2007/588/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 24 ta’ Awwissu 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2007/554/KE rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4058) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Official Journal L 220 , 25/08/2007 P. 0027 - 0029
20070824 Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 24 ta’ Awwissu 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2007/554/KE rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4058) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2007/588/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal- 11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas- 26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha, Billi: (1) Ġie ddikjarat li kien hemm tfaqqigħa tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit. (2) Il-qagħda tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit tista' tipperikola l-merħliet fl-Istati Membri l-oħra, fid-dawl tal-kummerċ ta' annimali bijungulati ħajjin u tat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tagħhom. (3) Minħabba l-qagħda tal-marda fir-Renju Unit, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE [3] biex issaħħaħ il-miżuri ta' kontroll li ħa r-Renju Unit għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. (4) Madankollu, bħalissa huwa possibbli li jiġu aġġustati ż-żoni taħt restrizzjoni biex jitqiesu r-riżultati ta’ l-ittraċċar ta’ kuntatti possibbli ma’ l-irziezet infettatti u l-kontrolli implimentati fuq il-moviment ta’ l-annimali u l-prodotti. (5) Bħalissa u msejjes fuq it-tagħrif ipprovdut mir-Renju Unit, iż-żoni mniżżla fl-Anness I u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/554/KE għandhom jinkludu ż-żoni ta’ ħarsien madwar it-tifqigħat kkonfermati u ż-żona ta’ sorveljanza konsolidata fl-inħawi f’Surrey, stabbiliti skond id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad- 29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka id-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE [4]. (6) Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika u l-miżuri ta’ kontroll effettivi implimentati fiż-żona ta' riskju għoli, il-modifika msemmija hawn fuq tneħħi ż-żona ta' lqugħ bejn iż-żona mnaqqsa ta' riskju għoli u l-parti bla mard tar-Renju Unit. Madankollu jinħtieġ li l-parti tal-Gran Brittanja barra ż-żona ta’ sorveljanza tapplika l-istess superviżjoni veterinarja supplimentari u ċertifikazzjoni bħal dik fis-seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni 2007/554/KE. (7) Barra minn hekk, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet mar-Renju Unit kollu fuq il-moviment ta' l-equidae u l-ħtieġa li t-tajers tal-vetturi jitbixxew b'diżinfettant. (8) Il-qagħda għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali skedata għall- 11 ta’ Settembru 2007, u fejn ikun meħtieġ, il-miżuri għandhom jiġu addattati. (9) Id-Deċiżjoni 2007/554/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan. (10) Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2007/554/KE hija emendata kif ġej: (1) L-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 12 jitħassru. (2) F'Artikolu 17, " 25 ta’ Awwissu 2007" tinbidel bi " 15 ta’ Settembru 2007". (3) L-Annessi I u II jinbidlu bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ biex iġibuhom konformi ma' din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Awwissu 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33; verżjoni kkoreġuta ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12). [2] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14). [3] ĠU L 210, 10.8.2007, p. 36. [4] ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352). -------------------------------------------------- 20070824 ANNESS " 20070824 ANNESS I Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit: Iż-żoni ta’ ħarsien u ż-żona ta’ sorveljanza konsolidata madwarhom huma stabbiliti skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/85/KE fil-Kontea ta’ Surrey fil-Gran Brittanja. 20070824 ANNESS II Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit: Iż-żoni ta’ ħarsien u ż-żona ta’ sorveljanza konsolidata madwarhom huma stabbiliti skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/85/KE fil-Kontea ta’ Surrey fil-Gran Brittanja. " --------------------------------------------------