqqas, sospiż jew irkuprat, inkluż nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew mad-deċiżjoni individwali jew mal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet suġġetta għal tibdil li jmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett.

4. Jekk il-limiti ta’ żmien ma ġewx osservati jew jekk parti biss mill-appoġġ finanzjarju allokat tkun ġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni, il-benefiċjarju għandu jippreżenta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ finanzjarju li jkun fadal jista’ jiġi kkanċellat u li jintalbu lura s-somom diġà mħallsa.

5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe pagament indebitament imħallas jitħallas lura lill-Kummissjoni. Ma’ kwalunkwe somma mhux rimborsata f’waqtha għandhom jiżdiedu l-interessi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 16

Evalwazzjoni

1. Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat regolarment sabiex tkun segwita l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet imwettqa taħtu.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.

3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

(a) rendikont annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm;

(b) rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm, anke dwar il-ħidma mwettqa mill-benefiċjarji ta’ għotjiet operattivi msemmija fl-Artikolu 4(d), mhux aktar tard mill- 31 ta’ Marzu 2011;

(ċ) komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm mhux aktar tard mit- 30 ta’ Awwissu 2012;

(d) rapport ta’ evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 17

Pubblikazzjoni ta’ azzjonijiet

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta’ l-azzjonijiet ffinanzjati taħt il-Programm b’deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett.

Artikolu 18

Viżibbiltà

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida sabiex tiżgura l-viżibbiltà ta’ l-appoġġ finanzjarju mogħti taħt din id-Deċiżjoni.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2007.

Magħmul fi Strasburgu, 25 ta’ Settembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pöttering

Għall-Kunsill

Il-President

M. Lobo Antunes

[1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l- 14 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 171 E, 24.7.2007, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Settembru 2007.

[2] Azzjoni Konġunta 96/636/ĠAI tat- 28 ta’ Ottubru 1996 adottata mill-Kunsill abbażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar programm ta’ inċentivi u skambji għall-professjonisti legali ("Grotius") (ĠU L 287, 8.11.1996, p. 3); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 290/2001 tat- 12 ta’ Frar 2001 li jestendi l-programm ta’ inċentivi u skambji għall-professjonisti legali fil-qasam tal-liġi ċivili ("Grotius-civil") (ĠU L 43, 14.2.2001, p. 1).

[3] Deċiżjoni Nru 1496/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni li jsaħħaħ l-għarfien tal-liġi Komunitarja fi ħdan il-professjonijiet legali (Proġett Robert Schuman) (ĠU L 196, 14.7.1998, p. 24).

[4] ĠU L 115, 1.5.2002, p. 1.

[5] ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

[6] ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

[7] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[9] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).

[10] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[11] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[12] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[13] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[14] ĠU C 69, 21.3.2006, p. 1.

[15] ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet